Help Print this page 
Title and reference
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE.

OJ L 83, 27.3.1999, p. 1–9 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 08 Volume 001 P. 339 - 347
Special edition in Estonian: Chapter 08 Volume 001 P. 339 - 347
Special edition in Latvian: Chapter 08 Volume 001 P. 339 - 347
Special edition in Lithuanian: Chapter 08 Volume 001 P. 339 - 347
Special edition in Hungarian Chapter 08 Volume 001 P. 339 - 347
Special edition in Maltese: Chapter 08 Volume 001 P. 339 - 347
Special edition in Polish: Chapter 08 Volume 001 P. 339 - 347
Special edition in Slovak: Chapter 08 Volume 001 P. 339 - 347
Special edition in Slovene: Chapter 08 Volume 001 P. 339 - 347
Special edition in Bulgarian: Chapter 08 Volume 001 P. 41 - 49
Special edition in Romanian: Chapter 08 Volume 001 P. 41 - 49
Special edition in Croatian: Chapter 08 Volume 004 P. 16 - 24
Languages, formats and link to OJ
Multilingual display
Text

31999R0659



Official Journal L 083 , 27/03/1999 P. 0001 - 0009


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999

tat-22 ta' Marzu 1999

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE.

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-opinjoni mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

(1) Billi, mingħajr preġudizzju għar-regoli speċjali tal-proċedura mqiegħda fir-regolamenti għal ċerti setturi, dan ir-Regolament għandu japplika sabiex jgħin fis-setturi kollha; billi, għall-għan li jkunu applikati l-Artikoli 77 u 92 tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha kompetenza speċifika taħt l-Artikolu 93 tiegħu sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibilità ta' għajnuna Statali mas-suq komuni meta jirrevedi l-għajnuna eżistenti, meta jkun qiegħed jieħu deċiżjonijiet dwar għajnuna ġdida jew mibdula u meta tieħu azzjoni li tirrigwarda nuqqas ta' konformità mad-deċiżjonijiet tagħha jew mal-ħtieġa f'dik li hi notifika;

(2) Billi l-Kummissjoni, f'konfomità mal-liġi tal-każ tal-Qrati tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, żviluppat prattika konsistenti għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat u poġġiet ċerti regoli u prinċipji tal-proċedura f'numru ta' komunikazzjonijiet; billi huwa xieraq, b'veduta li jkunu assigurati proċeduri effettivi u effiċjenti skond l-Artikolu 93 tat-Trattat, sabiex tinġabar u tkun rinforzata din il-prattika permezz ta' regolament;

(3) Billi regolament proċedurali dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat iżid it-trasparenza u ċertezza legali;

(4) Billi, sabiex tkun assigurata ċertezza legali, huwa xieraq li jkunu definiti ċ-ċirkustanzi li fihom l-għajnuna tkun ikkunsidrata li hija għajnuna eżistenti; billi t-tlestija u t-tkabbir tas-suq intern huwa proċess gradwali, li huwa rifless fl-iżvilupp permanenti tal-politika ta' l-għajnuna Statali; billi, wara li jsiru dawn l-iżviluppi, ċerti miżuri, li meta daħlu fis-seħħ ma kkostitwixxewx għajnuna Statali, minn dak iż-żmien ‘l hawn setgħu saru għajnuna;

(5) Billi, f'konformità ma' l-Artikolu 93(3) tat-Trattat, kull pjan li jkun hemm sabiex tingħata għajnuna ġdida għandhom ikunu mgħarrfa lill-Kummissjoni u m'għandhiex tidħol fis-seħħ qabel tawtorizzaha l-Kummissjoni;

(6) Billi, f'konformità ma' l-Artikolu 5 tat-Trattat, Stati Membri huma taħt obbligu li jikkoperaw mal-Kummissjoni u li jipprovduha bl-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jippermettu lill-Kummissjoni taqdi dmirijietha taħt dan ir-Regolament;

(7) Billi l-perjodu li fih il-Kummissjoni għandha tlesti l-eżami preliminari dwar l-għajnuna notifikata għandu jkun ta' xahrejn mir-riċevuta ta' notifika lesta jew mir-riċevuta ta' stqarrija raġunata sew ta' l-Istat Membri kkonċernat li hu jikkunsidra li n-notifika hija kompluta minħabba li l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa mill-Kummissjoni m'hijiex disponibbli jew diġa kienet provvduta; billi, għal raġunijiet ta' ċertezza legali, dak l-eżami għandu jintemm b'deċiżjoni;

(8) Billi fil-każijiet kollha fejn, b'riżultat ta' l-abbozz preliminari, il-Kummissjoni ma tistax issib fejn l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni, il-proċedura ta' investigazzjoni formali għandha tinfetaħ sabiex tgħin lill-Kummissjoni tiġbor l-informazzjoni kollha li għandha bżonn sabiex tistma l-kompatibilità ta' l-għajnuna u sabiex tippermetti lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom; billi d-drittijiet tal-partijiet interessati jistgħu jkunu salvagwardjati bl-aħjar mod fi ħdan il-qafas tal-proċedura ta' investigazzjoni formali msemmija fl-Artikolu 93(2) tat-Trattat;

(9) Billi, wara li tkun ikkunsidrat il-kummenti sottomessi mill-partijiet interessati, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi l-eżami tagħha permezz ta' deċiżjoni finali malli jkunu tneħħew id-dubji; billi huwa xieraq, jekk dan l-eżami ma jkunx lest wara perjodu ta' 18-il xahar mill-ftuħ tal-proċedura, li l-Istat Membru konċernat għandu l-opportunità li jitlob deċiżjoni, li l-Kummissjoni għandha tieħu fi żmien xahrejn;

(10) Billi, sabiex ikun assigurat li r-regoli ta' l-għajnuna ta' l-Istat huma applikati b'mod korrett u effettiv, il-Kummissjoni għandha jkollha l-opportunità li tirrevoka deċiżjoni li kienet ibbażata fuq informazzjoni ħażina;

(11) Billi, sabiex tkun assigurata l-konformità ma' l-Artikolu 93 tat-Trattat, u b'mod partikolari ma' l-obbligu ta' notifika u l-klawsola ta' waqfien totali fl-Artikolu 93(3), il-Kummissjoni għandha teżamina l-każijiet kollha ta' għajnuna kontra l-liġi; billi, fl-interessi tat-trasparenza u ċertezza legali, il-proċeduri li għandhom ikunu segwiti f'dawn il-każijiet għandhom jitpoġġew; billi meta Stat Membru ma jkunx irrispetta l-obbligu tan-notifika jew il-klawsola ta' waqfien totali, il-Kummissjoni m'għandhiex tkun marbuta b'limiti taż-żmien;

(12) Billi f'każijiet ta' għajnuna kontra l-liġi, il-Kummissjoni għandha jkollha d-dritt li tikseb l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jawtorizzawha tieħu deċiżjoni u tirristawra minnufih, fejn xieraq, kompetizzjoni mingħajr xkiel; billi huwa b'hekk xieraq sabiex tawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tadotta miżuri interim indirizzati lill-Istati Membri konċernati; billi l-miżuri interim jistgħu jieħdu l-forma ta' inġunzjonijiet ta' l-informazzjoni, inġunzjonijiet ta' sospensjoni u inġunzjonijiet ta' rkupru; billi l-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata fl-eventwalità ta' nuqqas ta' konformità ma' inġunzjoni ta' l-informazzjoni, sabiex tawtorizza abbażi ta' l-informazzjoni disponibbli u, fl-eventwalità ta' nuqqas ta' konformità ma' inġunzjonijiet ta' sospensjoni u rkupru, sabiex tirreferi l-argument direttament lill-Qorti tal-Ġustizzja, f'konformità mat-tieni sottoparagrafu ta' l-Artikolu 93(2) tat-Trattat;

(13) Billi f'każijiet ta' għajnuna llegali li m'hijiex kompatibbli mas-suq komuni, għandha terġa titqajjem kompetizzjoni effettiva; billi għal dan il-għan huwa meħtieġ li l-għajnuna, li tinkludi l-imgħax, għandha tinġieb lura mingħajr dewmien; billi huwa xieraq li r-radd lura jsir f'konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali; billi l-applikazzjoni ta' dawk il-proċeduri m'għandhomx, billi jipprevjenu l-esekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, timpedixxi l-qawmien mill-ġdid tal-kompetizzjoni effettiva; billi sabiex jinkiseb dan ir-riżultat, Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw l-effettività tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni;

(14) Billi għal raġunijiet ta' ċertezza legali huwa xieraq li jitwaqqaf perjodu ta' limitazzjoni ta' għaxar snin dwar l-għajnuna llegali, li wara li jiskadi ma jista' jkun ordnat l-ebda radd lura;

(15) Billi l-użu ħażin ta' l-għajnuna jista' jkollu effetti fuq il-ħidma tas-suq intern li huma simili għal dawk ta' għajnuna llegali u b'hekk għandhom ikunu trattati skond proċeduri simili; billi mhux bħall-għajnuna llegali, għajnuna li possibilment intużat ħażin li kienet approvata qabel mill-Kummissjoni; billi għalhekk il-Kummissjoni m'għandhiex titħalla tuża inġunzjoni ta' rkupru b'rigward għall-użu ħażin ta' l-għajnuna;

(16) Billi huwa xieraq li jkunu definiti l-possibilitajiet kollha li fihom il-partijiet t-terzi għandhom jiddefendu l-interessi tagħhom fil-proċeduri ta' l-għajnuna ta' l-Istat;

(17) Billi f'konformità ma' l-Artikolu 93(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni hija taħt obbligu, f'koperazzjoni ma' Stati Membri, li żżomm taħt reviżjoni kostanti s-sistemi kollha ta' l-għajnuna eżistenti; billi fl-interessi tat-trasparenza u ċertezza legali, huwa xieraq li jkun speċifikat l-iskop ta' koperazzjoni f'dak l-Artikolu;

(18) Billi, sabiex tkun assigurata l-kompatibilità ta' l-iskemi ta' l-għajnuna eżistenti mas-suq komuni u f'konformità ma' l-Artikolu 93(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha tipproponi miżuri xierqa fejn skema eżistenti ta' l-għajnuna m'hijiex, jew m'għadhiex, kompatibbli mas-suq komuni u għandha tibda l-proċedura msemmija fl-Artikolu 93(2) tat-Trattat jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx irid jimplimenta l-miżuri proposti;

(19) Billi, sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tosserva effettivament il-konformità mad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u sabiex tiffaċilita l-koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u Stati Membri għall-għan tar-reviżjoni kontinwa ta' l-iskemi eżistenti kollha ta' l-għajnuna fl-Istati Membri f'konformità ma' l-Artikolu 93(1) tat-Trattat, huwa meħtieġ li jkun introdott obbligu ġenerali għar-rapporti dwar l-iskemi eżistenti kollha ta' għajnuna;

(20) Billi, fejn il-Kummissjoni għandha dubji serji dwar jekk id-deċiżjonijiet humiex qegħdin jitħarsu, għandha jkollha għad-disposizzjoni tagħha strumenti addizzjonali li jippermettula li tikseb l-informazzjoni meħtieġa sabiex tivverifika li d-deċiżjonijiet qegħdin ikunu mħarsa effettivament; billi għal dan il-għan, żjajjar ta' osservazzjoni fuq il-post huma strument xieraq u bżonnjuż, b'mod partikolari għal każijiet fejn għajnuna setgħet intużat ħażin; billi għalhekk, il-Kummissjoni għandha jkollha s-setgħa li tista' twettaq żjajjar ta' osservazzjoni fuq il-post u għandha tikseb il-koperazzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fejn intrapriża topponi din iż-żjara;

(21) Billi, fl-interessi tat-trasparenza u ċertezza legali, huwa xieraq li tingħata informazzjoni pubblika dwar id-deċiżjonijiet tal-Komunità filwaqt li, fl-istess ħin, ssostni l-prinċipju li deċiżjonijiet f'każijiet ta' għajnuna Statali huma indirizzati lill-Istat Membru konċernat; billi huwa b'hekk xieraq li jkunu ppublikati d-deċiżjonijiet kollha li jistgħu jaffettwaw l-interessi tal-partijiet interessati jew bis-sħiħ jew f'forma fil-qosor jew li jsiru disponibbli għall-partijiet interessati kopji ta' dawn id-deċiżjonijiet; fejn ma kienux ippublikati jew ma kienux ippublikati bis-sħiħ; billi l-Kummissjoni, meta tkun qegħda tagħti informazzjoni pubblika dwar id-deċiżjonijiet tagħha, għandha tirrispetta r-regoli tas-segretezza legali, f'konformità ma' l-Artikolu 214 tat-Trattat;

(22) Billi l-Kummissjoni, f'komunikazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, għandha tkun tista tadotta disposizzjonijiet implimentattivi li jpoġġu r-regoli dettaljati li jikkonċernaw il-proċeduri taħt dan ir-Regolament; billi, sabiex tipprovdi għall-koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, huwa xieraq li jinħoloq Kumitat Konsultattiv dwar l-għajnuna Statali li għandu jkun konsultat qabel ma l-Kummissjoni tadotta xi disposizzjonijiet skond dan ir-Regolament;

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

ĠENERALI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-għan ta' dan ir-Regolament:

(a) "għajnuna" għandha tfisser kull miżura li taderixxi l-kriterja kollha mqiegħda fl-Artikolu 92(1) tat-Trattat;

(b) "għajnuna eżistenti" għandha tfisser:

(i) mingħajr preġudizzju għal l-Artikoli 144 u 172 ta' l-Att ta' Adeżjoni ta' l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja, l-għajnuna kollha li eżistiet qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat fi Stati Membri rispettivi, li jfisser, skemi ta' għajnuna u għajnuna individwali li daħħlu fis-seħħ qabel, u għadhom jgħoddu wara, id-dħul fis-seħħ tat-Trattat;

(ii) għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta' għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill;

(iii) għajnuna li tinftiehem li kienet awtorizzata skond l-Artikolu 4(6) ta' dan ir-Regolament jew qabel dan ir-Regolament iżda f'konformità ma' din il-proċedura;

(iv) għajnuna li tinftiehem li hi għajnuna eżistenti skond l-Artikolu 15;

(v) għajnuna li tinftiehem li hi għajnuna eżisteni minħabba li jista' jitwaqqaf li meta daħlet fis-seħħ ma kkostitwietx għajnuna, u sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni u mingħajr ma nbidlet mill-Istat Memrbu. Billi ċerti miżuri jsiru għajnuna wara l-liberalizzazzjoni ta' attività mill-liġi tal-Komunità, dawn il-miżuri m'għandhomx ikunu kkunsidrati li huma għajnuna eżistenti wara d-data ffissata għall-liberalizzazzjoni;

(ċ) "għajnuna ġdida" għandha tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta' għajnuna u għajnuna individwali, li m'hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti;

(d) "skema ta' għajnuna" għandha tfisser kull att li abbażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri implimentattivi oħra, jistgħu jingħataw għajnuniet individwali lill-impriżi definiti fi ħdan l-att f'manjiera ġenerali u astratta u kull azzjoni li abbażi tagħha għajnuna li m'hijiex magħquda ma' proġett speċifiku tista' tingħata lil waħda jew ħafna impriżi għal perjodu ta' żmien indefinit u/jew għal ammont indefinit;

(e) "għajnuna individwali" għandha tfisser għajnuna li ma tingħatax abbażi ta' skema ta' għajnuna u għoti ta' għajnuna notifikati abbażi ta' skema ta' għajnuna;

(f) "għajnuna kontra l-liġi" għandha tfisser għajnuna ġdida li tiddaħħal fis-seħħ f'kontravenzjoni ta' l-Artikolu 93(3) tat-Trattat;

(g) "użu ħażin ta' għajnuna" għandha tfisser għajnuna wżata mill-benefiċjarju f'kontravenzjoni ta' deċiżjoni meħudha skond l-Artikolu 4(3) jew l-Artikolu 7(3) jew (4) ta' dan ir-Regolament;

(h) "parti interessata" għandha tfisser kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta' għajnuna, b'mod partikolari l-benefiċjarju ta' l-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ.

KAPITOLU II

PROĊEDURA DWAR GĦAJNUNA NOTIFIKATA

Artikolu 2

Notifika ta' għajnuna ġdida

1. Ħlief fejn imsemmi mod ieħor fir-regolamenti magħmula skond l-Artikolu 94 tat-Trattat jew għal kull disposizzjoni relevanti tagħahom, kull pjan għall-għoti ta' għajnuna ġdida għandu jkun mgħarraf lill-Kummissjoni f'biżżejjed żmien mill-Istat Membru konċernat. Il-Kummisjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri mingħajr dewmien dwar ir-riċevuta ta' notifika.

2. F'notifika, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tieħu deċiżjoni skond l-Artikoli 4 u 7 (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa "notifika kompluta").

Artikolu 3

Klawsola ta' waqfien totali

Għajnuna notifikabbli skond l-Artikolu 2(1) m'għandhiex tiddaħħal fis-seħħ qabel ma l-Kummissjoni ma tkun ħadet, jew tinftiehem li tkun ħadet, deċiżjoni li tawtorizza din l-għajnuna.

Artikolu 4

Abbozz preliminari tan-notifika u deċiżjonijiet tal-Kummissjoni.

1. Il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika malli tirċevieha. Mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 8, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni skond il-paragrafi 2, 3 jew 4.

2. Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li l-miżura notifikata ma tikkostitwixix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta' deċiżjoni.

3. Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li ma tqajjem l-ebda dubju f'dik li l-kompatibilità mas-suq komuni ta' miżura notifikata, safejn taqa' fi ħdan l-iskop ta' l-Artikolu 92(1) tat-Trattat, għandha tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq komuni (minn hawn ‘l quddiem imsejjaħ "deċiżjoni li ma jitqajjmux oġġezzjonijiet"). Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni taħt it-Trattat kienet applikata.

4. Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li tqajjmu dubji dwar il-kompatibilità mas-suq komuni ta' miżura notifikata, għandha tiddeċiedi jekk għandhomx jibdew proċeduri skond l-Artikolu 93(2) tat-Trattat (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa "deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali għall-investigazzjoni").

5. Id-deċiżjonijiet li saret referenza għalihom fil-paragrafi 2, 3 u 4 għandhom jittieħdu fi żmien xahrejn. Dak il-perjodu għandu jibda l-għada tar-riċevuta ta' notifika kompluta. In-notifika għandha tkun ikkunsidrata li hija kompluta jekk, fi żmien xahrejn mir-riċevuta tagħha, jew mir-riċevuta ta' kull informazzjoni oħra meħtieġa, il-Kummissjoni ma teħtieġ ebda informazzjoni oħra. Dan il-perjodu jista' jkun estiż bil-kunsens sew tal-Kummissjoni u sew ta' l-Istati Membri kkonċernati. Fejn xieraq, il-Kummissjoni tista' tiffissa limiti ta' żmien iqsar.

6. Fejn il-Kummissjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni f'konformità mal-paragrafi 2, 3 jew 4 fil-perjodu mqiegħed fil-paragrafu 5, l-għajnuna għandha tinftiehem li kienet awtorizzata mill-Kummissjoni. L-Istat Membru kkonċernat jista' minħabba dan jimplimenta l-miżuri in kwistjoni wara li jagħti lill-Kummissjoni notifika minn qabel dwar dan, ħlief jekk il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni skond dan l-Artikolu f'perjodu ta' 15-il jum tax-xogħol wara r-riċevuta tan-notifika

Artikolu 5

Talba għall-informazzjoni

1. Fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li l-informazzjoni provvduta mill-Istat Membru kkonċernat dwar għal miżura notifikata skond l-Artikolu 2 m'hijiex kompluta, għandha titlob l-informazzjoni addizzjonali kollha meħtieġa. Fejn Stat Membru jirrispondi għal din it-talba, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru dwar ir-riċevuta tar-risposta.

2. Fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jipprovdix l-informazzjoni mitluba fil-perjodu preskritt mill-Kummissjoni jew tipprovdi informazzjoni li m'hijiex kompluta, il-Kummissjoni għandha tibgħat fakkar, filwaqt li jippermetti perjodu addizzjonali xieraq li fih għandha tkun provvduta l-informazzjoni.

3. In-notifika għandha tinftiehem li hija rtirata jekk l-informazzjoni mitluba m'hijiex provvduta fil-perjodu preskritt, kemm-il darba qabel ma jiskadi dak il-perjodu, jew ikun estiż il-perjodu bil-kunsens sew tal-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, jew l-Istat Membru kkonċernat, fi stqarrija raġunata sew, jinforma lill-Kummissjoni li jikkunsidra li n-notifika hija kompluta minħabba li l-informazzjoni mitluba m'hijiex disponibbli jew diġa kienet provvduta. F'dak il-każ, il-perjodu li saret referenza għalih fl-Artikolu 4(5) għandu jibda l-għada tar-riċevuta ta' l-istqarrija. Jekk in-notifika tinftiehem li kienet irtirata, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istat Membru dwar dan.

Artikolu 6

Proċedura ta' investigazzjoni formali

1. Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta' investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor l-kwistjonijiet relevanti tal-fatti u liġi, għandha tinkludi stima preliminari tal-Kummissjoni dwar il-karattru tal-miżura proposta u għandha tqiegħed id-dubji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq komuni. Id-deċiżjoni għandha ssejjaħ lill-Istat Membru kkonċernat u lil partijiet interessati oħra sabiex jissottomettu l-kummenti f'perjodu preskritt li normalment m'għandux ikun aktar minn xahar. F'każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni għandha testendi l-perjodu preskritt.

2. Il-kummenti riċevuti għandhom ikunu sottomessi lill-Istat Membru kkonċernat. Jekk parti interessata titlob dan, fuq raġunijiet ta' ħsara potenzali, l-identità tagħha għandha tinżamm mill-Istat Membru kkonċernat. L-Istat Membru kkonċernat jista' jirrispondi għall-kummenti sottomessi f'perjodu preskritt li normalment m'għandux ikun aktar minn xahar. F'każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni tista testendi l-perjodu preskritt.

Artikolu 7

Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni biex tingħalaq il-proċedura ta' investigazzjoni formali

1. Mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 8, il-proċedura ta' investigazzjoni formali għandha tingħalaq permezz ta' deċiżjoni msemmija fil-paragrafi 2 sa 5 ta' dan l-Artikolu.

2. Fejn il-Kummissjoni ssib li, fejn xieraq wara modifika mill-Istat Membru kkonċernat, il-miżura notifikata ma tikkostitwix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta' deċiżjoni.

3. Fejn il-Kummissjoni issib li, fejn xieraq wara modifika mill-Istat Membru konċernat, id-dubji dwar il-kompatibilità tal-miżura notifikata mas-suq komuni jkunu tneħħew, għandha tiddeċiedi li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa "deċiżjoni posittiva"). Dik id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni fit-Trattat kienet applikata.

4. Il-Kummissjoni tista' tehmeż ma' deċiżjoni posittiva kondizzjonijiet li suġġett għalihom l-għajnuna tista' tkun ikkunsidrata li hija kompatibbli mas-suq komuni u tista' tpoġġi obbligi sabiex jawtorizzaw konformità mad-deċiżjoni li għandha tkun osservata (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa "deċiżjoni kondizzjonali").

5. Fejn il-Kummissjoni ssib li l-għajnuna notifikata m'hijiex kompatibbli mas-suq komuni, għandha tiddeċiedi li dik l-għajnuna m'għandhiex tiddaħħal fis-seħħ (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa "deċiżjoni negattiva").

6. Deċiżjonijiet meħuda skond il-paragrafi 2, 3, 4 u 5 għandhom jittieħdu malli jkunu tneħħew id-dubji msemmija fl-Artikolu 4(4). Il-Kummissjoni għandha tipprova kemm jista' jkun tadotta deċiżjoni f'perjodu ta' 18-il xahar mill-ftuħ tal-proċedura. Dan il-limitu ta' żmien jista' jkun estiż bi ftehim komuni bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat.

7. La darba jkun skada l-limitu msemmija fil-paragrafu 6, u jekk l-Istat Membru kkonċernat jitlob dan, il-Kummissjoni għandha, fi żmien xahrejn, tieħu deċiżjoni abbażi ta' l-informazzjoni disponibbli lilha. Jekk xieraq, fejn l-informazzjoni provvduta m'hijiex biżżejjed sabiex titwaqqaf kompatibilità, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni negattiva.

Artikolu 8

Irtirar ta' notifika

1. L-Istat Membru kkonċernat jista' jirtira n-notifika fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 2 f'ħin tajjeb qabel ma l-Kummisjsoni tkun ħadet deċiżjoni skond l-Artikolu 4 jew 7.

2. F'każijiet fejn il-Kummissjoni tibda l-proċedura ta' investigazzjoni formali, il-Kummissjoni għandha tagħlaq dik il-proċedura.

Artikolu 9

Revoka ta' deċiżjoni

Il-Kummissjoni tista' tirrevoka deċiżjoni skond l-Artikolu 4(2) jew (3), jew l-Artikolu 7(2), (3), (4), wara li tkun tat lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità sabiex jissottometti l-kummenti tiegħu, fejn id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq informazzjoni skorretta provvduta waqt il-proċedura li kienet fattur determinanti għad-deċiżjoni. Qabel ma tirrevoka deċiżjoni u tieħu deċiżjoni ġdida, il-Kummisjoni għandha tiftaħ il-proċedura ta' investigazzjoni formali skond l-Artikolu 4(4). L-Artikoli 6, 7 u 10, l-Artikolu 11(1), l-Artikoli 13, 14 u 15 għandhom jgħoddu mutatis mutandis.

KAPITOLU III

PROĊEDURA LI TIRRIGWARDA GĦAJNUNA KONTRA L-LIĠI

Artikolu 10

Eżami, talba għall-informazzjoni u inġunzjoni ta' informazzjoni

1. Fejn il-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha informazzjoni minn kwalunkwe sors li jirrigwarda allegata għajnuna kontra l-liġi, għandha teżamina dik l-informazzjoni mingħajr dewmien.

2. Jekk meħtieġ, għandha titlob l-informazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat. L-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 5(1) u (2) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

3. Fejn, minkejja kif imfakkar skond l-Artikolu 5(2), l-Istat Membru kkonċernat ma jipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-perjodu preskritt mill-Kummissjoni, jew fejn tipprovdi informazzjoni mhux kompluta, il-Kummissjoni għandha permezz ta' deċiżjoni teħtieġ li l-informazzjoni tkun provvduta (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa "inġunzjoni ta' informazzjoni"). Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema informazzjoni hi meħtieġa u tippreskrivi perjodu xieraq li fih għandha tingħata.

Artikolu 11

Inġunzjoni għas-sospenjoni jew rkupru proviżjonali ta' għajnuna

1. Il-Kummissjoni tista' wara li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità li tissottometti l-kummenti tagħha, tadotta deċiżjoni li teħtieġ lill-Istat Membru li jissospendi kull għajnuna llegali sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar il-kompatibilità ta' l-għajnuna mas-suq komuni (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa "inġunzjoni ta' suspensjoni").

2. Il-Kummissjoni tista' wara li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità li tissottometti l-kummenti tagħha, tadotta deċiżjoni li teħtieġ lill-Istat Membru sabiex jirkupra proviżjonalment kull għajnuna kontra l-liġi sakemm il-Kummissjoni tkun ħadet deċiżjoni dwar il-kompatibilità ta' l-għajnuna mas-suq komuni (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa "inġunzjoni ta' rkupru"), jekk ikunu sodisfatti l-kriterji li ġejjin:

- skond prattika mwaqqfa m'hemm l-ebda dubji dwar il-karattru ta' l-għajnuna tal-miżura kkonċernata

u

- hemm urġenza għall-azzjoni

u

- hemm riskju serju ta' ħsara sustanzjali u rreparrabbli lil xi kompetitur.

Ir-rkupru għandu jsir f'konformità mal-proċedura mqiegħda fl-Artikolu 14(2) u (3). Wara li l-għajnuna tkun irkuprata effettivament, il-Kummissjoni għanda tieħu deċiżjoni fil-limiti ta' żmien applikabbli għall-għajnuna notifikata.

Il-Kummissjoni tista' tawtorizza lill-Istat Membru biex jgħaqqad ir-rifużjoni ta' l-għajnuna mal-ħlas ta' l-għajnuna ta' rescue lid-ditta kkonċernata.

Id-disposizzjonijiet ta' dan il-paragrafu għandhom jgħoddu biss għal għajnuna llegali implimentata wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 12

Nuqqas ta' konformità ma' deċiżjoni ta' inġunzjoni

Jekk l-Istat Membru jonqos milli jikkonforma ma' inġunzjoni ta' sospensjoni jew inġunzjoni ta' rkupru, il-Kummissjoni għandha tkun intitolata, filwaqt li tkun qed tagħmel l-eżami fuq is-sustanza ta' l-argument abbażi ta' l-informazzjoni disponibbli, biex tirreferi l-argument lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej direttament u japplika għal dikjarazzjoni li n-nuqqas ta' konformità tikkostitwixxi ksur tat-Trattat.

Artikolu 13

Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni

1. L-eżami ta' għajnuna llegali possibli għandu jirriżulta f'deċiżjoni skond l-Artikolu 4(2), (3) jew (4). Fil-każ ta' deċiżjonijiet sabiex tinbeda l-proċedura ta' investigazzjoni formali, il-proċeduri għandhom jingħalqu permezz ta' deċiżjoni skond l-Artikolu 7. Jekk Stat Membru jonqos milli jikkonforma ma' inġunzjoni ta' informazzjoni, dik id-deċiżjoni għandha tittieħed abbażi ta' l-informazzjoni disponibbli.

2. F'każijiet ta' għajnuna possibilment illegali u mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 11(2), il-Kummisjoni m'għandhiex tkun marbuta mal-limitu ta' żmien imqiegħed f'L-Artikoli 4(5), 7(6) u 7(7).

3. L-Artikolu 9 għandu jgħodd mutatis mutandis.

Artikolu 14

Rkupru ta' għajnuna

1. Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f'każijiet ta' għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa "deċiżjoni ta' rkupru"). Il-Kummissjoni m'għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta' l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità.

2. L-għajnuna li ser tkun rikuperata skond deċiżjoni ta' rkupru għandha tinkludi l-imgħax f'rata xierqa ffissata mill-Kummissjoni. L-imgħax għandu jkun pagabbli mid-data li fiha l-għajnuna llegali kienet fid-disposizzjoni tal-benefiċjarju sad-data li fiha kienet irkuprata.

3. Mingħajr preġudizzju għall-ebda ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej skond l-Artikolu 185 tat-Trattat, ir-rkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f'konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu għall-esekuzzjoni mmedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għal dan l-effett u fl-eventwalità ta' proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma disponibbli fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, li jinkludu miżuri proviżjonali, mingħajr preġudizzju għall-liġi tal-Komunità.

Artikolu 15

Perjodu ta' limitazzjoni

1. Il-poteri tal-Kummissjoni sabiex jirkupraw l-għajnuna għandhom ikunu suġġett għal perjodu ta' limitazzjoni ta' għaxar snin.

2. Il-perjodu ta' limitazzjoni għandu jibda dakinhar li fih l-għajnuna llegali tingħata lill-benefiċarju jew bħala għajnuna individwali jew bħala għajnuna taħt skema ta' għajnuna. Kull azzjoni meħudha mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru, li jaġixxi fuq talba tal-Kummissjoni, b'rigward għall-għajnuna llegali għandha tinterrompi l-perjodu ta' limitazzjoni. Kull interuzzjoni għandha tibda l-ħin mill-ġdid. Il-perjodu ta' limitazzjoni għandu jkun sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta' proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

3. Kull għajnuna li għaliha jkun skada l-perjodu ta' limitu, għandha tinftiehem li hi għajnuna eżistenti.

KAPITOLU IV

PROĊEDURA LI TIRRIGWARDA L-UŻU ĦAŻIN TA' GĦAJNUNA

Artikolu 16

Użu ħażin ta' għajnuna

Mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 23, il-Kummissjoni tista f'każijiet ta' użu ħażin ta' għajnuna tiftaħ il-proċedura għal investigazzjoni formali skond l-Artikolu 4(4). L-Artikoli 6,7,9 u 10, l-Artikolu 11(1), l-Artikoli 12, 13, 14 u 15 għandhom jgħoddu mutatis mutandis.

KAPITOLU V

PROĊEDURA LI TIRRIGWARDA SKEMI TA' GĦAJNUNA EŻISTENTI

Artikolu 17

Koperazzjoni skond l-Artikolu 93(1) tat-Trattat

1. Il-Kummissjoni għandha tikseb mill-Istati Membri kkonċernati l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-analiżi mill-ġdid, f'koperazzjoni ma' l-Istat Membru, ta' skemi ta' għajnuna eżistenti skond l-Artikolu 93(1) tat-Trattat.

2. Fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li skema ta' għajuna eżistenti m'hijiex, jew m'għadhiex, kompatibbli mas-suq komuni, għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat dwar l-opinjoni preliminarja tagħha u tagħti lill-Istat Memrbu kkonċernat l-opportunità li jissottometti l-kummenti tiegħu fi żmien xahar. F'każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni tista testendi dan il-perjodu.

Artikolu 18

Proposta għal miżuri xierqa

Fejn il-Kummissjoni, fid-dawl ta' l-informazzjoni sottomessa mill-Istat Membru skond l-Artikolu 17, tikkonkludi li l-iskema ta' għajnuna eżistenti m'hijiex, jew m'għadhiex, kompatibbli mas-suq komuni, għandha toħroġ rakommandazzjoni li tipproponi miżuri xierqa lill-Istat Membru kkonċernat. Ir-rakommandazzjoni tista' tipproponi, b'mod partikolari:

(a) emenda sustantiva ta' l-iskema ta' għajnuna;

jew

(b) introduzzjoni ta' ħtiġijiet proċedurali,

jew

(ċ) abolizzjoni ta' l-iskema ta' għajnuna.

Artikolu 19

Konsegwenzi legali ta' proposta għal miżuri xierqa

1. Fejn l-Istat Membru kkonċernat jaċċetta l-miżuri proposti u jinforma lill-Kummisjsoni dwarhom, il-Kummissjoni għandha tirreġistra dik is-sejba u tinforma lill-Istat Membru dwarha. L-Istat Membru għandu jkun marbut bl-aċċettazzjoni tagħha li jimplimenta l-miżuri xierqa.

2. Fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jaċċettax il-miżuri proposti u l-Kummissjoni, wara li tkun ikkunsidrat l-argumenti ta' l-Istat Membru kkonċernat, għandha tikkonsidra li dawk il-miżuri huma meħtieġa, għandha tibda l-proċeduri skond l-Artikolu 4(4). L-Artikoli 6, 7 u 9 għandhom jgħoddu mutatis mutandis.

KAPITOLU VI

PARTIJIET INTERESSATI

Artikolu 20

Drittijiet tal-partijiet interessati

1. Kull parti interessata tista' tissottometti kummenti skond l-Artikolu 6 wra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinbeda l-proċedura ta' investigazzjoni formali. Kull parti interessata li ssottomettiet dawn il-kummenti u kull benefiċjarju ta' għajnuna individwali għandha tintbgħatilhom kopja tad-deċiżjoni meħudha mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 7.

2. Kull parti interessata tista' tinforma lill-Kummissjoni dwar kull allegata għajnuna llegali u dwar kull allegat użu ħażin ta' għajnuna. Fejn il-Kummissjoni tikkonsidra li abbażi ta' l-informazzjoni fil-pussess tagħha m'hemmx raġunijiet biżżejjed biex tingħata opinjoni dwar il-każ, għandha tinforma lill-parti interessata b'dan. Fejn il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni fuq każ li jikkonċerna s-suġġett ta' l-argument ta' l-informazzjoni fornuta, għandha tibgħat kopja ta' dik id-deċiżjoni lill-parti interessata.

3. Fuq talba tagħha, kull parti interessata għandha tikseb kopja ta' kull deċiżjoni skond l-Artikoli 4 u 7, l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 11.

KAPITOLU VII

OSSERVAZZJONI

Artikolu 21

Rapporti annwali

1. Stati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni rapporti annwali dwar l-iskemi ta' għajnuna eżistenti kollha li għalihom ma kienu imposti l-ebda obbligi dwar rapporti f'deċiżjoni kondizzjonali skond l-Artikolu 7(4).

2. Fejn, minkejja mfakkar, l-Istat Membru kkonċernat jonqos milli jissottometti rapport annwali, il-Kummissjoni tista' tipproċedi f'konformità ma' l-Artikolu 18 dwar l-iskema ta' għajnuna kkonċernata.

Artikolu 22

Osservazzjoni fuq il-post

1. Fejn il-Kummissjoni għandha dubji serji dwar jekk deċiżjonijiet biex ma jitqajjmux oġġezzjonijiet, deċiżjonijiet posittivi jew deċiżjonijiet kondizzjonali dwar l-għajnuna individwali qegħdin humiex qed jitħarsu, l-Istat Membru kkonċernat, wara li jkun ingħata l-opportunità li jissottometti l-kummenti tiegħu, għandu jippermetti lill-Kummissjoni sabiex twettaq żjajjar ta' osservazzjoni fuq il-post.

2. L-uffiċjali awtorizzati mill-Kummissjoni għandhom jingħataw il-poter, sabiex jivverikaw il-konformità mad-deċiżjoni konċernata:

(a) sabiex jidħlu f'kull bini u art ta' l-impriża kkonċernata;

(b) jitolbu spjegazzjonijiet bil-fomm fuq il-post;

(ċ) jeżaminaw kotba u reġistru tal-kummerċ oħra u jieħdu, jew jitolbu, kopji.

Il-Kummissjoni tista' tkun assistita jekk meħtieġ minn esperti indipendenti.

3. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat, f'ħin tajjeb u bil-miktub, dwar iż-żjara ta' osservazzjoni fuq il-post u dwar l-identitajiet ta' l-uffiċjali u esperti awtorizzati. Jekk l-Istat Membru jkollu oġġezzjonijiet iġġustifikati għall-għażla tal-Komunità ta' l-esperti, l-esperti għandhom jinħatru fi ftehim komuni ma' l-Istat Membru. L-uffiċċjali tal-Kummissjoni u l-esperti awtorizzati li jwettqu l-osservazzjoni fuq il-post għandhom jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett ta' l-argument u l-għan taż-żjara.

4. L-uffiċċjali awtorizzati mill-Istat Membru li ser issir iż-żjara ta' osservazzjoni fit-territorju tiegħu jistgħu jkunu preżenti fiż-żjara ta' osservazzjoni.

5. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istat Membru b'kopja ta' kull rapport prodott bħala riżultat taż-żjara ta' osservazzjoni.

6. Fejn impriża topponi żjara ta' osservazzjoni ordnata minn deċiżjoni tal-Kummissjoni skond dan l-Artikolu, l-Istat Membru kkonċernat għandu joffri l-assistenza meħtieġa lill-uffiċjali u lill-esperti awtorizzati mill-Kummissjoni sabiex jawtorizzahom li jagħmlu ż-żjara ta' osservazzjoni. Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom, wara li jikkonsultaw mal-Kummissjoni, jieħdu l-miżuri meħtieġa fi żmien tmintax-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 23

Nuqqas ta' konformità ma' deċiżjonijiet u sentenzi

1. Fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jikkonformax mad-deċiżjonijiet kondizzjonali jew negattivi, b'mod partikolari f'każijiet imsemmija fl-Artikolu 14, il-Kummissjoni tista' tirreferi l-argument lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej direttament f'konformità ma' l-Artikolu 93(2) tat-Trattat.

2. Jekk il-Kummissjoni tikkonsidra li l-Istat Membru kkonċernat ma ħarisx sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, il-Kummissjoni tista' tfittex l-argument f'konformità ma' l-Artikolu 171 tat-Trattat.

KAPITOLU VIII

DISPOSIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu 24

Segretezza professjonali

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri, l-uffiċjali u impjegati oħra tagħhom, li jinkludu esperti indipendenti maħtura mill-Kummissjoni, m'għanhomx jiżvelaw informazzjoni li kisbu tramite l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u li hija koperta permezz ta' l-obbligu ta' segretezza professjonali.

Artikolu 25

Riċevitur tad-deċiżjonijiet

Deċiżjonijiet meħudha skond il-Kapitoli II, III, IV, V u VII għandhom ikunu indirizzati lill-Istat Membru kkonċernat. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istat Membru kkonċernat mingħajr dewmien u biex tagħti lill-dan ta' l-aħħar l-opportunità li jindika lill-Kummissjoni liema informazzjoni jikkonsidra li għandha tkun koperta mill-obbligu ta' segretezza professjonali.

Artikolu 26

Pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet

1. Il-Kummissjoni għandha tippubblika fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej sommarju tad-deċiżjonijiet li tieħu skond l-Artikolu 4(2) u (3) u l-Artikolu 28 f'konformità ma' l-Artikolu 19(1). L-avviż sommarju għandu jgħid li kopja tad-deċiżjoni tista' tinkiseb fil-verżjoni jew verżjonijiet tal-lingwa awtentika.

2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej id-deċiżjonijiet li tieħu skond l-Artikolu 44(4) fil-verżjoni tal-lingwa awtentika tagħhom. Fil-Ġurnal Uffiċċjali ppubblikat f'lingwi altru mill-verżjoni tal-lingwa awtentika, il-verżjoni tal-lingwa awtentika għandha tkun akkumpanjata minn sommarju bis-sena fil-lingwa ta' dak il-Ġurnal Uffiċjali.

3. Il-Kummissjoni għandha tippublika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej id-deċiżjonijiet li ħadet skond l-Artikolu 7.

4. F'każi fejn japplika l-Artikolu 4(6) jew Artikolu (2), għandu jkun pubblikat avviż qasir fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

5. Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'mod unanimu, jista' jiddeċiedi li jippubblika d-deċiżjonijiet skond it-tielet sottoparagrafu l-Artikolu 93(2) tat-Trattat fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 27

Implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet

Il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi f'konformità mal-proċedura mqiegħda fl-Artikolu 29, għandha jkollha l-poter li timplimenta disposizzjonijiet li jikkonċernaw il-forma, kontenut u dettalji oħra ta' notifiki, il-forma, kontenut u dettalji oħra ta' rapporti annwali, dettalji tal-limiti taż-żmien u l-kalkolu tal-limiti taż-żmien, u r-rata ta' l-imgħax li saret referernza għaliha fl-Artikolu 14(2).

Artikolu 28

Kumitat Konsultattiv dwar Għajnuna Statali

Għandu jitwaqqaf Kumitat Konsultattiv dwar l-għajnuna Statali (minn hawn ‘l quddiem imsejjaħ "Kumitat"). Għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u presedut mir-rappreżentant tal-Kummissjoni.

Artikolu 29

Konsultazzjoni tal-Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta r-rabta qabel tadotta xi disposizzjoni implimentattiva skond l-Artikolu 27.

2. Il-Konsultazzjoni tal-Kumitat għandha ssir f'laqgħa msejjħa mill-Kummissjoni. L-abbozzi u dokumenti li għandhom ikunu eżaminati għandhom ikunu annessi man-notifika. Il-laqgħa għandha ssir mhux aktar kmieni minn xahrejn wara li tkun intbagħtet in-notifika. Dan il-perjodu jista' jitnaqqas f'każ ta' urġenza.

3. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti opinjoni dwar l-abbozz, f'limitu ta żmien li fih il-president jista' jqiegħed skond l-urġenza ta' l-argument, jekk meħtieġ billi jittieħed b'vot.

4. L-opinjoni għandha tinkiteb fil-minuti, b'żieda għal dan, kull Stat Membru għandu jkollu d-dritt li jkollu l-posizzjoni tiegħu miktuba fil-minuti. Il-Kumitat jista' jirrikmanda l-pubblikazzjoni ta' din l-opinjoni fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

5. Il-Kummissjoni għandha tagħti l-aktar każ lill-opinjoni mogħtija mill-Kumitat. Għandha tinforma lill-Kumitat dwar il-manjiera li fih l-opinjoni tagħha kienet ikkunsidrata.

Artikolu 30

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara li jkun ippublikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Brussel, fit-22 ta' Marzu 1999.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Verheugen

[1] ĠU C 116, tas-16.4.1998, p. 13.

[2] Opinjoni mogħtija fl-14 ta' Jannar 1999 (għadha m'hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 284, ta' l-14.9.1998, p. 10.

--------------------------------------------------

Top