Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62024CC0743

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. D. Spielmann, ippreżentati fit-13 ta’ Frar 2025.
MA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra – Konsenja ta’ persuna lir-Renju Unit għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali – Riskju ta’ ksur ta’ dritt fundamentali – It-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni – Emenda, sfavorevoli għall-persuna kkundannata, tas-sistema ta’ ħelsien ikkundizzjonat.
Kawża C-743/24.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2025:88

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

SPIELMANN

ippreżentati fit‑13 ta’ Frar 2025 (1)

Kawża C743/24 [Alchaster II] (i)

Minister for Justice and Equality

vs

MA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest – Konsenja – Bidla negattiva fis-sistema tal-libertà kkundizzjonata fl-Istat emittenti – Riskju ta’ ksur ta’ dritt fundamentali – Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ legalità ta’ reati u ta’ pieni”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tas-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) hija l-ewwel kawża li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba teżamina l-kamp ta’ applikazzjoni tan-nuqqas ta’ retroattività ta’ sanzjoni skont l-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li hija r-raġuni għalfejn ser indur direttament għall-kawża prinċipali tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB” jew il-“Qorti ta’ Strasbourg”), jiġifieri, Del Río Prada vs Spanja (2). Is-silta ewlenija ta’ din is-sentenza taqra kif ġej:

“[…] il-miżuri meħuda mil-leġiżlatur, mill-awtoritajiet amministrattivi jew mill-qrati wara li tingħata l-piena definittiva jew matul l-eżekuzzjoni tal-piena jistgħu jwasslu għad-definizzjoni mill-ġdid jew għall-portata tas-‘sanzjoni’ imposta mill-qorti li tagħti s-sentenza. Meta dan iseħħ, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-miżuri kkonċernati għandhom jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni tal-applikazzjoni retroattiva tas-sanzjonijiet stabbilita fl-[Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-‘KEDB’), iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950]. Fil-każ kuntrarju, l-Istati jkunu liberi – pereżempju billi jemendaw il-liġi jew billi jinterpretaw mill-ġdid ir-regolamenti stabbiliti – li jadottaw miżuri li jiddefinixxu mill-ġdid b’mod retroattiv il-portata tas-sanzjoni imposta, għad-detriment tal-persuna kkundannata, meta din tal-aħħar ma setgħetx timmaġina tali żvilupp fil-mument tat-twettiq tar-reat jew tal-impożizzjoni tal-piena. F’tali ċirkustanzi, l-[Artikolu 7(1) tal-KEDB] jiġi mċaħħad minn kull effett utli għall-persuni kkundannati li l-portata tal-pieni tagħhom tkun ġiet mibdula ex post facto għad-detriment tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li tali bidliet għandhom jiġu distinti mill-bidliet magħmula lill-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-piena, li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) tal-[KEDB]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (3).

2.        Din il-kwotazzjoni turi b’mod ċar u konċiż li jista’ jkun diffiċli li ssir distinzjoni bejn l-impożizzjoni ta’ piena u l-eżekuzzjoni tagħha. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta tiġi adottata sistema legali ġdida, allegatament relatata mal-eżekuzzjoni ta’ piena li, essenzjalment, tikkonsisti fit-tiċħid ta’ individwu mil-libertà tiegħu għal żmien itwal minn dak li kien ikun il-każ taħt ir-regoli preċedenti.

3.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tas-Supreme Court (il-Qorti Suprema) tkompli tesponi dawn id-diffikultajiet ta’ delimitazzjoni. Hija tipprovdi iktar xhieda tal-fatt li, għalkemm l-Artikolu 7 tal-KEDB huwa “regola ta’ ġustizzja sempliċi, regola li kull tifel jista’ jifhem” (4) [traduzzjoni libera], kif deskritta b’mod xieraq ħafna minn Lord Bingham, illum deċedut, huwa iktar diffiċli li tali regola tiġi applikata għal ġabra speċifika ta’ ċirkustanzi.

4.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser insostni li ma huwiex faċli li tiġi ddeterminata d-delimitazzjoni bejn l-impożizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sanzjoni u li din teħtieġ skrutinju tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata fuq bażi ta’ każ b’każ.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Il-KEDB

5.        L-Artikolu 7 tal-KEDB huwa intitolat “L-ebda piena mingħajr liġi”. L-ewwel paragrafu tiegħu huwa fformulat kif ġej:

“Ħadd ma għandu jitqies li jkun ħati ta’ reat kriminali minħabba f’xi att jew ommissjoni li ma kinux jikkostitwixxu reat kriminali skond liġi nazzjonali jew internazzjonali fil-ħin meta jkun sar. Lanqas ma għandha tingħata piena akbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta r-reat kriminali jkun sar.”

B.      Id‑dritt tal‑Unjoni

6.        Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (iktar ’il quddiem il-“FKK”) (5) huwa ftehim ta’ assoċjazzjoni bbażat fuq l-Artikolu 217 TFUE (6) u l-Artikolu 101 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (7). Wara applikazzjoni provviżorja inizjali mill‑1 ta’ Jannar 2021 (8), huwa daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Mejju 2021, wara r-ratifika tiegħu mill-Unjoni Ewropea u mir-Renju Unit (9). Il-FKK huwa magħmul minn seba’ partijiet (10).

7.        L-Artikolu 5 tal-FKK, intitolat “Drittijiet privati”, jinsab fit-Titolu II (11) tal-Ewwel Parti (12) tal-FKK u huwa fformulat kif ġej:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu SSC.67 tal-Protokoll dwar il-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali u bl-eċċezzjoni, fir-rigward tal-Unjoni, tat-Tielet Parti ta’ dan il-Ftehim, xejn f’dan il-Ftehim jew f’xi ftehim supplimentari ma għandu jiġi interpretat li jagħti drittijiet jew jimponi obbligi fuq persuni għajr dawk maħluqa bejn il-Partijiet skont il-liġi internazzjonali pubblika, jew li jippermetti li dan il-Ftehim jew xi ftehim supplimentari jiġu invokati direttament fis-sistemi ġuridiċi domestiċi tal-Partijiet.

2.      Parti ma għandhiex tipprevedi dritt ta’ azzjoni skont il-liġi tagħha kontra l-Parti l-oħra għax il-Parti l-oħra tkun aġixxiet bi ksur ta’ dan il-Ftehim jew ta’ xi ftehim supplimentari.”

8.        It-Tielet Parti tikkonċerna l-infurzar tal-liġi u kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.

9.        L-Artikolu 524 tal-FKK, li jinsab fit-Titolu I (13) tat-Tielet Parti, intitolat “Il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Il-kooperazzjoni prevista f’din il-Parti hija bbażata fuq ir-rispett fit-tul tal-Partijiet u tal-Istati Membri għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, inkluż kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u fuq l-importanza li d-drittijiet u l-libertajiet f’dik il-Konvenzjoni jingħataw effett domestikament.

2.      Xejn f’din il-Parti ma jimmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji legali kif riflessi, b’mod partikolari, fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u, fil-każ tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, fil-[Karta].”

10.      It-Titolu VII tat-Tielet Parti (Artikoli 596 sa 632), intitolat “Ċessjoni”, jistabbilixxi reġim ta’ konsenja bejn l-Istati Membri u r-Renju Unit. Dawn id-dispożizzjonijiet huma kkompletati mill-Anness 43, li jistabbilixxi l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża f’mandat ta’ arrest (14).

11.      Il-paragrafu 3 tal-Artikolu 599 tal-FKK, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“Soġġett għall-Artikolu 600, il-punti (b) sa (h) tal-Artikolu 601(1), u l-Artikoli 602, 603 u 604, Stat ma għandux jirrifjuta li jeżegwixxi mandat ta’ arrest maħruġ fir-rigward tal-imġiba li ġejja fejn tali mġiba hija punibbli b’ċaħda tal-libertà jew ordni ta’ detenzjoni ta’ perjodu massimu ta’ mill-inqas 12‑il xahar:

(a)      l-imġiba ta’ kwalunkwe persuna li tikkontribwixxi għat-twettiq minn grupp ta’ persuni li jaġixxu bi skop komuni ta’ reat wieħed jew aktar fil-qasam tat-terroriżmu msemmi fl-Artikoli 1 u 2 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar is-Soppressjoni tat-Terroriżmu, magħmula fi Strasburgu fis‑27 ta’ Jannar 1977, jew fir-rigward ta’ traffikar illeċitu ta’ drogi narkotiċi u ta’ sustanzi psikotropiċi, jew ta’ omiċidju volontarju, ta’ ħtif ta’ persuna, ta’ żamma illegali, ta’ teħid ta’ ostaġġi jew ta’ stupru, anki meta dik il-persuna ma tiħux sehem fl-eżekuzzjoni proprja tar-reat jew tar-reati konċernati; tali kontribuzzjoni għandha tkun intenzjonata u ssir bl-għarfien li l-parteċipazzjoni ser tikkontribwixxi għall-kisba tal-attivitajiet kriminali tal-grupp; jew

(b)      terroriżmu kif definit fl-Anness 45.”

12.      L-Artikolu 604(c) tal-FKK (15) jipprevedi li, “jekk ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm riskju reali għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuna rikjesta, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ titlob, kif xieraq, garanziji addizzjonali fir-rigward tat-trattament tal-persuna rikjesta wara l-konsenja tal-persuna qabel ma tiddeċiedi jekk teżegwixxix il-mandat ta’ arrest”.

13.      L-Artikolu 613(2) tal-FKK jispeċifika li, “[j]ekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat emittenti ma tkunx biżżejjed biex hija tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-konsenja, hija għandha titlob li l-informazzjoni supplementari meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward tal-[…] Artikolu 604 […], tiġi pprovduta b’urġenza u tista’ tiffissa limitu ta’ żmien biex tirċeviha […]”.

III. Il-proċeduri fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14.      Inħarġu erba’ mandati ta’ arrest għal MA mid-District Judge of the Magistrates’ Courts of Northern Ireland (United Kingdom) (l-Imħallef Distrettwali tal-Qorti tal-Maġistrati tal-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju Unit) fis‑26 ta’ Novembru 2021 għal erba’ reati terroristiċi (16), allegatament imwettqa bejn it‑18 u l‑20 ta’ Lulju 2020. L-ewwel wieħed minn dawn ir-reati huwa punibbli bi priġunerija sa 10 snin, filwaqt li t-tliet reati l-oħra jistgħu jkunu s-suġġett ta’ pieni għal għomor.

15.      Permezz ta’ sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2022 kif ukoll digrieti tal‑24 ta’ Ottubru u tas‑7 ta’ Novembru 2022, il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) ordnat il-konsenja ta’ MA lir-Renju Unit, filwaqt li rrifjutatlu l-awtorizzazzjoni sabiex jappella quddiem il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda).

16.      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Jannar 2023, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) awtorizzat lil MA jappella minn din is-sentenza u minn dawn id-digrieti tal-High Court (il-Qorti Għolja).

17.      MA jsostni li l-konsenja tiegħu lir-Renju Unit hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ legalità ta’ reati u ta’ pieni.

18.      Il-qorti tar-rinviju tindika li, kieku MA kellu jiġi kkonsenjat fir-Renju Unit u kkundannat għal żmien ta’ priġunerija, id-dritt tiegħu għal ħelsien ikkundizzjonat ikun irregolat mil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit adottata wara t-twettiq allegat tar-reati li għalihom huwa s-suġġett ta’ prosekuzzjoni kriminali.

19.      Peress li l-qorti tar-rinviju kellha dubji dwar in-neċessità li tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ riskju ta’ ksur tal-Artikolu 49(1) tal-Karta u, jekk ikun il-każ, dwar il-mod kif dan l-istħarriġ għandu jitwettaq mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni skont il-FKK u l-Karta, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja.

20.      Fis-sentenza tagħha Alchaster (17), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 524(2) u l‑Artikolu 604(c) tal-FKK, moqrija flimkien mal-Artikolu 49(1) tal‑Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, meta persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest maħruġ fuq il-bażi ta’ dan il-ftehim tinvoka riskju ta’ ksur ta’ dan l‑Artikolu 49(1) tal-Karta, fil-każ ta’ konsenja lir-Renju Unit, minħabba bidla, sfavorevoli għal din il-persuna, tal-kundizzjonijiet ta’ ħelsien ikkundizzjonat, li tkun seħħet wara t-twettiq preżunt tar-reat li fir‑rigward tiegħu l-imsemmija persuna tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni kriminali, twettaq eżami awtonomu fir-rigward tal-eżistenza ta’ dan ir-riskju qabel ma tagħti deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest, f’sitwazzjoni fejn din l-awtorità ġudizzjarja tkun diġà eskludiet ir-riskju ta’ ksur tal-Artikolu 7 tal-KEDB billi tkun ibbażat ruħha fuq il-garanziji offruti, b’mod ġenerali, mir-Renju Unit f’dak li jirrigwarda l-osservanza tal-KEDB u fuq il-possibbiltà għall-istess persuna li tippreżenta rikors quddiem il-Qorti EDB. Fi tmiem dan l‑eżami, din l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta l‑eżekuzzjoni tal-imsemmi mandat ta’ arrest biss jekk, wara li tkun talbet, mingħand l-awtorità ġudizzjarja emittenti, informazzjoni u garanziji supplimentari, hija jkollha informazzjoni oġġettiva, affidabbli, speċifika u debitament aġġornata li tistabbilixxi li jkun jeżisti riskju reali ta’ bidla fil-portata nnifisha tas-sanzjoni mġarrba fil-jum tat-twettiq tar-reat inkwistjoni, li jimplika l-impożizzjoni ta’ sanzjoni ikbar minn dik li kienet inizjalment prevista.

21.      Fid-dawl ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju, skont l-Artikolu 613(2) tal-FKK, talbet lill-awtoritajiet tar-Renju Unit jipprovdu informazzjoni addizzjonali dwar il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit li tkun applikabbli għal MA li kieku kien ikkundannat għal wieħed jew iktar mir-reati li għalihom qiegħed jiġi mħarrek. Id-District Judge of the Magistrates’ Courts of Northern Ireland (l-Imħallef Distrettwali tal-Qorti tal-Maġistrati tal-Irlanda ta’ Fuq) wieġeb għal din it-talba fis‑17 ta’ Settembru 2024.

22.      Wara din ir-risposta, il-qorti tar-rinviju tikkonferma li, fil-mument tat-twettiq tar-reati inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta ġiet imposta piena ta’ priġunerija għal żmien determinat, il-qorti li imponiet din il-piena kienet obbligata tistabbilixxi “perijodu ta’ ċaħda tal-libertà”, li ma setax jaqbeż in-nofs tal-piena imposta, li fi tmiemha l-persuna li tkun wettqet ir-reat kellha tingħata l-libertà kkundizzjonata. Fil-każ ta’ piena għal għomor, ta’ piena indeterminata li ċċaħħad il-libertà jew ta’ piena estiża li ċċaħħad il-libertà, il-ħelsien ikkundizzjonat jista’ jseħħ biss, fi tmiem perijodu determinat, jekk il-Parole Commissioners for Northern Ireland (United Kingdom) (il-Kummissarji tal-Libertà Kkundizzjonata għall-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju Unit) iqisu li ż-żamma f’detenzjoni tal-persuna kkundannata ma kinitx neċessarja għall-protezzjoni tal-pubbliku.

23.      Skont is-sistema tal-libertà kkundizzjonata tal-Irlanda ta’ Fuq applikabbli mit‑30 ta’ April 2021 ’il quddiem, inklużi r-reati mwettqa qabel dik id-data, piena determinata li ċċaħħad il-libertà għal reat terroristiku speċifiku hija magħmula minn “żmien xieraq ta’ ċaħda tal-libertà”, kif iddeterminat mill-imħallef, b’perijodu addizzjonali ta’ sena li matulu l-persuna kkundannata tinħeles b’libertà kkundizzjonata, li flimkien ma jistgħux jaqbżu ż-żmien massimu ta’ priġunerija. Il-persuna tista’ wkoll tiġi meħlusa b’libertà kkundizzjonata wara li tkun skontat żewġ terzi taż-“żmien xieraq ta’ ċaħda tal-libertà”, bil-kundizzjoni li l-Kummissarji tal-Libertà Kkundizzjonata jkunu konvinti li ż-żamma kontinwa tagħha f’detenzjoni ma hijiex neċessarja għall-protezzjoni tal-pubbliku.

24.      Ir-regoli dwar il-ħelsien ikkundizzjonat ta’ persuna kkundannata għal għomor priġunerija, għal piena indeterminata li ċċaħħad il-libertà jew għal piena estiża li ċċaħħad il-libertà ma humiex rilevanti fil-kawża ineżami, peress li l-qorti tar-rinviju ddikjarat li l-ilmenti ta’ MA jirrigwardaw biss l-emenda tar-regoli dwar il-pieni determinati li jċaħħdu l-libertà.

25.      Il-qorti tar-rinviju tqis li teżisti possibbiltà reali li MA jiġi kkundannat għal żmien determinat ta’ priġunerija fil-każ ta’ ritorn lejn ir-Renju Unit u li l-emenda inkwistjoni twassal sabiex il-persuni kkundannati għal tali priġunerija jibqgħu f’detenzjoni għal perijodu itwal. Hija tixtieq tkun taf jekk l-emenda, li għandha bħala effett li tneħħi sistema fejn il-ħelsien ikkundizzjonat kien awtomatiku, tistax tibqa’ titqies li tirrigwarda biss l-infurzar tal-pieni jew jekk għandhiex titqies li tbiddel retroattivament il-portata nnifisha tal-piena.

26.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, permezz ta’ digriet tat‑22 ta’ Ottubru 2024, li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Ottubru 2024, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Meta persuna misjuba ħatja ta’ reat wieħed jew iktar u kkundannata għal piena għal żmien determinat tkun suġġetta għal regoli emendati fis-sens li hija għandha tiskonta mill-inqas żewġ terzi ta’ dik il-piena, u mbagħad tibbenefika biss minn dritt kundizzjonali għal ħelsien ikkundizzjonat, suġġett għal evalwazzjoni tal-perikolużità, filwaqt li, skont ir-regoli fis-seħħ fil-jum tat-twettiq tar-reati allegati, hija kienet tkun awtomatikament intitolata għal ħelsien ikkundizzjonat ladarba tkun skontat nofs l-imsemmija piena, għandu jiġi kkunsidrat li din il-persuna għandha tingħata ‘piena ikbar’ minn dik applikabbli fil-jum tat-twettiq tar-reati allegati, b’tali mod li jkun hemm ksur tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?”

IV.    Proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27.      Is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) talbet li l-kawża ineżami tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

28.      L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq it-talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi suġġett għal proċedura mħaffa meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata kemm jista’ jkun malajr (18).

29.      Fis‑26 ta’ Novembru 2024, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li jilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex din it-talba għal deċiżjoni preliminari tiġi suġġetta għal proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura (19). Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja bbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq il-fatt li d-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju tqajmet f’kawża li tikkonċerna persuna f’kustodja, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. Barra minn hekk, ir-risposta għal din id-domanda jista’ jkollha, fid-dawl tan-natura tad-domanda u taċ-ċirkustanzi li fihom tqajmet, effett fuq iż-żamma f’detenzjoni tal-persuna kkonċernata (20).

30.      Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxa t-terminu għall-preżentata tal-osservazzjonijiet bil-miktub għall‑10 ta’ Diċembru 2024. Skont l-Artikolu 105(2) tar-Regoli tal-Proċedura, id-data tas-seduta ġiet iffissata għall‑21 ta’ Jannar 2025.

31.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Gvern tar-Renju Unit (21). Il-partijiet kollha pparteċipaw fis-seduta msemmija iktar ’il fuq.

V.      Evalwazzjoni

32.      Din hija t-tieni darba f’sitt xhur li l-qorti tar-rinviju għamlet rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-istess kawża fil-livell nazzjonali: l-awtoritajiet Irlandiżi ma humiex ċerti dwar jekk persuna li allegatament wettqet sensiela ta’ reati tistax tiġi kkonsenjata lir-Renju Unit skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-FKK.

33.      Fis-sentenza tagħha tad‑29 ta’ Lulju 2024, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 524(2) u l-Artikolu 604(c) tal-FKK għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest tinvoka riskju ta’ ksur tal-Artikolu 49(1) tal-Karta fil-każ ta’ konsenja lejn ir-Renju Unit, minħabba bidla, sfavorevoli għal din il-persuna, tal-kundizzjonijiet ta’ libertà kkundizzjonata, li seħħet wara t-twettiq allegat tar-reat li għalih l-imsemmija persuna hija s-suġġett ta’ prosekuzzjoni kriminali, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha twettaq eżami indipendenti tal-eżistenza ta’ dan ir-riskju qabel ma tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest (22). Fi tmiem dan l-eżami, din l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tirrifjuta li teżegwixxi dan il-mandat ta’ arrest biss jekk, wara li tkun talbet informazzjoni u garanziji supplimentari mingħand l-awtorità ġudizzjarja emittenti, hija jkollha informazzjoni oġġettiva, affidabbli, speċifika u debitament aġġornata li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ bidla tal-portata attwali tas-sanzjoni prevista fil-jum li fih twettaq ir-reat inkwistjoni, li jinvolvi l-impożizzjoni ta’ sanzjoni ikbar minn dik inizjalment prevista (23).

34.      Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għal dan li ġej: (1) il-ġurisprudenza konsistenti tagħha li tgħid li dan l-artikolu jinkludi, tal-inqas, l-istess garanziji bħal dawk previsti fl-Artikolu 7 tal-KEDB, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta bħala limitu minimu ta’ protezzjoni (24); u (2) il-ġurisprudenza konsistenti tal-Qorti EDB li tgħid li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tal-KEDB, għandha ssir distinzjoni bejn miżura li essenzjalment tikkostitwixxi “sanzjoni” u miżura li tikkonċerna l-“eżekuzzjoni” jew l-“infurzar” tas-sanzjoni. Għalhekk, meta n-natura u l-għan ta’ miżura jirrigwardaw it-tnaqqis ta’ piena jew emenda tas-sistema ta’ ħelsien ikkundizzjonat, din ma tifformax parti mis-“sanzjoni” fis-sens tal-Artikolu 7 tal-KEDB (25).

35.      Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li miżura dwar l-eżekuzzjoni ta’ piena hija inkompatibbli mal-Artikolu 49(1) tal-Karta biss jekk hija temenda retroattivament il-portata nnifisha tas-sanzjoni prevista fil-jum li fih twettaq ir-reat inkwistjoni, u b’hekk twassal għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni ikbar minn dik inizjalment prevista. Għalkemm dan ma huwiex, fi kwalunkwe każ, il-każ meta din il-miżura sempliċiment ittawwal il-limitu ta’ eliġibbiltà għall-ħelsien ikkundizzjonat, dan jista’ jkun differenti, b’mod partikolari, jekk l-imsemmija miżura tħassar essenzjalment il-possibbiltà ta’ ħelsien ikkundizzjonat jew jekk hija tifforma parti minn sensiela ta’ miżuri li għandhom l-effett li jżidu l-gravità intrinsika tal-piena inizjalment prevista (26).

36.      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “piena akbar” li jinsab f’din id-dispożizzjoni jkopri sitwazzjoni fejn id-dispożizzjonijiet legali li jirregolaw sistema tal-libertà kkundizzjonata jkunu ġew emendati sabiex jipprevedu li dritt awtomatiku għall-ħelsien ikkundizzjonat, ladarba l-ewwel nofs ta’ piena imposta tkun ġiet skontata, ikun ġie ssostitwit bi dritt għall-ħelsien ladarba mill-inqas żewġ terzi tal-piena imposta jkunu ġew skontati. Dan il-ħelsien jiddependi fuq evalwazzjoni magħmula mill-Kummissarji tal-Libertà Kkundizzjonata.

A.      L-impożizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ piena

37.      Qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat li, minbarra l-mekkaniżmu ta’ konsenja stabbilit mill-FKK (27), ma teżistix armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni tal-kunċetti li ser nelabora dwarhom. Dawn il-kunċetti jinsabu kollha, f’forma jew oħra, f’kull dritt nazzjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni. Madankollu, minħabba nuqqas ta’ armonizzazzjoni, il-kunċetti u d-dettalji inevitabbilment ivarjaw bejn l-Istati Membri. Id-diskussjoni li ġejja hija għalhekk tentattiv sabiex jinġabru fil-qosor u jiġu spjegati kunċetti komuni għal kwalunkwe sistema tad-dritt kriminali.

38.      Il-kawża ineżami tirrigwarda d-differenza bejn l-impożizzjoni u l-eżekuzzjoni (28) ta’ sanzjoni.

39.      Il-leġiżlazzjoni kriminali tipprevedi sensiela ta’ sanzjonijiet, fejn l-iktar waħda drakonjana hija ċ-ċaħda tal-libertà fil-forma ta’ piena ta’ priġunerija. Tali piena hija imposta minn qorti (29) wara proċess pubbliku u tesprimi d-diżapprovazzjoni pubblika tal-att, u b’hekk tikkontribwixxi għall-osservanza tal-liġi. Hija twassal għal restrizzjoni sinjifikattiva tad-drittijiet tal-persuna li tkun wettqet ir-reat u għandha, għaldaqstant, tkun proporzjonata mal-gravità tar-reat u mal-ħtija (30). L-għan ta’ din is-sanzjoni huwa multiplu u ġeneralment jaqa’ taħt diversi kategoriji, bħall-piena (31), id-dissważjoni (32) u r-riabilitazzjoni (33).

40.      B’kuntrast ma’ dan, l-eżekuzzjoni ta’ piena tirreferi għall-proċess tat-twettiq jew tal-infurzar ta’ żmien ta’ priġunerija impost minn qorti. Is-sistemi ta’ eżekuzzjoni jvarjaw b’mod konsiderevoli minn ordinament ġuridiku għal ieħor (34). L-eżekuzzjoni tal-pieni tista’ tinkludi l-ammissjoni fil-ħabs, id-dettalji dwar il-priġunerija u l-ġestjoni tal-pieni.

41.      Filwaqt li, tradizzjonalment, l-eżekuzzjoni ta’ sanzjoni kienet vestita fl-eżekuttiv (35), l-ordinamenti ġuridiċi jvarjaw dwar il-kwistjoni speċifika ta min jieħu d-deċiżjoni dwar il-ħelsien mill-ħabs: f’uħud, id-deċiżjoni trid bilfors tittieħed minn imħallef (36), filwaqt li f’oħrajn dan jiġi żgurat mill-eżekuttiv (37). F’xi Stati Membri hemm sistema ibrida li fiha, fir-rigward ta’ ċerti reati, il-poter eżekuttiv jiddeċiedi, bi qbil ma’ parti mill-ġudikatura (38).

42.      Għalkemm id-distinzjoni bejn l-impożizzjoni u l-eżekuzzjoni hija relattivament sempliċi fit-teorija, id-differenza hija fid-dettall u kultant huwa diffiċli li tiġi stabbilita linja bejn l-impożizzjoni u l-eżekuzzjoni (39), kif ser nipprova nuri permezz ta’ tliet eżempji konċiżi: sentenza sospiża, sentenza ridotta u ħelsien bikri mill-ħabs.

43.      L-ewwel nett, qorti tista’, fil-mument tal-kundanna, tiddeċiedi li tissospendi piena, li tippermetti lill-persuna kkundannata tevita li tiskonta ż-żmien fil-ħabs, bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet. Dan huwa b’mod partikolari u ġeneralment il-każ għall-pieni fejn l-ispettru tas-sanzjonijiet huwa qasir, meta ma jeżistix preċedent sinjifikattiv jew riskju sinjifikattiv ta’ reċidività, jew fil-każ ta’ pronjożi soċjali pożittiva.

44.      It-tieni nett, it-tul ta’ piena jista’ jitqassar uffiċjalment wara li tkun ġiet imposta l-piena. Dan jissejjaħ tnaqqis (jew remissjoni) tal-piena. Bħala regola ġenerali, dan jista’ jirriżulta minn appell, maħfra, amnestija jew, sempliċement, minn bidla leġiżlattiva jew saħansitra minn ġurisprudenza. Jekk tingħata, il-piena l-ġdida li tkun iqsar issir it-tul uffiċjali.

45.      It-tielet kategorija tikkonċerna sistemi ta’ ħelsien bikri mill-ħabs. Hawnhekk, il-piena (oriġinali), b’mod partikolari t-tul tagħha, ma tinbidilx. Minflok, il-ħabsi jkun awtorizzat jiskonta l-bqija tal-piena barra mill-ħabs, taħt ċerti kundizzjonijiet. Hija tikkostitwixxi fażi tranżitorja bejn sistema ta’ ħabs (b’ċaħda tal-libertà) u libertà totali (40). Tali ħelsien bikri jista’ jkun awtomatiku jew suġġett għal imġiba tajba jew progress fir-riabilitazzjoni.

46.      B’mod ġenerali, hemm kunsens dwar il-fatt li s-sospensjoni (l-ewwel eżempju) tirreferi għall-impożizzjoni ta’ piena, filwaqt li l-ħelsien bikri mill-kustodja (it-tielet eżempju) jikkonċerna l-eżekuzzjoni ta’ piena. It-tnaqqis tal-piena (it-tieni eżempju) ġeneralment jitqies li jirreferi għall-impożizzjoni ta’ piena, peress li t-tul tal-piena jitqassar uffiċjalment. Madankollu, f’ċerti ordinamenti ġuridiċi, din hija interpretata bħala li tirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ piena, għaliex it-tqassir tal-piena jseħħ wara l-kundanna. Is-sentenza f’Del Río Prada vs Spanja, li ser nindirizza iktar ’il quddiem, taqa’ taħt din l-aħħar kategorija.

B.      Il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività (Artikolu 7(1) tal-KEDB u Artikolu 49 tal-Karta)

1.      Kunsiderazzjonijiet ġenerali

47.      Stat taħt l-Istat tad-dritt għandu jipproteġi lill-individwu mhux biss permezz tad-dritt kriminali, iżda wkoll mid-dritt kriminali (41). Għalhekk, kull sistema ġuridika għandha, minn naħa, tipprevedi metodi u mezzi xierqa ta’ prevenzjoni tal-kriminalità u, min-naħa l-oħra, timponi wkoll restrizzjonijiet fir-rigward tal-użu tas-setgħa kriminali sabiex iċ-ċittadini ma jkunux esposti għal azzjoni arbitrarja jew eċċessiva min-naħa tal-Istat. Wieħed mill-prinċipji li jippermettu li jiġi żgurat dan huwa l-prinċipju ta’ legalità. Dan iservi sabiex tiġi evitata piena arbitrarja u inkalkolabbli mingħajr liġi jew fuq il-bażi ta’ liġi indefinita jew retroattiva.

48.      Il-prinċipju ta’ legalità jista’ jinqasam f’erba’ subprinċipji oħra (42): il-projbizzjoni tal-analoġija (43), il-projbizzjoni tad-dritt konswetudinarju bħala li jikkostitwixxi jew iżid sanzjoni (44), il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività (45) u l-projbizzjoni ta’ liġijiet kriminali li ma humiex speċifiċi (46).

49.      Il-prinċipju ta’ legalità jinsab fl-Artikolu 49(1) tal-Karta, li jipprevedi li ħadd ma għandu jiġi kkundannat għal xi att jew ommissjoni li, fiż-żmien meta sar jew saret, ma kienx jew ma kinitx reat kriminali skont il-liġi nazzjonali jew il-liġi internazzjonali.

50.      B’mod simili, lanqas ma għandha tingħata sanzjoni ikbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta r-reat kriminali jkun twettaq. Jekk, wara li twettaq ir-reat, il-liġi tipprevedi sanzjoni eħfef, din għandha tapplika.

51.      Dawn id-drittijiet huma, bħala drittijiet fundamentali, ġuridikament infurzabbli (47).

52.      L-Artikolu 49(1) tal-Karta huwa prinċipalment ibbażat (48) fuq l-Artikolu 7 tal-KEDB, li huwa parzjalment ifformulat b’mod identiku (49). Huwa għandu jiġi interpretat bħala li jinkludi, tal-inqas, l-istess rekwiżiti bħal dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 7 tal-KEDB (50). Dan huwa kkonfermat mill-ispjegazzjonijiet (mhux vinkolanti) relatati mal-Karta (51).

53.      L-Artikolu 7 tal-KEDB huwa dispożizzjoni kardinali fi ħdan il-Konvenzjoni (52) u jikkostitwixxi element indispensabbli tal-Istat tad-dritt. Ma hija permessa l-ebda deroga mill-Artikolu 15 tal-KEDB (53).

54.      Dan iwassalni għall-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, invokata għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 49(1) tal-Karta. Fil-fatt, teżisti ġurisprudenza soda ta’ din il-qorti fil-qasam ta’ nuqqas ta’ retroattività (54), jiġifieri t-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) tal-KEDB, li tipprevedi li ma tista’ tingħata ebda sanzjoni ikbar minn dik li kienet applikabbli fil-mument meta twettaq ir-reat.

55.      Skont il-ġurisprudenza tradizzjonali u stabbilita tal-Qorti ta’ Strasbourg, għalkemm is-sanzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) tal-KEDB, dan ma huwiex il-każ għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sanzjoni (55).

56.      Inċidentalment, dan l-istess approċċ ġie adottat mill-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, li huwa l-korp ta’ monitoraġġ tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (56), filwaqt li, fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali wkoll, il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività japplika tipikament għas-sanzjonijiet biss u mhux għall-eżekuzzjoni tagħhom (57).

2.      Is-sistema inkwistjoni

57.      Dan iwassalna għall-kawża ineżami u għall-kwistjoni dwar jekk il-miżuri inkwistjoni jikkonċernawx is-sanzjoni nnifisha jew l-eżekuzzjoni ta’ sanzjoni. Sabiex jiġi ddeterminat dan il-punt, huwa essenzjali li jitfakkru l-karatteristiċi ta’ dawn il-miżuri.

58.      Naturalment, fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, fil-kawża ineżami, jeżistix riskju ta’ ksur tal-Artikolu 49(1) tal-Karta fil-każ tal-konsenja ta’ MA lir-Renju Unit (58). Barra minn hekk, qegħdin nittrattaw għadd konsiderevoli ta’ inċertezzi, peress li għad ma hemmx kundanna u l-konsenja ta’ MA qiegħda tintalab fir-rigward tat-twettiq tal-allegati reati. Fil-preżent ma jistax ikun magħruf jekk, fil-każ ta’ kundanna, huwiex ser jiġi impost żmien ta’ priġunerija jew għomor priġunerija bħala sanzjoni. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, dan kollu huwa irrilevanti, peress li d-domanda tal-qorti tar-rinviju tirreferi espliċitament għal sentenza partikolari. Konsegwentement, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina l-leġiżlazzjoni emendata fir-rigward tal-pieni speċifiċi (biss).

59.      Dan premess, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli u fid-dawl tal-fatt li l-qorti tar-rinviju evidentement teħtieġ gwida dwar dan is-suġġett, kif jixhed il-fatt li hija (reġgħet) għamlet id-domanda tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja, jidhirli li jiena ninsab f’pożizzjoni li niggwida lill-qorti tar-rinviju f’dan l-istadju.

a)      Il-kontenut tar-regoli l-ġodda

60.      Fil-mument tat-twettiq tar-reati inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta ġiet imposta piena ta’ priġunerija għal żmien determinat, il-qorti li timponi din il-piena kienet obbligata tistabbilixxi “perijodu ta’ ċaħda ta’ libertà”, li ma setax jaqbeż in-nofs tal-piena imposta, li fi tmiemha l-persuna li tkun wettqet ir-reat kellha – awtomatikament – tinħeles b’mod ikkundizzjonat (59). Is-Segretarju tal-Istat għall-Irlanda ta’ Fuq kellu l-obbligu li jeħles ħabsi li jkun wettaq il-perijodu ta’ ċaħda ta’ libertà rilevanti (60).

61.      Skont ir-regoli l-ġodda, persuna kkundannata issa hija suġġetta għal piena determinata li ċċaħħad il-libertà għal żmien ekwivalenti għat-total taż-“żmien xieraq ta’ ċaħda tal-libertà”, b’perijodu addizzjonali ta’ sena li għalih il-persuna li tkun wettqet ir-reat għandha tkun suġġetta għal kundizzjoni. Dan iż-żmien totali ma jistax jeċċedi ż-żmien massimu ta’ priġunerija applikabbli (għall-finijiet tal-kawża ineżami: 10 snin) (61). Iż-“żmien xieraq ta’ ċaħda tal-libertà” huwa dak iż-żmien li, fil-fehma tal-qorti, jiżgura li l-piena tkun xierqa. Wara li tkun eżegwixxiet żewġ terzi ta’ dan iż-żmien, il-persuna li tkun wettqet ir-reat tista’ tinħeles b’kundizzjoni taħt id-direzzjoni mill-Kummissarji tal-Libertà Kkundizzjonata, sakemm dawn il-kummissarji jkunu ssodisfatti li ma huwiex iktar neċessarju għall-protezzjoni tal-pubbliku li l-ħabsi jinżamm detenut (62).

62.      Għalhekk, hemm żewġ bidliet distinti li ġew introdotti mir-regoli l-ġodda: l-ewwel, il-possibbiltà ta’ ħelsien ikkundizzjonat ġiet posposta minn nofs taż-żmien tal-piena għal mill-inqas żewġ terzi ta’ dan iż-żmien, peress li dejjem għandu jkun hemm mill-inqas sena, l-aħħar sena, fejn il-persuna kkonċernata tinħeles, suġġetta għall-kundizzjoni. It-tieni, sistema ta’ rilaxx awtomatiku ġiet issostitwita b’sistema kkundizzjonata, li fiha l-intervent tal-Kummissarji tal-Libertà Kkundizzjonata huwa neċessarju.

63.      Għandu jiżdied ukoll li, kif indikat mill-qorti tar-rinviju (63), billi rreferiet għal sentenza rilevanti tas-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) (64), l-għan iddikjarat tal-emenda ta’ dan l-att huwa li jiġi protett il-pubbliku billi jintemm il-ħelsien bikri u awtomatiku tat-terroristi li jkunu wettqu r-reat u billi jiġi mdewwem l-iktar mument bikri li fih dawn il-persuni li jkunu wettqu r-reat ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati għall-ħelsien.

b)      Argumenti tal-partijiet

64.      MA isostni, essenzjalment, li l-kunċett ta’ “tħassir” tal-possibbiltà ta’ ħelsien bikri msemmi fis-sentenza Alchaster (65) tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jinftiehem bħala li jirreferi mhux biss għall-eliminazzjoni ta’ kull possibbiltà ta’ ħelsien ikkundizzjonat fi kwalunkwe stadju tal-infurzar ta’ piena ta’ priġunerija, iżda wkoll għal ħelsien awtomatiku inizjalment previst fi stadju partikolari ta’ dan l-infurzar. Barra minn hekk, skont MA, l-emendi inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom l-effett li jżidu l-gravità intrinsika tal-piena mġarrba. Huwa jsostni li dawn l-emendi jżidu element punittiv.

65.      L-Irlanda, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni huma tal-fehma opposta. Huma jenfasizzaw li s-sanzjonijiet baqgħu l-istess, jiġifieri priġunerija għal massimu ta’ 10 snin. Il-modifika tal-kundizzjonijiet għal ħelsien bikri hija, fis-sottomissjoni tagħhom, eżempju tipiku ta’ miżura relatata mal-infurzar ta’ piena. Barra minn hekk, il-Kummissarji tal-Libertà Kkundizzjonata ma għandhomx is-setgħa li jestendu jew inaqqsu l-piena imposta.

c)      Analiżi

66.      Nammetti li għandna quddiemna każ ambigwu fejn ir-risposta korretta ma hijiex evidenti b’mod ċar. Għandi nindirizza bir-reqqa l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti EDB (66) qabel ma nkun f’pożizzjoni li nipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja bi proposta għal tweġiba.

1)      Il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB

67.      Il-punt tat-tluq tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti ta’ Strasbourg huwa li l-kunċett ta’ “sanzjoni” għandu portata awtonoma (67). Sussegwentement, fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti EDB konsistentement tistabbilixxi distinzjoni bejn miżura li tikkostitwixxi sanzjoni fiha nnifisha u miżura li tikkonċerna l-infurzar tas-sanzjoni.

i)      Kawżi preċedenti għas-sentenza Del Río Prada vs Spanja

68.      Fid-deċiżjoni Hogben, kawża ta’ għomor priġunerija bħala piena obbligatorja għal omiċidju, ir-regoli kienu tali li l-persuna kkonċernata, meta ma kinitx għadha meqjusa bħala perikoluża, setgħet tiġi ttrasferita minn ħabs magħluq għal ħabs miftuħ bil-prospett raġonevoli li tinħeles fi żmien sentejn b’applikazzjoni ta’ dan it-trasferiment. Is-Sur Hogben ġie ttrasferit f’ħabs miftuħ wara li skonta 13‑il sena ta’ piena. Matul dan il-perijodu, ir-regoli dwar il-ħelsien ikkundizzjonat ġew mibdula. Il-ministru responsabbli (68) ħabbar politika ta’ libertà kkundizzjonata ġdida lil konferenza tal-partit politiku tiegħu. L-għan iddikjarat kien li jiġi eskluż il-ħelsien ikkundizzjonat qabel 20 sena f’detenzjoni għall-“omiċidji ta’ uffiċjali tal-pulizija jew tal-ħabs, omiċidji terroristiċi, omiċidji sesswali jew sadistiċi tat-tfal u omiċidji b’armi tan-nar waqt serq”. Dan kellu l-konsegwenza li s-Sur Hogben ma kienx eliġibbli sabiex jinħeles qabel ma jkun skonta 20 sena ta’ detenzjoni. Il-Kummissjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkunsidrat li s-“sanzjoni” fis-sens tal-Artikolu 7(1) tal-KEDB kienet dik ta’ għomor priġunerija. Il-fatt li s-sistema tal-libertà kkundizzjonata kienet ġiet emendata kien relatat mal-eżekuzzjoni tal-piena u mhux mas-“sanzjoni” inkwistjoni (69). Konsegwentement, ir-rikors ġie ddikjarat inammissibbli.

69.      Fid-deċiżjoni Hosein, ir-rikorrent ġie kkundannat għal għomor priġunerija. Minħabba l-fatt li huwa marad matul id-detenzjoni u kellu bżonn jitqiegħed f’detenzjoni fl-isptar għall-kura, huwa ġie rrifjutat is-smigħ li seta’ jwassal għal-libertà kkundizzjonata tiegħu. Il-Kummissjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkunsidrat li “l-aspettattivi fil-qasam ta’ libertà kkundizzjonata ma jaffettwawx is-‘sanzjoni’ imposta fis-sens tal-Artikolu 7 tal-[KEDB]” (70) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

70.      Fis-sentenza Grava, ir-rikorrent ġie kkundannat għal sitt snin priġunerija, li l-qorti tal-appell kompetenti mbagħad naqqset għal erba’ snin. Sussegwentement, huwa talab tnaqqis tal-piena, li ppermetta t-tnaqqis tal-pieni taħt ċerti kundizzjonijiet. Wara li inizjalment ġiet irrifjutata, ingħatat maħfra. F’dak il-mument, ir-rikorrent kien diġà ġie meħlus. Madankollu, iż-żmien imqatta’ fil-ħabs kien qabeż it-tul li kien jagħmel kieku l-maħfra ġiet applikata fi żmien xieraq. Ir-rikorrent għalhekk sostna li t-talba għal maħfra mdewma kienet wasslet għal sanzjoni ikbar minn dik prevista mil-liġi fil-mument tar-reat tiegħu. Il-Qorti ta’ Strasbourg uriet in-nuqqas ta’ qbil tagħha billi ddikjarat li s-“sanzjoni” tirreferi għall-piena ta’ erba’ snin priġunerija. Il-kwistjoni tal-maħfra tikkonċerna l-eżekuzzjoni tal-piena u mhux il-piena nnifisha. Għaldaqstant, ma kienx hemm ksur tal-Artikolu 7(1) tal-KEDB (71).

71.      Fid-deċiżjoni Uttley, persuna kkundannata għal 12‑il sena ħabs setgħet tkun eliġibbli għal ħelsien bikri wara li tkun skontat żewġ terzi tal-piena tagħha, sakemm din kellha kondotta tajba (72). Waqt li kienet fil-ħabs, ir-regoli ġew mibdula sabiex jipprevedu li l-ħelsien bikri wara t-twettiq ta’ żewġ terzi tal-piena kellu jkun ikkundizzjonat. Ir-rikorrent sostna li dan ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni kien jikkostitwixxi sanzjoni ikbar minn dik imposta inizjalment. Il-Qorti ta’ Strasbourg ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli, billi tenniet li l-miżura inkwistjoni ma kinitx tagħmel parti mis-sanzjoni, iżda kienet tagħmel parti mis-sistema li permezz tagħha l-ħabsin setgħu jinħelsu qabel ma jiġi skontat iż-żmien sħiħ tal-piena imposta (73).

72.      Għalhekk nistgħu nikkonkludu, fil-qosor, li mill-kawżi kollha msemmija iktar ’il fuq, jirriżulta li, meta n-natura u l-għan ta’ miżura jirrigwardaw il-maħfra ta’ piena jew bidla ta’ sistema ta’ ħelsien bikri, dan ma jagħmilx parti mis-“sanzjoni” fis-sens tal-Artikolu 7 tal-KEDB.

ii)    Is-sentenza Del Río Prada vs Spanja

73.      Dan iwassalni għall-kwistjoni dwar sa liema punt l-approċċ pjuttost formalistiku tal-Qorti EDB, kif deskritt iktar ’il fuq, ġie mibdul bis-sentenza Del Río Prada vs Spanja.

74.      Fil-mument tar-reat imwettaq minn I. Del Río Prada, il-Ley Orgánica 10/1995, de 23 de noviembre, del Código Penal (il-Kodiċi Kriminali Spanjol tal‑1973) kien jillimita ż-żmien massimu ta’ priġunerija għal 30 sena fil-każ ta’ diversi pieni. Barra minn hekk, dan il-kodiċi kriminali kien jagħti d-dritt lid-detenut għal maħfra ta’ ġurnata għal kull jumejn ta’ xogħol. Sussegwentement, jiġifieri, mhux biss wara t-twettiq tar-reati, iżda wkoll wara l-impożizzjoni tal-pieni, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) applikat l-hekk imsejħa duttrina Parot, li biddlet il-kalkolu tal-maħfriet tal-pieni. Minflok ma ġew applikati għaż-żmien massimu ta’ 30 sena, dawn ġew applikati għal kull piena individwali. Minn dan jirriżulta li kien de facto impossibbli għal I. Del Río Prada li tibbenefika minn kwalunkwe maħfra tal-piena. Fi kliem ieħor, il-possibbiltà ta’ maħfra tal-piena tnaqqset għal żero.

75.      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Qorti EDB, komposta bħala Awla Manja (74), iddeċidiet li l-applikazzjoni tad-duttrina Parot għas-sitwazzjoni ta’ I. Del Río Prada ċċaħħad minn kwalunkwe effett utli l-maħfriet tal-pieni għax-xogħol imwettaq f’detenzjoni li hija kellha dritt għalih skont il-liġi u skont id-deċiżjonijiet definittivi tal-imħallfin inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-pieni (75). Il-Qorti EDB kompliet billi ddikjarat li l-mod li bih ġew applikati d-dispożizzjonijiet “imur lil hinn mis-sempliċi politika penitenzjarja” (76) u li, “minħabba d-‘duttrina Parot”, iż-żmien massimu ta’ [30] sena priġunerija ma baqax piena indipendenti li għaliha ġew applikati l-maħfriet tal-pieni għal xogħol imwettaq f’detenzjoni, u minflok sar piena ta’ [30] sena li għaliha effettivament ma tapplika ebda tali maħfra” (77) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

76.      Dan l-aħħar element jidhirli li huwa kruċjali għall-għanijiet tal-kawża ineżami: fis-sentenza Del Río Prada vs Spanja, skont is-sitwazzjoni ġuridika l-ġdida ma kien għad baqa’ ebda possibbiltà sabiex il-piena imposta tiġi mqassra. Tali ċirkustanza straordinarja kienet ekwivalenti għal definizzjoni mill-ġdid tal-portata tas-sanzjoni imposta inizjalment.

77.      Jiena tal-fehma li s-sentenza Del Río Prada vs Spanja essenzjalment tikkonferma l-ġurisprudenza preċedenti, li skontha d-distinzjoni bejn l-impożizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ piena tinżamm. Madankollu, il-fatti ta’ din il-kawża kienu tali li, bl-eliminazzjoni ta’ kull possibbiltà ta’ tnaqqis tal-piena, il-portata tas-sanzjoni inizjali kienet affettwata.

iii) Kawżi sussegwenti għas-sentenza Del Río Prada vs Spanja

78.      Il-Qorti EDB sussegwentement applikat din is-sentenza f’għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ inammissibbiltà.

79.      Fid-deċiżjoni Abedin, ir-rikorrent inizjalment kellu dritt għal ħelsien awtomatiku u inkundizzjonat wara li serva tliet kwarti tal-piena. Skont ir-regoli l-ġodda, li ġew adottati u li daħlu fis-seħħ wara l-kundanna tiegħu, kwalunkwe ħelsien kellu jiġi approvat minn bord tal-libertà kkundizzjonata. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet baqgħu fis-seħħ sal-iskadenza tal-piena.

80.      Fi kliem ieħor, bħal fil-kawża ineżami, sistema li twassal għall-ħelsien awtomatiku ġiet issostitwita b’sistema li teħtieġ l-intervent u l-approvazzjoni ta’ bord tal-libertà kkundizzjonata.

81.      Il-Qorti ta’ Strasbourg fakkret, l-ewwel, il-ġurisprudenza tagħha, b’mod partikolari d-deċiżjoni Uttley u s-sentenza Del Río Prada vs Spanja. Fir-rigward speċifikament ta’ din tal-aħħar, din il-qorti fakkret li l-element determinanti sabiex tiġi ddeterminata l-applikabbiltà tal-Artikolu 7 tal-KEDB għal tali każ kien li jsir magħruf jekk il-bidliet introdotti kellhomx l-effett li jemendaw jew li jiddefinixxu mill-ġdid il-piena nnifisha (78). Hija spjegat li, fis-sentenza Del Río Prada vs Spanja, “il-kwistjoni tal-Artikolu 7 tal-[KEDB] qamet għaliex, minflok ma applikaw maħfriet mistħoqqa għall-piena ta’ [30] sena tar-rikorrent, kif kienet qabel il-prattika ġudizzjarja, l-awtoritajiet applikaw il-maħfriet mistħoqqa lir-rikorrent għall-pieni individwali, skont bidla reċenti fil-ġurisprudenza. Il-Qorti qieset li l-bidla fil-prattika fi Spanja kellha bħala effett globali, essenzjalment, li tbiddel jew tiddefinixxi mill-ġdid is-sanzjoni imposta fuq ir-rikorrent minn waħda ta’ [30] sena, bit-tnaqqis ta’ kwalunkwe maħfra mistħoqqa, għal waħda ta’ [30] sena mingħajr dritt għal maħfriet” (79) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

82.      Il-Qorti ta’ Strasbourg sussegwentement iddeċidiet li l-istess kunsiderazzjonijiet ma kinux japplikaw għall-kawża ta’ M. Abedin, li l-piena ta’ 20 sena priġunerija tiegħu ma ġietx mibdula, u li kien għal din il-piena li kienu japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar il-ħelsien bikri (80). Il-qorti żiedet li ma kienx hemm lok li tiġi ddefinita mill-ġdid jew mibdula l-“piena” imposta fuq M. Abedin (81). Dan wassal lil din il-qorti sabiex tikkonkludi li l-kawża ta’ M. Abedin kienet tirrigwarda l-modalità ta’ eżekuzzjoni tal-piena tiegħu u ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) tal-KEDB (82). Konsegwentement, hija ddeċidiet li r-rikors kien inammissibbli (83).

83.      Fid-deċiżjoni Devriendt, ir-rikorrent ġie kkundannat għal għomor priġunerija. Fil-mument tal-kundanna, huwa seta’ japplika għal-libertà kkundizzjonata wara 10 snin priġunerija. Sussegwentement, dan il-limitu ġie miżjud għal 15‑il sena u kien japplika retroattivament għal każijiet bħal tiegħu.

84.      Il-Qorti ta’ Strasbourg iddeċidiet li l-bidla fil-leġiżlazzjoni kienet tirrigwarda l-eżekuzzjoni tal-piena. Bħal fid-deċiżjoni Abedin, hija fakkret li s-sanzjoni inkwistjoni ma kinitx ġiet mibdula mill-jum tat-twettiq tar-reat (84). Il-Qorti ta’ Strasbourg sussegwentement irrilevat li, fid-dritt Belġjan, il-libertà kkundizzjonata kienet metodu ta’ infurzar ta’ piena li ċċaħħad il-libertà li permezz tagħha l-persuna kkundannata kienet tiskonta l-piena tagħha barra l-ħabs, suġġetta għall-osservanza tal-kundizzjonijiet imposti matul perijodu ta’ prova partikolari. F’dan ir-rigward, il-Qorti ta’ Strasbourg iddikjarat espressament li din il-kawża kienet differenti f’dan ir-rigward mis-sitwazzjoni fis-sentenza Del Río Prada vs Spanja, fejn il-kwistjoni kienet tnaqqis tal-piena li għandha tiġi skontata u mhux sempliċi tnaqqis jew adattament tal-kundizzjonijiet ta’ infurzar (85).

85.      Din il-qorti mbagħad għamlet distinzjoni bejn is-sitwazzjoni ta’ J. Devriendt u dik ta’ I. Del Río Prada. Hija aċċettat li l-emenda leġiżlattiva tal‑2013 kellha l-effett li żżid il-limitu taż-żmien ta’ eliġibbiltà għal-libertà kkundizzjonata, li mingħajr dubju wassal għal sitwazzjoni iktar severa għad-detenzjoni tar-rikorrent, iżda rrilevat li, kuntrarjament għas-sitwazzjoni fis-sentenza Del Río Prada vs Spanja, dan it-trattament iktar sever ma kellux l-effett li jirrendi impossibbli l-għoti ta’ libertà kkundizzjonata (86).

86.      Sussegwentement hija fakkret li kien diġà ġie deċiż li l-fatt li żieda wara l-kundanna tal-limitu ta’ eliġibbiltà għal-libertà kkundizzjonata setgħet twassal għal sitwazzjoni iktar severa f’detenzjoni kien jikkonċerna l-infurzar tal-piena u mhux il-piena nnifisha u li, konsegwentement, ma setax jiġi dedott minn tali ċirkustanza li l-piena imposta tkun iktar severa minn dik mogħtija mill-imħallef li ta s-sentenza (87).

87.      Sussegwentement, il-Qorti EDB ikkonkludiet li l-kawża ta’ J. Devriendt kienet tikkonċerna biss il-modalità kif il-piena kienet ġiet skontata u ma kellha ebda effett fuq il-portata tal-piena, li baqgħet l-istess (88). Konsegwentement, hija ddeċidiet li r-rikors kien inammissibbli (89).

88.      Is-sentenza Del Río Prada vs Spanja hija sentenza tal-Awla Manja, li ġġorr magħha l-awtorità naturali assoċjata mal-kulleġġ l-iktar solenni tal-Qorti EDB. Id-deċiżjonijiet f’Abedin u f’Devriendt huma deċiżjonijiet ta’ inammissibbiltà tal-kumitat (90). Din id-differenza fil-kulleġġi hija madankollu irrilevanti fil-kuntest ineżami, peress li ż-żewġ kulleġġi formalment jorbtu lill-Qorti EDB bl-istess mod. Jekk xejn, għandha tittieħed bħala indikazzjoni li, għall-Qorti ta’ Strasbourg, il-kwistjoni kienet tant ċara fid-deċiżjonijiet f’Abedin u f’Devriendt li hija ddeċidiet li tafdahom lil kumitat (91).

2)      Applikazzjoni għall-kawża ineżami

i)      Dewmien tal-limitu ta’ eliġibbiltà għall-ħelsien ikkundizzjonat

89.      Id-dewmien tal-limitu ta’ eliġibbiltà għall-ħelsien ikkundizzjonat ma jidhirx, waħdu, skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Alchaster, li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49(1) tal-Karta (92). Nistgħu nibbażaw ruħna fuq is-sentenza Del Río Prada vs Spanja u fuq id-deċiżjoni Devriendt fis-sens li l-Qorti ta’ Strasbourg tiddikjara b’mod ċar ħafna li dewmien fil-limitu ta’ eliġibbiltà għall-ħelsien ikkundizzjonat jaqa’ taħt l-eżekuzzjoni ta’ piena u, għaldaqstant, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) tal-KEDB.

ii)    Ħelsien ikkundizzjonat skont l-evalwazzjoni tal-Kummissarji għal-Libertà Kkundizzjonata

90.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, essenzjalment, fil-kawża Alchaster, li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49(1) tal-Karta jkopri potenzjalment sitwazzjoni li fiha l-miżura inkwistjoni tħassar essenzjalment il-possibbiltà ta’ ħelsien ikkundizzjonat jew tagħmel parti minn sensiela ta’ miżuri li għandhom l-effett li jżidu l-gravità intrinsika tal-piena inizjalment prevista (93).

91.      It-tħassir sħiħ tal-possibbiltà ta’ ħelsien ikkundizzjonat jista’ jiġi eskluż fil-kawża ineżami, peress li, kif ikkonferma r-Renju Unit waqt is-seduta, waqt li tkun qiegħda tiġi skontata l-aħħar sena tal-piena, il-persuna inkwistjoni dejjem tinħeles, suġġetta għal kundizzjoni. Huwa għalhekk li nikkunsidra li s-sitwazzjoni fil-kawża ineżami ma hijiex paragunabbli ma’ dik fis-sentenza Del Río Prada vs Spanja.

92.      Il-kwistjoni dwar jekk għandniex quddiemna sensiela ta’ miżuri li għandhom l-effett li jżidu l-gravità intrinsika tal-piena inizjalment prevista hija, fil-fehma tiegħi, iktar delikata u, għaldaqstant, diffiċli li tiġi mwieġba.

93.      Kif indikat il-qorti tar-rinviju (94), b’riferiment għal sentenza rilevanti tas-Supreme Court of the United Kingdom (95), l-għan iddikjarat tal-emenda huwa li jiġi protett il-pubbliku billi jintemm il-ħelsien bikri u awtomatiku ta’ terroristi li jkunu wettqu r-reat u billi jiġi mdewwem l-iktar mument bikri li fih dawn il-persuni li jkunu wettqu r-reat ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati għall-ħelsien.

94.      Jiena konxju ħafna li din hija l-allegata intenzjoni tal-leġiżlatur. B’mod partikolari, il-fatt li l-emenda inkwistjoni tirrigwarda speċifikament lit-terroristi li jkunu wettqu r-reat permezz tal-introduzzjoni ta’ sistema ta’ libertà kkundizzjonata għal reati terroristiċi speċifiċi jista’ jiġi interpretat bħala indikazzjoni li, fir-realtà, l-intenzjoni kienet li s-sanzjoni ta’ tali reati tiġi miżjuda. Wieħed jista’ jistaqsi wkoll jekk, b’mod ġenerali, id-deċiżjoni li ċerti kategoriji ta’ persuni li jkunu wettqu r-reat jiġu mċaħħda minn ħelsien bikri verament tirreferix għall-kwistjoni teknika tal-eżekuzzjoni iktar milli tiddefinixxi mill-ġdid is-sanzjoni nnifisha. Jew, fi kliem ieħor, kif qalet il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell) fis-sentenza Uttley – li huwa minnu li ġiet invalidata mill-House of Lords – huwa “fittizju” li jiġi sostnut li l-piena ma saritx iktar iebsa (96).

95.      Madankollu, ma narax kif din l-intenzjoni leġiżlattiva, jekk ikun il-każ, tista’ tqiegħed fid-dubju, fir-rigward tal-kawża ineżami, il-prinċipju fundamentali li s-sanzjoni bħala tali ma nbidlitx. Għandu jingħad ukoll li, diġà fid-deċiżjoni Hogben, l-għan iddikjarat tal-miżura kien li jiġu mmirati ċerti kategoriji ta’ reati (97). Madankollu, il-Kummissjoni ta’ Strasbourg ma dehritx li kellha problema b’din il-kunsiderazzjoni (98).

96.      Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ evalwazzjoni tal-perikolu potenzjali ta’ individwu għall-pubbliku jidhirli li taqa’ fil-kuntest tal-politika tal-ħabsijiet. Bħala eżempju, il-kwistjoni ewlenija hija jekk, wara li jkun skonta parti sostanzjali ta’ piena fil-ħabs, individwu jkunx idoneu sabiex jitlaq mill-ħabs f’mument partikolari. Jekk il-Kummissarji tal-Libertà Kkundizzjonata jaslu għall-konklużjoni li l-individwu ma jirrappreżentax perikolu għall-pubbliku f’dak il-mument u għandu jiskonta parti itwal minn piena ġewwa l-ħabs, ma narax kif dan jaffettwa l-gravità intrinsika tal-piena inizjalment prevista. Is-sentenza bħala tali ma tinbidilx; huwa l-individwu li għandu jaġixxi kif xieraq u juri lill-Kummissarji tal-Libertà Kkundizzjonata li huwa idoneu sabiex jitlaq f’dak il-mument. Fil-fehma tiegħi, dan huwa totalment disassoċjat mill-piena imposta. Din hija prattikament il-politika tradizzjonali tal-ħabsijiet. Il-fatt li ċ-ċaħda tal-libertà tal-persuna tkompli hija konsegwenza ta’ dan.

97.      Nixtieq nenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt preċedenti jippreżupponu assolutament li l-ġurisdizzjoni tal-Kummissarji tal-Libertà Kkundizzjonata hija limitata għall-kwistjoni dwar jekk il-persuna kkonċernata tikkostitwixxix theddida għall-pubbliku f’mument partikolari, li l-evalwazzjoni ssir b’mod iddettaljat skont protokoll determinat u li din tkun debitament iddokumentata. Lil hinn minn dan, il-Kummissarji tal-Libertà Kkundizzjonata ma għandhomx ikunu jistgħu jagħmlu użu minn setgħa diskrezzjonali oħra.

98.      Jekk dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti, inqis li l-miżuri emendati jirreferu għall-eżekuzzjoni ta’ piena. Dawn ma jaffettwawx in-natura intrinsika tal-piena inizjalment prevista u, għaldaqstant, fuq il-bażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB analizzata iktar ’il fuq, jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) tal-KEDB.

99.      Dan iħallina bil-kwistjoni dwar jekk, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża ineżami, l-Artikolu 49(1) tal-Karta jipprevedix jew għandux jipprevedi protezzjoni iktar wiesgħa mill-Artikolu 7(1) tal-KEDB.

iii) Fuq l-Artikolu 52(3) tal-Karta

100. Bis-saħħa tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, sa fejn il-Karta tinkludi drittijiet li jikkorrispondu mad-drittijiet protetti mill-KEDB, is-sens u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom huma l-istess bħal dawk stabbiliti mill-KEDB. Għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 52(3) tal-Karta jinkludi garanzija u mhux sempliċi fakultà għall-Unjoni li tiżgura li ma jiġux ippreġudikati s-sens u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet korrispondenti taħt il-KEDB (99). Fl-istess ħin, din id-dispożizzjoni tippreċiża li dan ma jipprekludix lid-dritt tal-Unjoni milli jagħti protezzjoni iktar estensiva.

101. Madankollu, ma nara l-ebda raġuni għalfejn għandu jitqies li dan għandu jkun il-każ. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 49 tal-Karta jinkludi, tal-inqas, l-istess garanziji bħal dawk previsti fl-Artikolu 7 tal-KEDB, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta bħala limitu minimu ta’ protezzjoni (100). Madankollu, din id-dikjarazzjoni, waħedha, sempliċement tafferma l-formulazzjoni tal-Artikolu 52(3) tal-Karta (101).

102. Kif irrilevat il-Kummissjoni, ma jidher li hemm ebda tradizzjoni kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri li skontha l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49(1) tal-Karta huwa jew għandu jkun usa’ minn dak tal-Artikolu 7(1) tal-KEDB.

103. Lanqas ma nara aspetti speċifiċi għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni li jiġġustifikaw protezzjoni iktar wiesgħa. Jista’ jkun hemm oqsma tad-dritt li għalihom l-Unjoni għandha raġunijiet tajbin sabiex tipprevedi iktar protezzjoni milli fil-kuntest tad-dritt korrispondenti tal-KEDB. Madankollu, dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Wieħed għandu jfakkar it-tensjoni intrinsika u naturali bejn l-invokazzjoni potenzjali tal-Artikolu 49 tal-Karta u l-livell għoli ta’ fiduċja (għalkemm mhux fiduċja reċiproka (102)) li għad hemm bejn l-Unjoni u r-Renju Unit fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali (103). F’sitwazzjoni bħal din, il-bilanċ delikat bejn dawn iż-żewġ prinċipji jintlaħaq l-iktar permezz ta’ livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li jkun allinjat ma’ dak tal-KEDB. Hawnhekk nista’ naqbel, għal darba oħra, ma’ Lord Bingham, illum deċedut, meta ddikjara li “t-tifsira tal-[KEDB] għandha tkun uniformi fl-[Istati] kollha li huma parti għaliha. Id-dmir tal-qrati nazzjonali huwa li jżommu ruħhom aġġornati mal-ġurisprudenza ta’ Strasbourg hi u tevolvi matul iż-żmien: mhux iktar iżda ċertament mhux inqas. (104)” L-istess għandu japplika għall-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża ineżami.

3)      Rimarki finali

104. Nixtieq nagħlaq dawn il-konklużjonijiet b’żewġ rimarki finali, li fl-ispirtu tagħhom il-qorti tar-rinviju għandha twettaq l-evalwazzjoni tagħha.

105. L-ewwel, il-kawża ineżami hija limitata għall-garanziji previsti fl-Artikolu 7(1) tal-KEDB u fl-Artikolu 49 tal-Karta. Kif intwera f’dawn il-konklużjonijiet, il-miżuri li jirregolaw l-eżekuzzjoni ta’ piena ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu skrutinizzati skont l-Artikolu 7(1) tal-KEDB. Madankollu, wieħed ma għandux jinsa li l-ħabsin ikomplu jibbenefikaw minn firxa sħiħa ta’ drittijiet fundamentali oħra, bħad-dritt tal-vot previst fl-Artikolu 3 tal-(ewwel) Protokoll għall-[KEDB] jew ċerti drittijiet li jinsabu fil-garanzija għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, tad-dar u tal-korrispondenza prevista fl-Artikolu 8 tal-KEDB (105), sabiex insemmi biss żewġ eżempji.

106. Fit-tieni u fl-aħħar lok, nixtieq nenfasizza għal darba oħra li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tapplika l-interpretazzjoni proposta għall-kawża li għandha quddiemha u li hija għandha, fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju, tagħmel dak kollu li huwa fis-setgħa tagħha sabiex teżamina jekk il-miżuri inkwistjoni, ikklassifikati bħala “politika tal-ħabsijiet” mir-Renju Unit, jikkostitwixxux effettivament politika li tirregola biss l-eżekuzzjoni ta’ piena.

VI.    Konklużjoni

107. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda magħmula mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda):

It-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “piena akbar” li jinsab f’din id-dispożizzjoni ma jkoprix, bħala prinċipju, sitwazzjoni fejn id-dispożizzjonijiet legali li jirregolaw sistema tal-libertà kkundizzjonata jkunu ġew emendati sabiex jipprevedu li dritt awtomatiku għall-ħelsien ikkundizzjonat, ladarba l-ewwel nofs ta’ piena imposta tkun ġiet skontata, ikun ġie ssostitwit bi dritt għall-ħelsien ladarba mill-inqas żewġ terzi tal-piena imposta jkunu ġew skontati, meta dan il-ħelsien ikun suġġett għal evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissarji tal-Libertà Kkundizzjonata.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.


2      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB, 21 ta’ Ottubru 2013, Del Río Prada vs Spanja, (CE:ECHR:2013:1021JUD004275009, punt 89; iktar ’il quddiem is-“sentenza Del Río Prada vs Spanja”).


3      Ara s-sentenza Del Río Prada vs Spanja, punt 89.


4      Ara Bingham, T., The Rule of Law, Penguin Books, Londra, 2011, p. 79.


5      ĠU 2021, L 149, p. 10.


6      Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad‑29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-[FKK], u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU 2021, L 149, p. 2).


7      Deċiżjoni tal-Kunsill (Euratom) 2020/2253 tad‑29 ta’ Diċembru 2020 li tapprova l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-Kooperazzjoni dwar l-Użu Sikur u Paċifiku tal-Enerġija Nukleari u l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-[FKK] (ĠU 2020, L 444, p. 11).


8      Ara l-Artikolu 783(2) tal-FKK.


9      Ara l-Artikolu 783(1) tal-FKK u l-Avviż dwar id-dħul fis-seħħ tal-[FKK] u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU 2021, L 149, p. 2560).


10      Dwar dispożizzjonijiet komuni u istituzzjonali (l-Ewwel Parti), dwar kummerċ, trasport, sajd u arranġamenti oħra (it-Tieni Parti), dwar infurzar tal-liġi u kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (it-Tielet Parti), dwar il-kooperazzjoni tematika (ir-Raba’ Parti), dwar parteċipazzjoni fi programmi tal-Unjoni, ġestjoni finanzjarja tajba u dispożizzjonijiet finanzjarji (il-Ħames Parti), dwar soluzzjoni ta’ tilwim u dispożizzjonijiet orizzontali (is-Sitt Parti) u dwar dispożizzjonijiet finali (is-Seba’ Parti).


11      Prinċipji ta’ interpretazzjoni u ta’ definizzjonijiet


12      Dispożizzjonijiet komuni u istituzzjonali.


13      Dispożizzjonijiet ġenerali.


14      Skont l-Artikolu 778(2)(r) tal-FKK, l-Anness 43 jifforma parti integrali mit-Titolu VII tat-Tielet Parti. Ara wkoll l-Artikolu 606 tal-FKK, dwar il-kontenut u l-forma tal-mandat ta’ arrest.


15      L-Artikolu 604 tal-FKK huwa intitolat “Garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat li joħroġ il-mandat f’każijiet partikolari”.


16      L-erba’ reati huma (1) li wieħed ikun membru f’organizzazzjoni pprojbita, (2) li wieħed imexxi attivitajiet ta’ organizzazzjoni involuta fit-twettiq ta’ atti terroristiċi, (3) ir-reat ta’ assoċjazzjoni sabiex wieħed imexxi l-attivitajiet ta’ organizzazzjoni kkonċernata mit-twettiq ta’ atti terroristiċi, u (4) il-preparamenti għat-twettiq ta’ atti terroristiċi.


17      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024 (C‑202/24, EU:C:2024:649, punt 98 u d-dispożittiv).


18      Barra minn hekk, meta kawża tqajjem inċertezzi serji li jikkonċernaw kwistjonijiet fundamentali tad-dritt kostituzzjonali nazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni, jista’ jkun meħtieġ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ tali kawża, li din tiġi ttrattata f’qasir żmien. Ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Ottubru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:851, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ Novembru 2024, MA (C‑743/24, EU:C:2024:983).


20      Ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ Novembru 2024, MA (C‑743/24, EU:C:2024:983, punt 8).


21      Bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Alchaster (C‑202/24, EU:C:2024:649), ir-Renju Unit għandu d-dritt jintervjeni f’din il-kawża. Għal iktar dettalji, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Alchaster (C‑202/24, EU:C:2024:559, punt 30 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 19).


22      Dan jinkludi sitwazzjoni li fiha din l-awtorità ġudizzjarja diġà eskludiet ir-riskju ta’ ksur tal-Artikolu 7 tal-KEDB billi invokat il-garanziji offruti b’mod ġenerali mir-Renju Unit fir-rigward tal-osservanza tal-KEDB u l-possibbiltà għal din il-persuna li tippreżenta rikors quddiem il-Qorti EDB. Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Alchaster (C‑202/24, EU:C:2024:649, punt 98).


23      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Alchaster (C‑202/24, EU:C:2024:649, punt 98).


24      Ibid., punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata.


25      Ibid., punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata tal-Qorti EDB.


26      Ibid., punt 97.


27      Il-FKK huwa ispirat ħafna mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Alchaster (C‑202/24, EU:C:2024:559, punt 63 et seq.).


28      F’dawn il-konklużjonijiet, ser nuża t-termini “eżekuzzjoni” u “infurzar” bħala sinonimi.


29      Dan huwa ta’ spiss previst fil-kostituzzjoni ta’ Stat. Ara, bħala eżempju, l-Artikolu 92 tal-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland (il-Liġi Fundamentali għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja) kif ukoll is-sentenza tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja) tas‑6 ta’ Ġunju 1967, 2 BvR 375/60, 53/60 u 18/65.


30      Ara, f’dan is-sens, Jescheck, H.‑H. u Weigend, T., Lehrbuch des Strafrechts, Allgemeiner Teil, il-ħames edizzjoni, Duncker & Humblot, Berlin, 1996, p. 13.


31      B’hekk din isservi bħala retribuzzjoni għall-ksur imwettaq, li tiżgura li l-persuna li tkun wettqet ir-reat tiffaċċja l-konsegwenzi.


32      B’hekk, din tiskoraġġixxi kemm lill-persuna individwali li tkun wettqet ir-reat (dissważjoni speċifika) milli twettaq reati ġodda kif ukoll lill-pubbliku ġenerali (dissważjoni ġenerali) milli jwettqu xi forma ta’ reat.


33      B’hekk hija intiża sabiex tgħin lill-persuni li jkunu wettqu r-reat sabiex ikunu jistgħu jerġgħu jintegraw ruħhom mill-ġdid fis-soċjetà, f’ħajja ħielsa mill-kriminalità.


34      Ara Höffler, K. u Padfield, N., “The implementation of sentences”, f’Ambos, K., Duff, A., Heinze, A., Roberts, J., u Weigend, T., Core Concepts in Criminal Law and Criminal Justice, Volume II, Cambridge University Press, 2022, p. 349 sa 391, f’p. 379.


35      Ara Tulkens, F. u van de Kerchove, M., Introduction au droit penal. Aspects juridiques et criminologiques, it-tmien edizzjoni, Wolters, Waterloo, 2007, p. 595. Ara wkoll Spielmann, A., “L’exécution des peines – un éternel problème”, f’Diagonales à travers le droit luxembourgeois, Livre jubilaire de la Conférence Saint-Yves 19461986, Imprimérie Saint-Paul, Luxembourg, 1986, p. 831 sa 846, f’p. 839, ippubblikat mill-ġdid f’Spielmann, D. (editur), Au diapason des Droits de l’Homme. Ecrits choisis (19752003), Bruylant, Brussels, 2006, p. 151 sa 167, f’p. 159.


36      Ikkunsidra, pereżempju, il-Belġju (Titolu V, Kapitolu II, tal-Loi relative au statut juridique externe des personnes condamnées à une peine privative de liberté et aux droits reconnus à la victime dans le cadre des modalités d’exécution de la peine  tas‑17 ta’ Mejju 2006: Tribunal de l’application des peines) jew il-Ġermanja (il-punt 462a tal-iStrafprozeßordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali): Strafvollstreckungskammer (l-Awla Kriminali Inkarigata mill-Infurzar tal-Pieni)).


37      Dan huwa l-każ fir-Renju Unit, kif ser naraw f’iktar dettall iktar ’il quddiem. Għal ħarsa ġenerali komparattiva sħiħa, ara van Kalmthout, A.M. u Tak, P.J.P., Sanctions-Systems in the Member-States of the Council of Europe. Deprivation of liberty, community service and other substitutes. Part I (1988) u Part II (1992), Kluwer Law International, Deventer. Ara wkoll Pradel, J., Droit pénal comparé, ir-raba’ edizzjoni,  Dalloz, 2016, § 558.


38      Ara, pereżempju, il-Lussemburgu (l-Artikolu 669 et seq. tal-Code de procedure pénale (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali)), fejn il-prosekutur ġenerali jew, jekk ikun il-każ, il-prosekutur ġenerali fuq parir ta’ kumitat, li jinkludi, minbarra l-prosekutur ġenerali, żewġ maġistrati tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, jistgħu jieħdu d-deċiżjoni.


39      Ara wkoll Kadelbach, S., “Kapitel 15: Keine Strafe ohne Gesetz”, f’Dörr, O., Grote, R., u Marauhn, T. (edituri), EMRK/GG Konkordanzkommentar, it-tielet edizzjoni, Mohr Siebeck, Tübingen, 2022, punt 37.


40      Ara Spielmann, D. u Spielmann, A., Droit pénal général luxembourgeois, it-tieni edizzjoni, Bruylant, Brussell, 2004, p. 576.


41      Ara Roxin, C., Strafrecht Allgemeiner Teil, Band I, ir-raba’ edizzjoni, C.H. Beck, Munich, 2006, § 5 A, punt 1.


42      Ara, dwar din id-distinzjoni, Roxin, C., Strafrecht Allgemeiner Teil, Band I, ir-raba’ edizzjoni, C.H. Beck, Munich, 2006, § 5 B, punt 7 et seq.


43      Nullum crimen, nulla poena sine lege stricta.


44      Nullum crimen, nulla poena sine lege scripta.


45      Nullum crimen, nulla poena sine lege praevia.


46      Nullum crimen, nulla poena sine lege certa.


47      Ara Lemke, S., f’von der Groeben, H., Schwarze, J. u Hatje, A. (edituri), Europäisches Unionsrecht (Kommentar), Band 1, is-seba’ edizzjoni, Nomos, Baden-Baden, 2015, Art. 49 GRC, punt 2.


48      Il-formulazzjoni tal-ewwel żewġ sentenzi tal-Artikolu 49(1) tal-Karta hija essenzjalment identika għal dik tal-Artikolu 7(1) tal-KEDB.


49      Huwa fformulat ukoll fuq l-Artikolu 15 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi; ara Spjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 49 – Prinċipji ta’ legalità u proporzjonalità ta’ reati u ta’ pieni, li jinsabu fi Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17). Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(3) tal-Karta, l-ispjegazzjonijiet ġew elaborati sabiex jiggwidaw l-interpretazzjoni tal-Karta u għandhom jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni kemm mill-Qrati tal-Unjoni kif ukoll mill-qrati tal-Istati Membri.


50      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Alchaster (C‑202/24, EU:C:2024:649, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).


51      Ara Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 52 – Ambitu u interpretazzjoni tad-drittijiet u tal-prinċipji, li tinsab fi Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17).


52      Ara wkoll, f’dan is-sens, Scalia, D., “L’application du principe de légalité des peines aux crimes (les plus) graves : l’orthodoxie retrouvée”, f’Revue trimestrielle des droits de l’homme, Vol. 25, Nru 99, Brussell, 2014, p. 689 sa 715, f’p. 714.


53      Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-Qorti EDB, 22 ta’ Novembru 1995, C.R. vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1995:1122JUD002019092, punt 32); Qorti EDB, 22 ta’ Novembru 1995, S.W. vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1995:1122JUD002016692, punt 34); u Qorti EDB, 12 ta’ Frar 2008, Kafkaris vs Ċipru (CE:ECHR:2008:0212JUD002190604, punt 137).


54      Madankollu, huwa interessanti li wieħed jinnota li, fir-rikorsi tagħhom quddiem il-Qorti EDB, huwa ħafna iktar frekwenti li l-individwi jibbażaw l-argumenti tagħhom fuq allegat ksur tal-Artikolu 7 tal-KEDB, għall-kuntrarju tal-Artikoli 5 (id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà), 6 (dritt għal smigħ xieraq) jew 8 (dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja) tal-KEDB. Ara, f’dan ir-rigward, Sanz-Caballero, S., “The principle of nulla poena sine lege revisited: The retrospective application of criminal law in the eyes of the European Court of Human Rights”, f’European Journal of International Law, Vol. 28, Nru 3, 2017, p. 787 sa 817, f’p. 789. Sanz-Caballero tenfasizza wkoll li l-ftit kawżi li fihom il-Qorti EDB ikkonstatat ksur tal-Artikolu 7 tal-KEDB “ta’ spiss kienu notorji u ġġeneraw allarm soċjali” [traduzzjoni libera].


55      Ara d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat‑3 ta’ Marzu 1986, Hogben vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1986:0303DEC001165385), u tat‑28 ta’ Frar 1996, Hosein vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1996:0228DEC002629395). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti EDB tad‑29 ta’ Novembru 2005, Uttley vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2005:1129DEC003694603), u s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑12 ta’ Frar 2008, Kafkaris vs Ċipru (CE:ECHR:2008:0212JUD002190604, punt 142).


56      L-Artikolu 15 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi jinkludi projbizzjoni ta’ applikazzjoni retroattiva tad-dritt kriminali. F’dan il-każ, il-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem ippreċiża li l-introduzzjoni retroattiva tal-libertà kkundizzjonata b’superviżjoni obbligatorja ma kinitx ikkunsidrata bħala sanzjoni fis-sens tal-Artikolu 15 iċċitat iktar ’il fuq, iżda pjuttost bħala miżura ta’ għajnuna soċjali intiża sabiex tiżgura l-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuna li tkun wettqet ir-reat. Ara A. R. S. vs Kanada, Komunikazzjoni Nru 91/1981, Dok tan-N.U. CCPR/C/OP/1 sa 29 (1984), punt 5.3, disponibbli fuq: https://juris.ohchr.org/casedetails/438/en-US. Għalhekk, il-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjara l-komunikazzjoni bħala inammissibbli. Għal diskussjoni kritika, ara Schabas, W.A., U.N. International Covenant on Civil and Political Rights. Nowak’s CCPR Commentary, it-tielet edizzjoni, N.P. Engel Verlag, Kehl, 2019, Art. 15 CCPR, punt 13.


57      Ara, pereżempju, Merle, R. u Vitu, A., Traité de droit criminel, Tome I, is-seba’ edizzjoni, Éditions Cujas, Pariġi, 1997, punt 282, u Kuty, F., Principes généraux du droit pénal belge, Éditions Larcier, Brussell, 2007, punti 482 u 506.


58      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Alchaster (C‑202/24, EU:C:2024:559, punt 81).


59      Ara l-Artikolu 8 tal-Criminal Justice (Northern Ireland) Order 2008 (id-Digriet tal‑2008 dwar il-Ġustizzja Kriminali (l-Irlanda ta’ Fuq)), kif irriprodott mill-qorti tar-rinviju fil-punti 17 u 18 tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Fil-każ ta’ piena għal għomor, ta’ piena indeterminata li ċċaħħad il-libertà jew ta’ piena estiża li ċċaħħad il-libertà, il-ħelsien ikkundizzjonat jista’ jseħħ biss, fi tmiem perijodu determinat, sakemm il-Kummissarji tal-Libertà Kkundizzjonata (ir-Renju Unit) iqisu li d-detenzjoni kontinwa tal-persuna kkundannata ma kinitx neċessarja għall-protezzjoni tal-pubbliku.


60      Ara l-Artikolu 17 tal-Criminal Justice (Northern Ireland) Order 2008 (id-Digriet tal‑2008 dwar il-Ġustizzja Kriminali (l-Irlanda ta’ Fuq)), kif irriprodott mill-qorti tar-rinviju fil-punti 17 u 18 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


61      Ara l-punt 22 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


62      Ara l-punt 22 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


63      Ara l-punt 21 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


64      Ara s-sentenza tas-Supreme Court of the United Kingdom tad‑19 ta’ April 2023, Morgan et vs Ministry of Justice, [2023] UKSC 14, [2024] AC 130, punt 69, disponibbli fuq https://www.supremecourt.uk/cases/uksc-2022-0056.


65      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Alchaster (C‑202/24, EU:C:2024:649, punt 97).


66      Hija wkoll rilevanti l-ġurisprudenza tal-ex Kummissjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li kienet topera, fl-ewwel lok, qabel id-dħul fis-seħħ, fl‑1 ta’ Novembru 1998, tal-Protokoll Nru 11 tal-[KEDB], li jirristruttura l-mekkaniżmu ta’ kontroll hekk stabbilit.


67      Ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 9 ta’ Frar 1995, Welch vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1995:0209JUD001744090, punt 28); Qorti EDB, 8 ta’ Ġunju 1995, Jamil vs Franza (CE:ECHR:1995:0608JUD001591789, punt 31); u 12 ta’ Frar 2008, Kafkaris vs Ċipru (CE:ECHR:2008:0212JUD002190604, punt 142).


68      Jiġifieri, is-Segretarju tal-Istat għad-Dipartiment tal-Intern (ir-Renju Unit).


69      Ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat‑3 ta’ Marzu 1986, Hogben vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1986:0303DEC001165385, punt 4).


70      Ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat‑28 ta’ Frar 1996, Hosein vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1996:0228DEC002629395, punt 1).


71      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑10 ta’ Lulju 2003, Grava vs L‑Italja (CE:ECHR:2003:0710JUD004352298, punt 51).


72      Il-ħelsien ikkundizzjonat kien ikun possibbli wara l-iskadenza ta’ terz tal-piena.


73      Ara d-deċiżjoni tal-Qorti EDB, 29 ta’ Novembru 2005, Uttley vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2005:1129DEC003694603). Fuq il-livell nazzjonali, il-Court of Appeal (England & Wales) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit) iddeċidiet li l-impożizzjoni ta’ kundizzjoni hija parti integrali mill-piena kollha, mhux biss forma waħda ta’ amministrazzjoni tagħha. Kienet “finzjoni” li jiġi sostnut li s-sentenza ma saritx iktar iebsa, li hija r-raġuni għaliex il-qorti kkonstatat ksur tal-Artikolu 7 tal-KEDB. Ara [2003] EWCA Civ 1130, punti 14 u 15; disponibbli fuq: http://www2.bailii.org/ew/cases/EWCA/Civ/2003/1130.html. Madankollu, il-House of Lords biddlet id-deċiżjoni tal-Court of Appeal (England Wales) ([2004] UKHL 38, disponibbli fuq: https://publications.parliament.uk/pa/ld200304/ldjudgmt/jd040722/uttley-1.htm). Ara, fid-dettall, Douglas, H., “Article 7: no punishment without law”, f’Simor, J. u Emmerson, B., Human Rights Practice, Sweet & Maxwell, London, 2024.


74      In casu, il-kawża ntbagħtet lura lill-Awla Manja, fuq talba tal-Gvern Spanjol, skont l-Artikolu 43 tal-KEDB, li jfisser li dan huwa każ eċċezzjonali, li “[j]qajjem kwistjoni serja li taffettwa l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tal-[KEDB], jew kwistjoni serja ta’ importanza ġenerali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara l-Artikolu 43(2) tal-KEDB).


75      Sentenza Del Río Prada vs Spanja, punt 107.


76      Ara s-sentenza Del Río Prada vs Spanja, punt 108.


77      Ara s-sentenza Del Río Prada vs Spanja, punt 109.


78      Ara d-deċiżjoni tal-Qorti EDB, 12 ta’ Novembru 2019, Abedin vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2019:1112DEC005402616, punt 33).


79      Ibid., punt 35.


80      Ibid., punt 36.


81      Ibid.


82      Ibid.


83      Ibid., punt 37: l-ilment kien inkompatibbli ratione materiae mal-KEDB fis-sens tal-Artikolu 35(3)(a) tal-KEDB u kellu jiġi miċħud skont l-Artikolu 35(4) tal-KEDB.


84      Ara d-deċiżjoni tal-Qorti EDB, 31 ta’ Awwissu 2021, Devriendt vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2021:0831DEC003556719, punt 24).


85      Ibid., punt 26.


86      Ibid., punt 28.


87      Ibid., punt 29.


88      Ibid., punt 30.


89      Ibid., punt 34: ġie deċiż li l-ilment kien inkompatibbli ratione materiae mal-KEDB fis-sens tal-Artikolu 35(3)(a) tal-KEDB u ġie miċħud skont l-Artikolu 35(4) tal-KEDB.


90      Il-kumitati huma komposti inter alia minn tliet imħallfin, ara l-Artikolu 26(1) tal-KEDB u r-Regola 27 tar-Regoli tal-Qorti EDB.


91      Tali deċiżjonijiet ta’ inammissibbiltà ġew deskritti bħala “ġurisprudenza negattiva”, li s-sinjifikat tagħha hija li “huwa inutli li wieħed iressaq ilmenti oħra komparabbli fi Strasbourg, tal-inqas fil-futur prevedibbli” [traduzzjoni libera], ara Myjer, E., u Kempees, P., ‘Thoughts on the positive impact of negative case-law’, in El Tribunal Europeo de Derechos Humano. Una visión desde dentro. En homenaje al juez Josep Casadevall, Tirant Lo Blanch, Valencia, 2015, p. 343 sa 356, f’p. 352.


92      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Alchaster (C‑202/24, EU:C:2024:649, punt 97).


93      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Alchaster (C‑202/24, EU:C:2024:649, punt 97).


94      Ara l-punt 21 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


95      Ara s-sentenza tas-Supreme Court of the United Kingdom tad‑19 ta’ April 2023, Morgan et vs Ministry of Justice, [2023] UKSC 14, [2024] AC 130, punt 69, disponibbli fuq https://www.supremecourt.uk/cases/uksc-2022-0056.


96      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 70 iktar ’il fuq.


97      In casu, l-omiċidji ta’ uffiċjali tal-pulizija jew tal-ħabs, omiċidji terroristiċi, omiċidji sesswali jew sadistiċi tat-tfal u omiċidji b’armi tan-nar waqt serq; ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat‑3 ta’ Marzu 1986, Hogben vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1986:0303DEC001165385, punt 4).


98      Ibid.


99      Ara Callewaert, J., “L’adhésion de l’Union européenne à la Convention européenne des droits de l’homme : une réponse logique à l’optionalité de la Convention européenne des droits de l’homme en droit de l’Union européenne”, in Revue trimestrielle des Droits de l’Homme, Vol. 36, Nru 141, 2025, p  9 sa 29, f’p. 12.


100      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Alchaster (C‑202/24, EU:C:2024:649, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).


101      L-Artikolu 52(3) tal-Karta ma jipprekludix li d-dritt tal-Unjoni jagħti protezzjoni iktar estensiva mill-KEDB.


102      Nifhem li l-Qorti tal-Ġustizzja tuża l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka sabiex tirreferi għar-relazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni biss; ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Alchaster (C‑202/24, EU:C:2024:649, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għall-kuntrarju, inqis li l-livell ta’ fiduċja bejn l-Unjoni u r-Renju Unit huwa kunsiderevolment ogħla minn dak mal-parti l-kbira tal-Istati terzi l-oħra.


103      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar f’Alchaster (C‑202/24, EU:C:2024:559).


104      Ara Regina vs Special Adjudicator (Intimat) ex parte Ullah (FC) (Appellant), [2004] UKHL 26, punt 20, disponibbli fuq: https://publications.parliament.uk/pa/ld200304/ldjudgmt/jd040617/ullah-1.htm.


105      Ara, fid-dettall, Padfield, N., “Article 8 and the rehabilitation of offenders: a view from Cambridge, England”, f’Casadevall, J. u Raimondi, G. et al., Liber amicorum Dean Spielmann, Wolf Legal Publishers, Oisterwijk, 2015, p. 457 sa 464.

Fuq