Help Print this page 
Title and reference
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI Niftħu l-Edukazzjoni: Tagħlim innovattiv għal kulħadd permezz ta' Teknoloġiji ġodda u Riżorsi Edukattivi Miftuħa

/* COM/2013/0654 final */
Multilingual display
Text

52013DC0654

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI Niftħu l-Edukazzjoni: Tagħlim innovattiv għal kulħadd permezz ta' Teknoloġiji ġodda u Riżorsi Edukattivi Miftuħa /* COM/2013/0654 final */


It-teknoloġija u riżorsi edukattivi miftuħin bħala opportunitajiet biex niffurmaw mill-ġdid l-edukazzjoni tal-UE

Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi aġenda Ewropea biex jiġu stimulati modi innovattivi ta’ tagħlim ta' kwalità għolja permezz ta’ teknoloġiji ġodda u kontenut diġitali. “Il-ftuħ tal-edukazzjoni" jipproponi azzjonijiet lejn ambjenti ta’ tagħlim aktar miftuħa biex titwassal edukazzjoni ta’ kwalità ogħla u aktar effikaċi u b’hekk isir kontribut għall-miri tal-Ewropa 2020 li tingħata spinta lill-kompetittività u t-tkabbir fl-UE permezz ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet aħjar u ta' aktar impjiegi Dan jikkontribwixxi lejn il-miri ewlenin tal-UE għat-tnaqqis tal-abbandun bikri mill-iskejjel u lejn żieda fil-kisbiet terzjarji jew ekwivalenti[1] filwaqt li jibni fuq l-inizjattivi riċenti "Naħsbu mill-ġdid dwar l-Edukazzjoni"[2],  "L-Edukazzjoni Ogħla Ewropea fid-Dinja"[3] kif ukoll l-inizjattiva ewlenija l-Aġenda Diġitali[4].

Jipproponi azzjonijiet fuq il-livell tal-UE u dak nazzjonali, b’mod partikolari:

- jgħin lill-istituzzjonijiet tat-tagħlim, lill-għalliema u lill-istudenti jiksbu ħiliet u metodi ta’ tagħlim diġitali

- jappoġġa l-iżvilupp u d-disponibilità ta’ riżorsi edukattivi miftuħin

- iservi ta' konnessjoni għall-klassijiet u jimmobilizza il-kontenut u t-tagħmir diġitali

- jimmobilizza l-partijiet interessati kollha (l-għalliema, l-istudenti, il-familji, l-imsieħba ekonomiċi u soċjali) biex jibdlu r-rwol tat-teknoloġiji diġitali fl-istituzzjonijiet edukattivi

Għalkemm is-sigriet għas-suċċess jiddependi qabel xejn fuq l-Istati Membri, l-UE għandha wkoll rwol x’taqdi. Tista’ jippromwovi l-aqwa prassi u tappoġġja skambji bejn l-Istati Membri. Tista’ twassal riżultati li jibbenefikaw minn ekonomiji ta’ skala u interoperabilità, u b’hekk tiġi evitata l-frammentazzjoni. Tista’ tappoġġja l-użu u d-disponibbiltà tat-teknoloġija u l-kontenut diġitali permezz ta’ appoġġ finanzjarju, sħubijiet pubbliċi-privati u rakkomandazzjonijiet.

L-edukazzjoni fl-UE mhijiex qed iżżomm mall-pass tas-soċjetà u l-ekonomija diġitali...

It-teknoloġiji diġitali huma inkorporati b’mod sħiħ fil-mod kif in-nies jinteraġixxu, fix-xogħol u fil-kummerċ; iżda minkejja dan, għadhom mhux qed jiġu sfruttati bis-sħiħ fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ madwar l-Ewropa. Studju riċenti[5] dwar l-istat tad-dispożizzjoni diġitali fl-iskejjel fl-Unjoni żvela li 63% tat-tfal ta’ disa’ snin mhumiex jistudjaw fi "skola mgħammra sew diġitalment" (b’tagħmir xieraq, broadband veloċi u "konnettività" għolja). Filwaqt li 70 % tal-għalliema fl-UE jirrikonoxxu l-importanza ta’ taħriġ f’modi ta’ tagħlim mogħtija u riċevuti bl-appoġġ diġitali, huma biss 20-25% tal-istudenti li jiġu mgħallma minn għalliema diġitalment kunfidenti u ta’ appoġġ. Il-maġġoranza tal-għalliema jużaw it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) b’mod partikolari biex iħejju t-tagħlim tagħhom, aktar milli biex jaħdmu mal-istudenti waqt il-lezzjonijiet[6].

L-istudenti tal-lum jistennew aktar personalizzazzjoni, kollaborazzjoni u rabtiet aħjar bejn it-tagħlim formali u informali u ħafna minn dan ikun possibbli permezz tat-tagħlim appoġġjat diġitalment. Madankollu, bejn 50% u 80% tal-istudenti fl-UE qatt ma jużaw kotba diġitali, iħaddmu softwer, jagħmlu broadcasts/podcasts u simulazzjonijiet jew jutilizzaw logħob li wieħed jitgħallem bih. L-UE għandha nuqqas ta’ massa kritika ta’ kontenut edukattiv ta' kwalità tajba u ta' applikazzjonijiet f’suġġetti speċifiċi u għadd multipli ta' lingwi kif ukoll ta' mezzi konnessi għall-istudenti u l-għalliema. Id-distakk diġitali ġdid fl-UE, bejn dawk li għandhom aċċess għal edukazzjoni innovattiva u bbażata fuq it-teknoloġija u dawk li ma għandhomx, qed jiżdied b'konsegwenza ta’ din il-frammentazzjoni tal-approċċi u tas-swieq.

L-UE wkoll qed tirriskja li tibqa’ lura meta mqabbla ma' reġjuni oħra tad-dinja. L-Istati Uniti u xi pajjiżi Asjatiċi qed jinvestu fi strateġiji bbażati fuq l-ICT biex jifformaw mill-ġdid l-edukazzjoni u t-taħriġ. Dawn qed jittrasformaw, jimmodernizzaw u jinternazzjonalizzaw is-sistemi edukattivi b’effetti tanġibbli fl-iskejjel u l-universitajiet fir-rigward tal-aċċess għall-edukazzjoni u l-kostijiet marbuta magħha, il-prattika pedagoġika u l-fama dinjija jew branding tagħhom. Punt partikolari huwa li ħafna mill-forniment tal-kontenut diġitali jiġi minn barra mill-Ewropa, kif ukoll minn istituzzjonijiet edukattivi li joffru l-korsijiet tagħhom globalment permezz ta’ Korsijiet Onlajn Miftuħa Massivi (MOOCs).

...u minkejja dan it-teknoloġija tipprovdi l-opportunità biex jiżdiedu l-effiċjenza u l-ekwità fl-edukazzjoni.

Il-benefiċċji potenzjali tar-rivoluzzjoni diġitali fl-edukazzjoni huma bosta: l-individwi jistgħu faċilment ifittxu u jiksbu għarfien minn sorsi oltre mill-għalliema[7] u l-istituzzjonijiet tagħhom, spiss mingħajr ħlas; jistgħu jintlaħqu gruppi ġodda ta’ min jixtieq jitgħallem għaliex it-tagħlim ma għadux limitat għall-metodi u l-iskedi ta' klassijiet speċifiċi u jista' jkun personalizzat; qed ifeġġu fornituri tal-edukazzjoni ġodda; l-għalliema jistgħu faċilment jaqsmu u joħolqu kontenut ma’ kollegi u studenti li ġejjin minn pajjiżi differenti; u firxa ferm usa’ ta’ riżorsi edukattivi tista' tiġi aċċessata. Bit-tekonoloġiji miftuħin Kulħadd jista' jitgħallem, Kullimkien, f’Kull ħin, permezz ta’ Kwalunkwe mezz, bl-appoġġ ta’ Kwalunkwe persuna.

L-aktar importanti huwa li l-edukazzjoni u l-għarfien huma kapaċi jivvjaġġaw ’il bogħod b’mod aktar faċli bejn il-fruntieri biex b'hekk iżidu bil-kbir il-valur tal-kooperazzjoni internazzjonali u potenzjali tagħhom. Bis-saħħa tar-Riżorsi Edukattivi Miftuħa (OER)[8], u notevolment tal-MOOCs, l-għalliema u l-istituzzjonijiet edukattivi issa jistgħu jilħqu eluf ta’ studenti li ġejjin mill-ħames kontinenti kollha simultanjament, li jservi ta' vetrina għall-fatt li l-lingwa mhix dejjem ostaklu. Il-kooperazzjoni hija msaħħa billi tippermetti lil dawk li qegħdin jitgħallmu, l-edukaturi, ir-riċerkaturi u l-istituzzjonijiet biex joħolqu, jaqsmu u jiddiskutu l-kontenut ma’ kollegi minn madwar id-dinja kollha.

Barra milli jwessa’ l-aċċess għall-edukazzjoni, l-użu usa’ ta’ teknoloġija ġdida u riżorsi edukattivi miftuħin jista’ jgħin biex itaffi l-ispejjeż għall-istituzzjonijiet edukattivi u għall-istudenti, speċjalment fost il-gruppi żvantaġġati. Din l-ekwità tal-impatt teħtieġ, madankollu, investiment sostnut fl-infrastruttura edukattiva u r-riżorsi umani.

It-tekonoloġiji miftuħin jipprovdu l-opportunità għall-Ewropa biex tiġbed lejha talent ġdid, tagħti liċ-ċittadini l-ħiliet relevanti, jitħeġġu x-xjenza u r-riċerka u jitkattru l-innovazzjoni, il-produttività, l-impjiegi u t-tkabbir. L-Ewropa għandha tieħu azzjoni issa biex tipprovdi qafas ta’ politika xieraq u stimolu biex jiġu introdotti prattiki ta' tagħlim innovattiv fl-iskejjel, l-universitajiet, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) u l-istituzzjonijiet tat-tagħlim tal-adulti. Il-qafas politiku tal-UE (il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2020) u l-programmi tal-UE (partikolarment fl-Erasmus+, Orizzont 2020 u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment) jista’ jipprovdi inċentivi u joħloq il-kundizzjonijiet ta’ qafas biex dan iseħħ. Dan jista’ jgħin l-Istati Membri u r-reġjuni kollha, partikolarment dawk anqas żviluppati, biex jibbenefikaw ukoll minn edukazzjoni ta’ kwalità, u jittejjeb il-potenzjal tagħhom ta’ tkabbir, biex b’hekk tinżamm il-konverġenza ekonomika u soċjali.

L-azzjonijiet proposti f’dan id-dokument se jkunu appoġġjati mill-UE kif imsemmi hawn fuq u se jirriflettu r-riżultati ta’ konsultazzjonijiet ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati li bdew fis-sajf tal-2012. Ir-riżultati u l-bażi ta’ evidenza dettaljata huma ppreżentati wkoll f’Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (SWD) li jipprovdi analiżi tas-sitwazzjoni attwali fi Stati Membri b’differenzi sinifikanti bejniethom, jenfasizza l-aħjar prassi, u janalizza l-ostakli ewlenin fil-livell tal-UE li jimpedixxu l-introduzzjoni tal-innovazzjoni fl-edukazzjoni permezz ta’ kontenut u teknoloġiji diġitali. Dak li hemm fin-nofs ovvjament ivarja bejn is-setturi differenti tat-tagħlim (i.e. l-edukazzjoni obbligatorja, l-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni għall-adulti) u t-tagħlim mhux formali u informali.

1. Ambjenti ta’ Tagħlim Miftuħ: opportunitajiet ta' innovazzjoni għall-organizzazzjonijiet, l-għalliema u l-istudenti 1.1      Organizzazzjonijiet innovattivi

L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ jeħtieġu reviżjoni tal-istrateġiji tal-organizzazzjoni tagħhom...

L-istituzzjonijiet edukattivi kollha jeħtieġu li jtejbu l-kapaċità tagħhom li jadattaw ruħhom, jippromwovu l-innovazzjoni u jisfruttaw il-potenzjal tat-teknoloġiji u l-kontenut diġitali. Fil-fatt, minflok, l-istrateġiji istituzzjonali għandhom it-tendenza li jopponu l-ftuħ għall-edukazzjoni li tipprovdi l-ICT. Fl-edukazzjoni skolastika u l-VET, ir-regolamenti restrittivi fuq il-kurrikuli u l-prattiki tal-assessjar jimpedixxu l-isfruttament sħiħ għat-tagħlim u t-taħriġ ta’ approċċi xprunati mit-teknoloġija. Fl-edukazzjoni ogħla, fatturi oħra bħalma huma finanzjament inflessibbli u l-istrutturi ta’ governanza, b'intensifikazzjoni minħabba restrizzjonijiet fuq ir-riżorsi baġitarji, irażżnu l-bidla. Fit-tagħlim tal-adulti wkoll, l-ICT joffri potenzjal kbir għall-bidla strutturali: stħarriġ li sar fil-Finlandja[9] juri li 41% biss tal-organizzazzjonijiet rispondenti fl-industrija Finlandiża kienu użaw tagħlim onlajn fit-taħriġ tal-persunal tagħhom tul l-2012. Madankollu l-użu tal-ICT fit-taħriġ jista' jnaqqas l-ispejjeż u jżid il-flessibiltà f’termini ta’ ħin u spazju.

Ikun biss jekk l-istituzzjonijiet edukattivi jbiddlu l-kundizzjonijiet ta' qafas li jaħdmu fihom li jwassal biex huma jaħtfu l-opportunitajiet li l-ICT tipprovdi. Ambjenti ta’ tagħlim miftuħ jeħtieġu li l-mexxejja tal-istituzzjonijiet edukattivi jaqdu rwol attiv billi: jipprovdu viżjoni strateġika; jittrasformaw l-istituzzjonijiet maqtugħin għalihom f’komunitajiet konnessi tat-tagħlim u jippremjaw lill-professjonisti għal metodi ġodda ta’ tagħlim. Tmexxija għandha tkun akkumpanjata minn tibdil fl-organizzazzjoni u pjanijiet ta’ żvilupp istituzzjonali. L-istituzzjonijiet edukattivi għandhom jikkunsidraw li jevalwaw kemm huma lesti u adatti għall-użu tal-ICT, filwaqt li jirrevedu l-mudell organizzattiv u tan-negozju tagħhom jekk ikun meħtieġ. Dan jimplika, pereżempju li jiġi vvalutat x’kisbiet fl-effiċjenza jistgħu jsiru permezz tad-diġitizzazzjoni tal-back-offices, jekk l-ICT jiġi integrat b’mod sikur kif jista’ jsir permezz tat-tikketta dwar is-Sikurezza-e għall-iskejjel[10] jew, jekk it-tagħlim huwiex diġitalment appoġġjat. Dan jista’ jirrikjedi wkoll reviżjoni ta’ jekk hix il-vokazzjoni tal-istituzzjoni li twassal l-għarfien u/jew tiċċertifika l-akkwist tiegħu.

Il-feġġ ta’ innovazzjoni li tqanqal it-tibdil, bħall-MOOCs, għandha l-potenzjal li tbiddel l-edukazzjoni ogħla u toħloq kompetizzjoni ġdida u ċentri ta’ eċċellenza fost l-universitajiet madwar id-dinja. Għalkemm l-ewwel proġett ta’ Materjal għall-Korsijiet Miftuħ il-proġett feġġ fil-Ġermanja, l-akbar bidliet qed iseħħu fl-Istati Uniti. Filwaqt li tliet fornituri ewlenin tal-MOOCs fl-Istati Uniti joffru madwar 400 kors, bi tliet miljun utent mad-dinja kollha, ftit universitajiet Ewropej qed jipprovdu l-MOOCs. Stħarriġ reċenti[11] juri li terz tal-200 Università Ewropea kkonsultati lanqas kien jaf x'inhu MOOC, u terz biss kien qed jikkunsidra xi inizjattiva konnessa mal-MOOCs.

L-isfruttament ta' dan il-potenzjal jista’ jsir l-aħjar permezz ta’ sħubijiet strateġiċi. Eżempju wieħed pożittiv huwa t-tnedija reċenti ta’ Inizjattiva ta' MOOC Ewropea mill-Assoċjazzjoni tal-Universitajiet Ewropej tat-Tagħlim b’Distanza[12]. Inizjattiva bħal din hija xiehda tal-fatt li x-xogħol transkonfinali jipprovdi l-iskala meħtieġa sabiex jiġu ġġenerati soluzzjonijiet ġodda għall-edukazzjoni li kieku kienu jkunu impossibbli li jinkisbu jekk imfassla minn kull istituzzjoni waħedha.

... biex jiġu stimulati prattiki innovattivi ta’ tagħlim.

Użu aktar qawwi ta’ esperjenzi ta’ tagħlim, li jikkombina t-tagħlim wiċċ imb’wiċċ ma' dak onlajn (tagħlim imħallat), jista' jżid il-motivazzjoni tal-istudent u l-effikaċja tat-tagħlim. F’taħriġ tat-tip tal-apprendisti, pereżempju, it-teknoloġiji jistgħu jintużaw biex jissimulaw sitwazzjonijiet reali fejn dawk li jkunu qed jitgħallmu jtejbu l-ħiliet tekniċi tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jsolvu l-problemi. It-teknoloġija tippermetti wkoll modi ġodda ta’ tagħlim u evalwazzjoni, b'konċentrazzjoni akbar fuq x'kapaċi jagħmel dak li qed jitgħallem  aktar milli fuq is-sempliċi akkwiżizzjoni ta’ informazzjoni jew x'kapaċi jirrepeti dak qed jitgħallem.

It-teknoloġija tagħmilha possibbli li jiġu żviluppati soluzzjonijiet ġodda ta’ tagħlim personalizzat aħjar, billi tippermetti lill-għalliema li jkollhom stampa aktar preċiża u aġġornata b'segwitu ta’ kull student. Permezz tal-analitika tat-tagħlim[13], metodi ta’ tagħlim ġodda u aktar imsejsa fuq min qed jitgħallem jistgħu jfeġġu minħabba li l-evoluzzjoni tal-istudenti li jużaw l-ICT regolarment tista' tiġi mmonitorjata mill-qrib: l-għalliema jistgħu jkunu jafu eżatt x'inhuma r-riżultati tat-tagħlim għal kull individwu u jidentifikaw il-ħtiġijiet għal appoġġ addizzjonali skont l-istil ta’ tagħlim ta' kull individwu.

1.2       Għalliema innovattivi

L-għalliema għandhom ikunu kapaċi jiksbu kompetenzi diġitali għoljin...

L-għalliema, matul is-snin, kienu promoturi kostanti tal-innovazzjoni fl-istituzzjonijiet edukattivi tagħna. Madankollu, meta titqies l-integrazzjoni tal-ICT, ħafna minnhom ma għandhomx il-kompetenzi meħtieġa għal użu pedagogiku tal-ICT. Seba’ pajjiżi biss[14] għandhom minn 30 sa 50% tal-istudenti fil-grad 4 u/jew fil-grad 8 mgħallma minn għalliema diġitalment kunfidenti u ta' appoġġ, b’livell għoli ta’ aċċess għall-ICT u li jiffaċċjaw livell baxx ta' ostakli għall-użu tagħhom fl-iskola. L-istudji juru wkoll li 70% tal-għalliema fl-UE jixtiequ li jkollhom żvilupp professjonali fil-kapaċitajiet tal-ICT.

L-edukazzjoni inizjali tal-għalliema għandha tenfasizza l-metodi ta’ tagħlim appoġġjati diġitalment (pedagoġiji diġitali). Stħarriġ konġunt tal-KE u tal-OECD juri li sitt għalliema minn għaxra għadhom ma rċevew l-ebda taħriġ dwar kif jużaw l-ICT fil-klassi. Enfasi importanti fuq il-kompetenzi pedagoġiċi diġitali hija meħtieġa wkoll matul l-iżvilupp professjonali kontinwu ħalli l-għalliema jinżammu aġġornati. Il-ħtieġa li din l-isfida tiġi indirizzata hija l-qofol tal-interess tal-partijiet interessati li, fil-kuntest tal-Gran Koalizzjoni għall-Impjiegi Diġitali, diġà wiegħdu li jiżviluppaw il-MOOCs Ewropej li jħarrġu l-għalliema f’ħiliet speċifiċi sabiex jikkontribwixxu ħalli jissaħħu l-kapaċitajiet diġitali tagħhom. Fost oħrajn, il-Kummissjoni se tkompli tibni fuq Schoolnet Ewropea[15] sabiex tiżviluppa u twassal skala kbira ta’ żvilupp professjonali onlajn għall-għalliema f’oqsma speċifiċi bħalma huma l-matematika, ix-xjenza u t-teknoloġija filwaqt li tappoġġja netwerk ta’ organizzazzjonijiet involuti fit-taħriġ ta' qabel u ta' waqt is-servizz għall-għalliema.

... għal kollegament permezz ta' komunitajiet tal-prattika b'saħħithom...

L-użu tal-kontenut edukattiv u l-OER huwa ristrett minħabba d-diffikultà biex jinstabu riżorsi adegwati għall-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull utent: l-għalliema għandhom tendenza li jużaw l-aktar ir-riżorsi li jkunu ġew rakkomandati minn kollegi oħra. Il-komunitajiet tal-prattikanti fil-livell tal-UE taw xhieda li huma soluzzjonijiet solidi għall-iskambju ta' prattiki tajba u appoġġ fost il-pari, kif deher mill-involviment qawwi tal-għalliema fil-pjattaforma e-Twinning[16] , b'aktar minn 200 000 utent reġistrat, fis- SCIENTIX, il-komunità għall-edukazzjoni tax-xjenza fl-Ewropea[17], u fl- Open Discovery Space[18]. Sabiex jiġi żgurat li komunitajiet kbar ta’ prattika jibbenefikaw minn żvilupp professjonali permezz ta’ riżorsi onlajn u t-tagħlim mill-pari, il-Kummissjoni se tesplora modi kif jistgħu jiġu influwenzati n-netwerks eżistenti u jinħolqu oħrajn ġodda inkluż il-futur EPALE (Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim tal-Adulti fl-Ewropa). Se tingħata wkoll attenzjoni lill-esplorazzjoni tal-potenzjal ta’ xogħol kollaborattiv fit-tagħlim u t-tagħlim fl-edukazzjoni għolja, li attwalment huma inqas żviluppati milli fir-riċerka.

... u jiġu ppremjati għal metodi ġodda ta’ tagħlim.

L-għalliema huma influwenzati mill-mod li bih tiġi vvalutata l-prestazzjoni tagħhom. Għalkemm il-kejl tal-prestazzjoni jvarja bejn il-pajjiżi u s-setturi edukattivi, dan rarament jinkludi parametri assoċjati ma’ prattiki ta' pedagoġija miftuħa. L-Istati Membri, l-awtoritajiet regjonali u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ jeħtieġ li jerġgħu jiddiskutu l-iskemi tal-evalwazzjoni tal-prestazzjoni biex jinħolqu l-inċentivi xierqa għall-għalliema ħalli dawn jintroduċu u jinkorporaw tagħlim innovattivi.

1.3      L-innovazzjoni għal min jitgħallem

L-istudenti jistennew li jiksbu ħiliet diġitali għas-Seklu 21…

L-individwi għandhom jiksbu ħiliet ġodda għal dinja diġitali[19]. Għalkemm il-kompetenzi diġitali huma essenzjali għall-impjiegi, iż-żgħażagħ tal-lum m’għandhomx biżżejjed kapaċità biex jużawhom b’mod kreattiv u b’mod kritiku. Mhux biżżejjed li wieħed jitwieled f'era diġitali biex ikun diġitalment kompetenti. L-istudji juru li, bħala medja, 30% biss tal-istudenti fl-UE jistgħu jitqiesu bħala diġitalment kompetenti; u apparti minn dan, 28% tal-istudenti fl-UE prattikament ma għandhom l-ebda aċċess għall-ICT, la fl-iskola u lanqas id-dar. Huma biss madwar nofs l-istudenti inizjali tal-VET fl-Ewropa li jattendu klassijiet fejn l-għalliema jużaw l-ICT f’aktar minn 25% tal-lezzjonijiet. Barra minn hekk, il-ħiliet diġitali baxxi jew ineżistenti ta’ bosta adulti jxekklu l-produttività u l-kapaċità tal-innovazzjoni tagħhom fuq il-post tax-xogħol u jillimitaw il-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà[20].

Permezz tal- Gran Koalizzjoni għall-Impjiegi Diġitali, il-Kummissjoni diġà qed taħdem fi sħubija mal-industrija biex tippromwovi l-ħiliet neċessarji għall-prattikanti tal-ICT. Madankollu, aktar individwi għandhom bżonn jakkwistaw ħiliet diġitali aħjar u jidraw jużaw it-teknoloġija attivament biex iżidu l-prospetti tax-xogħol tagħhom. Huwa essenzjali li jissaħħu l-ħiliet diġitali permezz ta’ tagħlim informali u mhux formali u permezz ta’ kurrikuli ġodda, fejn il-kodifikazzjoni, pereżempju, qed tintuża spiss.  Hija meħtieġa wkoll attenzjoni speċjali lil gruppi żvantaġġati bħal studenti li qegħdin fir-riskju ta' rendiment baxx fil-kapaċità eż. ix-xjenza u t-teknoloġija jew studenti b’diffikultajiet fit-tagħlim.

...u l-ħiliet tagħhom akkwistati diġitalment ikunu rikonoxxuti u ċċertifikati faċilment għal iktar taħriġ jew xogħol.

L-istudenti jistennew li l-ħiliet tagħhom jiġu rikonoxxuti minn impjegaturi potenzjali jew sabiex iservuhom għal aktar tagħlim u jfittxu lil dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ li jistgħu jagħtuhom il-kwalifiki rilevanti.

Il-valutazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-kisbiet tal-istudenti huma sfidi li qed jiffaċċjaw dawk li jipprovdu edukazzjoni onlajn: dan jimplika l-integrazzjoni tal-prattiċi tat-tagħlim onlajn fil-kurrikuli formali u li jinstabu modi biex jivvalidaw it-tagħlim assistit mit-teknoloġija f’kuntesti mhux formali u informali. Xi fornituri bdew joffru "open badges” li jiċċertifikaw li student ikun lesta kors partikolari jew akkwista ċerta ħila partikolari. Madankollu, dawn għadhom ma ġewx rikonoxxuti mill-awtoritajiet tal-kwalifiki u ħafna drabi mhumiex magħrufin fis-suq tax-xogħol.

Il-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-istrumenti użati fl-edukazzjoni formali għandhom jiġu adattati għall-ħolqien ta' offerti edukattivi ħafna aktar diversifikati, inkluż fornituri tal-edukazzjoni ġodda u forom ġodda ta’ tagħlim li saru possibbli permezz tat-teknoloġija. B’mod parallel, jaf jiġu meħtieġa li jinħolqu għodod ġodda kemm biex jiżguraw li t-tagħlim assistit mit-teknoloġija li jseħħ lil hinn mill-edukazzjoni formali jiġi validat kif ukoll biex jinkoraġġixxu lil dawk li jitgħallmu ħalli jinvolvu ruħhom aktar f'prattiki miftuħa. Dawn l-għodod ġodda għandhom jirrispettaw il-prinċipji stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali[21] f’sinerġija mal-għodod stabbiliti tal-validazzjoni u r-rikonoxximent u għandhom jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ żona Ewropea għall-ħiliet u l-kwalifiki[22], b'dawn tal-aħħar ikollhom l-għan li jindirizzaw id-diversità tal-prattiki madwar l-Istati Membri u jippromwovu rikonoxximent effettiv lil hinn mill-fruntieri.

Azzjonijiet Trasformattivi Ewlenin f’dan il-qasam

Permezz tal-programmi ġodda Erasmus+ u Orizzont 2020, il-Kummissjoni se:

· Tappoġġja lill-istituzzjonijiet edukattivi fl-iżvilupp ta’ negozji u mudelli edukattivi ġodda u tniedi riċerka fuq skala kbira u esperimentazzjonijiet politiċi biex jittestjaw approċċi pedagoġiċi innovattivi, l-iżvilupp tal-kurrikulu u l-valutazzjoni tal-ħiliet;

· Tappoġġja l-iżvilupp professjonali tal-għalliema permezz ta' korsijiet miftuħa onlajn, wara li wegħdiet li saru taħt il-Gran Koalizzjoni għall-Impjiegi Diġitali[23], u permezz tal-ħolqien u t-tkabbir ta' pjattaformi Ewropej eżistenti għall-komunitajiet tal-għalliema (eż.: eTwinning, EPALE) għall-istabbiliment ta' prattiċi ta' tagħlim kollaborattivi msejsa fuq il-pari madwar l-UE;

· Tesplora u tittestja, b’kooperazzjoni mal-partijiet interessati u l-Istati Membri, l-oqsfa tal-kompetenza diġitali u l-għodod għall-awtoevalwazzjoni ta’ min jitgħallem, l-għalliema u l-organizzazzjonijiet;

· Tesplora kif l-għodod ġodda u stabbiliti għall-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħiliet, bħal ‘open badges”, jistgħu jiġu adattati għall-ħtiġijiet ta’ min jitgħallem.

· Tikkoordina u tiffaċilita l-iskambju tal-esperjenzi u r-riżultati miksuba fil-programmi nazzjonali bejn l-Istati Membri u tipprovdi gwida politika mmirata lejn il-gruppi ta’ Stati Membri biex tgħinhom jidentifikaw miżuri ta’ suċċess biex jintlaħqu l-isfidi tagħhom fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż (CSRs) taħt is-Semestru Ewropew/Ewropa 2020.

L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għandhom:

· Jappoġġjaw it-tagħlim u l-ambjenti ta’ tagħlim innovattiv, inkluż permezz tal-użu ta’ fondi strutturali u fondi ta’ investiment (ESIFs);

· Jiżguraw li l-istrumenti tat-trasparenza u r-rikonoxximent għall-edukazzjoni formali jkunu adattati għal forom ġodda ta’ tagħlim, inkluż il-validazzjoni tal-ħiliet akkwistati minn fuq l-internet, b’konformità mal-għodod nazzjonali fil-kuntest tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-Validazzjoni tat-Tagħlim mhux Formali u Informali,

· Jappoġġjaw lill-għalliema li jiksbu livell għoli ta’ kompetenzi diġitali u jadottaw prattiki flessibbli ta’ tagħlim innovattiv permezz ta’ taħriġ, skemi ta’ inċentivi, kurrikuli riveduti għall-edukazzjoni inizjali tal-għalliema u mekkaniżmi tal-evalwazzjoni professjonali ġodda;

· Isaħħu l-ħiliet diġitali fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż fost gruppi żvantaġġati, u jirrevedu l-valutazzjonijiet tal-istudenti sabiex jiżguraw li l-ħiliet kollha miksuba permezz tat-tagħlim diġitali jistgħu jiġu rikonoxxuti.

2. Riżorsi edukattivi miftuħin: opportunitajiet biex l-għarfien miftuħ jintuża għal titjib fil-kwalità u l-aċċess

L-għarfien huwa miftuħ meta dan jiġi pprovdut permezz ta’ għodod aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha. L-OERs huma importanti biex jiġu stimulati ambjenti ta’ tagħlim innovattiv fejn il-kontenut jista' jiġi adattat mill-utenti skont il-ħtiġijiet tagħhom. L-istimolu tal-provvista u d-domanda għal OERs Ewropej ta’ kwalità għolja huwa essenzjali għall-immodernizzar tal-edukazzjoni. Flimkien mar-riżorsi edukattivi tradizzjonali, l-OERs jippermettu forom mħallta ta’ tagħlim wiċċ imb'wiċċ u onlajn. Għandhom ukoll il-potenzjal li jnaqqsu l-ispejjeż tal-materjali edukattivi għall-istudenti u l-familji tagħhom kif ukoll għall-baġits pubbliċi meta dawn ikopru l-ispejjeż tal-materjal edukattiv.

OERs Ewropej ta' kwalità għolja għandhom isiru aktar viżibbli u aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha...

F’dawn l-aħħar għaxar snin, il-provvista tal-OERs fid-dinja żdiedet b’mod esponenzjali. Madankollu, filwaqt li hemm varjetà dejjem akbar ta’ suġġetti, l-OERs huma ġeneralment prodotti f’għadd limitat ta’ lingwi (l-aktar l-Ingliż), u użati minn setturi speċifiċi tal-Edukazzjoni (speċjalment l-edukazzjoni ogħla) u dixxiplini speċifiċi (eż. ICT). L-użu tal-OERs fl-Ewropa għadu frammentat wisq u mhux sostnut[24].

Jeħtieġ li jiġu intensifikati l-isforzi biex jiżguraw li l-kontenut Ewropew ikun viżibbli u aċċessibbli kif ukoll li l-utenti, l-istudenti u l-għalliema jkunu kapaċi jsibu r-riżorsi u jkunu assigurati mill-kwalità għolja tagħhom. Għal bosta għalliema, in-nuqqas ta' katalogar, ta' għażla u ta' disponibbiltà ta’ riżorsi ta' kwalità adegwata huwa ostakolu importanti li jfixkel milli jinfirex iktar l-użu tal-OER.

Fuq il-bażi tal-esperjenza inizjali tal- Portal tat-Tagħlim Elettroniku u b'sies fuq l-involviment qawwi tal-partijiet interessati, il-Kummissjoni se tniedi, bil-finanzjament ta' Erasmus+, mogħdija unika għall OERs prodotti fl-Ewropa, li tiġbor u torganizza l-pjattaformi eżistenti b’karatteristiċi ta’ bbrawżjar u tfittxija avvanzata bħala għajnuna lill-utenti biex dawn isibu kontenut xieraq. F’termini ta’ valutazzjoni tal-kwalità tal-kontenut, il-potenzjal tal-valutazzjoni bejn il-pari u mill-udjenza[25] se jiġi mistħarreġ biswit approċċi oħra biex tiżdied il-viżibilità tal-OERs ta’ kwalità għolja, u biex jiġu żviluppati oqfsa ta’ kwalità għall-OERs u l-immappjar b’kurrikuli.

L-istituzzjonijiet Ewropej tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-għalliema u l-istudenti għandhom ukoll jiġu mħeġġa jaqsmu liberament il-materjali edukattivi tagħhom stess ma’ kollegi permezz tal-użu ta’ liċenzji miftuħa[26]. B’konformità mad-dikjarazzjoni ta’ Pariġi tal-Organizzazzjoni Edukattiva, Xjentifika u Kulturali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNESCO)[27], l-approċċ komuni Ewropew għandu jippermetti li l-materjali edukattivi ffinanzjati pubblikament ikunu liberament disponibbli għal dawk kollha li jixtiequ jużawhom għal tagħlim jew studju. Barra minn hekk, għodod tekniċi bħall-Istandards ta’ Kwalità Miftuħa għandhom jgħinu lill-produtturi tal-OERs biex iżidu l-viżibbiltà tal-kwalità tal-proċess tal-ħolqien u tar-riżorsa nnifisha. Barra minn hekk, bħalissa, ir-rata tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) applikata għal kotba akkademiċi (edukattivi) diġitali hija, fil-parti l-kbira tal-pajjiżi, ogħla mir-rata ta’ VAT applikata għal kotba akkademiċi (edukattivi) stampati. Firxa ta’ partijiet interessati jħeġġu biex tiġi indirizzata din id-differenza fir-rati sabiex jittejjeb l-użu tar- riżorsi diġitali. Il-Kummissjoni għaddejja bi proċess kontinwu u sa qabel tmiem l-2013 se tippreżenta s-segwitu tal-pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT. Barra minn hekk, ir-rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew 2013 jenfasizzaw ukoll li l-ineffiċjenza li hija parti integrali mit-tfassil ta’ xi sistemi fiskali nazzjonali (pereżempju xi rati mnaqqsa u eżenzjonijiet oħrajn mit-taxxa) jeħtieġ li tiġi indirizzata.

Fl-aħħar nett, il-partijiet interessati involuti fil-provvediment ta’ materjali edukattivi “tradizzjonali” jistgħu wkoll jgħinu sabiex jagħmlu l-kontenut diġitali ta’ kwalità għolja aktar disponibbli: l-awturi tal-kotba tal-iskola, il-pubblikaturi u l-bejjiegħa tal-kotba jistgħu jikkontribwixxu għal sforzi kollaborattivi konġunti biex isibu soluzzjonijiet tekniċi innovattivi ġodda li jiżguraw li riżorsi ta’ kwalità għolja huma disponibbli għal kulħadd. Il-komplimentarjetà tar-riżorsi ppubblikati b'mod tradizzjonali ppubblikata u l-OERs, kif ukoll il-libertà tal-għażla għall-għalliema u l-edukaturi, għandhom jibqgħu l-prinċipji gwida ewlenin.

...u d-drittijiet u l-obbligi tal-utenti ta’ materjal edukattiv bi dritt miżmum mill-awtur għandhom ikunu aktar trasparenti bejn il-fruntieri.

In-nuqqas ta’ informazzjoni ċara dwar l-użu awtorizzat ta’ materjal ta’ tagħlim onlajn speċifiku (eż. test, stampi u vidjows) igerrex lill-utenti[28]. Bl-istess mod, huwa diffiċli għal awturi ta’ kontenut ġdid li jiddefinixxu d-drittijiet għall-użu u/jew limitazzjonijiet li jixtiequ jassoċjaw ma’ ċertu riżorsa. Il-promozzjoni ta’ liċenzi miftuħin kemm fost il-komunità tal-għalliema u dik ta' dawk li jfasslu l-politika, kif ukoll l-iżvilupp ta’ għodod tekniċi biex jintegraw il-metadejta[29] f’kull riżorsa disponibbli fuq il-web, se jżidu t-trasparenza.

Il-qafas tad-drittijiet tal-awtur tal-UE[30] jinkludi eċċezzjonijiet għall-użu ta’ materjal għal skopijiet ta’ tagħlim. L-implimentazzjoni ta’ dawn l-eċċezzjonijiet tvarja minn Stat Membru għall-ieħor. Meta wieħed iqis il-potenzjal transkonfinali ta’ prattiki innovattivi fl-użu ta’ kontenut edukattiv, huwa importanti li jiġi evalwat jekk il-qafas legali attwali fil-prattika jiżgurax biżżejjed it-trasparenza u ċ-ċertezza legali għall-utenti. Il-Kummissjoni bħalissa qiegħda twettaq reviżjoni tal-qafas tad-drittijiet tal-awtur tal-UE kif imħabbar fil-Komunikazzjoni tagħha tat-18 ta’ Diċembru 2012 dwar il-Kontenut fis-Suq Uniku Diġitali.

Azzjonijiet Trasformattivi Ewlenin f’dan il-qasam

Il-Kummissjoni se:

· Tiżgura li l-materjali edukattivi kollha appoġġjati mill-Erasmus+ huma disponibbli għall-pubbliku skont liċenzji miftuħa u tippromwovi prattiki simili skont il-programmi tal-UE;

· Tuża l-programmi l-ġodda Erasmus+ u Orizzont 2020 biex tinkoraġġixxi s-sħubijiet bejn il-kreaturi ta’ kontenut edukattiv (eż. għalliema, pubblikaturi, kumpaniji tal-ICT), biex iżżid il-provvista ta’ kwalità tal-OER u ta' materjal edukattiv diġitali ieħor b’lingwi differenti, biex tiżviluppa mudelli ġodda tan-negozju u biex tiżviluppa soluzzjonijiet tekniċi li jipprovdu informazzjoni trasparenti dwar id-drittijiet tal-awtur u liċenzji miftuħa lill-utenti ta’ riżorsi edukattivi diġitali;

· Tniedi ma’ din il-Komunikazzjoni, il-portal tal- Edukazzjoni Miftuħa Europa li jikkonnettjaha mar-repożitorji tal-OERs eżistenti f’lingwi differenti filwaqt li jressaq lill-istudenti, l-għalliema u r-riċerkaturi flimkien, biex b’hekk jikkontribwixxi għal titjib tal-attrattività u l-viżibilità tal-OERs ta' kwalità prodotti fl-UE.

L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għandhom:

· Jistimulaw politiki ta’ aċċess miftuħ, għal materjal edukattiv iffinanzjati minn fondi pubbliċi;

· Jinkoraġġixxu l-istituzzjonijiet formali tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jinkludi kontenut diġitali, inklużi l-OERs, fost il-materjal edukattiv rakkomandat għal dawk li qegħdin jitgħallmu fil-livelli edukattivi kollha u jħeġġu l-produzzjoni, inkluż permezz tal-akkwist pubbliku, ta’ materjali edukattivi ta’ kwalità għolja li d-drittijiet tal-awtur tagħhom ikunu jappartjienu lill-awtoritajiet pubbliċi.

3. Konnettività u Innovazzjoni: sħubijiet għal infrastrutturi, prodotti u servizzi ġodda, u interoperabbiltà

In-nuqqas ta’ tagħmir tal-ħardwer jew penetrazzjoni baxxa tal-broadband tfixkel l-aħjar użu tat-teknoloġija, iddgħajjef il-potenzjal tal-użu tal-OERs u tas-softwer edukattiv u tikkomprometti l-prinċipju ta' "Ġib l-Apparat Tiegħek Miegħek" [31]. F’ħafna postijiet jeżisti broadband fil-livell istituzzjonali iżda mhux fil-livell tal-klassijiet jew ta' tagħmir, u tagħmir differenti bi speċifikazzjonijiet tekniċi li jvarjaw (eż. softwer jew ditti differenti) bħalissa mhumiex qed jippermettu li jingħata aċċess ugwali għar- riżorsi edukattivi.

It-titjib tal-infrastruttura tal-ICT lokali (broadband, kontenut, għodod) għadu meħtieġ f’xi partijiet tal-Ewropa...

Il-livell tal-infrastrutturi m’għandux jibqa’ fattur li jimpedixxi modi innovattivi għat-tagħlim u l-istudju. Lanqas m’għandhom id-differenzi fid-disponibilità jkunu kawża ta’ inugwaljanzi bejn iċ-ċittadini jew żoni ġeografiċi differenti. Il-"firda fl-infrastruttura" jew infrastructure divide, kif tissejjaħ, mhix qed toħloq biss problemi ta’ ekwità fost l-istudenti iżda qiegħda wkoll tnaqqar il-qligħ potenzjali minn parteċipazzjoni akbar taċ-ċittadini fl-ekonomija.

L-Istati Membri qed jinvestu fl-aġġornament tal-infrastruttura edukattiva nazzjonali tagħhom (ICT, riżorsi edukattivi diġitali, broadband) iżda l-frammentazzjoni u n-nuqqas ta’ koerenza fost l-Istati Membri tal-UE għadha tippersisti. Bħala medja, 93%[32] tal-istudenti tal-UE jaċċessaw l-internet fi djarhom, iżda huma biss 72% li għandhom aċċess għaliha f’post tal-edukazzjoni, u xi kultant mhux fil-klassi. Għad hemm ukoll differenzi fil-livellreġjonali : huma biss 45-46% tal-istudenti li jużaw l-internet fil-Greċja u l-Kroazja għandhom aċċess f’post tal-edukazzjoni, meta mqabbla ma’ aktar minn 90% fil-Latvja, il-Litwanja u r-Repubblika Ċeka[33].

L-investiment fl-infrastrutturi għandu jitrawwem f’dawk ir-reġjuni li baqgħu lura meta mqabbla mal-bqija tal-Ewropa. Għandhom jiġu mgħoddija fondi strutturali u tal-investiment lejn l-edukazzjoni u t-taħriġ[34] biex jittejbu l-infrastrutturi lokali tal-ICT u l-akkwist konġunt għall-innovazzjoni ta’ awtoritajiet kontraenti differenti. Dan għandu joħloq ekonomiji ta’ skala, prezzijiet aktar baxxi, iffrankar fuq spejjeż amministrattivi u ġabra f'salt ta’ ħiliet u kompetenzi differenti.

...u l-istandards tal-interoperabilità miftuħa huma meħtieġa biex ikunu żgurati ekonomiji ta’ skala...

L-istudenti li jużaw tagħmir differenti, inkluż konfigurazzjonijiet ta’ ħardwer u softwer differenti, ma għandhomx jinżammu milli jużaw l-istess riżorsi edukattivi. Lanqas il-produtturi tal-kontenut diġitali ma għandhom jippermettu li l-format magħżul minnhom jillimita n-numru potenzjali ta’ utenti tar-riżorsi tagħhom. L-istandards tal-interoperabbiltà u l-portabbiltà għar-riżorsi edukattivi jridu jiġu definiti u żgurati fil-firxa ta' tagħmir, pjattaformi u ditti biex jiġu pprovduti kundizzjonijiet ekwi għal dawk kollha involuti fis-suq. L-istandards għandhom ukoll jiżguraw li r-riżorsi jkunu jistgħu jintużaw fuq pjattaformi differenti u b’hekk tittejjeb l-effikaċja. Barra minn hekk, dawn l-istandards għandhom jibqgħu miftuħa biex tiġi evitata dominanza tas-suq minn kwalunkwe kumpanija b'sjieda ta’ standards li allura mbagħad, kieku jitħalla jiġri hekk, tkun kapaċi tifforma s-suq skont l-għanijiet individwali tagħha.

...sabiex is-swieq tal-apps u l-kontenut diġitali Ewropej ikunu jistgħu jikbru.

Filwaqt li madwar id-dinja l-investiment fil-broadband u l-intraprenditorija qed joħloq opportunitajiet importanti ta’ negozju, il-potenzjal kummerċjali tas-softwer u l-kontenut edukattiv fl-Ewropa mhuwiex qed jintuża bis-sħiħ. L-iżviluppi fit-teknoloġiji cloud u l-logħob elettroniku, il-personalizzazzjoni tat-tagħlim u l-apparat mobbli ser iwasslu għal żvilupp fis-suq tat-teknoloġija edukattiva. It-tħeġġiġ ta' intraprenditorija msejsa fuq it-tkabbir u l-innovazzjoni bil-għan ta' trawwim ta' ekosistema edukattiva ġdida flimkien ma' mekkaniżmi għal soluzzjonijiet ta' skala kif xieraq bejn is-setturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ huwa imperattiv biex il-kumpaniji Ewropej  ikunu kompetittivi fil-livell internazzjonali u joħolqu l-impjiegi.

Azzjonijiet Trasformattivi Ewlenin f’dan il-qasam

Permezz tal-programmi ġodda Erasmus+ u Orizzont 2020, il-Kummissjoni se:

· Tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ oqfsa u standards miftuħa  għall-interoperabbiltà u l-portabbiltà ta’ kontenut edukattiv, applikazzjonijiet u servizzi diġitali, inkluż l-potenzjal tal-OERs, f'kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet u programmi Ewropej tal-istandarizzazzjoni, u tiżviluppa komponenti għal suq tat-teknoloġiji edukattivi effiċjenti, inkluż il-koordinazzjoni ta’ speċifikazzjonijiet kollettivi għall-akkwist pubbliku ta’ soluzzjonijiet innovattivi li jgħinu fl-iskjerar ta' tagħmir, softwer u kontenut li huma għall-but ta’ kulħadd;

· Tippromwovi r-riċerka u l-innovazzjoni fit-teknoloġiji ta’ adattament għat-tagħlim, l-analitika tat-tagħlim u l-logħob diġitali għat-tagħlim, b'ħolqien ta' rabtiet ma’ intraprendituri innovattivi.

L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għandhom:

· Jikkonnettjaw kull skola, idealment inklużi l-klassijiet individwali, bil-broadband, jaġġornaw u jiżviluppaw it-tagħmir tal-ICT, u jsawru repożitorji diġitali nazzjonali miftuħa tat-tagħlim bl-użu tal-fondi strutturali u tal-investiment sal-2020.

4.  Sforz kollettiv biex jinħatfu l-opportunitajiet tar-rivoluzzjoni diġitali

Neħtieġu approċċ integrat...

L-iżviluppi fl-użu tal-ICT u l-kontenut diġitali jvarjaw fl-Istati Membri. Bosta rrikonoxxew l-impatt potenzjali tat-teknoloġija tal-edukazzjoni u tnedew ħafna inizjattivi ta' tagħlim elettroniku. Madankollu, l-inizjattivi kienu frammentati u iżolati; l-investimenti fl-infrastruttura ta’ sikwit ma kinux akkumpanjati minn sforzi biex tiżdied il-kapaċità u l-motivazzjoni tal-għalliema u tal-istudenti li jużawha. Għal din ir-raġuni, minkejja l-investimenti kbar li saru, il-proġetti ftit li xejn irnexxew fit-trasferiment mill-fażi pilota għall-użu mill-massa.

Il-lezzjonijiet li ħadna mill-passat juruna li s-sempliċi introduzzjoni tat-teknoloġija fil-klassijiet mhix biżżejjed. Huwa biss approċċ integrat, fejn l-aċċess għall-kontenut diġitali, l-infrastruttura tal-ICT, livell xieraq ta’ ħiliet diġitali, u strateġiji tal-organizzazzjoni adegwati jkunu garantiti, li jista' jiġġenera offerta edukattiva li tkun kapaċi ssostni l-innovazzjoni.

...sforz kollettiv min-naħa tal-atturi kollha...

Li jqanqal bidliet sostenibbli fuq skala kbira li jirrikjedu sforzi konġunti u azzjonijiet iffukati, li jinvolvu lill-partijiet interessati kollha, l-istudenti, l-għalliema, il-familji, il-kapijiet tal-iskejjel, il-fassala tal-politika edukattiva u l-komunitajiet lokali.

Dimostrazzjonijiet u esperimentazzjonijiet fuq skala kbira, bl-involviment tal-istudenti b’opportunitajiet ta’ tagħlim eċċitanti fl-iskejjel u lil hinn minnhom u li jinvolvi lill-partijiet interessati kollha, inklużi l-atturi reġjonali u lokali, għandhom jikkontribwixxu biex jibnu l-pontijiet bejn l-edukazzjoni u l-post tax-xogħol, biex jipproduċu mekkaniżmi aktar flessibbli u effettivi għall-integrazzjoni tax-xogħol u l-esperjenzi tat-tagħlim.

Azzjonijiet Trasformattivi Ewlenin f’dan il-qasam

Permezz tal-programmi ġodda Erasmus+ u Orizzont 2020, il-Kummissjoni se:

· Tniedi pjattaforma miftuħa għall-partijiet interessati kollha (l-għalliema, l-istudenti, il-familji, komunitajiet diġitali, is-sħab ekonomiċi u soċjali, eċċ.) biex tirreġistra u tistabbilixxi punti ta’ referenza għall-istat diġitali tal-istituzzjonijiet edukattivi;

· Tistabbilixxi Hub Ewropea tal-istituzzjonijiet Edukattivi Innovattivi, li sservi ta' vetrina u pilota pedagoġika msejsa fuq prattiki organizzattivi u pedagoġiċi speċifiċi msejsa fuq l-ICT, flimien ma' Premju Ewropew ta’ Eċċellenza Diġitali.

L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għandhom:

· Il-promozzjoni ta’ netwerks ta’ għalliema volontiera, komunitajiet diġitali u esperti tal-ICT fit-tnedija ta' inizjattivi (bħal korsijiet tal-kodifikazzjoni jew programmi "lura-lejn-l-iskola") u jistabbilixxu premijiet għall-għalliema għall-użu pedagoġiku tajjeb tal-ICT għas-setturi edukattivi kollha.

...u fehim aħjar tal-opportunitajiet kollha li r-rivoluzzjoni diġitali għad trid toffrilna.

L-Istati Membri u partijiet interessati oħra huma mistiedna jaħdmu b’mod attiv mal-Kummissjoni Ewropea sabiex jiġu implimentati, b’mod sistematiku u qawwi, il-prijoritajiet proposti f’din l-Aġenda bħala parti minn riformi nazzjonali tagħhom tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-Kummissjoni se ssegwi l-progress li sar fuq il-livell nazzjonali fir-rigward tal-isfidi ewlenin identifikati f’din il-komunikazzjoni permezz ta' Monitor annwali tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ.

Din l-Aġenda mhix għan aħħari iżda punt ta’ tluq. Fuq medda itwal ta’ żmien, it-tibdil fit-teknoloġija se jolqot radikalment l-edukazzjoni u r-riċerka b’modi li s’issa huma diffiċli li wieħed ibassar. Sforz sostenut u kooperazzjoni internazzjonali kontinwa huma meħtieġa biex tittejjeb il-bażi tal-għarfien tagħna u nieħdu l-vantaġġ sħiħ tal-impatt tat-teknoloġija fuq l-edukazzjoni.

Sa tmiem l-2013, il-Kummissjoni se tippreżenta studji dwar l-innovazzjoni fl-edukazzjoni għolja, fuq il-bdil tal-pajsaġġ pedagoġiku fl-edukazzjoni ogħla minħabba l-modi ġodda ta’ tagħlim, u fuq l-użu tal-ICT u l-OER fit-tagħlim tal-adulti. Barra minn hekk, se tkompli taħdem u tikkoopera ma’ awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, imsieħba soċjali, negozji, studenti, fornituri edukattivi ġodda u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra bħall-UNESCO, il-Kunsill Internazzjonali għall-Edukazzjoni Miftuħa mill-Bogħod (ICDE) u l-OECD, sabiex nifhmu aħjar l-implikazzjonijiet tat-teknoloġija fid-dinja edukattiva filwaqt li jiġi sfruttat il-potenzjal li dawn il-bidliet iġibu magħhom.

L-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea għal għarfien aħjar u politiki aktar b’saħħithom imsejsa fuq l-evidenza Il-Kummissjoni se: · Twettaq eżerċizzju komprensiv ta’ xenarji ta’ previżjoni għall-edukazzjoni f’Ewropa 2030, b’konsultazzjoni mal-atturi rilevanti bħall-ERT, EADTU, LERU, EUA u l-European Schoolnet fuq il-bażi tax-xogħol imwettaq mill-JRC-IPTS[35] u skont il-proġett kontinwu FUTURIUM[36] . Fir-rigward tal-edukazzjoni ogħla, il-Kummissjoni se taħdem mal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Immodernizzar tal-Edukazzjoni Għolja biex tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet dwar modi ġodda ta’ tagħlim. · Tiżviluppa għodda ta’ kejl u indikaturi biex tissorvelja aktar mill-qrib l-integrazzjoni tal-ICT fit-tagħlim u l-istituzzjonijiet ta’ taħriġ, u tappoġġja sondaġġi kwantitattivi madwar l-Ewropa kollha. · Tniedi valutazzjoni tal-impatt dwar l-impatt ekonomiku u soċjali tal- inizjattiva tal-UE biex tistimula l-aċċess miftuħ għall-materjal edukattiv prodott b’fondi pubbliċi. · Tesplora modi mad-detenturi tad-drittijiet, l-istituzzjonijiet tat-tagħlim u l-partijiet interessati edukattivi l-oħra ħalli tifhem u tivvaluta l-prattiki attwali u l-ħtiġijiet ta' qsim ta' materjal edukattiv (inklużi riżorsi edukattivi miftuħin), inklużi dawk li jirriżultaw mid-drittijiet tal-awtur u s-sistemi tal-liċenzjar, il-multilingwiżmu, l-assigurazzjoni tal-kwalità, eċċ. kemm f’kuntesti nazzjonali kif ukoll transkonfinali.

[1] 2012/C 70/05

[2] COM(2012)669

[3] COM(2013)499

[4] COM(2010)245

[5] Ara http://ec.europa.eu/information_society/newsroom/cf/dae/document.cfm?doc_id=1800

[6] Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż għad-dejta kollha u l-evidenza użata f’din il-Komunikazzjoni 

[7] Il-kelma għalliem saret tfisser "għalliema, ħarrieġa, professuri u edukaturi kollha oħrajn minn kull livell u sfera edukattva"

[8] L-OER huma riżorsi ta’ tagħlim li jistgħu jintużaw u jiġu adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ tagħlim, u jinqasmu liberament.

[9]   http://www.ek.fi/ek/fi/tutkimukset_julkaisut/2013/4_huhti/henko_tiedustelu2013.pdf

[10] http://www.esafetylabel.eu/ - it-tiketta dwar is-Sikurezza-e hija inizjattiva msawra minn xi Ministeri tal-Edukazzjoni tan-netwerk Ewropew Schoolnet

[11] http://www.eua.be/news/13-0225/Massive_Open_Online_Courses_MOOCs_EUA_to_look_at_development_of_MOOCs_and_trends_in_innovative_learning.aspx

[12] http://www.openuped.eu

[13] L-analitika tat-tagħlim hija definita bħala l-kejl, il-ġbir, l-analiżi u r-rappurtar ta’ dejta dwar min qed jitgħallem u l-kuntesti tagħhom. Ara http://www.solaresearch.org/

[14] BG, EE, IE, PT, SK, SI, SE

[15] Netwerk ta’ 30 Ministeru Ewropew tal-Edukazzjoni ddedikat għall-użu ta’ miżuri edukattivi innovattivi tat-teknoloġija

[16] http://www.etwinning.net/

[17] http://www.scientix.eu

[18] Open Discovery Space (www.opendiscoveryspace.eu) jipprovdi komunitajiet ta' użu ripetut prattiku tal-OER

[19] Il-kompetenza diġitali hija waħda mit-tmien kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (Rakkomandazzjoni 2006/962/KE)

[20] 48% tal-Ewropej ta' età bejn 16-74 sena kellhom ftit ħiliet fl-ICT jew xejn.

[21] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2012/C 398/01)

[22] COM (2012)669

[23] http://ec.europa.eu/digital-agenda/en/grand-coalition-digital-jobs-0

[24] Ara r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż

[25] L-evalwazzjoni mill-udjenza tirreferi għall-klassifikazzjonijiet li qed jiġu attribwiti għar-riżorsi disponibbli mill-utenti tagħhom (l-udjenza).

[26] Kif iddefinit mill-OECD: “Il-liċenzjar miftuħ jipprovdi mod ta’ kodiviżjoni kontrollati b’xi drittijiet riżervati mill-awtur. Il-liċenzji miftuħa għandhom il-benefiċċju li jintroduċu ċ-ċertezza u ċ-ċarezza fil-proċess li bih jinkiseb permess biex wieħed juża xogħol ħaddieħor”. http://www.oecd.org/edu/ceri/37351085.pdf

[27] http://www.unesco.org/new/en/communication-and-information/access-to-knowledge/open-educational-resources/what-is-the-paris-oer-declaration/

[28] Ara l-konsultazzjoni pubblika 84% ta’ min wieġeb in-nuqqas ta’ qafas legali ċar f’dan ir-rigward. indikaw in-nuqqas ta’ qafas legali ċar f’dan ir-rigward.

[29] Dejta speċifika dwar kull riżorsa li tippermetti klassifikazzjoni awtomatika tal-kontenut jew il-karatteristiċi tagħha.

[30] Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni.

[31] Minħabba dan l-istudenti huma mistennija jużaw il-kompjuters jew strumenti portabbli tagħhom stess biex jiskbu aċċess għall-materjali edukattivi fil-klassi.

[32] Eurostat, dejta tal-2011.

[33]http://epp.eurostat.ec.europa.eu/tgm/mapToolClosed.do?tab=map&init=1&plugin=1&language=en&pcode=tin00081&toolbox=types

[34] http://www.education.ie/en/Press-Events/Conferences/Ireland-s-Presidency-of-the-EU/Conference-21-22-May-2013/Channelling-cohesion-policy-funds-towards-education-and-training.pdf

[35] http://ipts.jrc.ec.europa.eu/pages/EAP/eLearning.html

[36] http://ec.europa.eu/digital-agenda/futurium/

Top