EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32013R1302
Regulation (EU) No 1302/2013 of the european Parliament and of the Council of 17 December 2013 amending Regulation (EC) No 1082/2006 on a European grouping of territorial cooperation (EGTC) as regards the clarification, simplification and improvement of the establishment and functioning of such groupings
Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta’ Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti
Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta’ Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti
OJ L 347, 20.12.2013, p. 303–319
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
20.12.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 347/303 |
REGOLAMENT (UE) Nru 1302/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-17 ta’ Diċembru 2013
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1) |
Skont ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), fid-29 ta’ Lulju 2011 il-Kummissjoni adottat rapport għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' dak ir-Regolament. F'dak ir-rapport, il-Kummissjoni ddikjarat l-intenzjoni tagħha li tipproponi numru limitat ta' modifiki għar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 sabiex tiffaċilita t-twaqqif u t-tħaddim tar-REKT, kif ukoll li tipproponi kjarifika ta' ċerti dispożizzjonijiet eżistenti. L-ostakoli għat-twaqqif ta' REKT ġodda għandhom jitneħħew filwaqt li tinżamm il-kontinwità f'dawk eżistenti u tkun iffaċilitata l-ħidma tagħhom, biex b’hekk ikun permess użu aktar estensiv ta’ REKT sabiex jikkontribwixxu għal koerenza fil-politika u kooperazzjoni aħjar fost l-entitajiet pubbliċi mingħajr ma jinħoloq piż addizzjonali fuq l-amministrazzjonijiet fil-livell nazzjonali jew tal-Unjoni. |
(2) |
L-istabbiliment ta' REKT huwa kwistjoni li għandha tiġi deċiża mill-membri tiegħu u l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom, u mhux awtomatikament marbut ma' kwalunkwe vantaġġi legali jew finanzjarji fil-livell tal-Unjoni. |
(3) |
It-Trattat ta' Lisbona żied dimensjoni territorjali għall-Politika ta' Koeżjoni u "Komunità" ġiet sostitwita b'"Unjoni". It-terminoloġija l-ġdida għandha għalhekk tiġi introdotta fir-Regolament (KE) Nru 1082/2006. |
(4) |
Ir-REKT jista’ jkollhom il-potenzjal li jsaħħu l-promozzjoni u l-ilħuq ta’ żvilupp armonjuż tal-Unjoni bħala ħaġa waħda u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tar-reġjuni tagħha, b’mod partikolari, u li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv ("strateġija Ewropa 2020"). Ir-REKT jistgħu jikkontribwixxu wkoll b’mod pożittiv għat-tnaqqis tal-ostakli għall-kooperazzjoni territorjali bejn ir-reġjuni li jsofru minn żvantaġġi naturali jew demografiċi severi u permanenti, inkluża s-sitwazzjoni speċifika tar-reġjuni l-aktar imbiegħda, u jistgħu jkunu strumentali fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn pajjiżi terzi, pajjiżi u territorji extra-Ewropej ("OCTs") u reġjuni tal-fruntiera tal-Unjoni, inkluż permezz tal-użu ta’ programmi ta’ kooperazzjoni esterna tal-Unjoni. |
(5) |
L-esperjenza mir-REKT stabbiliti s'issa turi li, bħala strument legali, ir-REKT qed jintuża wkoll għall-kooperazzjoni fil-kuntest ta' politiki tal-Unjoni li mhumiex il-Politika ta' Koeżjoni, inkluż billi jiġu implimentati programmi jew partijiet ta' programmi bl-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni li mhuwiex dak taħt il-Politika ta' Koeżjoni. L-effiċjenza u l-effettività tar-REKT għandhom ikunu mtejbin bit-twessigħ fin-natura tar-REKT, filwaqt li jitneħħew l-ostakli persistenti u jiġu ffaċilitati l-istabbiliment u l-operazzjoni ta' REKT filwaqt li tinżamm kif inhi l-kapaċità tal-Istati Membri li jillimitaw l-azzjonijiet li r-REKT jistgħu jwettqu mingħajr l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni. Skont ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 ir-REKT għandhom f’kull Stat Membru l-kapaċità ġuridika l-aktar estensiva li tingħata lil persuni ġuridiċi taħt id-dritt nazzjonali ta' dak l-Istat Membru, inkluż il-possibbiltà li jikkonkludu ftehimiet ma' REKT oħra, jew entitajiet ġuridiċi oħra, għall-finijiet li jwettqu proġetti ta' kooperazzjoni konġunti biex, inter alia, jipprovdu għall-operazzjoni aktar effiċjenti tal-istrateġiji makroreġjonali. |
(6) |
Bħala definizzjoni, ir-REKT joperaw f'aktar minn Stat Membru wieħed. Konsegwentement, ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 jipprevedi l-possibbiltà li konvenzjoni u statuti tar-REKT jiddikjaraw il-liġi applikabbli fuq ċerti kwistjonijiet. Il-każijiet fejn tali dikjarazzjonijiet għandhom jagħtu prijorità, fi ħdan il-ġerarkija tal-liġi applikabbli stipulata f'dak ir-Regolament, lil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri fejn ir-REKT għandu l-uffiċċju reġistrat tiegħu għandhom jiġu ċċarati. Fl-istess ħin, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar il-liġi applikabbli għandhom jiġu estiżi għall-atti u l-attivitajiet ta’ REKT li huma soġġetti għal skrutinju ġuridiku mill-Istati Membri f'kull każ individwali. |
(7) |
Bħala riżultat ta' differenzi fl-istatus tal-korpi lokali u reġjonali fl-Istati Membri, il-kompetenzi li jkunu reġjonali fuq naħa tal-fruntiera, jistgħu jkunu nazzjonali fuq in-naħa l-oħra, speċjalment fi Stati Membri iżgħar jew ċentralizzati. Konsegwentement, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jsiru membri ta' REKT flimkien mal-Istat Membru. |
(8) |
Filwaqt li r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 jippermetti li korpi stabbiliti taħt il-liġi privata jsiru membri ta’ REKT sakemm dawn huma kkunsidrati bħala korpi rregolati mil-liġi pubblika kif definit fid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), għandu jkun possibbli li r-REKT jintużaw fil-futur biex b'mod konġunt jimmaniġġaw is-servizzi pubbliċi b’konċentrazzjoni partikolari fuq is-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali jew fuq l-infrastruttura. Atturi oħra tal-liġi privata jew pubblika għandhom għalhekk ikunu jistgħu wkoll isiru membri ta’ REKT. Konsegwentement, 'impriżi pubbliċi' kif definit fid-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u impriżi inkarigati bl-operazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, f’oqsma bħalma huma l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-kura medika, il-ħtiġijiet soċjali li għandhom x'jaqsmu mal-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul, il-kura tat-tfal, l-aċċess għas-suq tax-xogħol u l-integrazzjoni mill-ġdid fih, l-akkomodazzjoni soċjali u l-kura u l-inklużjoni soċjali tal-gruppi vulnerabbli, għandhom ikunu koperti wkoll. |
(9) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 ma fihx regoli dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta' entitajiet minn pajjiżi terzi f'REKT iffurmat skont dak ir-Regolament, jiġifieri bejn membri minn tal-inqas żewġ Stati Membri. Minħabba l-allinjament ulterjuri tar-regoli dwar il-kooperazzjoni bejn Stat Membru wieħed jew aktar u pajjiż terz wieħed jew aktar, fil-biċċa l-kbira fil-kuntest tal-kooperazzjoni transkonfinali taħt l-Istrument Ewropew tal-Viċinat (ENI) u l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II), iżda wkoll fil-kuntest tal-finanzjament komplementari mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, u ta' kooperazzjoni transnazzjonali taħt il-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea, fejn l-allokazzjonijiet mill-ENI u l-IPA II għandhom jiġu ttrasferiti biex tali allokazzjonijiet jingħaqdu ma' allokazzjonijiet mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) taħt programmi ta' kooperazzjoni konġunta, għandu jkun hemm dispożizzjonijiet espliċiti dwar il-parteċipazzjoni ta' membri minn pajjiżi terzi li jkunu ġirien ta' Stat Membru, inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda tiegħu fir-REKT stabbiliti bejn tal-inqas żewġ Stati Membri. Dan għandu jkun possibbli fejn il-leġiżlazzjoni ta' pajjiż terz, jew ftehimiet bejn tal-inqas Stat Membru wieħed parteċipanti u pajjiż terz, jippermettu dan. |
(10) |
Sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni u għalhekk sabiex tissaħħaħ, b'mod partikolari, l-effettività tal-kooperazzjoni territorjali, inkluż waħda jew aktar mil-linji ta' kooperazzjoni transkonfinali, dik transnazzjonali u dik interreġjonali, bejn il-membri tar-REKT, il-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi ġirien ta' Stat Membru, inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda tiegħu, għandha tkun permessa f'REKT. Operazzjonijiet taħt il-programmi tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea, meta dawn ikunu kofinanzjati mill-Unjoni, għandhom għalhekk, ikomplu jsegwu l-objettivi tal-Politika ta' Koeżjoni tal-Unjoni, anke jekk jiġu implimentati, parzjalment jew fl-intier tagħhom, barra t-territorju tal-Unjoni, u, bħala konsegwenza, l-attivitajiet ta' REKT jitwettqu wkoll tal-inqas sa ċertu punt barra t-territorju tal-Unjoni. F'dan il-kuntest, u fejn rilevanti, il-kontribuzzjoni mill-attivitajiet ta' REKT li jkollu wkoll membri minn pajjiżi terzi li jkunu ġirien ta' mill-inqas Stat Membu wieħed, inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda tiegħu, għall-objettivi tal-politiki tal-Unjoni dwar l-azzjoni esterna, bħall-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp jew tal-kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika, tibqa' sempliċiment inċidentali, peress li ċ-ċentru ta' gravità tal-programmi ta' kooperazzjoni kkonċernati u konsegwentement l-attivitajiet ta' dak ir-REKT għandhom jiffukaw primarjament fuq l-objettivi tal-Politika ta' Koeżjoni tal-Unjoni. Konsegwentement, kwalunkwe objettiv ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp jew ta' kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika bejn Stat Membru wieħed biss, inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda tiegħu, u pajjiż terz wieħed jew aktar huwa biss anċillari għall-objettivi ta' kooperazzjoni territorjali bbażati fuq il-politika ta' koeżjoni bejn l-Istati Membri, inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda tagħhom. Għaldaqstant, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) huwa bażi legali suffiċjenti għall-adozzjoni ta' dan ir-Regolament. |
(11) |
Wara l-awtorizzazzjoni għall-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali, subreġjonali u lokali, kif ukoll, fejn xieraq, korpi jew istituzzjonijiet pubbliċi oħra, inklużi l-fornituri tas-servizzi pubbliċi, minn OCT f’REKT, abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE (6) u meta jitqies il-fatt li, fil-każ tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, allokazzjoni finanzjarja addizzjonali speċjali taħt il-qafas finanzjarju pluriennali għandha ssaħħaħ il-kooperazzjoni tar-reġjuni l-aktar mbiegħda tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi ġirien u wħud mill-OTCs elenkati fl-Anness II tat-TFUE u li huma ġirien ta' dawk ir-reġjuni l-aktar mbiegħda, ir-REKT, bħala strument ġuridiku, għandu jinfetaħ ukoll għal membri mill-OTCs. Fl-interess taċ-ċertezza u t-trasparenza ġuridika, għandhom jiġu stabbiliti proċeduri ta' approvazzjoni speċjali għall-adeżjoni ta' membri minn OCT għal REKT inkluż f'dan ir-rigward, fejn meħtieġ, regoli speċjali dwar il-liġi applikabbli għar-REKT rilevanti li jkollu membri minn OCT. |
(12) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 jiddistingwi bejn il-konvenzjoni li tistabbilixxi l-elementi li jikkostitwixxu l-ġejjieni tar-REKT, u l-Istatuti li jistabbilixxu l-elementi tal-implimentazzjoni. Madankollu, taħt dak ir-Regolament l-istatuti fil-preżent għandu jkollhom id-dispożizzjonijiet kollha tal-konvenzjoni. Għalkemm kemm il-konvenzjoni kif ukoll l-istatuti għandhom jintbagħtu lill-Istati Membri, dawn huma dokumenti distinti, u l-proċedura ta' approvazzjoni għandha tkun limitata għall-konvenzjoni. Barra minn hekk, xi elementi attwalment koperti mill-istatuti għandhom ikunu minflok koperti mill-konvenzjoni. |
(13) |
L-esperjenza miksuba mill-istabbiliment tar-REKT turi li l-perjodu ta' tliet xhur għall-proċedura ta' approvazzjoni mill-Istati Membri, rarament ġie rispettat. Dak il-perjodu għandu għalhekk ikun estiż għal sitt xhur. Min-naħa l-oħra, biex tkun żgurata ċertezza ġuridika wara dan il-perjodu, il-konvenzjoni għandha titqies li tkun approvata permezz ta' ftehim taċitu, fejn applikabbli, skont id-dritt nazzjonali tal-Istati Membri kkonċernati, inklużi r-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom. Madankollu, l-Istat Membru fejn se jkun jinsab l-uffiċċju rreġistrat propost tar-REKT għandu jkollu japprova l-konvenzjoni formalment. Filwaqt li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu japplikaw regoli nazzjonali dwar il-proċedura għall-approvazzjoni tal-parteċipazzjoni ta' xi membru prospettiv fir-REKT jew biex joħolqu regoli speċifiċi fil-qafas tar-regoli nazzjonali li jimplimentaw r-Regolament (KE) Nru 1082/2006, derogi għal dispożizzjoni dwar ftehim taċitu wara l-perjodu ta' sitt xhur għandhom jiġu preklużi, ħlief kif ipprovdut f’dan ir-Regolament. |
(14) |
Il-raġunijiet li għalihom l-Istati Membri ma japprovawx parteċipazzjoni ta' xi membru prospettiv jew il-konvenzjoni għandhom jiġu stabbiliti. Madankollu, kwalunkwe liġi nazzjonali li tirrikjedi regoli jew proċeduri li huma differenti minn dawk previsti fir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 ma għandhiex titqies meta ssir id-deċiżjoni dwar dik l-approvazzjoni. |
(15) |
Peress li r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 ma jistax japplika f'pajjiżi terzi, l-Istat Membru fejn se jkun il-post tal-uffiċċju rreġistrat propost tar-REKT għandu, meta jkun qed japprova l-parteċipazzjoni ta' membri prospettivi minn pajjiżi terzi, stabbiliti taħt il-liġi ta' dawk il-pajjiżi terzi, jissodisfa lilu nnifsu, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri li taħt il-liġijiet tagħhom ikunu ġew stabbiliti membri prospettivi tar-REKT, li l-pajjiżi terzi applikaw kundizzjonijiet u proċeduri ekwivalenti għal dawk stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 jew li aġixxew skont ftehimiet bilaterali jew multilaterali internazzjonali konklużi bejn l-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, kemm jekk huma wkoll Stati Membri tal-Unjoni u kemm jekk mhumiex, abbażi tal-Konvenzjoni Qafas Ewropea dwar il-Kooperazzjoni Transkonfinali bejn Komunitajiet jew Awtoritajiet Territorjali, iffirmata f'Madrid fil-21 ta' Mejju 1980, u l-Protokolli addizzjonali adottati bis-saħħa tagħha. Fil-każ tal-involviment ta' bosta Stati Membri tal-Unjoni, u ta’ pajjiż terz wieħed jew aktar, għandu jkun biżżejjed li ftehim bħal dan ikun ġie konkluż bejn il-pajjiż terz rispettiv, u Stat Membru tal-Unjoni parteċipant wieħed. |
(16) |
Sabiex tinkoraġġixxi l-adeżjoni ta' membri ġodda ma' REKT eżistenti, il-proċedura li temenda konvenzjonijiet f'każijiet bħal dawn għandha tiġi ssimplifikata. Konsegwentement, fil-każ ta' membru ġdid minn Stat Membru li jkun diġà approva l-konvenzjoni, tali emendi ma għandhomx jiġu nnotifikati lill-Istati Membri parteċipanti kollha, iżda biss lill-Istat Membru li skont il-liġijiet tiegħu jkun ġie stabbilit il-membru prospettiv ġdid u l-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu. Kwalunkwe emenda sussegwenti tal-konvenzjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Istati Membri kollha kkonċernati. Madankollu, tali simplifikazzjoni tal-proċedura ta' emenda ma għandhiex tapplika fil-każ ta' Membru prospettiv ġdid minn Stat Membru li ma jkunx diġà approva l-konvenzjoni, pajjiż terz, jew OCT, għax hu neċessarju biex l-Istati Membri parteċipanti kollha jkunu jistgħu jivverifikaw jekk din l-adeżjoni hijiex konformi mal-interess pubbliku jew mal-politika pubblika tiegħu. |
(17) |
Minħabba r-rabtiet bejn l-Istati Membri u l-OCTs, il-proċeduri għall-approvazzjoni tal-parteċipazzjoni ta' membri prospettivi mill-OCTs għandhom jinvolvu lil dawk l-Istati Membri. Skont ir-relazzjoni speċifika ta' governanza bejn l-Istat Membru u l-OCT, l-Istat Membru għandu jew japprova l-parteċipazzjoni tal-membru prospettiv mill-OCT jew jipprovdi konferma bil-miktub lill-Istat Membru, fejn ser ikun l-uffiċċju rreġistrat propost tar-REKT, li l-awtoritajiet kompetenti fl-OCT ikunu approvaw il-parteċipazzjoni tal-membru prospettiv skont kondizzjonijiet u proċeduri ekwivalenti għal dawk stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1082/2006. L-istess proċedura għandha tapplika fil-każ li membru prospettiv minn OCT ikun jixtieq jingħaqad ma' REKT eżistenti. |
(18) |
Peress li l-istatuti ma għandhomx jinkludu aktar id-dispożizzjonijiet kollha tal-konvenzjoni, kemm il-konvenzjoni kif ukoll l-Istatuti għandhom jiġu rreġistrati, jew ippubblikati, jew it-tnejn li huma. Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ trasparenza, avviż li jikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi t-twaqqif ta' REKT, għandu jiġi ppubblikat fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fl-interessi tal-konsistenza, dak l-avviż għandu jinkludi dettalji stipulati fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 kif emendat b'dan ir-Regolament. |
(19) |
L-iskop ta' REKT għandu jkun estiż biex ikopri l-faċilitazzjoni u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni territorjali inġenerali, inkluż l-ippjanar strateġiku u l-ġestjoni tat-tħassib reġjonali u lokali, skont il-Politika ta' Koeżjoni u politiki oħrajn tal-Unjoni, biex b’hekk jikkontribwixxu għall-istrateġija Ewropa 2020 jew għall-implimentazzjoni ta' strateġiji makroreġjonali. REKT għandu għalhekk ikun jista’ jimplimenta operazzjonijiet b’appoġġ finanzjarju minbarra dak ipprovdut mill-Politika ta’ Koeżjoni tal-Unjoni. Barra minn hekk, kull membru f'kull Stat Membru jew pajjiż terz irrappreżentat għandu jkun obbligat li jkollu kull kompetenza meħtieġa għall-funzjonament effiċjenti ta' REKT, sakemm l-Istat Membru jew il-pajjiż terz ma japprovax il-parteċipazzjoni ta' membru stabbilit taħt il-liġi nazzjonali tiegħu anki fejn dak il-membru ma jkunx kompetenti fir-rigward tal-kompiti kollha speċifikati fil-konvenzjoni. |
(20) |
Bħala strument ġuridiku, ir-REKT mhumiex maħsuba biex jevitaw il-qafas ipprovdut mill-acquis tal-Kunsill tal-Ewropa li joffri opportunitajiet differenti u oqfsa li fihom ikunu jistgħu jikkooperaw l-awtoritajiet reġjonali u lokali madwar il-fruntieri inklużi l-Gruppi ta' Kooperazzjoni Ewroreġjonali (7) reċenti, jew biex jipprovdi sett ta' regoli komuni speċifiċi li jirregolaw b'mod uniformi l-arranġamenti kollha madwar l-Unjoni. |
(21) |
Kemm il-kompiti speċifiċi ta’ REKT u kemm il-possibbiltà għal Stati Membri li jillimitaw l-azzjonijiet li REKT jistgħu jwettqu mingħajr l-appoġġ finanzjarju mill-Unjoni, għandhom jiġu allinjati mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-FEŻR, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020. |
(22) |
Filwaqt li huwa stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 li l-kompiti ta' REKT ma jikkonċernawx, fost l-oħrajn, 'setgħat regolatorji', li jista' jkollhom konsegwenzi ġuridiċi differenti fi Stati Membri differenti, madankollu assemblea ta' REKT għandha tkun tista' tiddefinixxi, jekk il-konvenzjoni speċifikament tipprevedi dan, u, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, it-termini u l-kundizzjonijiet dwar l-użu ta' element ta' infrastruttura amministrat mir-REKT, jew it-termini u l-kundizzjonijiet li soġġett għalihom jiġi provdut servizz ta' interess ekonomiku ġenerali, inklużi t-tariffi u l-miżati li għandhom jitħallsu mill-utenti. |
(23) |
Bħala konsegwenza tal-ftuħ tar-REKT għal membri minn pajjiżi terzi jew OCTs, il-konvenzjoni għandha tispeċifika l-arranġamenti għall-involviment tagħhom. |
(24) |
Il-Konvenzjoni għandha, apparti milli tinkludi referenza għal-liġi applikabbli b 'mod ġenerali kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006, telenka wkoll il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali applikabbli għar-REKT. Barra minn hekk, għandu jkun possibbli li tali liġi nazzjonali tkun dik tal-Istat Membru fejn l-organi tar-REKT jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, b'mod partikolari fil-każ fejn il-persunal li jaħdem taħt ir-responsabbiltà tad-Direttur u li jinsab fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu. Il-konvenzjoni għandha telenka wkoll il-liġi applikabbli tal-Unjoni jew nazzjonali li tkun direttament rilevanti għall-attivitajiet tar-REKT imwettqa skont il-kompiti speċifikati fil-konvenzjoni, inkluż fejn ir-REKT qiegħed jamministra servizzi pubbliċi ta' interess ġenerali jew infrastrutturi. |
(25) |
Dan ir-Regolament m’għandux ikopri problemi marbuta mal-akkwist transkonfinali li jiltaqgħu magħhom ir-REKT. |
(26) |
Minħabba l-importanza tar-regoli applikabbli għall-persunal tar-REKT u tal-prinċipji li jirregolaw l-arranġamenti li jikkonċernaw il-ġestjoni u r-reklutaġġ tal-persunal, il-konvenzjoni, mhux l-istatuti, għandha tispeċifika dawk ir-regoli u prinċipji. Għandu jkun possibbli li fil-konvenzjoni jiġu stipulati alternattivi differenti dwar l-għażla tar-regoli applikabbli għall-persunal tar-REKT. L-arranġamenti speċifiċi rigward il-ġestjoni tal-persunal u l-proċeduri ta' reklutaġġ għandhom jiġu indirizzati fl-istatuti. |
(27) |
L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu ulterjuri tal-possibbiltajiet previsti taħt ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) biex jippermettu bi ftehim komuni eċċezzjonijiet fir-rigward tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli skont dak ir-Regolament fl-interessi ta' ċerti persuni jew kategoriji ta’ persuni, u sabiex il-persunal tar-REKT jiġi kkunsidrat bħala tali kategorija ta’ persuni. |
(28) |
Minħabba l-importanza tal-arranġamenti relatati mar-responsabbiltà tal-membri, il-konvenzjoni, mhux l-istatuti, għandha tispeċifika dawk l-arranġamenti. |
(29) |
Fejn REKT għandu bħala l-għan esklussiv tiegħu l-ġestjoni ta' programm ta' kooperazzjoni, jew parti minnu, appoġġata mill-FEŻR, jew fejn ir-REKT jirrigwarda l-kooperazzjoni interreġjonali jew netwerks, m’għandhiex tintalab informazzjoni dwar it-territorju fejn ir-REKT jista’ jwettaq il-kompitu tiegħu. Fl-ewwel każ, l-estent tat-territorju għandu jiġi definit u, fejn xieraq, mibdul fil-programm ta' kooperazzjoni rilevanti. Fit-tieni każ, waqt li primarjament jikkonċerna attivitajiet mhux materjali, ir-rekwiżit għal informazzjoni bħal din ifixkel l-adeżjoni ta' membri ġodda għall-kooperazzjoni jew netwerks interreġjonali. |
(30) |
Għandhom jiġu kkjarifikati l-arranġamenti differenti li jirrigwardaw il-kontroll tal-ġestjoni tal-fondi pubbliċi fuq naħa waħda, u l-verifika tal-kontijiet tar-REKT fuq in-naħa l-oħra. |
(31) |
Ir-REKT li l-membri tagħhom għandhom responsabbiltà limitata għandhom ikunu aktar distinti b' mod ċar, minn dawk li l-membri tagħhom għandhom responsabbiltà mhux limitata. Barra minn hekk, sabiex jiġu permessi REKT li l-membri tagħhom ikollhom responsabbiltà limitata biex jimplimentaw attivitajiet li jistgħu potenzjalment jiġġeneraw djun, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jesiġu li tali REKT ikollhom assigurazzjoni xierqa jew li tali REKT ikunu soġġetti għal garanzija finanzjarja xierqa li tkopri r-riskji speċifiċi tal-attivitajiet tagħhom. |
(32) |
L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni kwalunkwe dispożizzjonijiet, kif ukoll emendi għalihom, adottati biex jiġi implimentat ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006. Sabiex jitjieb l-iskambju tal-informazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kummissjoni għandha tittrażmetti tali dispożizzjonijiet lill-Istati Membri u lill-Kumitat tar-Reġjuni. Il-Kumitat tar-Reġjuni waqqaf pjattaforma tar-REKT li tippermetti lill-partijiet interessati kollha jiskambjaw l-esperjenzi u l-prattiki tajba tagħhom u biex itejbu l-komunikazzjoni dwar l-opportunitajiet u l-isfidi tar-REKT billi jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-esperjenzi dwar it-twaqqif tar-REKT fuq livell territorjali kif ukoll biex jiġi skambjat l-għarfien dwar l-aħjar prattiki fir-rigward tal-kooperazzjoni territorjali. |
(33) |
Għandha tiġi ffissata skadenza ġdida għar-rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006. F'konformità mal-pass tal-Kummissjoni lejn it-tfassil ta' politika bbażata aktar fuq l-evidenza, dak ir-rapport għandu jindirizza l-mistoqsijiet ewlenin tal-evalwazzjoni, inklużi l-effettività, l-effiċjenza, ir-relevanza, il-valur miżjud Ewropew, il-marġini għas-simplifikazzjoni u s-sostenibbiltà. L-effettività għandha tinftiehem li tirrelata, inter alia, man-natura tat-tentattivi fi ħdan is-servizzi differenti tal-Kummissjoni u bejn il-Kummissjoni u korpi oħra bħalma hu s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jixxerred l-għarfien dwar l-istrument tar-REKT. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 307 TFUE, lill-Kumitat tar-Reġjuni. Dak ir-rapport għandu jintbagħat sal-1 ta' Awissu 2018. |
(34) |
Sabiex tiġi stabbilita lista ta' indikaturi għall-użu fl-evalwazzjoni u t-tħejjija tar-rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006, is-setgħa li tadotta l-atti skont l-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni. Hu ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja, inkluż fil-livell ta' esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti relevanti lill-Parlament Ewroepw u lill-Kunsill. |
(35) |
REKT eżistenti ma għandhomx ikunu obbligati jallinjaw il-konvenzjoni u l-istatuti tagħhom mal-emendi għar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 introdotti b'dan ir-Regolament. |
(36) |
Hu neċessarju li jiġi speċifikat taħt liema sett ta' regoli għandu jiġi approvat REKT, li għalih proċedura ta' approvazzjoni nbdiet qabel id-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. |
(37) |
Sabiex jiġu adattati r-regoli nazzjonali eżistenti għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament qabel ma l-programmi taħt l-għan tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea jiġu sottomessi lill-Kummissjoni, dan ir-Regolament għandu jibda japplika sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu. Meta jkunu qed jadattaw ir-regoli nazzjonali eżistenti tagħhom l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-approvazzjoni tar-REKT jiġu nominati u li, skont l-arranġamenti ġuridiċi u amministrattivi tagħhom, dawk l-awtoritajiet għandhom ikunu l-istess korpi responsabbli biex jirċievu notifiki skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006. |
(38) |
Peress li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri t-titjib tal-istrument ġuridiku tar-REKT, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri imma jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dan l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dan l-objettiv billi mhuwiex obbligatorju r-rikors għal REKT, skont is-sistema kostituzzjonali ta' kull Stat Membru. |
(39) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1082/2006
Ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 hu emendat kif ġej:
(1) |
L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:
|
(2) |
L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:
|
(3) |
L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:
|
(4) |
Jiddaħħal l-Artikolu li ġej: 'Artikolu 3a L-adeżjoni ta' membri minn pajjiżi terzi jew pajjiżi jew territorji extra-Ewropej (OCTs) 1. F'konformità mal-Artikolu 4(3a), REKT jista' jkun magħmul minn membri li jinsabu fit-territorju ta’ mill-inqas żewġ Stati Membri u pajjiż terz wieħed jew iktar li jkunu ġirien ta' mill-inqas wieħed minn dawk l-Istati Membri, inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda tiegħu, fejn dawk l-Istati Membri u pajjiżi terzi jwettqu b'mod konġunt azzjonijiet ta’ kooperazzjoni territorjali jew jimplimentaw programmi appoġġati mill-Unjoni. Għall-finjiet ta’ dan ir-Regolament, pajjiż terz jew OCT għandu jitqies li jkun ġar ta’ Stat Membru, inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda tiegħu, meta l-pajjiż terz jew l-OCT u dak l-Istat Membru jkollhom fruntiera komuni tal-art jew meta sew il-pajjiż terz jew l-OCT u sew Stat Membru jkunu eliġibbli taħt programm marittimu konġunt transkonfinali jew transnazzjonali taħt il-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea jew huma eliġibbli taħt programm ta’ kooperazzjoni transkonfinali, transmarin jew ta’ baċir tal-baħar ieħor, inkluż fejn ikunu mifruda b’ibħra internazzjonali. 2. REKT jista' jkun magħmul minn membri li jkunu jinsabu f'territorju ta' Stat Membru wieħed biss u ta' pajjiż terz wieħed jew aktar li jkunu ġirien ta' dak l-Istat Membru, inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda tiegħu, meta l-Istat Membru kkonċernat jqis li tali REKT ikun konsistenti mal-ambitu tal-kooperazzjoni territorjali tiegħu fil-kuntest tal-kooperazzjoni transkonfinali jew transnazzjonali jew ir-relazzjonijiet bilaterali mal-pajjiżi terzi kkonċernati. 3. Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, il-pajjiżi terzi ġirien ta' Stat Membru inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda tiegħu jinkludu l-fruntieri marittimi bejn il-pajjiżi kkonċernati. 4. F'konformità mal-Artikolu 4a u soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, REKT jista' jkun magħmul ukoll minn membri li jkunu jinsabu fit-territorju ta' mill-inqas żewġ Stati Membri, inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda tagħhom, u ta' OCT wieħed jew aktar, b'membri minn pajjiż terz wieħed jew aktar jew mingħajrhom. 5. F'konformità mal-Artikolu 4a u soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, REKT jista' jkun magħmul ukoll minn membri li jkunu jinsabu fit-territorju ta' Stat Membru wieħed biss, inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda tiegħu, u ta' OCT wieħed jew aktar, b'membri minn pajjiż terz wieħed jew aktar, jew mingħajrhom. 6. REKT m’għandux jiġi stabbilit biss bejn membri minn Stat Membru u OCT wieħed jew aktar marbutin ma' dak l-istess Stat Membru.'; |
(5) |
L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:
|
(6) |
jiddaħħal l-Artikolu li ġej: 'Artikolu 4a Parteċipazzjoni ta' membri minn OCT Fil-każ ta' REKT b'membru prospettiv minn OCT, l-Istat Membru li miegħu jkun marbut OCT għandu jaċċerta ruħu li l-kondizzjonijiet tal-Artikolu 3a jkunu ssodisfati u, filwaqt li jikkunsidra r-relazzjoni tiegħu mal-OCT, jew:
|
(7) |
L-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej: 'Artikolu 5 Kisba ta' personalità ġuridika u pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali 1. Il-konvenzjoni u l-istatuti u kwalunkwe emenda sussegwenti għalihom għandhom jiġu reġistrati jew jiġu ppubblikati, jew it-tnejn, fl-Istat Membru fejn ir-REKT ikkonċernat ikollu l-uffiċċju rreġistrat fih, skont il-liġi nazzjonali applikabbli ta' dak l-Istat Membru. Ir-REKT għandu jikseb personalità ġuridika fid-data tar-reġistrazzjoni jew tal-pubblikazzjoni tal-konvenzjoni u tal-istatuti, skont liema sseħħ l-ewwel. Il-membri għandhom jinfurmaw lill-Istati Membri kkonċernati u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-reġistrazzjoni jew il-pubblikazzjoni tal-konvenzjoni u tal-istatuti. 2. Ir-REKT għandu jiżgura li, fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol mir-reġistrazzjoni jew mill-pubblikazzjoni tal-konvenzjoni u tal-istatuti, tintbagħat talba lill-Kumitat tar-Reġjuni skont il-mudell stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament. Il-Kumitat tar-Reġjuni għandu mbagħad jitrasferixxi dik it-talba lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, għall-pubblikazzjoni ta' avviż fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li jħabbar it-twaqqif ta' REKT, flimkien mad-dettalji mniżżla fl-Anness għal dan ir-Regolament.'; |
(8) |
Fl-Artikolu 6, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’li ġej: '4. Minkejja l-paragrafi 1, 2 u 3 ta' dan l-Artikolu, fejn il-kompiti ta' REKT kif imsemmija taħt l-Artikolu 7(3) jkopru azzjonijiet li huma kkofinanzjati mill-Unjoni, għandha tapplika l-leġiżlazzjoni rilevanti li tikkonċerna l-kontroll ta' fondi pprovduti mill-Unjoni'; |
(9) |
L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:
|
(10) |
fl-Artikolu 8, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’li ġej: '2. Il-konvenzjoni għandha tispeċifika:
3. Meta l-kompiti ta’ REKT jirrigwardaw biss il-ġestjoni ta’ programm ta’ kooperazzjoni jew parti minnu taħt ir-Regolament (UE) Nru 1299/2013, jew fejn REKT jirrigwarda l-kooperazzjoni interreġjonali jew netwerks, l-informazzjoni taħt il-punt (b) tal-paragrafu 2 mhijiex meħtieġa.'; |
(11) |
l-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej: 'Artikolu 9 Statuti 1. L-istatuti ta' REKT għandhom jiġu adottati abbażi tal-konvenzjoni u f'konformità magħha, mill-membri tiegħu billi jaġixxu unanimament. 2. L-istatuti tar-REKT għandhom jispeċifikaw, bħala minimu, is-segwenti:
|
(12) |
fl-Artikolu 11, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’li ġej: '2. Il-preparazzjoni tal-kontijiet tiegħu inklużi, fejn meħtieġa, ir-rapport annwali li jakkumpanjahom u l-verifika kif ukoll il-pubblikazzjoni ta' dawn il-kontijiet, għandhom jiġu rregolati mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fejn ir-REKT għandu l-uffiċċju reġistrat tiegħu.'; |
(13) |
l-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:
|
(14) |
fl-Artikolu 15(2), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej: '2. Ħlief fejn previst mod ieħor f'dan ir-Regolament, il-liġi tal-Unjoni dwar il-ġurisdizzjoni għandha tapplika għal kwistjonijiet li jinvolvu REKT. Fi kwalunkwe każ li ma jkunx previst f'tali liġi tal-Unjoni, il-qrati kompetenti għar-riżoluzzjoni ta' kwistjonijiet għandhom ikunu l-qrati tal-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu.'; |
(15) |
l-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:
|
(16) |
L-Artikolu 17 huwa sostitwit b’dan li ġej: 'Artikolu 17 Rapport Sal-1 ta' Awwissu 2018 il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, li jevalwa, abbażi ta’ indikaturi, l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-valur miżjud Ewropew u l-ambitu għas-simplifikazzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 17a, li jistabbilixxu l-lista ta’ indikaturi li hemm riferiment għalihom fl-ewwel paragrafu.'; |
(17) |
jiddaħħal l-Artikolu li ġej: 'Artikolu 17a Eżerċizzju tad-delega 1. Is-setgħa sabiex ikunu adottati atti delegati tingħata lill-Kummissjoni skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu. 2. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin minn 21 ta’ Diċembru 2013 3. Id-delega ta’ setgħa li jirreferi għaliha t-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe waqt mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat diġà fis-seħħ. 4. Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. 5. Att delegat adottat skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perjodu ta’ tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se jressqu oġġezzjoni. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.'. |
Artikolu 2
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali
1. REKT imwaqqfa qabel 21 ta’ Diċembru 2013 m’għandhomx ikunu obbligati li jallinjaw il-konvenzjoni u l-istatuti tagħhom mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 kif emendat b’dan ir-Regolament.
2. Fil-każ ta' REKT, li għalih tkun inbdiet proċedura skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 qabel 22 ta’ Ġunju 2014 u li għalih hemm pendenti biss ir-reġistrazzjoni jew il-pubblikazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006, il-konvenzjoni u l-istatuti għandhom jiġu rreġistrati jew ippubblikati, jew it-tnejn li huma, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 qabel l-emenda tiegħu b'dan ir-Regolament.
3. REKT li għalih tkun inbdiet proċedura taħt l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 aktar minn sitt xhur qabel 22 ta’ Ġunju 2014 għandu jiġi approvat skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 qabel l-emenda tiegħu b'dan ir-Regolament.
4. REKT oħra apparti dawk taħt il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu li għalih tkun inbdiet proċedura taħt l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 qabel 22 ta’ Ġunju 2014 għandhom ikunu approvati skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 kif emendat b'dan ir-Regolament.
5. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-emendi neċessarji għad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 kif emendat b'dan ir-Regolament sa mhux aktar tard minn 22 ta’ Ġunju 2014
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika minn 22 ta’ Ġunju 2014
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2013.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
R. ŠADŽIUS
(1) ĠU C 191, 29.6.2012, p. 53
(2) ĠU C 113, 18.4.2012, p. 22.
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar ir-Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT) (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 19.)
(4) Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114).
(5) Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' proċeduri ta' akkwist ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tal-enerġija,tat-trasport u postali (ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1).
(6) Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE ta' 25 ta' Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u territorji extra-Ewropej mal-Unjoni ('Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea') (ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1).
(7) Il-Protokoll Nru 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Kooperazzjoni bejn il-Fruntieri bejn Komunitajiet jew Awtoritajiet Territorjali rigward Gruppi ta' Kooperazzjoni Ewroreġjonali (ECGs), miftuħa għall-iffirmar nhar is-16 ta’ Novembru 2009.
(8) Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).
ANNESS
Mudell tal-informazzjoni li għandha tiġi sottomessa skont l-Artikolu 5(2)
IT-TWAQQIF TA' RAGGRUPPAMENT EWROPEW TA' KOOPERAZZJONI TERRITORJALI (REKT)
L-isem ta’ REKT li l-membri tiegħu jkollhom responsabbiltà limitata għandu jinkludi l-kelma “limitat” (l-Artikolu 12(2a))
L-asterisk * tindika l-oqsma obbligatorji.
Test ta 'immaġni
Test ta 'immaġni
Test ta 'immaġni
Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar is-sensibilizzazzjoni u l-Artikolu 4 u 4a tar-Regolament REKT
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li jwettqu sforzi kkordinati aħjar għas-sensibilizzazzjoni fost u fl-istituzzjonijiet u l-Istati Membri ħalli titjieb il-viżibilità tal-possibilitajiet tal-użu tal-EGTCs bħala strument opzjonali disponibbli għall-koperazzjoni territorjali fl-oqsma kollha ta' politika tal-UE.
F'dan il-kuntest, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jistiednu lill-Istati Membri b'mod partikolari jidħlu għal azzjonijiet xierqa ta' kordinazzjoni u komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u bejn l-awtoritajiet ta' Stati Membri differenti ħalli jiżguraw proċeduri ċari, effiċjenti u trasparenti ta' awtorizzazzjoni ta' EGTCs ġodda fit-termini fissati.
Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-Artikolu 1(9) tar-Regolament REKT
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li meta jiġi applikat l-Artikolu 9(2)(i) tar-Regolament (UE) Nru 1082/2006 kif emendat, l-Istati Membri jagħmlu ħilithom meta jivvalutaw ir-regoli li jridu jkunu applikabbli għall-membri tal-persunal tal-EGTC kif proposti fl-abbozz tal-konvenzjoni, li jqisu l-opzjonijiet ta' reġimi differenti ta' impjiegi disponibbli li jridu jintgħażlu mill-EGTC, kemm skont id-dritt privat kemm skont dak pubbliku.
Meta l-kuntratti tal-impjiegi għall-membri tal-persunal tal-EGTC ikunu rregolati mid-dritt privat, l-Istati Membri jqisu wkoll id-dritt relevanti tal-UE, bħalma hu r-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-PE u l-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I), kif ukoll il-prattika legali relattiva tal-Istati Membri l-oħrajn rappreżentati fl-EGTC.
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jifhmu wkoll li fejn il-kuntratti tal-impjiegi għall-membri tal-persunal tal-EGTC ikunu rregolati mid-dritt pubbliku, ir-regoli tad-dritt pubbliku nazzjonali jkunu dawk tal-Istat Membru fejn l-organu rispettiv tal-EGTC ikun jinsab. B'dana kollu, ir-regoli tad-dritt pubbliku nazzjonali tal-Istat Membru fejn ikun irreġistrat l-EGTC jistgħu japplikaw kwantu għall-membri tal-persunal tal-EGTC ġa soġġetti għal dawn ir-regoli qabel ma jkunu saru membri tal-persunal tal-EGTC.
Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar ir-rwol tal-Kumitat tar-Reġjuni fil-qafas tal-pjattaforma REKT
Il-Parlament Ewroepw, il-Kunsill u l-Kummissjoni jieħdu nota tax-xogħol siewi magħmul mill-Kumitat tar-Reġjuni fil-qafas tal-Pjattaforma tal-EGTC superviżjonata minnu u jħeġġeġ lill-Kumitat tar-Reġjuni jkompli jsegwi l-attivitajiet tal-EGTCs eżistenti u ta' dawk li jinsabu fil-proċess tat-twaqqif, jorganizza skambju tal-aqwa prattiki u jidentifika l-kwistjonijiet komuni.