IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.12.2016
COM(2016) 940 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
NINVESTU FIŻ-ŻGĦAŻAGĦ TAL-EWROPA
EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016DC0940
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS INVESTING IN EUROPE'S YOUTH
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI NINVESTU FIŻ-ŻGĦAŻAGĦ TAL-EWROPA
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI NINVESTU FIŻ-ŻGĦAŻAGĦ TAL-EWROPA
COM/2016/0940 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.12.2016
COM(2016) 940 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
NINVESTU FIŻ-ŻGĦAŻAGĦ TAL-EWROPA
NINVESTU FIŻ-ŻGĦAŻAGĦ TAL-EWROPA
"Bħalissa fil-fruntieri tal-Unjoni Ewropea qiegħed jiġi ffurmat id-29 Stat. Huwa l-Istat li fih in-nies ma għandhomx xogħol. Huwa Stat li fih iż-żgħażagħ huma bla xogħol; Stat li fih qed naraw l-imwarrbin, lil dawk mitluqa mal-ġenb tat-triq. Kemm nixtieq li kieku dan id-29 Stat Membru jerġa' jsir Stat Membru normali."
Jean-Caude Juncker,
Diskors tal-Ftuħ fis-Sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew, il-15 ta’ Lulju 2014
"Bħal ma ninvestu sabiex intejbu l-kundizzjonijiet barra mill-Ewropa, jeħtieġ ninvestu wkoll fir-rispons għall-kriżijiet umanitarji hawnhekk stess. Aktar minn kull ħaġa oħra, jeħtieġ ninvestu fiż-żgħażagħ tagħna. Ma nistax u mhux se naċċetta li l-Ewropa hi u tibqa’ l-kontinent tal-qgħad fost iż-żgħażagħ. Ma nistax u mhux se naċċetta li l-millenials, il-Ġenerazzjoni Y, se jkunu l-ewwel ġenerazzjoni f’70 sena li se jkunu ifqar mill-ġenituri tagħhom. Ovvjament, dan huwa kompitu primarjament tal-gvernijiet nazzjonali. Iżda l-Unjoni Ewropea tista’ tappoġġa l-isforzi tagħhom."
Jean-Caude Juncker,
Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni, l-14 ta’ Settembru 2016
Il-proġett Ewropew huwa dwar il-bini ta’ futur aħjar għaċ-ċittadini Ewropej. Dan ifisser ukoll l-investiment fiż-żgħażagħ, billi nipprovdulhom opportunitajiet ġodda u ngħinuhom jaħtfu dawn l-opportunitajiet. Dan ifisser nagħtu liż-żgħażagħ l-aħjar bidu possibbli fil-ħajja billi ninvestu fl-għarfien, il-ħiliet u l-esperjenzi tagħhom, u ngħinuhom isibu jew jitħarrġu fl-ewwel impjieg tagħhom u nagħtuhom opportunità li jsemmgħu leħinhom. Dan l-investiment fiż-żgħażagħ jistabbilixxi l-pedament għal soċjetà ġusta, miftuħa u demokratika, għall-mobilità u l-inklużjoni soċjali kif ukoll għat-tkabbir u l-impjiegi sostenibbli.
1. Ħtieġa urġenti li ninvestu fiż-żgħażagħ tal-Ewropa
Tul dawn l-aħħar snin, is-sitwazzjoni tjiebet għaż-żgħażagħ f’ħafna aspetti: il-qgħad fost iż-żgħażagħ naqas minn quċċata ta' 23,9 % fl-2013 għal 18,5 % fl-2016, bi tnaqqis ta’ iktar minn 10 % tul l-aħħar sena biss. Il-proporzjon ta’ persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien naqas minn 17 % fl-2002 għal 11 % fl-2015. Fost dawk tal-età ta’ bejn 32 u 34 sena, il-kisba tal-edukazzjoni żdiedet minn 23,6 % fl-2002 għal 38,7 % fl-2015.
Madankollu, il-kriżi laqtet ħażin lill-popolazzjoni żagħżugħa u l-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ tibqa’ prijorità. B’aktar minn 4 miljun żgħażagħ fl-UE, l-Ewropej żgħażagħ ħassew il-piż tal-kriżi ekonomika u jistgħu jkomplu jiffaċċjaw sitwazzjoni diffiċli. Ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE għadha d-doppju tar-rata ġenerali tal-qgħad, u f’xi Stati Membri, tilħaq aktar minn 40 %. Dawn il-figuri ma jurux l-istampa kollha peress li bosta żgħażagħ mhumiex irreġistrati bħala qiegħda u mhumiex qed ifittxu xogħol minħabba varjetà ta’ fatturi, inklużi responsabbiltajiet tal-familja jew kwistjonijiet tas-saħħa iżda wkoll skoraġġiment u nuqqas ta’ inċentiv biex jirreġistraw bħala qiegħda. B’kollox, madwar 6,6 miljun żgħażagħ la għandhom impjieg, la edukazzjoni u lanqas taħriġ (NEETs), u għal xi wħud is-sitwazzjoni ilha hekk għal bosta snin.
Kawża oħra ta’ tħassib hija li edukazzjoni ta’ kwalità għadha mhijiex realtà għall-istudenti kollha, u li porporzjon kbir ta’ studenti għandu livell baxx ta’ ħiliet bażiċi. 11 % taż-żgħażagħ telqu mill-iskola qabel iż-żmien u mingħajr kwalifika formali. Dan in-nuqqas ta’ kwalifika formali jillimita ċ-ċansijiet tagħhom li jsibu mpjieg. Madwar 60 % ta’ dawn il-"persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien" huma qiegħda jew inattivi. Bħala medja, iż-żgħażagħ bi sfond ta’ migrazzjoni (li jirrappreżentaw proporzjon dejjem akbar tal-popolazzjoni żagħżugħa fil-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE 1 ) huma aktar probabbli li jkunu dawk li jħallu l-iskola kmieni u għandhom rati ogħla ta' nuqqas ta' impjieg, edukazzjoni jew taħriġ 2 . Skont l-aħħar data tal-PISA, il-proporzjon ta' studenti li juru ħiliet ferm baxxi fix-xjenza u l-qari qed jiżdied. Fil-qasam tax-xjenza, il-proporzjon ta' dawk b'riżultati baxxi tela' b'erba' punti perċentwali (minn 16,6 % fl-2012 għal 20,6 % fl-2015) u fil-qari tela' bi kważi żewġ punti perċentwali (minn 17,8 % fl-2012 għal 19,7 % fl-2015). Il-proporzjon ta' dawk b'riżultati baxxi baqa' iktar għoli fil-matematika (22,2 % fl-2015, żieda ċkejkna minn 22,1 % fl-2012). Dan huwa rigress kbir li jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jsir rieżami tal-prestazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni Ewropej. Aktar minn 20 % tat-tfal tal-iskola għandhom diffikultajiet biex isolvu kompiti sempliċi fil-matematika. Aktar minn 16 % għandhom problemi fix-xjenza u aktar minn 17 % għandhom diffikultajiet fil-qari 3 . Wieħed biss minn kull erba’ żgħażagħ jirrapporta li kiseb ftit ħiliet diġitali permezz tal-edukazzjoni formali. L-istudenti minn sfond soċjoekonomiku dgħajjef huma rappreżentati ż-żejjed fil-grupp tal-istudenti li juru prestazzjoni baxxa li jwassal għal riskju ta’ trażmissjoni ta’ faqar u esklużjoni soċjali minn ġenerazzjoni għall-oħra 4 .
F’dan l-isfond, ħafna żgħażagħ ma jħarsux b’kunfidenza lejn il-futur tagħhom. 57 % tal-ġenerazzjoni żagħżugħa tħoss li ż-żgħażagħ huma esklużi mill-ħajja ekonomika, soċjali u demokratika 5 . Fl-istess ħin, iż-żgħażagħ huma ħerqana biex jinvolvu ruħhom u jipparteċipaw fis-soċjetà. Is-sitwazzjoni u l-prospetti taż-żgħażagħ mhumiex kompatibbli mal-ekonomija tas-suq soċjali tal-Ewropa u l-prijorità tal-Kummissjoni biex tingħata spinta lill-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment. Kif enfasizzat mill-President Juncker fid-Diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, hemm riskju li l-millennials - il-Ġenerazzjoni Y - jistgħu jkunu l-ewwel ġenerazzjoni f’70 sena li jkunu ifqar mill-ġenituri tagħhom. Dan għandu x’jaqsam ukoll mal-bidliet usa’ ekonomiċi u demografiċi fis-soċjetajiet Ewropej u mal-mod kif il-ġid u l-opportunitajiet huma mqassma bejn il-ġenerazzjonijiet, bil-kriżi ta’ dawn l-aħħar snin tkompli taggrava xejriet aktar profondi.
Din hija ġlieda li l-Ewropa trid tirbaħ. Perjodu ta’ qgħad kmieni fil-ħajja jġib miegħu tbatija personali u jista’ jkollu impatt negattiv fuq il-ħajja sħiħa ta’ persuna. Jekk nirbħu l-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ ifisser li nġibu aktar żgħażagħ f'impjiegi tajbin. Dan huwa essenzjali biex l-Ewropa tiżgura tkabbir sostenibbli u prosperità. L-indirizzar tas-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol hija wkoll kwistjoni ta’ ġustizzja soċjali u, fl-aħħar mill-aħħar, tal-kredibbiltà tal-mudell soċjali u ekonomiku tal-Ewropa.
Il-Kummissjoni tipproponi sforz imġedded għall-appoġġ liż-żgħażagħ. Wara d-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni, il-pjan direzzjonali ta' Bratislava maqbul mill-mexxejja tal-UE tas-27 Stat Membru stabbilixxa l-ħtieġa li jiġu pprovduti opportunitajiet aħjar għaż-żgħażagħ permezz ta’ aktar appoġġ mill-UE lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u dwar programmi tal-UE ddedikati għaż-żgħażagħ. Bħala risposta, din il-Komunikazzjoni tipproponi azzjonijiet biex ninvestu b’mod aktar effettiv fiż-żgħażagħ. L-għan hu li ngħinuhom jaħtfu l-opportunitajiet, jintegraw sew fis-soċjetà, isiru ċittadini attivi u jsegwu karriera professjonali ta’ suċċess. Din l-inizjattiva hija dwar kif l-UE u l-Istati Membri jistgħu jżidu l-isforzi tagħhom biex liż-żgħażagħ joffrulhom l-appoġġ, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-opportunitajiet ta’ xogħol li jistħoqqilhom. Il-Komunikazzjoni hija parti minn pakkett akbar ta’ azzjoni biex itejjeb l-opportunitajiet taż-żgħażagħ. Bħala parti minn dan il-pakkett, il-Kummissjoni tniedi l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà 6 u tippreżenta Komunikazzjoni dwar it-titjib u l-immodernizzar tal-edukazzjoni 7 .
2. Azzjoni tal-UE favur iż-żgħażagħ
Ir-responsabbiltà ewlenija għal politiki u miżuri għaż-żgħażagħ hija f’idejn l-Istati Membri, anke biex jiġu spjegati l-benefiċċji u l-appoġġ għall-azzjoni tal-UE. L-Istati Membri għandhom ir-responsabilità ewlenija għall-politiki tagħhom dwar l-impjiegi, l-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ, iżda l-Unjoni Ewropea għandha rwol li tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri u ilha tagħmel dan għal bosta snin. Dan kien partikolarment il-każ ta’ din il-Kummissjoni, bl-enfasi qawwi mogħtija lill-impjieg taż-żgħażagħ, u b’mod partikolari l-enfasi fuq l-introduzzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ permezz tal-forniment minn qabel tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fl-2015 u aktar reċentement, fl-2016, bl-Aġenda għal Ħiliet Ġodda għall-Ewropa. Madankollu, ta’ spiss, ma jkunx jidher b'mod ovvju lill-benefiċjarji tal-azzjoni tal-UE minn fejn ikun ġie l-appoġġ: politiki u azzjonijiet li nbdew fil-livell tal-UE jew ibbenefikaw minn appoġġ finanzjarju mill-UE ta’ sikwit jiksbu riżultati notevoli, iżda peress li huma mogħtija minn awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali, ħafna nies mhumiex konxji tar-rwol tal-UE f’dawn il-miżuri.
2.1. L-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ
Il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ tibqa’ prijorità ewlenija għall-UE. Il-promozzjoni tal-impjiegi hija kwistjoni ta’ tħassib komuni, kondiviża mill-Istati Membri kollha. L-Unjoni Ewropea tagħti l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri permezz ta’ firxa ta’ politiki u azzjonijiet, u permezz ta’ mezzi finanzjarji speċifiċi.
Taħt il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tas-Semestru Ewropew, l-UE qed toffri konsulenza u gwida politika 8 lill-Istati Membri dwar il-promozzjoni ta’ riformi strutturali li jiffaċilitaw l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fid-dinja tax-xogħol. L-oqsma ta’ prijorità ewlenija fis-Semestru Ewropew tal-2016 kienu politiki attivi tas-suq tax-xogħol, it-tluq bikri mill-iskola, it-titjib tal-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ għal gruppi vulnerabbli, ir-rilevanza tal-edukazzjoni għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, it-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u l-apprendistati u appoġġ immirat liż-żgħażagħ li huma barra mill-edukazzjoni, l-impjieg u t-taħriġ. L-appoġġ finanzjarju mogħti mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment tal-UE huwa allinjat ma’ din il-gwida politika (ara l-kaxxa).
Eżempji ta’ azzjoni tal-UE għaż-żgħażagħ fil-qasam tal-impjiegi:
- Minn Jannar 2014, aktar minn 14-il miljun żgħażagħ daħlu fi skema nazzjonali ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ, li ġie deċiż li titwaqqaf fl-2013. Madwar 9 miljun aċċettaw offerta għal impjieg, tkomplija tal-edukazzjoni, apprendistat jew traineeship minn dak iż-żmien ‘l hawn. L-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ, li hija riżorsa prinċipali ta' finanzjament finanzjarju tal-UE biex tappoġġa l-introduzzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, tnediet fl-2013 u ġiet sussidjata b’baġit totali ta’ EUR 6,4 biljun.
- Il-Fond Soċjali Ewropew ilu jinvesti għal 60 sena fil-ħiliet, l-edukazzjoni u t-taħriġ taż-żgħażagħ. Bejn l-2007 u l-2013, il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) appoġġa aktar minn 30 miljun żgħażagħ. Bejn l-2014 u l-2020, iktar minn EUR 6 biljun tal-FSE huwa allokat għal miżuri li jtejbu l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u EUR 27 biljun għal miżuri tal-edukazzjoni u t-taħriġ.
- Għall-istess perjodu, 6,8 miljun żgħażagħ se jkunu jistgħu jużaw faċilitajiet edukattivi ġodda jew mtejba fi 15-il Stat Membru permezz ta’ finanzjament ipprovdut mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
- Se jiġu investiti EUR 2 biljuni taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali fit-taħriġ u s-servizzi konsultattivi matul l-istess perjodu, filwaqt li jiżdiedu wkoll il-ħiliet u l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, u EUR 7 biljuni huma allokati biex jappoġġaw negozji ġodda f'żoni rurali, b’enfasi qawwija fuq iż-żgħażagħ.
- Il-Bank Ewropew tal-Investiment permezz tal-programm "Ħiliet u Impjiegi - Ninvestu għaż-Żgħażagħ" jappoġġa investimenti fil-kapital uman (eż. it-taħriġ vokazzjonali, self għall-studenti, il-programmi ta’ mobilità b’valur ta’ EUR 7 biljun matul il-perjodu 2013–15) u jipprovdi aċċess għall-finanzi marbuta mal-impjieg taż-żgħażagħ fl-SMEs (EUR 26 biljun allokati lil SMEs benefiċjarji 2013–15). 9
F’dawn l-aħħar snin, l-introduzzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ ikkontribwixxiet għat-titjib tas-sitwazzjoni fuq il-post. Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ ġiet proposta mill-Kummissjoni u adottata permezz ta’ Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 10 mill-Istati Membri fl-2013. Huwa impenn politiku li żgħażagħ taħt l-età ta’ 25 sena jirċievu offerta ta’ xogħol ta’ kwalità tajba, it-tkomplija tal-edukazzjoni, apprendistat jew traineeship fi żmien erba' xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jieqfu mill-edukazzjoni formali. Minbarra l-istrumenti ewlenin oħra tal-UE, bħall-Fond Soċjali Ewropew, ġie mniedi strument finanzjarju speċifiku tal-UE - l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ - biex jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Garanzija taż-Żgħażagħ fit-territorji tal-Ewropa l-aktar milquta mill-qgħad fost iż-żgħażagħ. Sabiex titħaffef l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fuq il-post, fil-bidu tal-2015, il-Kummissjoni għamlet disponibbli bil-quddiem ta’ EUR 1 biljun. Barra minn hekk, f’Settembru 2016, ukoll fid-dawl tal-ewwel riżultati tal-implimentazzjoni, hija pproponiet li ssaħħaħ u testendi l-pakkett finanzjarju disponibbli għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ sal-2020.
Eżempji prattiċi dwar l-impatt konkret tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ/Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ:
- l-iskema Franċiża Emplois d'avenir, li nbdiet fl-2012 u li hija parzjalment iffinanzjata mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, li għandha l-għan li twassal impjiegi ssussidjati għal żgħażagħ bi ftit kwalifiki li jgħixu f’żoni żvantaġġati. Il-kuntratti ta’ impjieg huma twal minn sena sa tliet snin u huma disponibbli kemm f’NGOs u negozji privati. Fl-2016, kienu appoġġati 150 000 żagħżugħ.
- fil-Latvja, il-proġett "Kun af u agħmel", li beda fl-2015 u li huwa appoġġat mill-Fond Soċjali Ewropew, jappoġġa ħidma ta’ sensibilizzazzjonifuq livell muniċipali. Għandu l-għan li jidentifika, iħeġġeġ u jattiva żgħażagħ mhux irreġistrati bejn il-15 u d-29 sena biex jerġgħu lura għall-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ.
- fil-Kroazja, grazzi għall-finanzjament mill-Fond Soċjali Ewropew, issa huma fis-seħħ ħdax-il Ċentru ta’ Gwida Professjonali Tul il-Ħajja. Huma jipprovdu servizzi bla ħlas ta’ gwida professjonali tul il-ħajja - wiċċ imb wiċċ kif ukoll ibbażati fuq l-internet - liċ-ċittadini kollha b’enfasi speċjali fuq iż-żgħażagħ.
2.2. Ninvestu fil-ħiliet, il-kompetenzi u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol
Il-ħiliet u l-kompetenzi huma investiment ewlieni. Fl-ekonomija bbażata fuq l-għarfien, firxa wiesgħa ta’ ħiliet u kompetenzi hija indispensabbli 11 . L-investiment fihom jgħin jiffaċilita t-tranżizzjoni għax-xogħol, jiġi evitat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u jsostni l-innovazzjoni, il-kompetittività u l-ġustizzja soċjali. Is-sistemi edukattivi jridu jiksbu riżultati aħjar, jiġifieri riżultati tajbin ta' tagħlim għall-istudenti kollha, speċjalment dawk minn sfond żvantaġġat. Trid titpoġġa enfasi partikolari fuq it-titjib tal-prestazzjoni billi tiżdied l-effiċjenza u fuq il-kwalità tat-tagħlim. Tagħlim aħjar hija fattur ewlieni biex jitjiebu kemm il-kwalità kif ukoll l-effiċjenza.
Sistemi edukattivi u ta' taħriġ vokazzjonali ta’ kwalità għolja jiffaċilitaw it-tranżizzjoni taż-żgħażagħ lejn is-suq tax-xogħol. B’mod partikolari, matul il-kriżi, is-sistemi vokazzjonali u ta’ apprendistat żviluppati tajjeb urew li huma fost il-modi l-aktar effikaċi biex il-qgħad fost iż-żgħażagħ jinżamm taħt kontroll jew jiġi evitat.. Ir-raġuni għal dan is-suċċess hija li l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, it-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol u l-apprendistati huma partikolarment effettivi biex jipprovdu ħiliet li huma rilevanti għas-suq tax-xogħol. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni appoġġat l-involviment attiv tas-sħab soċjali fit-titjib tal-kwalità ta’ offerti fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u rawmet l-iżvilupp ta’ sħubijiet bejn id-dinja tal-edukazzjoni u n-negozji. Barra minn hekk, billi tiġi pprovduta evidenza u jiġi promoss it-tagħlim reċiproku fuq il-bażi tal-prijoritajiet komuni, il-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri sabiex itejbu s-sistemi tagħhom tal-edukazzjoni u t-taħriġ.
Eżempji ta’ azzjonijiet tal-UE fil-qasam tal-ħiliet, l-edukazzjoni u t-taħriġ:
- F’Ġunju 2016, il-Kummissjoni nediet Aġenda Ġdida dwar il-Ħiliet 12 għall-Ewropa. Din tinkludi pakkett ta’ miżuri li għandhom l-għan li jipprovdu aktar żgħażagħ b’ħiliet aħjar, li jsir użu aħjar tal-ħiliet eżistenti u li jtejbu d-domanda u l-provvista tal-ħiliet.
- Mill-2013, l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati involviet l-Istati Membri, is-sħab soċjali, in-negozji, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u partijiet ikkonċernati oħra biex tissaħħaħ il-provvista , il-kwalità, l-immaġni u l-mobilità tal-apprendistati. Barra minn hekk, permezz tal-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ, li tnieda fl-2015 flimkien ma’ negozji Ewropej ewlenin biex flimkien jistabbilixxu tal-inqas 100 000 apprendistat, traineeship jew impjieg fil-livell tad-dħul ta' kwalità tajba ġodda, il-Kummissjoni taħdem mal-komunità tan-negozju sabiex in-negozju u l-edukazzjoni tas-sħubija jsiru n-“norma” l-ġdida. Il-Patt għaż-Żgħażagħ u l-Alleanza għall-Apprendistati diġà mmobilizzaw aktar minn 500 000 opportunità ta' taħriġ u impjieg għaż-żgħażagħ, fil-forma ta’ impenji minn kumpaniji u organizzazzjonijiet. Flimkien mal-azzjoni biex jiżdiedu l-għadd u l-kwalità ta' apprendistati u opportunitajiet ta’ taħriġ, il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib mal-Istati Membri, is-sħab soċjali u l-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali biex isaħħu s-sistemi tagħhom tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.
- L-ewwel Ġimgħa Ewropea tal-Ħiliet Vokazzjonali (5–9 ta’ Diċembru 2016) ser tilħaq iktar minn 500 000 żagħżugħ, ġenitur, professjonist, min iħaddem u sieħeb soċjali madwar l-UE sabiex jippreżentaw l-eċċellenza u l-kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.
2.3. Noffru opportunitajiet transfruntieri u nżidu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ
It-tagħlim, l-istudju u t-taħriġ f’pajjiż ieħor jipprovdi esperjenza unika u jiftaħ orizzonti ġodda. L-ekonomiji tal-Ewropa huma interkonnessi sew. Jekk iż-żgħażagħ jingħataw l-opportunità li jwessgħu l-orizzont tagħhom jiġu megħjuna jsiru aktar awtonomi u kunfidenti fiha nfushom. Huwa mezz biex jiksbu ħiliet u għarfien ġodda, u joffri opportunità unika, peress li jinkludi lezzjonijiet dwar kif għandhom jindirizzaw id-diversità u jkampaw f’ambjent differenti.
Il-programm Erasmus + joffri appoġġ lil firxa wiesgħa ta’ żgħażagħ, inklużi studenti universitarji, studenti u l-apprendisti fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-volontarjat u l-iskambji taż-żgħażagħ. Bejn l-2014 u l-2020, Erasmus + huwa mogħni b’baġit totali ta’ EUR 14,8 biljun. Huwa mistenni li joffri appoġġ lil aktar minn 4 miljun żgħażagħ. Studji reċenti jenfasizzaw l-impatt tanġibbli tal-programm, b’mod partikolari fuq l-impjegabbiltà 13 . Studenti li kienu mobbli għandhom inqas possibbiltà li jesperjenzaw il-qgħad fit-tul wara l-gradwazzjoni meta mqabbla ma’ dawk li ma studjawx jew tħarrġu barra l-pajjiż. Wieħed minn kull tliet studenti li jagħmlu traineeships barra mill-pajjiż appoġġati mill-Erasmus + jirċievi offerta ta’ impjieg fil-kumpanija li kienu ħadmu fiha. Barra minn hekk, it-trainees tal-Erasmus huma wkoll aktar imprenditorjali mill-kontropartijiet tagħhom li baqgħu f'pajjiżhom: wieħed minn kull għaxra bdew il-kumpanija tagħhom u iktar minn tlieta minn erba' qed jippjanaw dan, jew jistgħu jimmaġinaw jibdewha. Fl-aħħar mill-aħħar, l-istudenti tal-Erasmus għandhom iktar ħiliet ta' soluzzjoni tal-problemi, adattabilità, tolleranza u kunfidenza minn dawk li ma marrux barra l-pajjiż. Dawn huma ħiliet apprezzati ferm minn min iħaddem, iżda huma wkoll assi soċjali u ċiviċi essenzjali.
F’soċjetà miftuħa u demokratika, huwa kruċjali li minn età żgħira, in-nies jassumu responsabbiltajiet bħala ċittadini attivi. Dan it-tip ta’ ċittadinanza attiva jeħtieġ li ż-żgħażagħ ikollhom l-opportunità li jipparteċipaw u jsemmgħu leħinhom. Biex isiru attivi fis-soċjetà, iż-żgħażagħ iridu jesperjenzaw li dak li jagħmlu huwa importanti u li jistgħu jinfluwenzaw deċiżjonijiet li huma importanti għalihom. F’kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ 14 . Hija għandha żewġ għanijiet ewlenin: li tipprovdi iktar opportunitajiet u opportunitajiet indaqs għaż-żgħażagħ fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol, u li tħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jipparteċipaw b’mod attiv fis-soċjetà. Parti essenzjali mill-istrateġija hija l-element konsultattiv, parteċipattiv tagħha: bis-saħħa tad- “djalogu strutturat”, 170 000 żagħżugħ minn madwar l-Ewropa ġew mobilizzati biex jgħidu tagħhom lil dawk li jfasslu l-politika dwar il-politiki li huma ta’ importanza għalihom.
Eżempji ta’ azzjonijiet tal-UE fil-qasam tal-mobilità u l-volontarjat:
- Il-programm Erasmus se jiċċelebra t-30 anniversarju tiegħu s-sena d-dieħla, u madwar 5 miljun żgħażagħ ibbenefikaw matul is-snin. Għall-perjodu 2014-2020, grazzi għaż-żieda fil-finanzjament u d-diversifikazzjoni ta' direzzjonijiet,
huma mistennija li jibbenefikaw 4 miljuni.
- Strument biex iż-żgħażagħ jimpenjaw ruħhom kien is-Servizz Volontarju Ewropew, li kien il-mutur ċentrali fir-rigward tal-volontarjat transnazzjonali għal 20 sena. Kull sena, is-Servizz jappoġġa madwar 10 000 voluntiera żgħażagħ li jmorru barra minn pajjiżhom biex jikkontribwixxu għal varjetà ta’ fatturi, bħal pereżempju, attivitajiet taż-żgħażagħ, appoġġ soċjali għal persuni fil-bżonn jew il-protezzjoni tal-ambjent.
3. Sforz imġedded biex ninvestu fiż-żgħażagħ
Filwaqt li qed ikomplu t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, m’hemmx lok għal kompjaċenza. Il-konsegwenzi tal-kriżi kienu vasti u l-isfida ppreżentata minn snin ta’ qgħad kbir hija diffiċli f’ħafna partijiet tal-Ewropa. L-UE għandha sensiela ta’ riżultati li jagħtu bidu u jippromwovu politiki u azzjonijiet li jappoġġaw liż-żgħażagħ. It-triq għas-suċċess hija l-azzjoni konġunta, li tinvolvi atturi fil-livelli kollha u b’mod partikolari fil-livelli tal-gvern responsabbli u s-sħab soċjali. Il-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa li jsir progress fuq dawn it-tliet linji ta’ azzjoni li ġejjin:
3.1. Opportunitajiet aħjar sabiex ikun hemm aċċess għall-impjieg
Is-Semestru Ewropew iwassal għal riformi fil-livell nazzjonali u nħarġet gwida preċiża lil diversi Stati Membri. Fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir riċenti, li jagħti bidu għas-Semestru Ewropew tal-2017, il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza li tingħata prijorità lill-investiment fil-kapital uman, li jimplika titjib tal-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u investiment fil-ħiliet u l-edukazzjoni tagħhom.
Għandha tiġi żgurata implimentazzjoni sħiħa u sostenibbli tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ fuq il-post fl-Istati Membri kollha. L-impenn politiku u l-appoġġ finanzjarju kontinwi lill-Garanzija għaż-Żgħażagħ qed jagħmlu differenza, u huma essenzjali biex jitgawdew il-benefiċċji tax-xogħol li sar s’issa. Implimentazzjoni ta’ skala sħiħa għadha riċenti f’numru ta’ Stati Membri, minħabba li ħafna miżuri kellhom bżonn riformi sostanzjali u sħubijiet wiesgħa, li minnhom infushom huma modi ġodda u promettenti għall-għoti tal-appoġġ. 15 Peress li s-sitwazzjoni qed titjieb f’bosta partijiet tal-Ewropa, prijorità ewlenija f’bosta Stati Membri se tkun li jiġi żgurat li anke żgħażagħ bi ftit kwalifiki jirċievu appoġġ adegwat. Dan jitlob li jkun hemm aċċessibbiltà aħjar għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ u kuntatt iktar effettiv lejn iż-żgħażagħ li huma barra mill-edukazzjoni, l-imġjieg jew it-taħriġ u li mhumiex irreġistrati mas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi. Dan jeħtieġ ukoll it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi u mal-partijiet ikkonċernati u t-titjib tal-kapaċità tas-sħab, b’mod partikolari s-servizzi pubbliċi tal-impjieg, biex titwassal il-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Jenħtieġ li jiġu introdotti mekkaniżmi aħjar biex ikun żgurat li ż-żgħażagħ jirċievu offerti ta’ kwalità għolja billi jiġu stabbiliti standards għal kriterji ta’ kwalità. Jenħtieġ li jissaħħaħ il-forniment ta’ apprendistati taħt il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, minħabba li jirrappreżenta biss 4,1 % tal-opportunitajiet meħuda s’issa.
Biex tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ fir-reġjuni li jeħtiġuha l-aktar, ir-riżorsi disponibbli għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ għandhom jiżdiedu. Fil-qafas tal-analiżi ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, il-Kummissjoni pproponiet li tissupplimenta l-allokazzjoni oriġinali tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ b'EUR 1 biljun għall-perjodu 2017–2020. Fondi mqabbla ta’ EUR 1 biljun se jiġu pprovduti mill-Fond Soċjali Ewropew. Jekk jintlaħaq qbil, dan il-finanzjament addizzjonali huwa mistenni li jippermetti madwar
miljun żgħażagħ iktar jibbenefikaw mill-appoġġ tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ.
3.2. Opportunitajiet aħjar permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ
Il-Kummissjoni hija determinata li tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u tappoġġa l-isforzi tagħhom biex jirriformaw is-sistemi edukattivi u tat-taħriġ.
Il-Kummissjoni se ttejjeb l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri u fl-2017 se tippreżenta azzjonijiet speċifiċi biex timmodernizza l-iskola u l-edukazzjoni għolja, inkluża aġenda aġġornata għall-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja,
inizjattiva speċifika dwar l-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati, aġenda għall-appoġġ tal-iżvilupp tal-iskejjel u l-għalliema, u rieżami tar-Rakkomandazzjoni dwar il-Kompetenzi Prinċipali għat-Tagħlim tul il-Ħajja, kif ukoll miżuri ta' akkumpanjament oħrajn biex jappoġġaw it-trasformazzjoni diġitali fl-edukazzjoni u aċċess imtejjeb għall-ħiliet u t-tagħlim diġitali.
Biex tavvanza l-kwalità, il-forniment, l-attrattività u l-inklużjoni tal-apprendistati u tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-Kummissjoni se tipproponi Qafas ta’ Kwalità għall-Apprendistati 16 , li jistipula prinċipji ewlenin għat-tfassil u t-twettiq ta’ apprendistati fil-livelli kollha, bi flessibbiltà biżżejjed biex jiġu applikati sistemi differenti ħafna tal-Istati Membri. Il-Qafas ta’ Kwalità jista’ jirfed il-kwalità tal-apprendistati appoġġati permezz ta’ programmi tal-UE (il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, Erasmus+ u l-Fond Soċjali Ewropew).
Fl-2017 se jiġi stabbilit servizz ta' appoġġ għall-apprendistati skont id-domanda, filwaqt li jibni fuq is-suċċess tal-mudell ta’ tagħlim komparattiv tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u jappoġġa l-pajjiżi biex jintroduċu jew jirriformaw is-sistemi tal-apprendistat tagħhom. Dan is-servizz ta' appoġġ se jtejjeb ukoll il-kondiviżjoni tal-għarfien, il-kooperazzjoni u t-tagħlim bejn il-pari dwar l-apprendistati permezz tal-identifikazzjoni ta’ prattiki tajbin, u t-tisħiħ tat-tagħlim reċiproku. Se jkun hemm enfasi partikolari fuq atturi ta' mobilizzazzjoni għal azzjonijiet konkreti fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali.
Il-mobbiltà tat-tagħlim fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali ġġib benefiċċji kemm lill-parteċipanti kif ukoll lil min iħaddem. L-istudji 17 juru li soġġorni itwal minn sitt (6) xhur jipprovdu l-ogħla valur miżjud f’termini ta’ titjib tal-ħiliet professjonali, personali u soċjali. Madankollu, illum, il-maġġoranza tal-kollokamenti tal-apprendistati fi Stat Membru ieħor huma għal żmien qasir (72 % għal inqas minn xahar (1) u 21 % bejn xahar (1) u tliet (3) xhur). B’reazzjoni għat-talbiet tal-Parlament Ewropew biex tiżdied il-kwalità u l-attrattività tal-mobbiltà tal-apprendisti, il-Kummissjoni se tipproponi attività ta' mobbiltà ta' durata twila iddedikata (minn sitta (6) sa 12-il xahar) bl-isem ta' "ErasmusPro", fil-programm eżistenti Erasmus+ biex jappoġġa l-kollokamenti tax-xogħol barra l-pajjiż. Qafas ta’ appoġġ qawwi, li se jinkludi tħejjija bir-reqqa, implimentazzjoni strutturata u segwitu xieraq, se jiżgura l-impatt u l-kwalità tal-esperjenza ta’ mobbiltà. Kooperazzjoni mill-qrib ma’ min iħaddem u partijiet ikkonċernati oħra fl-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati u tal-Patt għaż-Żgħażagħ 18 , u sħubiji b’saħħithom ma’ dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali, korpi intermedjarji u s-servizzi pubbliċi tal-impjieg biex jintlaħqu l-impjegaturi lokali, se tiżgura ġabra usa’ ta’ kumpaniji li huma lesti li jilqgħu studenti mobbli tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, b’mod partikolari l-apprendistati.
3.3. Opportunitajiet aħjar għas-solidarjetà, il-mobbiltà għat-tagħlim u l-parteċipazzjoni
Fil-kuntest tal-analiżi ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali,
il-Kummissjoni pproponiet li tagħti spinta ulterjuri għall-mobbiltà għat-tagħtlim permezz ta' żieda sinifikanti ta' EUR 200 miljun fil-baġit għall-Erasmus+ sal-2020.
Il-Kummissjoni qed tistabbilixxi Korp Ewropew ta’ Solidarjetà li se jsaħħaħ il-pedamenti għal ħidma ta' solidarjetà fl-Ewropa. Dan se jgħaqqad żgħażagħ entużjasti u impenjati li qed jaħdmu fuq proġett ta’ solidarjetà komuni. Huwa se joffri esperjenza li tispira u li tagħti s-setgħa liż-żgħażagħ li jixtiequ jgħinu, jitgħallmu u jiżviluppaw, filwaqt li jiksbu esperjenza siewja. Huwa se jipprovdi bażi estiża ta’ appoġġ għal organizzazzjonijiet madwar l-Ewropa li jipprovdu opportunitajiet ta' solidarjetà għaż-żgħażagħ. Dan se jservi l-ħtiġijiet ta’ komunitajiet vulnerabbli, ta’ strutturi pubbliċi nazzjonali u lokali fuq firxa wiesgħa ta’ oqsma bħall-provvista tal-ikel u l-alloġġ għal persuni bla dar, it-tindif tal-foresti, l-appoġġ lil reġjuni milquta mid-diżastri jew l-għajnuna fl-integrazzjoni tar-refuġjati.
Sabiex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni ċivika taż-żgħażagħ, il-Kummissjoni se tħejji reviżjoni tal-Istrateġija Ewropea taż-Żgħażagħ għall-perjodu ta’ wara l-2018. Se jsiru konsultazzjonijiet wiesgħa taż-żgħażagħ u l-partijiet ikkonċernati ewlenin matul is-sena 2017 biex jiddiskutu dak li l-istrateġija għandha tiffoka fuqu fil-ġejjieni. Kwistjoni ewlenija hija kif jistgħu jiġu pprovduti aktar opportunitajiet u opportunitajiet aħjar biex iż-żgħażagħ jipparteċipaw b’mod attiv fil-ħajja politika u l-proċessi demokratiċi. Il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa u ssaħħaħ l-istrumenti tagħha għal djalogu u skambju bejn iż-żgħażagħ (eż. l-inizjattiva One Million, il-proġett ta' Narrattiva Ġdida għall-Ewropa u d-djalogu strutturat).
Il-mobbiltà taż-żgħażagħ hija essenzjali biex jiżdiedu l-kuxjenza u l-identità Ewropea. F’konformità mas-suġġeriment tal-Parlament Ewropew u fl-okkażjoni tat-30 anniversarju tal-Erasmus fl-2017, il-Kummissjoni se tappoġġa mobbiltà multimodali għaż-żgħażagħ impenjati fi proġett edukattiv. Dan joffri opportunitajiet ġodda biex ġenerazzjonijiet żgħażagħ jiskopru l-Ewropa u jagħmlu esperjenzi tagħhom stess.
4. Konklużjoni
Din il-Komunikazzjoni "Ninvestu fiż-Żgħażagħ tal-Ewropa" tressaq azzjonijiet konkreti tal-UE biex jgħinu liż-żgħażagħ isibu l-impjieg, l-edukazzjoni u l-opportunitajiet ta’ taħriġ li jistħoqqilhom. L-isfidi huma kbar. Huma komuni għall-Istati Membri kollha.
Huma biss sħubija wiesgħa u impenn konġunt bejn l-UE u l-Istati Membri li jistgħu jagħtu l-bidla fil-pass li s-sitwazzjoni attwali teħtieġ. Dan huwa wkoll l-ispirtu tas-sejħa stabbilita id-Dikjarazzjoni ta’ Bratislava maqbula mill-mexxejja tal-UE tas-27 Stat Membru.
Filwaqt li tibni fuq dak li nkiseb f’dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni hija impenjata li taħdem mill-qrib mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill sabiex iżżid l-appoġġ għall-investiment fiż-żgħażagħ madwar l-Ewropa. Hija se taħdem mill-qrib mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati fil-livelli kollha biex jgħinu fl-isforzi tagħhom. Hija tistenna bil-ħerqa wkoll l-impetu u r-riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tal15–16 ta’ Diċembru 2016 jaqblu dwar sett ta’ inizjattivi ambizzjużi tul it-tliet linji ta’ azzjoni deskritti hawn fuq.
Iż-żgħażagħ imwielda barra u dawk nattivi b'ġenitur imwieled barra fl-2014 kienu jirrappreżentaw 20 % ta’ dawk b’età bejn 15 u 29 sena fl-UE, Eurostat, 2014. Aktar minn erbgħa minn kull ħamsa (83 %) mill-applikanti għall-ażil għall-ewwel darba fl-UE-28 fl-2015 kellhom inqas minn 35 sena.
Kważi kwart taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi tal-età bejn 18 u 24 sena jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien meta mqabbla ma’ madwar 10 % fost żgħażagħ li jgħixu fil-pajjiż ta’ ċittadinanza tagħhom. Ir-rata ta' żgħażagħ li mhumiex fl-impjieg, fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ hija ogħla fost ċittadini ta’ pajjiżi terzi ta’ età bejn l-20 u l-34 sena (32,7 %) meta mqabbla ma’ ċittadini (18,0 %) u s-sitwazzjoni hija serja l-aktar għan-nisa (43,0 %).
L-istħarriġ PISA tal-OECD qiegħed regolarment ikejjel il-ħiliet bażiċi ta’ studenti ta' 15-il sena.
Għal dettalji dwar ir-rabta bejn il-kisbiet edukattivi baxxi u l-istatus soċjoekonomiku: Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2015.
Stħarriġ tal-Ewrobarometru “European Youth in 2016”, ara: http://www.europarl.europa.eu/atyourservice/mt/20160504PVL00110/European-youth-in-2016
COM(2016) 942 final.
COM(2016) 941 final.
Din il-gwida hija mogħtija fil-forma ta’ Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż. Dawn jinħarġu fil-kuntest tal-koordinazzjoni tal-politika fil-livell tal-UE fl-oqsma tal-politiki fiskali, ekonomiċi u tal-impjiegi, is-"Semestru Ewropew".
http://www.eib.org/projects/priorities/investing-for-youth/index.htm
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (2013/C 120/01).
Dan japplika għal ħiliet bażiċi (bħall-qari jew il-matematika), il-kompetenzi ewlenin (bħall-ħiliet diġitali u intraprenditorjali u lingwi barranin) u l-ħiliet nonkonjittivi (bħax-xogħol f’tim u l-ħsieb kritiku).
COM(2016) 381 final.
L-aspett tal-impjegabbiltà ġie indirizzat f’diversi studji, pereżempju:
https://www.agence-erasmus.fr/docs/2431_observatoire-n2.pdf
https://www.agence-erasmus.fr/docs/20140425_rapport-final_etude-impact-de-web.pdf
Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2009 dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018) (2009/C 311/01).
COM(2016) 646 final.
Li għandu jinbena fuq l-Opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv għat-Taħriġ Vokazzjonali dwar "Viżjoni Komuni għal Apprendistati ta' Kwalità u Effettivi u Tagħlim Ibbażat fuq ix-Xogħol" adottata fit-2 ta’ Diċembru 2016
http://www.pedz.uni-mannheim.de/daten/edz-b/gdbk/07/analysis_leonardo_study_en.pdf
http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=89&newsId=2387