EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31999L0070

Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP

OJ L 175, 10.7.1999, p. 43–48 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 05 Volume 003 P. 368 - 373
Special edition in Estonian: Chapter 05 Volume 003 P. 368 - 373
Special edition in Latvian: Chapter 05 Volume 003 P. 368 - 373
Special edition in Lithuanian: Chapter 05 Volume 003 P. 368 - 373
Special edition in Hungarian Chapter 05 Volume 003 P. 368 - 373
Special edition in Maltese: Chapter 05 Volume 003 P. 368 - 373
Special edition in Polish: Chapter 05 Volume 003 P. 368 - 373
Special edition in Slovak: Chapter 05 Volume 003 P. 368 - 373
Special edition in Slovene: Chapter 05 Volume 003 P. 368 - 373
Special edition in Bulgarian: Chapter 05 Volume 005 P. 129 - 134
Special edition in Romanian: Chapter 05 Volume 005 P. 129 - 134
Special edition in Croatian: Chapter 05 Volume 004 P. 228 - 233

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1999/70/oj

31999L0070



Official Journal L 175 , 10/07/1999 P. 0043 - 0048


Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE

tat-28 ta' Ġunju 1999

dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 139(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1) Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Amsterdam id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-politika soċjali annessi mal-Protokoll dwar il-politika soċjali, anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ġew inkorporati fl-Artikoli 136 sa 139 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea;

(2) L-imsieħba soċjali (l-amministrazzjoni u x-xogħol) jistgħu, skond l-Artikolu 139(2) tat-Trattat, jitolbu konġuntement li l-ftehim fuq livell Komunitarju jiġi implimentat mid-deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni;

(3) Il-Punt 7 tal-Karta Komunitarja dwar id-drittijiet Fondamentali Soċjali tal-Ħaddiema jipprovdi, inter alia, li "l-kompletazzjoni tas-suq għandha twassal għal titjib fil-kondizzjonijiet ta' l-għixien u tax-xogħol tal-ħaddiema fil-Komunità Ewropea. Dan il-proċess għandu jirriżulta minn approssimazzjoni ta' dawn il-kondizzjonijiet waqt li jinżamm it-titjib, fir-rigward ta' forom partikolari ta' impjieg ta' xort' oħra minn impjieg b'kuntratti mingħajr terminu fiss, bħal kuntratti għal terminu fiss, xogħol part–time, xogħol temporanju u xogħol staġjonali";

(4) Il-Kunsill ma setax jilħaq deċiżjoni fuq proposta għal Direttiva dwar ċerti relazzjonijiet ta' impjieg fir-rigward distorzjonijiet ta' kompetizzjoni [1], lanqas fuq il-proposta għal Direttiva dwar ċerti relazzjonijiet ta'impjieg għar-rigward tal-kondizzjonijiet tax-xogħol [2];

(5) Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew f'Essen enfasizzaw il-bżonn li jittieħdu miżuri bl-iskop li "jżidu l-intensività ta' l-impjieg għat-tkabbir, b'mod partikolari b'organizzazzjoni tax-xogħol iktar flessibbli b'mod li jiġu ssodisfati kemm ix-xewqat ta' l-impjegati u kemm il-ħtiġiet tal-kompetizzjoni";

(6) Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad−9 ta' Frar 1999 dwar il-Linji ta' Gwida dwar l-Impjieg 1999 jistiednu lill-imsieħba soċjali fil-livelli approprjati kollha biex jinnegozjaw ftehim għall-modernizzazzjoni ta' l-organizzazzjoni tax- xogħol, inklużi l-arranġamenti flessibbli tax-xogħol, bl-iskop li l-intrapriżi jsiru produttivi u kompetittivi u jottjenu l-bilanċ meħtieġ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà;

(7) Il-Kummissjoni, skond l-Artikolu 3(2) tal-Ftehim dwar il-politika soċjali, ikkonsultat l-imsieħba soċjali dwar id-direzzjoni possibbli ta' azzjoni Komunitarja fir-rigward ta' ħin tax-xogħol flessibbli u s-sigurtà ta' l-impjieg;

(8) Il-Kummissjoni, wara din il-konsultazzjoni kkunsidrat li l-azzjoni Komunitarja kienet mixtieqa, u għal darb' oħra kkonsultat lill-imsieħba soċjali dwar is-sustanza tal-proposta maħsuba skond l-Artikolu 3(3) ta' dan il-Ftehim;

(9) L-organizazzjonijiet ġenerali mħallta, bl-isem ta' l-Unjoni tal-Konfederazzjonijiet Industrijali u ta' min iħaddem fl-Ewropa (UNICE), iċ-Ċentru Ewropew ta' l-Intrapriżi Pubbliċi (CEEP) u l-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC), infurmaw lill-Kummissjoni f'ittra konġunta tat-23 ta' Marzu 1998 bix-xewqa tagħhom li jibdew il-proċedura prevista fl-Artikolu 4 tal-Ftehim imsemmi; huma staqsew lill-Kummissjoni, f'ittra konġunta, għal perijodu ieħor ta' tlett xhur; il-Kummissjoni kkonformat ma' din it-talba u estendiet il-perijodu ta' negozjati sat-30 ta' Marzu 1999;

(10) L-organizzazzjonijiet imsemmija ta' l-industrija mħallta fit-18 ta' Marzu 1999 ikkonkludew ftehim qafas fuq xogħol għal terminu fiss; huma ressqu lill- Kummissjoni it-talba konġunta tagħhom għall-implimentazzjoni tal-ftehim qafas b' Deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 4(2) tal-Ftehim dwar il-politika soċjali;

(11) Il-Kunsill, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Diċembru 1994 dwar "ċertu aspetti għall-politika soċjali ta' l-Unjoni Ewropea: kontribuzzjoni għal konverġenza ekonomika u soċjali fl-Unjoni" [3], staqsa lill-imsieħba soċjali biex jagħmlu użu mill-opportunitajiet għal ftehim konklużiv, ladarba huma bħala regola eqreb għar-realtà soċjali u għall-problemi soċjali;

(12) Il-partijiet firmatarji, fil-preambolu għall-ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż fis-6 ta' Ġunju 1997, annunzjaw l-intenzjoni tagħhom biex jikkunsidraw il-bżonn għal ftehim simili relatat ma' forom oħrajn ta' xogħol flessibbli;

(13) L-imsieħba soċjali xtaqu li jagħtu attenzjoni partikulari lil xogħol ta' terminu fiss, waqt li fl-istess ħin jindikaw li kienet l-intenzjoni tagħhom li jikkunsidraw il-bżonn għal ftehim simili relatat ma' xogħol temporanju ta'aġenzija;

(14) Il-partijiet firmatarji xtaqu jikkonkludu ftehim qafas fuq xogħol għal terminu fiss li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi għal kuntratti ta' impjieg għal terminu fiss u relazzjonijiet ta' impjieg; huma wrew ix-xewqa tagħhom li jtejbu il-kwalità ta' xogħol ta' terminu fiss billi jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni, u xtaqu li jistabbilixxu qafas għall-prevenzjoni ta' abbuż ikkawżat mill-użu ta' kuntratti ta' impjieg jew relazzjonijiet ta' terminu fiss suċċessivi;

(15) L-instrument adattat għall-implimentazzjoni tal-ftehim qafas huwa direttiva fis-sens ta' l-Artikolu 249 tat-Trattat; għalhekk jgħaqqad l-Istati Membri għar-riżultat li għandu jintlaħaq, filwaqt li jħallilhom l-għażla tal-forma u tal-metodi;

(16) Skond il-prinċipji tas-sussidjarjetà u proporzjonalità kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat, l-objettivi ta' din id-Direttiva ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk jintlaħqu aħjar mill-Komunità; din id-Direttiva hija illimitata għall-minimi meħtieġa biex jintlaħqu dawk l-objettivi u ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju għal dak l-iskop;

(17) Fejn għandhom x'jaqsmu t-termini użati fil-ftehim qafas imma mhux speċifikament definiti hemmhekk, din id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri biex jiddefinixxu dawn it-termini f'konformità mal-liġi jew il-prattika nazzjonali kif inhu l-każ għal Direttivi oħrajn dwar kwistjonijiet soċjali li jużaw termini simili, sakemm id-definizzjonijiet inkwistjoni jirrispettaw il-kontenut tal-ftehim qafas;

(18) Il-Kummissjoni abbozzat il-proposta tagħha għal Direttiva, skond il-Kommunikazzjoni tagħha ta' l-14 ta' Diċembru 1993 li tikkonċerna l-applikazzjoni tal-ftehim dwar il-politika soċjali u l-Kommunikazzjoni tagħha ta' l-20 ta' Mejju 1998 dwar l-adattament u l-promozzjoni tad-djalogu soċjali f'livell Komunitarju, b'kont meħud ta' l-istat rappreżentattiv tal-partijiet kontrattwali, il-mandat tagħhom u legalità ta' kull klawżola tal-ftehim qafas; il-partijiet kontrattwali flimkien għandhom status rappreżentattiv biżżejjed;

(19) Il-Kummissjoni infurmat lill- Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali billi bagħtitilhom it-test tal-ftehim, flimkien mal-proposta tagħha għal Direttiva u l-memorandum ta' spjegazzjoni, skond il-kommunikazzjoni tagħha li tikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar il-politika soċjali;

(20) Fis-6 ta' Mejju 1999 il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni dwar il-ftehim qafas bejn l-imsieħba soċjali;

(21) L-implimentazzjoni tal-qbil tal-ftehim qafas jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi fl-Artikolu 136 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

L-iskop ta' din id-Direttiva hu li jġib fis-seħħ il-ftehim qafas dwar kuntratti għal terminu fiss konkluż fit-18 ta' Marzu 1999 bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta' l-industrija (ETUC, UNICE u CEEP) annessi hawn.

L-Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattvi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa l-10 ta' Lulju 2001, jew għandhom jiżguraw li, sa dik id-data mill-inqas, l-imsieħba soċjali jkunu introduċew il-miżuri neċessarji skond il-ftehim, u l-Istati Membri jkunu meħtieġa jieħdu xi miżuri neċessarji sabiex ikunu jistgħu f'kull ħin ikunu f'posizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti b'din id-Direttiva. Għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni bihom.

L-Istati Membri għandhom massimu ta' sena oħra, jekk neċessarju, u wara konsultazzjoni ma' l-imsieħba soċjali, biex jieħdu kont tad-diffikultajiet speċjali jew implimentazzjoni permezz ta' ftehim kollettiv. Għandhom jinfurmaw lil Kummissjoni minnufih b'dawn iċ-ċirkostanzi.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-disposizzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandu jkollhom magħhom din ir-referenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal din ir-referenza għandha tiġi adottata mill-Istati Membri.

L-Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-28 ta' Ġunju 1999.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Naumann

[1] ĠU C 224, tat-8.9.1990, p. 6. u ĠU C 305, tal-5.12.1990, p. 8.

[2] ĠU L 224, tat-8.9.1990, p. 4.

[3] ĠU C 368, tat-23.12.1994, p. 6.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

ETUC – UNICE – CEEP

Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss

Preambolu

Dan il-ftehim qafas jillustra r-rwol li l-imsieħba soċjali jistgħu jiżvolġu fl-istrateġija Ewropea ta' l-impjieg miftiehma fis-summit straordinarju tal-Lussemburgu fl-1997 u, wara l-ftehim qafas dwar xogħol part-time, jirrappreżenta kontribuzzjoni oħra lejn bilanċ aħjar bejn "flessibiltà fil-ħin tax-xogħol u sigurtà għall- ħaddiema".

Il-partijiet għal dal-ftehim jirrikonoxxu li l-kuntratti għal żmien indefinit huma, u jibqgħu ikunu, il-forma ġenerali ta' relazzjoni ta'impjieg bejn min jimpjega u l-ħaddiema. Huma jirrikonoxxu wkoll li l-kuntratti ta' impjieg għal żmien fiss jirrispondu, f'ċerti sitwazzjonijiet, għall-ħtiġiet ta' kemm min jimpjega u l-ħaddiema.

Dan il-ftehim jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi li jirrelataw għal xogħol ta' terminu fiss, waqt li jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ddettaljata tagħhom jeħtieġ li tieħu kont tar-realtajiet ta' sitwazzjonijiet nazzjonali, settorali u staġjonali. Juri d-dispożizzjoni ta' l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni u għall-użu ta' kuntratti ta' l-impjieg għal terminu fiss fuq bażi aċċettabbli għal min jimpjega u l-ħaddiema.

Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss ħlief dawk mibgħuta minn aġenzija ta' xogħol temporanju għad-dispożizzjoni ta' impriża utenti. Hija l-intenzzjoni tal-partijiet li jikkunsidraw il-bżonn għal ftehim simili relatat ma' aġenzija ta'xogħol temporanju.

Dan il-ftehim jikkonċerna l-kondizzjonijiet ta' impjieg għal ħaddiema ta' termini fissi, billi jirrikonoxxi li kwistjonijiet relatati ma' sigurtà soċjali statutorja huma għal deċiżjoni mill-Istati Membri. F' dan ir-rigward l-Imsieħba Soċjali jinnotaw id-Dikjarazzjoni dwar l-Impjieg tal-Kunsill Ewropew ta' Dublin fl-1996 li enfasizzat inter alia, il-bżonn li jiġu żviluppati sistemi ta' sigurtà soċjali iktar raġjonevoli għal min jimpjega billi "jiġu żviluppati sistemi ta' protezzjoni soċjali kapaċi li jiġu addattati għal mudelli ġodda ta' xogħol u li jipprovdu protezzjoni approprjata għal dawk ingaġġati f'dan ix-xogħol". Il-partijiet għal dan il-ftehim jirrepetu l-opinjoni espressa fil-ftehim part-time ta' l-1997 li l-Istati Membri għandhom iġibu din id-Dikjarazzjoni fis-seħħ mingħajr dewmien.

B'żjieda ma' dan, huwa wkoll rikonoxxut li innovazzjonijiet f'sistemi ta' protezzjoni soċjali tax-xogħol huma neċessarji sabiex jiġu addattati għall-kondizzjonijiet kurrenti, u b'mod partikulari biex jipprovdu għat-trasferibbiltà tad-drittijiet.

L-ETUC, UNICE u CEEP jitolbu lill-Kummissjoni biex tissottometti dan il-ftehim qafas lill-Kunsill għal deċiżjoni biex dawn il-ħtiġiet ikunu jorbtu fl-Istati Membri li huma parti mill-ftehim dwar il-politika soċjali anness mal-Protokoll (Nru 14) dwar il-politika soċjali anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Il-partijiet għal dan il-ftehim jitolbu lill-Kummissjoni, fil-proposta tagħha li timplimenta l-ftehim, biex titlob lill-Istati Membri jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrativi neċessarji biex jikkonformaw mad-Deċiżjoni tal-Kunsill fi żmien sentejn mill-adozzjoni tagħha jew tiżgura [1] li l-imsieħba soċjali jistabilixxu l-miżuri neċessarji permezz ta' ftehim sa l-aħħar ta' dan il-perjodu. L-Istati Membri jistgħu, jekk neċessarju u wara konsultazzjoni ma' l-imsieħba soċjali, u sabiex jittieħed kont tad-diffikultajiet partikolari jew l-implimentazzjoni permezz ta' ftehim kollettiv ikollhom sa massimu ta' sena addizzjonali biex jikkonformaw ma' din id- dispożizzjoni.

Il-partijiet għal dal-ftehim jitolbu li l-partijiet soċjali jiġu ikkonsultati qabel kull inizjattiva leġislattiva, regulatorja jew amministrattiva meħuda minn Stat Membru biex jikkonformaw mal-ftehim preżenti.

Mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet għal dan il-ftehim jitolbu li kull sitwazzjoni relatata ma' l-interpretazzjoni ta' dan il-ftehim fil-livell Ewropew għandha l-ewwel tiġi riferita lilhom mill-Kummissjoni għal opinjoni.

Konsiderazzjonijiet ġenerali

1. Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-politika soċjali anness mal-Protokoll (Nru 14) dwar il-politika soċjali anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 3.4 u 4.2 tiegħu;

2. Billi l-Artikolu 4.2 tal-Ftehim dwar il-politika soċjali jipprovdi li ftehim konkluż f'livell Komunitarju jista' jiġi implimentat, fuq it-talba konġunta tal-partijiet firmatarji, minn deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni;

3. Billi, fit-tieni dokument ta' konsultazzjoni tagħha dwar il-flessibiltà fil-ħin tax-xogħol u s-sigurtà għall-ħaddiema, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tipproponi miżura Komunitarja li torbot legalment;

4. Billi fl-opinjoni tiegħu fuq proposta għal Direttiva fuq xogħol part-time, il-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni tissottometti immedjatament proposti għal direttivi fuq forom oħra ta' xogħol flessibbli, bħal xogħol għal terminu fiss u xogħol temporanju ta' aġenzija;

5. Billi fil-konklużjonijiet tas-summit straordinarju dwar l-impjieg adottat fil-Lussemburgu, il-Kunsill Ewropew stieden lill-imsieħba soċjali biex jinnegozjaw ftehim għall-"modernizzazzjoni ta' l-organizzazzjoni tax-xogħol, inklużi arranġamenti flessibbli tax-xogħol, bl-iskop li l-intrapriżi jkunu produttivi u kompettitivi u jilħqu l-bilanċ meħtieġ bejn il-flessibiltà u s-sigurtà";

6. Billi l-kuntratti ta' l-impjieg għal żmien indefinit huma l-forma ġenerali ta' relazzjonijiet ta' l-impjieg u jikkontribwixxu għall-kwalità ta' ħajja tal-ħaddiema kkonċernati u jtejbu l-atteġġjament;

7. Billi l-użu ta' kuntratti ta' l-impjieg għal terminu fiss ibbażati fuq raġunijiet oġġettivi huwa mod kif jiġi pprevenut l-abbuż;

8. Billi l-kuntratti ta' l-impjieg għal terminu fiss huma fattur ta' l-impjieg f' ċerti setturi, xogħlijiet u attivitajiet li jistgħu ikunu addattati kemm għal min jimpjega kif ukoll għall-ħaddiema;

9. Billi iktar minn nofs il-ħaddiema fuq terminu fiss fl- Unjoni Ewropea huma nisa u dan il-ftehim jista' għalhekk jikkontribwixxi biex titjieb l-ugwaljanza ta' opportunitajiet bejn nisa u rġiel;

10. Billi dan il-ftehim jirreferi lura għall-Istati Membri u l-imsieħba soċjali għall-arranġamenti għall-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali, tal-ħtiġiet minimi u tad-dispożizzjonijiet tiegħu, sabiex jittieħed kont tas-sitwazzjoni f'kull Stat Membru u ċ-ċirkostanzi tas-setturi u xogħlijiet partikolari, inklużi l-attivitajiet ta'natura staġjonali;

11. Billi dan il-ftehim jieħu inkonsiderazzjoni il-ħtieġa li jitjiebu ħtiġiet tal-politika soċjali, sabiex titjieb il-kompetittività ta' l-ekonomija Komunitarja u sabiex tiġi evitata l-imposizzjoni ta' rbit amministrattiv, finanzjarju u legali b'tali mod li kien iżomm lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju;

12. Billi l-imsieħba soċjali huma fl-aħjar pożizzjoni biex isibu soluzzjonijiet li jikkorrispondu għall-bżonnijiet ta' kemm min jimpjega u kemm tal-ħaddiema u għandhom għalhekk jingħataw rwol speċjali fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta' dan il-ftehim.

IL-PARTIJIET FIRMATARJI AĊĊETTAW DAN LI ĠEJ:

L-iskop (il-klawżola 1)

L-iskop ta' dan il-ftehim qafas hu:

(a) li titjieb il-kwalità ta' xogħol għal terminu fiss billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni;

(b) li jistabbilixxi qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta' kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta' l-impjieg għal terminu fiss.

L-iskop (il-klawżola 2)

1. Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta' impjieg jew relazzjoni ta' impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f' kull Stat Membru.

2. L-Istati Membri wara konsultazzjoni ma' l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali jistgħu jipprovdu li dan il-ftehim ma japplikax għal:

(a) relazzjonijiet ta' taħriġ professjonali u skemi ta' apprentistat tal-bidu;

(b) kuntratti u relazzjonijiet ta' impjieg li kienu konklużi fil-qafas ta' programm speċifiku pubbliku jew bl-appoġġ tal-pubbliku ta' taħriġ, integrazzjoni u taħriġ professjonali mill-ġdid.

Definizzjonijiet (il-klawżola 3)

1. Għall-iskop ta' dan il-ftehim il-kliem "ħaddiem għal terminu fiss" ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta' l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta' l-impjieg hu ddeterminat b'kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta' każ speċifiku.

2. Għall-iskop ta' dan il-ftehim, il-kliem "ħaddiem kumparabbli permanenti" ifissru ħaddiem b'kuntratt jew relazzjoni ta' impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet.

Meta ma jkun hemm ebda ħaddiem kumparabbli permanenti fl-istess stabbiliment, il-paragun għandu jsir b'referenza għall-ftehim kollettiv applikabbli, jew meta ma jkun hemm ebda ftehim kollettiv applikabbli, skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika.

Il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni (il-klawżola 4)

1. Fejn għandhom x'jaqsmu l-kondizzjonijiet ta' l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m'għandhomx jiġu trattati b'mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.

2. Meta approprjat, għandu japplika l-prinċipju ta' pro rata temporis.

3. L-arranġamenti għall-applikazzjoni ta' din il-klawżola għandhom jiġu definiti mill-Istati Membri wara konsultazzjoni ma' l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali, wara li jiġu ikkunsidrati l-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv u l-prattika tal-Komunità.

4. Kwalifiki ta' perjodu ta' servizz relatati għall-kondizzjonijiet partikolari ta' l-impjieg għandhom ikunu l-istess għal ħaddiema għal terminu fiss kif ukoll għal ħaddiema permanenti ħlief meta kwalifiki ta' tul ta' servizz differenti huma ġustifikati fuq bażi oġġettivi.

Miżuri għal prevenzjoni ta' l-abbuż (il-klawżola 5)

1. Sabiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta' kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta' impjieg għal terminu fiss, wara konsultazzjoni ma' l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b'mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta' ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

(a) raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta' dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

(b) iż-żmien massimu totali ta' kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta' impjieg għal terminu fiss;

(ċ) in-numru ta' tiġdid ta' dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.

2. L-Istati Membri wara konsultazzjoni ma' l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta' impjieg għal terminu fiss:

(a) għandhom jitqiesu bħala "suċċessivi";

(b) għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit.

L-informazzjoni u l-opportunitajiet ta' l-impjieg (il-klawżola 6)

1. L-impjegati għandhom jinformaw lill-ħaddiema għal terminu fiss dwar postijiet battala li jsiru disponibbli fil-kumpanija jew l-istabbiliment u jiżguraw li għandhom l-istess opportunità li jieħdu post permanenti bħal ħaddiema oħra. Din l-informazzjoni tista' tingħata permezz ta' annunzja ġenerali f'post xieraq fl-impriża jew fl-istabbiliment.

2. Sakemm hu possibbli, l-impjegati għandhom jiffaċilitaw l-aċċess minn ħaddiema għal terminu fiss għal opportunitajiet approprjati ta' taħriġ biex jitjiebu l-kapaċitajiet, l-iżvilupp tal-karriera u l-mobilità fuq ix-xogħol tagħhom.

L-informazzjoni u l-konsultazzjoni (il-klawżola 7)

1. Il-ħaddiema għal terminu fiss għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni fil-kalkolu tal-limiti li 'l fuq minnha l-korpi rappreżentattivi tal-ħaddiema li għalihom jipprovdu l-liġi nazzjonali u dik Komunitarja jistgħu jiġi kkostitwiti fl-impriża kif meħtieġ mid-disposizzjonijiet nazzjonali.

2. L-arranġamenti għall-applikazzjoni tal-klawżola 7.1 għandhom jiġu definiti mill-Istati Membri wara konsultazzjoni ma' l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika u wara li tqieset il-klawżola 4.1.

3. Sakemm hu possibli, min jimpjega għandu jagħti konsiderazzjoni għad-dispożizzjoni ta' informazzjoni approprjata lill-korpi eżistenti rappreżentattivi tal-ħaddiema dwar xogħol għal terminu fiss fl-impriża.

Dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni (il-klawżola 8)

1. L-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet iktar favorevoli għal ħaddiema milli kif stabbilit f'dan il-ftehim.

2. Dan il-ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għal xi dispożizzjonijiet speċifiċi Komunitarji, u b'mod partikolari disposizzjonijiet Komunitarji li jikkonċernaw trattament jew opportunitajiet ugwali għall-irġiel u għan-nisa.

3. L-implimentazzjoni ta' dan il-ftehim m'għandhiex tikkostitwixxi bażijiet validi għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta' protezzjoni mogħti lill-ħaddiema fil-qasam tal-ftehim.

4. Il-ftehim preżenti m'għandux jippreġudika d-dritt ta' l-imsieħba soċjali li jikkonkludu fil-livell approprjat, inkluż il-livell Ewropew, ftehim li jaddatta u/jew jikkumplimenta d-dispożizzjonijiet ta' dan il-ftehim b'mod li jieħu inkonsiderazzjoni l-bżonnijiet speċifiċi ta' l-imsieħba soċjali kkonċernati.

5. Il-prevenzjoni u s-soluzzjoni ta' kwisjonijiet u lmenti ikkawżati mill-applikazzjoni ta' dan il-ftehim għandhom iseħħu skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kolletiv u l-prattika.

6. Il-partijiet firmatarji għandhom jirrevedu l-applikazzjoni ta' dan il-ftehim ħames snin wara d-data tad-deċiżjoni tal-Kunsill jekk mitluba minn wieħed mill-partijiet ta' dal-ftehim.

Fritz VERZETNITSCH

Il-President ta' l-ETUC

Georges JACOBS

Il-President ta' UNICE

Antonio CASTELLANO AUYANET

Il-President ta' CEEP

Emilio GABAGLIO

Is-Segretarju Ġenerali ta' l-ETUC

Dirk F. HUDIG

Is-Segretarju Ġenerali ta' UNICE

Jytte FREDENSBORG

Is-Segretarju Ġenerali ta' CEEP

It-18 ta' Marzu 1999

[1] Fis-sens ta' l-Artikolu 2.4 tal-Ftehim dwar il-politika soċjali anness mal-Protokoll (Nru 14) dwar il-politika soċjali anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

--------------------------------------------------

Top