EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0713

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija marittima għall-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Jonju

/* COM/2012/0713 final */

52012DC0713

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija marittima għall-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Jonju /* COM/2012/0713 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija marittima għall-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Jonju

Il-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Jonju li jmiss miegħu, bil-pożizzjoni ċentrali tagħhom fit-Tramuntana tal-Mediterran, jikkostitwixxu żona importanti marittima u tal-baħar fl-Ewropa. Il-prospett tal-adeżjoni mal-UE jfisser li se jkun hemm żieda kontinwa fil-moviment ħieles ta’ persuni, oġġetti u servizzi. It-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu qed joħolqu theddid dejjem ikbar għaż-żoni kostali. Il-pajjiżi kostali għad għandhom livelli żbilanċjati ta’ esperjenza, kapaċità teknika, riżorsi finanzjarji u għarfien biex jiżguraw l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tal-baħar u kostali tagħhom.

L-ibħra, il-gżejjer u r-reġjuni kostali huma sistemi kumplessi u interkonnessi. Mhux ta’ b'xejn, għalhekk, li l-pajjiżi taż-żona tal-Adrijatiku u tal-Jonju ddeċidew li jkabbru l-kooperazzjoni tagħhom fis-settur tal-baħar, li huwa l-assi naturali komuni ewlieni tagħhom.

DAĦLA

(1) Għanijiet

Din il-Komunikazzjoni tivvaluta l-ħtiġijiet u l-potenzjal ta’ attivitajiet marbuta mal-baħar fiż-żona tal-Adrijatiku u tal-Jonju, u tistabbilixxi qafas lejn strateġija marittima koerenti u Pjan ta’ Azzjoni korrispondenti sal-2013. Jekk l-Istati Membri tal-UE jiddeċiedu li jitolbu lill-Kummissjoni tħejji strateġija tal-UE għar-reġjun tal-Adrijatiku u tal-Jonju, din l-istrateġija marittima tista’ tikkostitwixxi l-ewwel komponent ta’ din it-tip ta’ strateġija makroreġjonali tal-UE li tkopri oqsma addizzjonali.

L-istrateġija se tiddefinixxi azzjonijiet vijabbli u inizjattivi konġunti li jindirizzaw l-isfidi u l-opportunitajiet b'dimensjoni transkonfinali li jistgħu jiġu solvuti biss permezz ta’ impenn komuni. Se tutilizza r-riżorsi, il-leġiżlazzjoni u l-istrutturi eżistenti biex trawwem sħubijiet transkonfinali u tipprijoritizza l-għanijiet li madwarhom l-atturi lokali, reġjonali u nazzjonali jistgħu jiġu mobilizzati biex jibdlu l-prijoritajiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 f'azzjonijiet immirati.

L-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija tista', bis-saħħa ta’ ġestjoni intelliġenti, taġixxi bħala xprun tal-ekonomija mingħajr il-bżonn ta’ flus żejda. Se tgħin ukoll sabiex jiġu fformulati aħjar l-applikazzjonijiet tal-proġetti u jiġu kkordinati aħjar il-finanzjament u l-implimentazzjoni tagħhom, partikolarment bil-ħsieb ta’ nfiq aktar effettiv taħt il-qafas finanzjarju l-ġdid 2014-2020. Il-proġetti marittimi jistgħu jiġu ffinanzjati taħt diversi programmi u strumenti finanzjarji tal-UE, filwaqt li jiġu rispettati l-kompetenzi tal-Istati Membri li huma eliġibbli għall-appoġġ. Dawn jinkludu l-FEŻR, is-CF, l-ESF, l-FES[1] u strumenti u programmi oħra ta’ finanzjament, sew eżistenti (bħal FP7[2] u LIFE+[3]) u għall-futur (bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-FEMS[4]). Barra minn hekk, jeħtieġ li l-fondi tal-IPA[5] jiġu mobilizzati sabiex jinvolvu lil pajjiżi kandidati u potenzjali f’azzjonijiet futuri. Hemm ukoll sorsi oħra potenzjali ta’ finanzjament, bħall-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali inkluż pemezz tal-Qafas ta’ Investiment tal-Balkani tal-Punent (WBIF), riżorsi nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll investituri privati. Għandha tingħata attenzjoni lejn il-ġbir flimkien tagħhom b’mod effikaċi fi ħdan qafas strateġiku. Se tingħata wkoll attenzjoni lir-regoli ta’ kompetizzjoni jekk il-finanzjament ta’ proġett partikolari jista' jitqies bħala għajnuna mill-Istat.

Se tħejji s-sisien għal tkabbir permezz tal-appoġġ għal attivitajiet tas-sajd sostenibbli fit-tul u responsabbli, status ambjentali tajjeb tal-ambjent tal-baħar u aktar sikurezza u sigurtà fl-ispazju marittimu. Se tgħin ukoll fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet orizzontali, bħall-adattament effiċjenti għall-impatt tat-tibdil fil-klima. Dan se jrawwem tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv tal-ekonomija marittima u b’hekk jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020[6].

(2) Kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku

Il-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Jonju[7] jġibu f'kuntatt it-territorji ta’ seba’ pajjiżi: tliet Stati Membri tal-UE (il-Greċja, l-Italja u s-Slovenja), pajjiż wieħed aderenti (il-Kroazja), pajjiż wieħed kandidat (il-Montenegro) u żewġ pajjiżi kandidati potenzjali (l-Albanija u l-Bożnja u Ħerzegovina). Is-Serbja, pajjiż kandidat ukoll, hija waħda mit-tmien membri fl-Inizjattiva tal-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Jonju (IIA)[8]. Pajjiżi oħra fiż-żona wkoll għandhom interess politiku u ekonomiku fl-attivitajiet marittimi fl-Adrijatiku u l-Jonju, u għalhekk jistgħu jiġu involuti f'attivitajiet speċifiċi fuq il-bażi ta’ każ b’każ.

(3) Kuntest

Diġà hemm kooperazzjoni estensiva bejn l-Istati kostali tal-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Jonju, li parzjalment tirriżulta minn programmi Ewropej, bħall-Programm ta’ Kooperazzjoni Transkonfinali tal-IPA tal-Baħar Adrijatiku u programmi futuri fiż-żona, u parzjalment minn inizjattivi oħra, bħalma huma l-Inizjattiva tal-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Jonju.

Din il-Komunikazzjoni tipprovdi qafas għall-adattament tal-Politika Marittima Integrata għall-bżonnijiet u l-potenzjal tar-riżorsi naturali u l-kuntest soċjoekonomiku taż-żoni kostali u tal-baħar tal-Adrijatiku u l-Jonju. Fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar il-Politika Marittima Integrata ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill esprima l-appoġġ għall-"ħidma li għaddejja tal-Istati Membri Adrijatiċi u tal-Jonju biex isaħħu l-kooperazzjoni marittima ma' ġirien mhux tal-UE fiż-żona tal-qafas ta’ strateġija makroreġjonali". Kif enfasizzat fid-'Dikjarazzjoni ta’ Limassol'[9], il-kooperazzjoni fil-baċin tal-baħar hija pass importanti fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Politika Marittima Integrata tal-UE. L-esperjenza miksuba fil-Baħar Baltiku[10], fid-Danubju[11] u fil-Baħar Atlantiku[12] tista’ tipprovdi eżempji utli u lezzjonijiet mitgħallma. L-ideat ippreżentati hawn taħt ġew ikkonfermati minn tliet sessjonijiet ta’ ħidma tal-partijiet interessati organizzati matul l-2012 fil-Greċja, l-Italja u s-Slovenja.

It-TFASSIL TA’ AĠENDA GĦAL TKABBIR INTELLIĠENTI, SOSTENIBBLI U INKLUSSIV MILL-BAĦAR

PILASTRU 1: Inwasslu għall-massimu l-potenzjal tal-ekonomija blu

Fil-Komunikazzjoni dwar 'It-Tkabbir blu: opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu’[13], il-Kummissjoni tipprovdi stampa tal-ekonomija blu tal-Ewropa. Biex nisfruttaw it-tkabbir ekonomiku mill-baħar, hemm bżonn li l-pajjiżi jistabbilixxu l-kundizzjonijiet xierqa għall-innovazzjoni u l-kompetittività u li jikkonċentraw fuq oqsma ta’ vantaġġ komparattiv.

1.1 It-tfassil tal-kundizzjonijiet għall-innovazzjoni u l-kompetittività

Hemm bżonn li jiġu indirizzati għadd ta’ xpruni għat-tkabbir u l-ostakli għall-kisba tal-potenzjal għat-tkabbir fis-settur tal-baħar u dak marittimu. Dawn jinkludu simplifikazzjoni u armonizzazzjoni amministrattivi, ħiliet meħtieġa, riċerka, żvilupp u innovazzjoni, raggruppamenti marittimi, infrastruttura intelliġenti u li tiflaħ għall-klima kif ukoll ħaddiema kwalifikati u mobbli. Kundizzjonijiet xierqa għall-iżvilupp tagħhom se jgħinu setturi kruċjali għaż-żona – bħal ma huma l-bini tal-vapuri, l-industrija tad-dgħajjes u l-loġistika - għat-tisħiħ tal-ingranaġġ kompetittiv u bidu sod ta’ opportunitajiet ġodda ta’ negozju. Fir-reġjun tal-Friuli Venezia Giulia, Ditenave joffri eżempju tajjeb ta’ raggruppament marittimu li jiġbor flimkien l-industrija tat-teknoloġija avvanzata, universitajiet u awtoritajiet reġjonali.

L-użu ekonomiku akbar tal-ispazju tal-baħar u kostali jista’ jintensifika l-kompetizzjoni għall-ispazju. L-Ippjanar Spazjali Marittimu (MSP) huwa element ewlieni biex naslu għal tip ta’ teħid tad-deċiżjonijiet li jibbilanċja l-interessi settorjali li qed jikkompetu għall-ispazju fil-baħar. Bl-istess mod, il-Ġestjoni Integrata taż-Żoni Kostali (ICZM) tgħin sabiex nilqgħu għal pressjoni dejjem akbar fuq iż-żoni kostali. Il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Prijorità tal-UNEP/MAP[14] jaqdi rwol importanti fl-appoġġ għall-ICZM minn pajjiżi tal-Mediterran, u jimplimenta l-Protokoll tal-ICZM tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-kwistjonijiet li ġejjin jipprovdu eżempji ta’ oqsma prijoritarji għall-iżvilupp:

· It-titjib tal-kooperazzjoni amministrattiva għas-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-formalitajiet għat-trasport bil-baħar, kif ipprovdut fl-acquis tal-UE;

· L-istimulazzjoni tal-ħolqien ta’ raggruppamenti marittimi u netwerks tar-riċerka kif ukoll il-formulazzjoni ta’ strateġija tar-riċerka biex tixpruna l-innovazzjoni;

· Iż-żieda fil-mobbiltà u l-kwalifiki tal-forza tax-xogħol, inkluża t-trasparenza tal-kwalifiki;

· L-iżvilupp tal-MSP u l-ICZM kemm fuq il-livell nazzjonali kif ukoll dak transkonfinali, fuq il-bażi tal-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema u l-aqwa użu tar-riżultati ta’ proġetti ta’ riċerka ewlenin tal-UE dwar iż-Żoni Protetti tal-Baħar[15].

1.2 Setturi tal-baħar u marittimi rilevanti

1.2.1 It-trasport marittimu

Minħabba l-pożizzjoni tagħhom kemm fuq l-assi bejn il-Lvant u l-Punent u l-assi bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-Ewropa, il-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Jonju jikkostitwixxu rotta ta’ trasport marittimu importanti. Diversi pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u pajjiżi mdawrin bl-art jiddependu bil-kbir fuq il-portijiet tat-Tramuntana tal-Adrijatiku għall-importazzjonijiet tagħhom. Ħames portijiet fit-Tramuntana tal-Adrijatiku (Koper, Ravenna, Rijeka, Venezja, Trieste) inġabru fi ħdan il-pjattaforma loġistika tal-Assoċjazzjoni tal-Portijiet fit-Tramuntana tal-Adrijatiku (NAPA). Il-kompetittività tal-portijiet tal-Adrijatiku u l-Jonju, kif ġiet identifikata fl-iżvilupp li jinsab għaddej tal-portijiet tal-UE bi proposti rilevanti ppjanati għall-ewwel parti tal-2013, tiddependi fost oħrajn fuq:

· Il-kapaċità tagħhom biex tittejjeb l-intermodalità billi jintegraw it-trasport bil-baħar u fuq l-art. Il-kurituri tat-trasport tal-Baltiku-Adrijatiku u tal-Mediterran previsti fil-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa se jieħdu ħsieb in-nuqqas ta’ konnessjonijiet tal-ferrovija u tal-awtostradi;

· Operazzjonijiet effiċjenti u li jirrispettaw l-ambjent.

Il-portijiet għandhom rwol kruċjali biex jiżguraw il-kontinwità territorjali u l-koeżjoni soċjali. Madankollu, il-konnessjonijiet bil-baħar għall-merkanzija u l-passiġġieri fost pajjiżi li jmissu mal-Adrijatiku u mal-Jonju rarament huma l-għażla preferuta. Minħabba l-għadd kbir ta’ pajjiżi u bliet madwar il-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Jonju u d-distanzi relattivament qosra bejniethom bil-baħar, il-potenzjal għall-iżvilupp tat-tbaħħir fuq distanzi qosra huwa wieħed qawwi. L-Awtostrada tal-Baħar Adrijatiku[16] hija eżempju tal-isforzi biex ikun ipprovdut servizz ta’ trasport vijabbli u affidabbli permezz ta’ sistema ta’ trasport multimodali trans-Ewropea. Il-konnettività permezz ta’ vapurett transkonfinali hija partikolarment importanti minħabba l-għadd kbir ta’ gżejjer lil hinn mix-xtut Kroati u Griegi.

Fid-dawl ta’ dan t’hawn fuq, il-kwistjonijiet li ġejjin jipprovdu eżempji ta’ oqsma prijoritarji potenzjali għall-iżvilupp fl-istrateġija tal-portijiet ippjanata u l-azzjonijiet TEN-T futuri:

· L-ottimizzazzjoni tal-interfaċċji, il-proċeduri u l-infrastruttura biex jitħaffef il-kummerċ mal-Ewropa tal-Lvant, Ċentrali u tan-Nofsinhar;

· L-ottimizzazzjoni tal-konnessjonijiet permezz tal-iżvilupp ta’ netwerk tat-trasport marittimu integrat, ibbażat fuq id-domanda u b’livell baxx ta’ karbonju madwar ir-reġjun, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-konnettività tal-gżejjer;

· Żieda tas-sostenibbiltà ambjentali u ekonomika fuq żmien twil.

L-għażliet konkreti li għandhom jitqiesu jistgħu jkunu t-titjib tal-konnettività tal-portijiet mal-artijiet ta’ madwarhom u l-iżgurar ta’ implimentazzjoni fi żmien qasir tal-ispazju tat-trasport marittimu mingħajr ostakli (it-tnaqqis tal-piż amministrattiv għal skambji tal-baħar intra-UE fir-reġjun jew il-promozzjoni tal-effiċjenza u l-kwalità tas-servizzi tal-portijiet fir-reġjun).

1.2.2 It-turiżmu kostali u marittimu

It-turiżmu huwa ekonomikament sinifikanti bħala wieħed mill-fatturi ewlenin tal-attivitajiet marittimi li qed jikbru b’ritmu mgħaġġel. Mit-turiżmu tibbenefika ħafna l-ekonomija reġjonali permezz tal-ħolqien tal-impjiegi u l-promozzjoni tal-konservazzjoni tal-wirt kulturali kostali u marittimu. Il-Forum tal-Kmamar tal-Kummerċ tal-Adrijatiku u l-Jonju żviluppaw marka kummerċjali komuni, "AdrIon". Il-ġestjoni tajba tat-turiżmu kostali intensiv hija fundamentali sabiex jittaffew l-effetti negattivi possibbli fuq l-ambjent kostali u tal-baħar li fuqha jiddependu b’mod qawwi. Pereżempju, jeħtieġ li l-kapaċità tal-impjanti tat-trattament tal-iskart jew tal-ilma tal-iskart jiġi adattat, biex jiġi evitat li jintremew direttament fil-baħar.

Fis-settur tal-vapuri tal-kruċieri, iż-żona tal-Adrijatiku u l-Jonju diġà qed tara tkabbir b’ritmu mgħaġġel. Venezja u Dubrovnik jikklassifikaw fost l-10 portijiet tal-passiġġieri tal-kruċiera ewlenin fl-Ewropa. Is-segmentazzjoni li qed tiżdied fis-suq u l-mudelli ġodda ta’ negozju qed jiftħu opportunitajiet ġodda għal diversi portijiet.

Fl-aħħar nett, il-wirt kulturali u arkeoloġiku fiż-żona kostali u f’qiegħ il-baħar jikkostitwixxi element importanti kemm f’termini ta’ żvilupp tat-turiżmu kif ukoll ta’ identità komuni.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-kwistjonijiet li ġejjin jipprovdu eżempji ta’ oqsma prijoritarji għall-iżvilupp:

· Appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli tat-turiżmu kostali u marittimu, li jħeġġeġ l-innovazzjoni u l-istrateġiji ta’ kummerċjalizzazzjoni u prodotti komuni;

· Garanzija tas-sostenibbiltà tas-settur billi tiġi limitata l-marka ambjentali tiegħu filwaqt li jitqiesu l-impatti ta’ klima li qed tinbidel;

· Promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli tat-turiżmu tal-kruċieri;

· Tkabbir fil-valur u l-apprezzament tal-wirt kulturali.

L-għażliet konkreti li għandhom jitqiesu jistgħu jkunu t-titjib fil-marka komuni għall-promozzjoni turistika tar-reġjun, f’konformità max-xogħol li nbeda mill-Kmamar tal-Kummerċ tal-Adrijatiku u l-Jonju, u l-identifikazzjoni ta’ mudelli ġodda ta’ kummerċ fis-settur tal-kruċieri.

1.2.3 L-akkwakultura

Fl-UE s-settur tal-akkwakultura jirrappreżenta madwar 80.000 impjieg dirett, sors vitali ta’ dħul f'bosta żoni kostali tal-UE. L-Italja u l-Greċja huma fost l-ewwel pajjiżi produtturi fil-Baħar Mediterran kollu għall-ħut imrobbi u jipproduċu aktar minn 284,000 tunnellata fis-sena.

L-iżvilupp ta’ settur tal-akkwakultura Ewropea, ta’ kwalità għolja li huwa ambjentalment u ekonomikament sostenibbli għandu l-potenzjal li jikkontribwixxi lejn il-ħolqien tal-impjiegi u l-provvista ta’ prodotti ta’ ikel tajjeb għas-saħħa. L-akkwakultura tista’ wkoll tnaqqas il-pressjoni fuq is-sajd u għaldaqstant tgħin fil-preservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut. Il-mitigazzjoni tal-impatti negattivi titqies kif xieraq mill-korp tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE.

L-iżvilupp tal-potenzjal sħiħ tal-akkwakultura tal-UE huwa mfixkel minn għadd ta’ ostakli: aċċess limitat għall-ispazju u l-liċenżjar; frammentazzjoni fl-industrija; aċċess limitat għal kapital inizjali jew self għall-innovazzjoni; proċeduri amministrattivi u burokrazija li jieħdu ħafna żmien. B'rispett sħiħ tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd tipproponi l-promozzjoni tal-akkwakultura permezz ta’ approċċ ikkoordinat ibbażat fuq linji gwida strateġiċi mhux vinkolanti u prijoritajiet komuni u l-iskambju tal-aħjar prassi permezz tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-kwistjonijiet li ġejjin jipprovdu eżempji ta’ oqsma prijoritarji għall-iżvilupp:

· Il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u opportunitajiet ta’ negozju permezz ta’ iktar riċerka u innovazzjoni;

· Skont il-prinċipji tal-MSP, ħidma fuq l-għodda sabiex jinstabu l-aktar siti xierqa għall-akkwakultura fl-ilmijiet, inklużi għodod sabiex jiġu identifikati l-attivitajiet għal kopożizzjoni potenzjali ma’ attivitajiet ekonomiċi oħra.

L-għażliet konkreti li għandhom jitqiesu jistgħu jkunu l-kooperazzjoni biex jitnaqqas il-piż amministrattiv u l-ottimizzazzjoni tal-ippjanar spazjali permezz ta’ skambju tal-aħjar prattiki.

PILASTRU 2: Ambjent tal-baħar aktar b’saħħtu

L-ambjent tal-baħar u kostali tal-Adrijatiku u tal-Jonju jilqa’ livell għoli ta’ diversità ta’ ħabitats u speċijiet. L-alka (Posidonia) u l-mammiferi marittimi varji jistgħu jinstabu fiż-żewġt ibħra[17].

L-azzjoni magħquda ta’ pressjoni antropoġenika għolja u karatteristiċi topografiċi jagħmlu dawn il-ħabitats suxxettibbli ħafna għat-tniġġis. Il-kooperazzjoni bejn l-Istati kostali sseħħ fi ħdan l-oqfsa regolatorji tad-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Istrateġija Marittima, il-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha kif ukoll il-Kummissjoni Konġunta għall-Protezzjoni tal-Baħar Adrijatiku u ż-Żoni Kostali Tiegħu.

Impatt sinifikanti fuq il-baħar Adrijatiku ġej mit-tifwir tax-xmajjar. Bejn wieħed u ieħor terz tal-ilma kontinentali tal-Mediterran jibqa’ sejjer fil-Baħar Adrijatiku tat-Tramuntana u ċentrali. L-ewtrofikazzjoni li tirriżulta hija waħda mit-theddidiet ewlenin għal din iż-żona[18]. Għalhekk sabiex jinkiseb status ambjentali tajjeb tal-ambjent tal-baħar hija rilevanti l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma.

Minbarra l-fatt li l-iskart fil-baħar jirrappreżenta problema estetika, spiss joħloq riskji sinifikanti għall-ħajja tal-baħar. Is-sorsi prinċipali ta’ skart huma l-attivitajiet fuq l-art: skart domestiku, rilaxxi minn faċilitajiet turistiku u tifwir mill-miżbliet.

Iż-żona hija kkaratterizzata wkoll minn trasport marittimu intensiv, li jimplika emissjonijiet mill-vapuri u mill-port, riskji ta’ inċidenti u l-introduzzjoni ta’ speċijiet aljeni invażivi permezz tar-rimi tal-ilma tas-saborra. Fl-2005 l-Kroazja, l-Italja u s-Slovenja ffirmaw ftehim dwar Pjan ta’ Kontinġenza Subreġjonali[19] li jistabbilixxi qafas legali u operattiv għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra inċidenti ta’ tniġġiż tal-baħar.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-kwistjonijiet li ġejjin jipprovdu eżempji ta’ oqsma prijoritarji għall-iżvilupp fil-politiki tal-UE rispettivi:

· L-iżgurar ta’ status ambjentali u ekoloġiku tajjeb tal-ambjent tal-baħar u kostali sal-2020 f’konformità mal-acquis tal-UE relevanti u l-Approċċ ibbażat fuq l-Ekosistema tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona;

· Il-preservazzjoni tal-bijodiversità, l-ekosistemi u s-servizzi tagħhom permezz tal-implimentazzjoni tan-netwerk ekoloġiku Ewropew Natura 2000 u l-ġestjoni tiegħu filwaqt li titqies ukoll ħidma relatata fi ħdan il-Konvenzjoni ta’ Barċellona;

· It-tnaqqis tal-iskart tal-baħar, inkluż permezz ta’ ġestjoni aħjar tal-iskart fiż-żoni kostali;

· L-issoktar tat-titjib fil-kooperazzjoni subreġjonali u l-monitoraġġ tal-mekkaniżmi eżistenti, partikolarment dawk stabbiliti mill-EMSA fir-rigward tal-prevenzjoni, it-tħejjija u r-reazzjoni koordinata għal tixrid kbir taż-żejt u l-esplorazzjoni ta’ kif jista’ jsir użu aħjar tar-riżorsi disponibbli tal-UE.

L-għażliet konkreti li għandhom jitqiesu jistgħu jkunu l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-awtoritajiet ta’ ġestjoni ta’ Żoni tal-Baħar Protetti bil-għan li titħares il-bijodiversità, it-tkomplija tal-ħidma tan-Netwerk taż-Żoni Protetti fl-Adrijatiku (AdriaPAN), kif ukoll l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Kontinġenza Subreġjonali, bil-possibbiltà li jiġi estiż għal pajjiżi oħra li jmissu mal-Adrijatiku u mal-Jonju.

PILASTRU 3: Spazju marittimu b’aktar sikurezza u sigurtà

L-isfidi tas-saħħa, is-sikurezza u s-sigurtà umani u ambjentali mhumiex limitati għall-fruntieri marittimi ta’ pajjiż wieħed. L-għan għandu jkun rispons reġjonali sinerġetiku, b’implimentazzjoni armonizzata tar-regoli eżistenti tal-UE u internazzjonali u l-isfruttar ta’ teknoloġiji ġodda.

Hemm il-ħtieġa li xi pajjiżi terzi fir-reġjun itejbu l-prestazzjoni tagħhom bħala Stati tal-bandiera u l-klassifikazzjoni tagħhom fil-lista tal-livell ta’ prestazzjoni tal-Memorandum ta’ ftehim ta’ Pariġi dwar il-kontroll tal-Istat tal-port. L-implimentazzjoni rigoruża tar-regoli tal-UE u dawk internazzjonali eventwalment se tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ trasport bil-baħar fir-reġjun ta’ kwalità u dan se jirriżulta f’kundizzjonijiet ekwi, se jinkoraġġixxi l-mobilità u progressivament se jipprepara lill-pajjiżi kandidati u dawk kandidati potenzjali għall-adeżjoni mal-UE. Għandu jkun hemm ħidma lejn l-istabbiliment ta’ kultura ta’ konformità ma’ regoli eżistenti tal-UE u dawk internazzjonali.

Hemm ukoll aktar vjaġġi ta’ vapuri tal-passiġġieri fis-sena meta mqabbel ma’ reġjuni oħra, filwaqt li t-trasport taż-żejt u tal-gass qed jiżdied. Lil hinn mit-traffiku marittimu kummerċjali, il-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Jonju jintużaw minn netwerks kriminali involuti fil-migrazzjoni irregolari u attivitajiet illegali oħra. Għandhom jiġu mtejba l-kapaċitajiet tal-awtoritajiet pubbliċi biex jimmonitorjaw it-traffiku marittimu, jirreaġixxu għall-emerġenzi, isalvaw il-ħajjiet tan-nies, jirrestawraw l-ambjent tal-baħar, jikkontrollaw l-attivitajiet tas-sajd, u jaffaċċjaw it-theddid għas-sigurtà u l-attivitajiet illegali .

Il-kwistjonijiet li ġejjin jipprovdu eżempji ta’ oqsma prijoritarji li għandhom jiġu żviluppati partikolarment fil-pajjiżi ġirien fir-reġjun, filwaqt li jitqiesu l-azzjonijiet li għaddejjin fil-qafas tal-acquis tal-UE u f’koerenza mal-oqfsa istituzzjonali nazzjonali involuti:

· It-titjib tal-kultura ta’ konformità fil-kontroll tal-Istati tal-bandiera u tal-port, ir-responsabbiltà u l-assigurazzjoni tat-trasport marittimu, is-sanità fuq il-vapuri u l-kontroll ta’ mard li jittieħed fuq il-vapuri, l-investigazzjoni tal-inċidenti u s-sigurtà tal-port;

· It-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet marittimi nazzjonali jew reġjonali mal-UE, li tistabbilixxi mekkaniżmi li jippermettu l-iskambju ta’ informazzjoni tat-traffiku marittimu nazzjonali bejn sistemi VTMIS[20] permezz tas-SafeSeaNet;

· L-appoġġ tal-iżvilupp ta’ sistema ta’ appoġġ għad-deċiżjoni, il-kapaċitajiet ta’ rispons għall-inċidenti, u l-pjanijiet ta’ kontinġenza;

· L-iżgurar ta’ sorsi adegwati ta’ informazzjoni għall-ekwipaġġi u n-navigaturi, bħall-batimetrija, l-immappjar ta’ qiegħ il-baħar u l-istħarriġ idrografiku, u l-inkorporazzjoni ta’ din l-informazzjoni f’mapep nawtiċi elettroniċi (navigazzjoni elettronika), speċjalment għall-użu mill-vapuri tal-passiġġieri.

Għażla konkreta li trid titqies sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, kif ħareġ matul l-ewwel sensiela ta’ konsultazzjonijiet tal-partijiet interessati, tista’ tkun l-aġġornament tas-sistema eżistenti ADRIREP[21] u l-integrazzjoni tagħha mas-SafeSeaNet.

PILASTRU 4: Attivitajiet tas-sajd sostenibbli u responsabbli

L-istrateġija għandha ssaħħaħ l-isforzi lejn sajd sostenibbli u responsabbli fit-tul sabiex l-attivitajiet tas-sajd ikunu jistgħu jkomplu jipprovdu sors ekonomiku għaż-żoni kostali.

L-ewwel nett, għandha titfittex l-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipji tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS). Il-PKS tħeġġeġ il-promozzjoni ta’ approċċ minn isfel għal fuq lejn il-ġestjoni tas-sajd. Għal din iż-żona jkunu ta’ benefiċċju wkoll prinċipji u għodod komuni għal żoni tal-baħar protetti ta’ interess għas-sajd[22] inkluża l-adozzjoni ta’ miżuri għall-protezzjoni ta’ ħabitats sensittivi u ċerti speċijiet (eż. fkieren, dniefel).

Diġà hemm kooperazzjoni dwar l-aspetti kummerċjali tas-sajd fost il-korpi amministrattivi u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi fil-Kroazja, l-Italja u s-Slovenja li jwasslu pereżempju għall-istabbiliment ta’ Osservatorju Soċjoekonomiku għas-Sajd u l-Akkwakultura fit-Tramuntana tal-Adrijatiku. L-ambitu tiegħu jista’ jiġi estiż għall-iżvilupp tal-intelliġenza tas-suq u s-servizzi biex tkun żgurata t-traċċabbiltà u tkun tista’ ssir il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti.

Fil-qasam tal-kontroll, il-monitoraġġ u s-sorveljanza, hemm il-bżonn li tiżdied il-kultura tal-konformità u li jiġi ffaċilitat it-trasferiment tal-informazzjoni, abbażi tal-iskambju ta’ għarfien espert u l-aħjar prattiki u l-iżvilupp ulterjuri ta’ inizjattivi operattivi komuni. L-aġġornament tal-għodod operattivi xierqa kollha (sistemi, tagħmir u riżorsi oħra) għandu wkoll jiġi investigati.

Diġà hemm kooperazzjoni dwar kwistjonijiet xjentifiċi u ta’ ġestjoni tas-sajd fi ħdan il-qafas multilaterali tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran u l-proġetti reġjonali tal-FAO (Adriamed u EastMed). Jeħtieġ li dawn il-proġetti jiġu rinfurzati billi tiżdied il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi kollha abbonati. B’mod parallel, tista’ tiġi promossa aktar kooperazzjoni xjentifika bejn il-pajjiżi tar-reġjun sabiex ikun hemm rabta aħjar mal-ħtiġijiet tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-kwistjonijiet li ġejjin jipprovdu eżempji ta’ oqsma prijoritarji għall-iżvilupp:

· Il-kisba tal-ġestjoni sostenibbli tas-sajd, inkluż l-iżvilupp ta’ pjanijiet pluriennali u miżuri bħaż-Żoni Protetti tal-Baħar fis-sens usa' tagħhom;

· Il-kontribuzzjoni għall-profittabilità u s-sostenibbiltà tas-sajd, billi jissaħħaħ l-involviment tal-partijiet interessati fil-ġestjoni tas-sajd u azzjonijiet oħra;

· It-titjib tal-kultura ta’ konformità, l-iffrankar tar-riżorsi, l-iffaċilitar tat-trasferiment tal-informazzjoni u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni għall-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd;

· L-iżvilupp tal-kooperazzjoni xjentifika dwar is-sajd.

L-għażliet konkreti li għandhom jitqiesu jistgħu jkunu l-iżvilupp tal-intelliġenza tas-suq u s-servizzi biex ikun żgurat li l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fir-reġjun tkun ċara, effiċjenti u f’konformità sħiħa mar-regoli applikabbli, kif ukoll l-iskambju tad-dejta soċjoekonomika fis-settur tas-sajd.

IL-PASSI LI JMISS : NIMXU LEJN PJAN TA’ AZZJONI

L-Istrateġija Marittima għall-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Jonju se jiġu spjegati fid-dettall fi Pjan ta’ Azzjoni ppjanat għat-tieni nofs tas-sena 2013 b’rispett tal-azzjonijiet li għaddejjin bħalissa u dawk ippjanati tal-politiki rilevanti tal-UE. Ibbażata fuq il-pilastri identifikati f'din il-Komunikazzjoni, din l-istrateġija se tinkludi l-oqsma ta’ prijorità u l-azzjonijiet rakkomandati għall-appoġġ sabiex tirreaġixxi għall-isfidi u l-opportunitajiet stabbiliti hawn fuq. Se tistipula wkoll miri ċari konformi ma’ dawk għall-istrateġija Ewropa 2020. Dawn l-azzjonijiet se jitwettqu mill-partijiet interessati fir-reġjun li magħhom se tkun qed taħdem il-Kummissjoni, fosthom il-gvernijiet u l-aġenziji, ir-reġjuni, il-muniċipalitajiet, l-atturi tan-negozju, ir-riċerkaturi u organizzazzjonijiet internazzjonali u mhux governattivi.

Il-Kummissjoni se taħdem ma' dawn il-partijiet interessati u istituzzjonijiet oħra, korpi tal-ipprogrammar u organizzazzjonijiet intergovernattivi attivi fir-reġjun, għall-allinjament, fejn xieraq, tal-attivitajiet tagħhom mal-għanijiet tal-istrateġija u għall-identifikazzjoni ta’ korpi ta’ koordinazzjoni għall-azzjonijiet previsti u l-proġetti.

Il-governanza tal-istrateġija għandha tiġi ddefinita bil-għan li tistabbilixxi, timmonitorja u timplimenta l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha bl-aktar mod koerenti.

KONKLUŻJONIJIET

Il-Kummissjoni hija konvinta li dan il-qafas se jappoġġa lill-pajjiżi kollha sabiex jilħqu l-għanijiet ta’ Ewropa 2020 fir-rigward tal-assi marittimi tagħhom, il-potenzjal tagħhom u l-użu sostenibbli tagħhom. Se jippromwovi l-integrazzjoni Ewropea u l-kooperazzjoni territorjali b'mod flessibbli u inklussiv, filwaqt li jirrispetta l-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Il-Kummissjoni Ewropea tixtieq tkun taf jekk l-oqsma prijoritarji identifikati jkoprux il-kwistjonijiet prinċipali involuti, li għalihom aktar kooperazzjoni tista’ tagħmel differenza. Il-Kummissjoni Ewropea tkun interessata wkoll f’ideat għal sistema effettiva u flessibbli ta’ struttura ta’ governanza li takkumpanja l-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni u għat-twettiq tal-azzjonijiet fil-prattika. Għalhekk tistieden lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex jeżaminaw u japprovaw din il-Komunikazzjoni.

[1]                      Il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew għas-Sajd.

[2]                      Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-future (Orrizont 2020).

[3]                      L-Istrument Finanzjarju għall-Ambjent

[4]               Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd

[5]                      L-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni.

[6]                      COM(2010) 2020 finali.

[7]                      Għall-fini ta’ dan id-dokument nirreferu għad-definizzjoni tal-Organizzazzjoni Idrografika Internazzjonali li tindika safejn jasal il-Baħar Jonju fin-Nofsinhar bħala l-linja minn Cape tenaron għal Capo Passero.

[8]                      L-AII hija inizjattiva għal kooperazzjoni reġjonali varata mid-Dikjarazzjoni ta’ Ancona fis-sena 2000. Is-Serbja saret membru tal-AII suċċessivament għall-Unjoni tal-Istat tas-Serbja u l-Montenegro.

[9]                      Dikjarazzjoni tal-Ministri Ewropej responsabbli għall-Politika Marittima Integrata u l-Kummissjoni Ewropea dwar Aġenda tal-Baħar u Marittima għat-tkabbir u l-impjiegi adottata fit-8 ta’ Ottubru 2012.

[10]                    COM (2009) 248 finali u COM (2012) 128 final.

[11]                    COM(2010) 715 finali.

[12]                    COM(2011) 782 finali.

[13]                    Com (2012) 494 final, it-13 ta’ Settembru 2012.

[14]                    L-Unità ta’ Koordinazzjoni ta’ UNEP/MAP huwa l-korp inkarigat mill-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran.

[15]                    Eż. il-proġett COCONET ta’ FP7-OCEAN.

[16]                    ADRIAMOS.

[17]                    Il-valutazzjoni integrata inizjali tal-Baħar Mediterran li tissodisfa il-pass 3 tal-proċess tal-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema.

[18]                    Idem.

[19]                    Il-Pjan ta’ Kontinġenza Subreġjonali għall-Prevenzjoni ta ', it-Tħejjija għal u r-Reazzjoni għall-Inċidenti ta’ Tniġġiż tal-Baħar Kbir fil-Baħar Adrijatiku.

[20]                    Sistema Ġestjoni u Informazzjoni tat-Traffiku Marittimu.

[21]                    Sistema ta’ Rappurtar tat-Traffiku fl-Adrijatiku.

[22]                    Bħal żoni protetti tas-sajd skont l-Art. 19 tar-Regolament dwar il-Mediterran, żoni ristretti tas-sajd skont il-qafas tal-GFCM u Żoni Protetti b'Mod Speċjali ta’ Importanza għall-Mediterran (SPAMIs) skont il-Konvenzjoni ta’ Barċellona.

Top