Help Print this page 
Title and reference
Direttiva tal-Kummissjoni 2014/84/UE tat- 30 ta' Ġunju 2014 li temenda l-Appendiċi A tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-ġugarelli, fir-rigward tan-nikil Test b'rilevanza għaż-ŻEE

OJ L 192, 1.7.2014, p. 49–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Languages, formats and link to OJ
BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA HR IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
HTML html BG html ES html CS html DA html DE html ET html EL html EN html FR html HR html IT html LV html LT html HU html MT html NL html PL html PT html RO html SK html SL html FI html SV
PDF pdf BG pdf ES pdf CS pdf DA pdf DE pdf ET pdf EL pdf EN pdf FR pdf HR pdf IT pdf LV pdf LT pdf HU pdf MT pdf NL pdf PL pdf PT pdf RO pdf SK pdf SL pdf FI pdf SV
Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal
 To see if this document has been published in an e-OJ with legal value, click on the icon above (For OJs published before 1st July 2013, only the paper version has legal value).
Multilingual display
Text

1.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 192/49


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2014/84/UE

tat-30 ta' Ġunju 2014

li temenda l-Appendiċi A tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-ġugarelli, fir-rigward tan-nikil

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 46(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2009/48/KE tistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali għal sustanzi li huma kklassifikati bħala karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni (CMR) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Is-sustanzi CMR tal-kategorija 2 ma jistgħux jintużaw fil-ġugarelli, f'komponenti tal-ġugarelli jew f'partijiet mikrostrutturalment distinti tal-ġugarelli, sakemm dawn is-sustanzi ma jkunux f'konċentrazzjonijiet individwali li huma daqs jew inqas mill-konċentrazzjonijiet rilevanti stabbiliti għall-klassifikazzjoni tat-taħlitiet li jkun fihom dawn is-sustanzi bħala CMRs, ma jkunux aċċessibbli għat-tfal jew l-użu tagħhom ikun ġie permess. Il-Kummissjoni tista' tippermetti l-użu ta' sustanzi CMR tal-kategorija 2 f'ġugarelli jekk l-użu tas-sustanza jkun ġie evalwat mill-Kumitat Xjentifiku u nstab li hu sikur, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-esponiment, u li s-sustanza ma tkunx ipprojbita għall-użu fl-oġġetti għall-konsumaturi skont ir- Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Fl-Appendiċi A tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE hemm lista tas-sustanzi CMR u l-użijiet permessi tagħhom.

(2)

In-nikil (CAS Nru 7440-02-0) huwa metall tipiku. L-użijiet primarji ewlenin tiegħu huma fil-produzzjoni ta' ligi li fihom in-nikil (inkluż l-azzar inossidabbli), fil-kisi tan-nikil, fil-produzzjoni ta' prodotti li fihom in-nikil bħall-batteriji u l-elettrodi tal-iwweldjar, u fil-produzzjoni ta' sustanzi kimiċi li fihom in-nikil. In-nikil jintuża wkoll fil-ġugarelli peress li huwa reżistenti għall-korrużjoni u għandu konduttività elettrika għolja, pereżempju fil-mudelli tal-linji ferrovjarji u għall-kuntatt bejn il-batteriji.

(3)

In-nikil huwa klassifikat skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 bħala karċinoġenu tal-kategorija 2. Fin-nuqqas ta' kwalunkwe rekwiżit speċifiku, in-nikil jista' jkun f'ġugarelli b'konċentrazzjonijiet li huma daqs jew inqas mill-konċentrazzjoni rilevanti stabbilita għall-klassifikazzjoni ta' taħlitiet li fihom din is-sustanza bħala CMRs, jiġifieri 1 %.

(4)

In-nikil kien evalwat b'mod komprensiv skont ir- Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 (4). Ir-Rapport ta' Valutazzjoni tar-Riskju tal-Unjoni Ewropea tal-2008 (RAR UE) (5) ikkonkluda li, fir-rigward tal-valutazzjoni okkupazzjonali dwar il-karċinoġeniċità, kien hemm bżonn ta' aktar studji biex jevalwaw il-karċinoġeniċità tal-inalazzjoni tan-nikil. L-Addendum tal-2009 (6) tar-RAR UE, imħejji għall-fini tal-miżuri tranżitorji skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006, ikkonkluda li mhumiex meħtieġa miżuri oħrajn fil-livell tal-Unjoni, peress li r-riżultati tal-istudju dwar il-karċinoġeniċità li dam sentejn u li espona lill-firien għall-inalazzjoni ta' nikil metalliku ma wrewx li hemm bżonn ta' reviżjoni tal-klassifikazzjoni ta' karċinoġeniċità eżistenti.

(5)

L-Appendiċi A tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE diġà jippermetti l-użu tan-nikil fl-azzar inossidabbli fil-ġugarelli, peress li hemm evidenza li n-nikil fl-azzar inossidabbli huwa sikur f'dak li jikkonċerna l-karatteristiċi karċinoġeniċi tiegħu.

(6)

Sabiex jiġi vvalutat ir-riskju għas-saħħa mill-preżenza ta' nikil metalliku f'ġugarelli elettriċi (il-banjar, il-kisi u l-ligi li jippermettu l-konduttività elettrika), il-Kummissjoni talbet l-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji għas-Saħħa u għall-Ambjent (SCHER). Fl-opinjoni tiegħu, “Il-Valutazzjoni tar-Riskji għas-Saħħa mill-Użu ta' Nikil Metalliku (CAS Nru 7440-02-0) fil-Ġugarelli”, adottata fil-25 ta' Settembru 2012, is-SCHER jindika li ma jeżistix riskju li l-esponiment għan-nikil meta l-ġugarelli jinżammu fl-idejn jista' jwassal għal tumur peress li huwa ferm improbabbli li jkun hemm inalazzjoni tan-nikil metalliku mill-ġugarelli. Is-SCHER jikkonkludi wkoll li l-użu tan-nikil f'partijiet tal-ġugarelli li jippermettu l-funzjoni elettrika korretta tagħhom se jirriżulta f'potenzjal baxx ħafna li jkun hemm esponiment għan-nikil permezz ta' assorbiment orali u dermali, u dan minħabba r-restrizzjonijiet fuq ir-rilaxx tan-nikil applikabbli għal dawk il-partijiet tal-ġugarelli li fihom il-metall, l-aċċessibbiltà limitata tal-partijiet li fihom il-metall u s-superfiċje żgħira tal-partijiet li fihom in-nikil li jippermettu l-funzjoni korretta tal-ġugarelli elettriċi. Għaldaqstant, is-SCHER mhuwiex qed jistenna li jkun hemm riskji għas-saħħa.

(7)

Skont il-punt 5(c)(ii) tal-Parti III tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE, l-użu tas-sustanzi CMR tal-kategorija 2 ma jistax jiġi permess jekk is-sustanza tkun ipprojbita għall-użu f'oġġetti għall-konsumaturi skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006. L-entrata 27 tal-Anness XVII ta' dak ir-Regolament tirrestrinġi biss l-użu tan-nikil f'assemblaġġi li jsiru fi żmien aktar tard li jiddaħħlu f'widnejn imtaqqbin u f'partijiet oħra tal-ġisem uman imtaqqbin, f'oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt dirett u fit-tul mal-ġilda u f'oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt dirett u fit-tul mal-ġilda meta dawn ikollhom kisja mingħajr nikil. Ir-restrizzjonijiet tal-entrata 27 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 ma jammontawx għal projbizzjoni sħiħa għall-użu fl-oġġetti kollha għall-konsumaturi skont dan ir-Regolament. Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-applikazzjoni tal-entrata 27 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għall-ġugarelli li huma oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt dirett u fit-tul mal-ġilda.

(8)

Għaldaqstant, id-Direttiva 2009/48/KE għandha tiġi emendata skont dan.

(9)

Il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal- Kumitat stabbilit fl-Artikolu 47 tad-Direttiva 2009/48/KE,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Appendiċi A tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE jinbidel b'dan li ġej:

“Appendiċi A

Lista ta' sustanzi CMR u l-użijiet permessi tagħhom skont il-punti 4, 5 u 6, tal-Parti III

Sustanza

Klassifikazzjoni

Użu Permess

Nikil

CMR 2

F'ġugarelli u f'komponenti tal-ġugarelli magħmula mill-azzar inossidabbli.

F'komponenti tal-ġugarelli maħsuba għal kurrent elettriku.”

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2015, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

Dawn għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Lulju 2015.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 170, 30.6.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1488/94 kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE u d-Direttivi tal-Kummissjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 tat-23 ta' Marzu 1993 dwar il-valutazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta' sustanzi eżistenti (ĠU L 84, 5.4.1993, p. 1).

(5)  http://echa.europa.eu/documents/10162/cefda8bc-2952-4c11-885f-342aacf769b3

(6)  http://echa.europa.eu/documents/10162/13630/nickel_denmark_en.pdf


Top