EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000L0034

Id-Direttiva 2000/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2000 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE li tikkonċerna ċerti aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol biex jitkoprew is-setturi u attivitajiet esklużi minn dik id-Direttiva

OJ L 195, 1.8.2000, p. 41–45 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 05 Volume 004 P. 27 - 31
Special edition in Estonian: Chapter 05 Volume 004 P. 27 - 31
Special edition in Latvian: Chapter 05 Volume 004 P. 27 - 31
Special edition in Lithuanian: Chapter 05 Volume 004 P. 27 - 31
Special edition in Hungarian Chapter 05 Volume 004 P. 27 - 31
Special edition in Maltese: Chapter 05 Volume 004 P. 27 - 31
Special edition in Polish: Chapter 05 Volume 004 P. 27 - 31
Special edition in Slovak: Chapter 05 Volume 004 P. 27 - 31
Special edition in Slovene: Chapter 05 Volume 004 P. 27 - 31

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 01/08/2004

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2000/34/oj

32000L0034



Official Journal L 195 , 01/08/2000 P. 0041 - 0045


Id-Direttiva 2000/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tat-22 ta' Ġunju 2000

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE li tikkonċerna ċerti aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol biex jitkoprew is-setturi u attivitajiet esklużi minn dik id-Direttiva

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 137(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3], fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat tal-Konċiljazzjoni fit-3 ta' April 2000,

Billi:

(1) L-Artikolu 137 tat-Trattat jipprovdi li l-Komunità għandha tappoġġja u tikkumplimenta l-attivitajiet ta' l-Istati Membri bl-iskop li jittejjeb l-ambjent tax-xogħol għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Id-direttivi addottati fuq il-bażi ta' dak l-Artikolu għandhom jevitaw li jimponu rbit amministrattiv, finanzjarju u legali b'mod li kien iżomm lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta' impriżi żgħar u ta' kobor medju.

(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat-23 ta' Novembru 1993 li tikkonċerna ċerti aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol [4] tistabbilixxi l-ħtigiet minimi tas-saħħa u s-sigurtà għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, fir-rigward tal-perijodi ta' kuljum ta' mistrieħ, rikreazzjonijiet, mistrieħ fil-ġimgħa, ħin tax-xogħol massimu fil-ġimgħa, il-leave annwali u l-aspetti tax-xogħol ta' bil-lejl, ix-xogħol bis-shift u l-mudelli tax-xogħol. Dik id-Direttiva għandha tkun emendata għar-raġunjiet li ġejjin.

(3) It-trasport bit-triq, bl-ajru, bil-baħar u bil-ferrovija, kanali interni, is-sajd fuq il-baħar, xogħol ieħor fuq il-baħar u l-attivitajiet tat-tobba fit-taħriġ huma esklużi mill-iskop tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE.

(4) Il-Kummissjoni, fil-proposta tagħha ta' l-20 ta' Settembru 1990, ma eskludiet ebda setturi u attivitajiet mid-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, u lanqas ma l-Parlament Ewropew fl-Opinjoni tiegħu ta' l-20 ta' Frar 1991 aċċetta dawn l-esklużjonjiet.

(5) Is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema għandhom ikunu protetti fuq il-post tax-xogħol mhux għax jaħdmu f'xi settur partikolari jew iwettqu attività partikolari, imma għax huma ħaddiema.

(6) Għar-rigward ta' leġislazzjoni settorjali għal ħaddiema li jiċċaqilqu, approċċ kumplimentari u parallel huwa meħtieġ fid-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà tat-trasport u s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema kkonċernati.

(7) Hemm il-bżonn li jittieħed kont tan-natura speċifika ta' l-attivitajiet fuq il-baħar u tat-tobba fit-taħriġ.

(8) Il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema li jiċċaqilqu fis-setturi u l-attivitajiet esklużi għandha wkoll tkun garantita.

(9) Id-dispożizzjonijiet eżistenti li jikkonċernaw l-leave annwali u l-istimi tas-saħħa għax-xogħol ta' bil-lejl u x-xogħol bix-shift għandhom jiġu estiżi biex jinkludu l-ħaddiema li jiċċaqilqu fis-setturi u l-attivitajiet esklużi.

(10) Id-dispożizzjonijiet eżistenti dwar il-ħin tax-xogħol u tal-mistrieħ jeħtieġu li jkunu addattati għal ħaddiema li jiċċaqilqu fis-setturi u l-attivitajiet esklużi.

(11) Il-ħaddiema kollha għandu jkollhom perijodi adegwati ta' mistrieħ. Il-kunċett ta' "mistrieħ" għandu jkun espress f' unitajiet ta' ħin, jiġifieri f' jiem, sigħat u/jew frazzjonijiet tiegħu.

(12) Ftehim Ewropew għar-rigward tal-ħin tax-xogħol tal-baħħara daħal fis-seħħ permezz tad-Direttiva tal-Kunsill [5], fuq proposta mill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 139(2) tat-Trattat. B'hekk, id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw għall-baħħara.

(13) Fil-każ ta' dawk "is-sajjieda bis-sehem" li huma impjegati, huwa għall-Istati Membri biex jiddeterminaw, skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, il-kundizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta', leave annwali, inklużi l-arranġamenti għall-pagamenti.

(14) Standards speċifiċi stabbiliti fi strumenti Komunitarji oħrajn relatati, per eżempju, għal perijodi ta' mistrieħ, ħin tax-xogħol, leave annwali u xogħol ta' bil-lejl għal ċerti kategoriji ta' ħaddiema għandhom jieħdu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE kif emendata minn din id-Direttiva.

(15) Fid-dawl tal-każ tal-liġi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej id-dispożizzjoni li tirrigwarda l-mistrieħ tal-Ħadd għandha titħassar.

(16) Fil-każ ta' ġudizzju tagħha Ċ-84/04 ir-Renju Unit v. Il-Kunsill [6] il-Qorti tal-Ġustizzja rregolat li d-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE takkorda mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u proporzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Ma hemm l-ebda raġuni biex wieħed jassumi li l-ġudizzju mhuwiex applikabbli għal regoli komparabbli li jikkonċernaw numru ta' aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol f'setturi u attivitajiet esklużi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Id-Direttiva 93/104/KE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 1(3) għandu jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

"3. Din id-Direttiva għandha tapplika għas-setturi kollha ta' l-attività, kemm pubblika kif ukoll privata, fis-sens ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391/KEE, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 14 u 17 ta' din id-Direttiva.

Din id-Direttiva m' għandhiex tapplika għal baħħara, kif definiti fid-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE tal-21 ta' Ġunju 1999 li tikkonċerna l-Ftehim dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tal-baħħara, konkluża mill-Assoċjazzjoni tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (AKESB) u l-Federazzjoni ta' l-Unjonijiet tal-Ħaddiema tat-Trasport fl-Unjoni Ewropea (FUĦT) [7] mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(8) ta' din id-Direttiva."

2. fl-Artikolu 2, għandu jiżdied dan li ġej:

"7. "ħaddiema li jiċċaqilqu" għandhom ifissru kull ħaddiem impjegat bħala membru ta' persunal ta' l-ivjaġġar jew tat-titjir minn impriża li topera servizzi tat-trasport għal passiġġieri jew merkanzija bit-triq, l-ajru jew kanali interni.

8. "xogħol 'il barra mix-xtut" għandu jfisser xogħol imwettaq prinċipalment fuq jew lil hinn mill-installazzjonijiet barra mix-xtut (inklużi pjattaformi għat-tħaffir), b'konnessjoni diretta jew indiretta ma' l-esplorazzjoni, l-estrazzjoni jew l-isfruttament ta' riżorsi minerali, inklużi idrokarburi, u li jgħoddsu in konnessjoni ma' dawn l-attivitajiet, kemm jekk imwettqa minn installazzjoni jew bastiment 'il barra mix-xtut.

9. "mistrieħ adegwat" għandu jfisser li l-ħaddiema ikollhom perijodi regolari ta' mistrieħ, li t-tul tagħhom hu espress f'unitajiet ta' ħin u li huma twal u kontinwi biżżejjed biex jassiguraw li, bħala riżultat ta' l-għejja jew ta' mudelli irregolari oħrajn ta' mistrieħ, ma jikkawżawx inġurja lilhom, lill-ħaddiema kollegi jew lil oħrajn u li ma jipperikolawx is-saħħa tagħhom, kemm f'perijodu qasir jew f'perijodu itwal."

3. Fl-Artikolu 5, is-subparagrafu li ġej għandu jitħassar:

"Il-perijodu minimu tal-mistrieħ imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu fil-prinċipju jinkludi l-Ħadd."

4. L-Artikolu 14 għandu jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

"L-Artikolu 14

Dispożizzjonijiet Komunitarji aktar speċifiċi

Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika meta strumenti Komunitarji oħrajn jikkontjenu ħtiġiet iktar speċifiċi għar-rigward ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għal ċerti xogħlijiet jew attivitajiet tax-xogħol."

5. L-Artikolu 17(2.1) għandu jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

"2.1. mill-Artikoli 3, 4, 5, 8 u 16:

(a) fil-każ ta' l-attivitajiet meta l-post tax-xogħol tal-ħaddiem u l-post tar-residenza tiegħu huma ‘l bogħod minn xulxin, inkluż xogħol barra mix-xtut, jew meta l-postijiet differenti tax-xogħol tal-ħaddiem huma ‘l bogħod minn xulxin;

(b) fil-każ ta' l-attivitajiet tas-sigurtà u tas-sorveljanza li jeħtieġu preżenza permanenti sabiex jiġu protetti l-proprjetà u l-persuni, b'mod partikolari għassiesa ta' sigurtà u caretakers jew impriżi tas-sigurtà;

(ċ) fil-każ ta' l-attivitajiet li jinvolvu il-bżonn għal kontinwità tas-servizz jew tal-produzzjoni, partikolarment:

(i) servizzi relatati ma' l-ilqugħ, it-trattament u/jew il-kura pprovduta minn sptarijiet jew stabbilimenti simili, inklużi l-attivitajiet ta' tobba fit-taħriġ, instituzzjonijiet residenzjali u ħabsijiet;

(ii) ħaddiema tal-portijiet jew ta' l-ajruporti;

(iii) l-istampa, r-radju, t-televiżjoni, l-produzzjoni ċinematografika, is-servizzi postali u tat-telekommunikazzjoni, l-ambulanzi, servizzi tat-tifi tan-nar u l-protezzjoni ċivili;

(iv) il-produzzjoni tal-gass, ta' l-ilma u ta' l-elettriku, it-trasmissjoni u d-distribuzzjoni, il-ġbir ta' l-iskart domestiku u l-impjanti ta' l-inċinerazzjoni;

(v) industriji fejn ix-xogħol ma jistax jiġi interrott fuq bażijiet tekniċi;

(vi) attivitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp;

(vii) l-agrikoltura;

(viii) ħaddiema konċernati bit-trasport ta' passiġġieri fuq servizzi urbani regolari tat-trasport;

(d) meta hemm żjieda prevista ta' servizzi, b'mod partikolari-:

(i) fl-agrikoltura;

(ii) fit-turiżmu;

(iii) fis-servizzi postali;

(e) fil-każ tal-persuni li jaħdmu fit-trasport bil-ferrovija:

(i) li l-attivitajiet tagħhom huma intermittenti;

(ii) li jgħaddu l-ħin tax-xogħol tagħhom abbord ferroviji; jew

(iii) li l-attivitjaiet tagħhom huma marbuta ma' l-orarji tat-trasport u biex jassiguraw il-kontinwità u regolarità tat-traffiku.".

6. Fl-Artikolu 17(2) dan li ġej għandu jiġi miżjud:

"2.4. mill-Artikoli 6 u 16(2) fil-każ tat-tobba fit-taħriġ:

(a) għar-rigward ta' l-Artikolu 6, għal perijodu transitorju ta' ħames snin mill-1 ta' Awwissu 2004.

(i) L-Istati Membri jistgħu jkollhom sa sentejn oħra, jekk neċessarju, biex jieħdu kont tad-diffikultajiet f'li jiltaqgħu mad-dispożizzjonijiet tal-ħin tax-xogħol għar-rigward tar-responsabilitajiet tagħhom għall-organizzazzjoni u l-kunsinna ta' servizzi tas-saħħa u l-kura medika. Mill-inqas sitt xhur qabel it-tmiem tal-perijodu transitorju, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni billi jagħti r-raġunijiet tiegħu, sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tagħti l-opinjoni tagħha, wara l-konsultazzjonijiet approprjati, fi żmien tliet xhur wara li tirċievi din l-informazzjoni. Jekk l-Istat Membru ma jsegwix l-opinjoni tal-Kummissjoni, għandu jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu. In-notifika u l-ġustifikazzjoni ta' l-Istat Membru u l-opinjoni tal-Kummissjoni għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u mgħoddija lill-Parlament Ewropew.

(ii) L-Istati Membri jista' jkollhom perijodu addizzjonali sa sena, jekk neċessarju, biex jieħdu kont tad-diffikultajiet speċjali f'li jissodisfaw ir-responsabilitajiet msemmija fuq. Dawn għandhom isegwu il-proċedura stabbilita fil-paragrafu (i).

Fil-kuntest tal-perijodu transitorju:

(iii) L-Istati Membri għandhom jassiguraw li f'ebda każ m'għandu n-numru tas-sigħat tax-xogħol fil-ġimgħa jaqbeż il-medja ta' 58 tul l-ewwel tliet snin tal-perijodu transitorju, medja ta' 56 għas-sentejn ta' wara u medja ta' 52 għal kull perijodu li jibqa'.

(iv) Min iħaddem għandu jikkonsulta lir-rappreżentanti ta' l-impjegati fil-ħin addattat bl-iskop li jintlaħaq ftehim, kull meta possibbli, dwar l-arranġamenti li japplikaw għall-perijodu transitorju. Fil-limiti stabbiliti fil-punt (iii), dan il-ftehim jista' jkopri:

- n-numru medju ta' sigħat tax-xogħol fil-ġimgħa waqt il-perijodu trasitorju; u

- il-miżuri li għandhom ikunu adottati biex jitnaqqsu s-sigħat tax-xogħol fil-ġimgħa għal medja ta 48 sa l-aħħar tal-perijodu transitorju;

(b) għar-rigward ta' l-Artikolu 16(2), sakemm il-perijodu tar-referenza ma jaqbiżx it-12-il xahar, tul l-ewwel parti tal-perijodu transitorju speċifikat fil-paragrafu (a)(iii), u sitt xhur minn hemm 'l quddiem";

7. L-Artikolu li ġej għandu jiġi inserit:

"L-Artikolu 17a

Ħaddiema li jiċċaqilqu u xogħol barra mix-xtut

1. L-Artikoli 3, 4, 5 u 8 m' għandhomx japplikaw għal ħaddiema li jiċċaqilqu.

2. L-Istati Membri għandhom, madankollu, jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li dawn il-ħaddiema li jiċċaqilqu huma intitolati għal mistrieħ adegwat, ħlief fiċ-ċirkostanzi stabbiliti fl-Artikolu 17(2.2).

3. Soġġetti għal konformità mal-prinċipji ġenerali relatati mal-protezzjoni tas-sigutà u s-saħħa tal-ħaddiema, u sakemm ikun hemm konsultazzjoni tar-rappreżentanti ta' min iħaddem u l-impjegati kkonċernati u l-isforzi biex jinkoraġġixxu il-forom rilevanti kollha tad-djalogu soċjali, inklużi negozjati jekk il-partijiet hekk jixtiequ, l-Istati Membri jistgħu, għal raġunjiiet obbjettivi jew tekniċi jew raġunijiet li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tax-xogħol, jestendu l-perijodu ta' referenza msemmi fl-Artikolu 16(2) għal tnax-il xahar fir-rigward ta' ħaddiema li prinċipalment iwettqu xogħol barra mix-xtut.

4. Fl-1 ta' Awissu 2005 il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri u l-amministrazzjoni u x-xogħol fil-livell Ewropew, tirrevedi l-operazzjoni tad-dispożizzjonijiet rigward il-ħaddiema li jaħdmu barra x-xtut mill-perspettiva tas-saħħa u s-sigurtà bl-iskop li jiġu ppreżentati, jekk meħtieġa, il-modifiki approprjati.

L-Artikolu 17b

Ħaddiema fuq bastimenti tas sajd fuq il baħar

1. L-Artikoli 3, 4, 5, 6 u 8 m' għandhomx japplikaw għal kull ħaddiem abbord bastimenti tas-sajd fuq il-baħar li jtella' l-bandiera ta' Stat Membru.

2. L-Istati Membri għandhom, madankollu, jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li kull ħaddiem abbord bastiment tas-sajd fuq il-baħar li jtella' bandiera ta' Stat Membru huwa intitolat għal mistrieħ adegwat u li n-numru ta' sigħat ta' xogħol jiġu limitati għal 48 siegħa fil-ġimgħa fuq medja kkalkulata tul perijodu ta'referenza li ma jaqbiżx 12-il xahar.

3. Fil-limiti stabbiliti fil-paragrafi 2, 4 u 5 l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li, skond il-bżonn tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa ta' dawn il-ħaddiema,

(a) is-sigħat tax-xogħol huma limitati għal numru massimu ta' sigħat li m' għandux jinqabeż f'perijodu ta' żmien stabbilit, jew

(b) numru minimu ta' sigħat ta' mistrieħ huma provduti f' perijodu ta' żmien stabbilit.

In-numru massimu tas-sigħat tax-xogħol jew in-numru minimu tas-sigħat ta' mistrieħ għandhom jiġu speċifikati mil-liġi, mir-regolamenti, mid-dispożizzjonijiet amministrattivi jew minn ftehim kollettiv jew ftehim bejn l-imsieħba soċjali.

4. Il-limiti fuq is-sigħat tax-xogħol jew tal-mistrieħ għandhom ikunu jew:

(a) sigħat massimi ta' xogħol li m' għandhomx jaqbżu:

(i) 14-il siegħa f'kull perijodu ta' 24 siegħa, u

(ii) 72 siegħa f'kull perijodu ta' sebat ijiem;

jew

(b) sigħat minimi ta' mistrieħ li m' għandhomx ikunu inqas minn:

(i) 10 sigħat f'kull perijodu ta' 24 siegħa, u

(ii) 77 siegħa f'kull perijodu ta' sebat ijiem.

5. Is-sigħat ta' mistrieħ jistgħu jinqasmu f'mhux aktar minn żewġ perijodi, li wieħed minnhom għandu jkun mill-inqas ta' sitt sigħat, u l-intervall bejn il-perijodi konsekuttivi ta' mistrieħ m'għandux jaqbeż 14-il siegħa.

6. Skond il-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-saħħa u sigurtà tal-ħaddiema, u għal raġunijiet oġġettivi jew tekniċi jew raġunijiet li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tax-xogħol, l-Istati Membri jistgħu jippermettu eċċezzjonjiet, inkluż l-istabbiliment ta' perijodi ta' referenza, għall-limiti stabbiliti fil-paragrafi 2, 4 u 5. Dawn l-eċċezzjonjiet għandhom, sa fejn ikun possibbli, jikkonformaw ma' l-istandards stabbiliti imma jistgħu jieħdu kont ta' perijodi ta' leave iktar frekwenti jew itwal jew li jingħata leave kompensatorju għall-ħaddiema. Dawn l-eċċezjonijiet jistgħu jiġu stabbiliti permezz ta'

(i) liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi sakemm ikun hemm konsultazzjoni, meta possibbli, tar-rappreżentanti ta' min iħaddem u tal-ħaddiema kkonċernati u huma magħmula sforzi biex jinkoraġġixxu l-forom kollha rilevanti tad-djalogu soċjali, jew

(ii) ftehim kollettiv jew ftehim bejn l-imsieħba soċjali.

7. Il-kaptan ta' bastiment tas-sajd fuq il-baħar għandu jkollu d-dritt li jeħtieġ ħaddiema abbord biex iwettqu dawk is-sigħat ta' xogħol neċessarji għas-sigurtà immedjata tal-bastiment, tal-persuni abbord jew ta' merkanzija, jew bl-iskop li jagħti assistenza lil bastimenti jew persuni oħrajn f'perikolu fuq il-baħar.

8. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li ħaddiema abbord bastiment tas-sajd fuq il-baħar li għalihom il-leġislazzjoni jew il-prattika nazzjonali jiddeterminaw li l-bastimenti ma jitħallewx joperaw f'perijodu speċifiku tas-sena kalendarja li jeċċedi xahar, għandhom jieħdu leave annwali skond l-Artikolu 7 fil-perijodu msemmi hawn fuq."

L-Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta'Awissu 2003, jew għandhom jassiguraw li, sa dik id-data fl-aktar tard, l-imsieħba soċjali jkunu introduċew il-miżuri neċessarji bi ftehim, bl-Istati Membri meħtieġa jieħdu kull miżura neċessarja li tippermettilhom f'kull ħin ikunu f'pożizzjoni biex jiggarantixxu r-riżultati imposti minn din id-Direttiva. Għar-rigward tat-tobba fit-taħriġ dik id-data għandha tkun l-1 ta'Awissu 2004. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni biha.

2. Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, għandu jkollhom riferenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-riferenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3. Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' l-Istati Membri li jiżviluppaw, fid-dawl taċ-ċirkostanzi li jinbidlu, dispożizzjonijiet differenti leġislattivi, regolatorji jew kuntrattwali fil-kamp tal-ħin tax-xogħol, sakemm ikun hemm konformità mal-ħtieġijet minimi previsti f'din id-Direttiva, l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva m' għandhiex tikkostitwixxi bażi valida għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta' protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema.

4. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali diġà adottata jew li qed tiġi adottata fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

L-Artikolu 3

Sa mhux aktar tard mill-1 ta'Awissu 2009 il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri u lill-amministrazzjoni u x-xogħol fil-livell Ewopew, tirrevedi l-operazzjoni tad-dispożizzjonijiet għar-rigward ta' ħaddiema abbord bastimenti tas-sajd fuq il-baħar, u, b'mod partikolari teżamina jekk dawn id-dispożizzjonijiet jibqgħux approprjati, b'mod partikolari, sa fejn huma konċernati s-saħħa u s-sigurtà bl-iskop li jiġu proposti emendi addattati, jekk neċessarju.

L-Artikolu 4

Sa mhux aktar tard mill-1 ta'Awissu 2005 il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri u l-amministrazzjoni u x-xogħol fil-livell Ewopew, tirrevedi l-operazzjoni tad-dispożizzjonijiet għar-rigward ta' ħaddiema kkonċernati bit-trasport ta' passiġġieri fuq servizzi tat-trasport urban regolari, bl-iskop li jkunu preżentati, jekk meħtieġ, il-modifiki aproprjati biex ikun assigurat approċċ koerenti u addattat fi-settur.

L-Artikolu 5

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 6

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-22 ta' Ġunju 2000.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

J. Sócrates

[1] ĠU C 43, tas-17.2.1999, p. 1.

[2] ĠU C 138, tat-18.5.1999, p. 33.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' April 1999 (ĠU C 219, tat-30.7.1999, p. 231), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 1999 (ĠU C 249, ta' l-1.9.1999, p. 17) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Novembru 1999 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2000 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Mejju 2000.

[4] ĠU L 307, tat-13.12.1993, p. 18.

[5] Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE tal-21 ta' Ġunju 1999 li tikkonċerna l-Ftehim dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tal-baħħara konkluż mill-Assoċjazzjoni tal-Komunità Ewropea tas-Sidien tal-Bastimenti (AKESB) u l-Federazzjoni ta' l-Unjonijiet tal-Ħaddiema tat-Trasport fl-Unjoni Ewropea (FUĦT) (ĠU L 167, tat-2.7.1999, p. 33).

[6] ECR (1996) I- 5755.

[7] ĠU L 167, tat-2.7.1999, p. 33.

--------------------------------------------------

Top