Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62023CC0346

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali L. Medina, ippreżentati l-5 ta’ Settembru 2024.
Banco Santander SA, aventi kawża ta’ Banco Banif SAvs Asociación de Consumidores y Usuarios de Servicios Generales-Auge, f’isem il-membri tagħha Andrea u Alberto.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Supremo.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Swieq ta’ strumenti finanzjarji – Direttiva 2004/39/KE – Artikolu 52(2) – Azzjoni mressqa fl-interess tal-konsumaturi – Organizzazzjonijiet tal-konsumaturi li jkollhom interess leġittimu li jipproteġu lill-konsumaturi – Locus standi in judicio sabiex jiġu difiżi l-interessi individwali tal-membri tagħhom – Telf ta’ locus standi fil-każ ta’ investimenti fi prodotti finanzjarji ta’ valur ekonomiku għoli – Eżenzjoni mill-ispejjeż legali u mill-obbligu li persuna tbati l-ispejjeż sostnuti mill-parti avversarja – Awtonomija proċedurali – Prinċipju ta’ effettività.
Kawża C-346/23.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2024:690

 KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKATA ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fil‑5 ta’ Settembru 2024 ( 1 )

Kawża C‑346/23

Banco Santander SA, aventi kawża ta’ Banco Banif SA

vs

Asociación de Consumidores y Usuarios de Servicios Generales-Auge, f’isem il-membri tagħha: Andrea u Alberto

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Swieq ta’ strumenti finanzjarji — Direttiva 2004/39/KE— Rikors fl-interess tal-konsumaturi — Artikolu 52(2) — Locus standi ta’ assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi sabiex jirrappreżentaw lil konsumaturi individwali — Investituri-konsumaturi — Għajnuna legali lil assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi — Eżenzjoni mill-ħlas tal-ispejjeż tal-parti opposta — Riskju ta’ kontenzjuż abbużiv”

I. Introduzzjoni

1.

Il-kawża ineżami tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-regoli dwar il-locus standi ta’ assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi sabiex iressqu kawża fl-interess tal-konsumaturi fil-kuntest ta’ swieq ta’ strumenti finanzjarji, skont l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva 2004/39/KE ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva MiFID I”). Il-kwistjoni prinċipali li tqum hija dwar jekk huwiex possibbli li jiġu aċċettati limitazzjonijiet għal-locus standi ta’ assoċjazzjoni tal-konsumaturi li taġixxi f’isem investituri individwali li jikkwalifikaw bħala konsumaturi, fuq il-bażi tan-natura u tal-valur tal-prodotti finanzjarji li dawn tal-aħħar investew fihom. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ser ikollha l-okkażjoni tesplora r-relazzjoni bejn il-protezzjoni tal-investituri, il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-mekkaniżmi ta’ rimedju disponibbli fl-interess tal-konsumaturi.

II. Il‑kuntest ġuridiku

(a)   Id‑dritt tal‑Unjoni

Id-Direttiva 2004/39/KE (MiFID I)

2.

L-Artikolu 52 tad-Direttiva MiFID I, intitolat “Id-Dritt ta’ l-appell”, kien ifformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi kull deċiżjoni meħuda skond il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi adottati skond din id-Direttiva ikunu rraġunati kif jixraq u bla ħsara għad-dritt għall-applikazzjoni quddiem il-qrati. Id-dritt ta’ l-applikazzjoni quddiem il-qrati għandu japplika wkoll meta, rigward applikazzjoni għal awtorizzzzjoni li tipprovdi t-tagħrif kollu meħtieġ, ma tittieħed l-ebda deċiżjoni fi żmien sitt xhur mis-sottomissjoni tagħha.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu illi korp jew iktar minn dawn li ġejjin, kif stabbilit bil-liġijiet nazzjonali, jistgħu, fl-interess tal-konsumaturi u skond il-liġijiet nazzjonali, jieħdu azzjoni quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti sabiex jiżguraw illi jiġu applikati d-disposizzjoijiet nazzjonali għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva:

(a)

il-korpi pubbliċi jew ir-rappreżentanti tagħhom;

(b)

l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi li jkollhom interess leġittimu li jipproteġu lill-konsumaturi;

(ċ)

l-organizzazzjonijiet professjonali li jkollhom interess leġittimu li jaġixxu sabiex jipproteġu lill-membri tagħhom.”

3.

L-Artikolu 53 tad-Direttiva MiFID I, intitolat “Il-Mekkaniżmu extra-ġudizzjali għall-ilmenti ta’ l-investituri”, kien ifformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu li jiġu stabbiliti proċeduri effettivi għall-ilmenti u r-riparazzjoni sabiex jiġu solvuti barra mill-qorti l-kontroversji tal-konsumaturi li jirrigwardaw il-provvediment ta’ servizzi ta’ investiment u anċillari pprovvduti mid-ditti ta’ l-investiment, bl-użu ta’ korpi eżistenti meta approprjat.

[…]”.

Id-Direttiva 2014/65/UE (MiFID II)

4.

L-Artikolu 74(2) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU 2014, L 173, p. 349, rettifiki fil-ĠU 2016, L 188, p. 28, fil-ĠU 2016, L 273, p. 35, fil-ĠU 2017, L 64, p. 116 u fil-ĠU 2021, L 410, p. 201, iktar ’il quddiem id-“Direttiva MiFID II”), huwa fformulat kif ġej:

“2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu illi korp jew korpi minn dawn li ġejjin, kif iddeterminati mid-dritt nazzjonali, ukoll ikunu jistgħu, fl-interess tal-konsumaturi u bi qbil mad-dritt nazzjonali, jieħdu azzjoni quddiem il-qrati jew quddiem il-korpi amministrattivi kompetenti sabiex jiżguraw illi jkunu qed jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva:

(a)

il-korpi pubbliċi jew ir-rappreżentanti tagħhom;

(b)

l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur li jkollhom interess leġittimu li jipproteġu lill-konsumaturi;

(c)

l-organizzazzjonijiet professjonali li jkollhom interess leġittimu li jaġixxu sabiex jipproteġu lill-membri tagħhom.”

(b)   Id‑dritt Spanjol

5.

L-Artikolu 11(1) tal-Ley de Enjuiciamiento Civil (il-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili), tas‑7 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 7, tat‑8 ta’ Jannar 2000, p. 575, iktar ’il quddiem il-“LEC”), jipprovdi li, bla ħsara għad-dritt individwali tal-partijiet leżi li jressqu kawża, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-utenti legalment stabbiliti għandu jkollhom locus standi sabiex jiddefendu ġudizzjarjament id-drittijiet u l-interessi tal-membri tagħhom u tal-assoċjazzjoni kif ukoll l-interessi ġenerali tal-konsumaturi u tal-utenti.

6.

Skont it-Tieni Dispożizzjoni Addizzjonali tal-Ley 1/1996 de asistencia jurídica gratuita (il-Liġi 1/1996 dwar l-Għajnuna Legali), tal‑10 ta’ Jannar 1996 (BOE Nru 11, tat‑12 ta’ Jannar 1996, p. 793, iktar ’il quddiem il-“Liġi 1/1996”), l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi jkollhom dritt għall-għajnuna legali meta l-azzjonijiet imressqa “ikunu jirrigwardaw direttament prodotti jew servizzi ta’ użu jew ta’ konsum komuni, ordinarji u mifruxa”.

7.

Skont l-Artikolu 36(2) tal-Liġi 1/1996, jekk l-assoċjazzjoni titlef, hija ma jkollhiex tbati l-ispejjeż tal-parti opposta, irrispettivament mill-valur tal-kawża, u dawn l-ispejjeż lanqas ma jiġu sostnuti mill-membri individwali li din l-assoċjazzjoni tirrappreżenta fil-kawża.

8.

L-Anness I(c)(13) tar-Real Decreto 1507/2000 por el que se actualizan los catálogos de productos y servicios de uso o consumo común, ordinario y generalizado y de bienes de naturaleza duradera, a efectos de lo dispuesto, respectivamente, en los artículos 2, apartado 2, y 11, apartados 2 y 5, de la Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios y normas concordantes [(id-Digriet Irjali 1507/2000 li jaġġorna l-katalgi ta’ prodotti u ta’ servizzi għal użu komuni, ordinarju u mifrux u ta’ beni ta’ natura sostenibbli, għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet, rispettivament, tal-Artikolu 2(2) u tal-Artikolu 11(2) u (5), tal-Liġi Ġenerali għall-protezzjoni tal-konsumaturi u utenti u dispożizzjonijiet rilevanti)] tal‑1 ta’ Settembru 2000 (BOE Nru 219, tat‑12 ta’ Settembru 2000, p. 31349), li jelenka, f’termini ġenerali, is-servizzi bankarji u finanzjarji fost dawn il-prodotti u servizzi fost prodotti u servizzi ta’ użu komuni u mifrux.

9.

Kemm l-Artikolu 11(2) tal-Ley Orgánica del Poder Judicial (il-Liġi Bażika dwar il-Ġudikatura) tal‑1 ta’ Lulju 1985 (BOE Nru 157 tat‑2 ta’ Lulju 1985, p. 20632) u l-Artikolu 247(2) tal-LEC jipprevedu, fl-istess termini, li l-qrati għandhom jirrifjutaw permezz ta’ deċiżjoni motivata, it-talbiet, il-proċeduri jew l-ilmenti mressqa fejn ikun hemm abbuż manifest ta’ drittijiet jew fejn ikunu qegħdin jiġu evitati l-liġi jew il-proċedura.

III. Il‑fatti, il‑proċedura u d‑domandi preliminari

10.

Bejn Mejju 2007 u Marzu 2009, żewġ persuni fiżiċi, is-Sur Alberto u s-Sinjura Andrea, għamlu ħames ordnijiet ta’ xiri għal ħames prodotti finanzjarji mingħand Banco Banif SA (li sar Banco Santander SA, iktar ’il quddiem “Banco Santander”) għal ammonti ta’ bejn EUR 150000 u EUR 300000 u ta’ valur totali ta’ EUR 900000.

11.

Ix-xirjiet kollha saru skont id-Direttiva MiFID I.

12.

L-Asociación de Consumidores y Usuarios de Servicios Generales-Auge (l-Assoċjazzjoni tal-Konsumaturi u tal-Utenti ta’ Servizzi Ġenerali – Auge; iktar ’il quddiem “Auge”) ippreżentat rikors kontra Banco Banif SA f’isem il-membri tagħha, is-Sur Alberto u s-Sinjura Andrea. Hija talbet li l-kuntratti ta’ xiri ta’ prodotti finanzjarji msemmija hawn fuq jiġu ddikjarati nulli u mingħajr effett minħabba kunsens ivvizzjat. Hija talbet ukoll ordni ta’ rimbors favur l-investituri tas-somma ta’ EUR 481 634.14, flimkien ma’ onorarji, spejjeż u interessi. Dan ir-rikors intlaqa’ parzjalment fl-ewwel istanza fir-rigward ta’ ċerti ordnijiet ta’ xiri. Konsegwentement, l-istituzzjoni bankarja ġiet ikkundannata tirrimborsa lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 462 515.74, flimkien mal-interessi legali mid-data tal-investimenti annullati rispettivi.

13.

L-istituzzjoni bankarja konvenuta appellat mis-sentenza tal-ewwel istanza quddiem l-Audiencia Provincial de Granada (il-Qorti Provinċjali ta’ Granada, Spanja). Din il-qorti ċaħdet l-appell u kkonfermat is-sentenza tal-ewwel istanza, minħabba li l-konvenuta ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-profil ta’ investitur tal-klijenti u ma kinitx ipprovditilhom informazzjoni prekuntrattwali ċara u kompleta dwar ir-riskji tal-prodotti li huma kienu qegħdin jikkuntrattaw sabiex jinvestu fihom.

14.

L-istituzzjoni bankarja konvenuta ppreżentat appell eċċezzjonali minħabba difett proċedurali u appell fuq punt ta’ dritt quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija ssostni li Auge ma għandhiex locus standi sabiex tressaq proċeduri f’isem il-membri tagħha peress li l-prodotti kkuntrattati ma humiex ta’ użu komuni u mifrux, iżda jikkostitwixxu pjuttost prodotti finanzjarji spekulattivi ta’ valur ekonomiku għoli li jmorru lil hinn minn prodotti ta’ konsum komuni.

15.

It-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) tenfasizza li, bħala regola ġenerali, hija aċċettat li assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi jkollhom locus standi li jressqu proċeduri sabiex jiddefendu l-membri tagħhom fil-kuntest tal-azzjonijiet koperti mir-regoli tad-Direttiva MiFID I, inkluż fil-kuntest ta’ proċeduri li fihom Auge kienet parti.

16.

Madankollu, f’żewġ każijiet speċifiċi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ddeċidiet li Auge, bħala assoċjazzjoni tal-konsumaturi, ma kellhiex locus standi li tiddefendi l-interessi individwali tal-konsumaturi fir-rigward ta’ investimenti fi prodotti finanzjarji spekulattivi b’valur ekonomiku għoli peress li dawn ma kinux prodotti jew servizzi ta’ użu komuni, ordinarju jew mifrux. F’dan ir-rigward, hija qieset li, fid-dritt Spanjol, il-locus standi tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-utenti huwa marbut mal-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom meta dawn ikunu direttament marbuta ma’ prodotti jew ma’ servizzi ta’ użu jew ta’ konsum komuni, ordinarji u mifruxa.

17.

F’dawn is-sentenzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) qieset li jeżistu servizzi finanzjarji li, minħabba n-natura u ċ-ċirkustanzi tagħhom – fid-dawl tas-somom ta’ flus kbar involuti u tan-natura spekulattiva tagħhom – imorru lil hinn mill-klassifikazzjoni bħala “servizzi ta’ użu komuni, ordinarju u mifrux”. Dan ma jfissirx li l-investituri individwali kkonċernati ma jistgħux huma stess iressqu proċeduri sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom, iżda ma humiex iġġustifikati jagħmlu dan permezz ta’ assoċjazzjoni ta’ konsumaturi bil-għan li ma jħallsux l-ispejjeż tal-qorti meħtieġa sabiex iressqu kawża u jevitaw ir-riskju li jiġu kkundannati għall-ispejjeż fil-proċeduri u fl-appell.

18.

L-għan huwa għalhekk li jiġi evitat l-użu frawdolenti jew abbużiv tal-locus standi speċjali tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi fil-każijiet fejn l-istatus ta’ konsumatur jiddgħajjef fid-dawl tal-karatteristiċi tat-tilwima u tal-ammont inkwistjoni. Inkella, il-qorti tar-rinviju tirrileva li jista’ jkun hemm riskju li wieħed jieħu vantaġġ mid-dritt għall-għajnuna legali li jingħata lil dawn l-assoċjazzjonijiet meta jinvokaw l-interessi tal-membri tagħhom fil-qorti.

19.

Finalment, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tispjega li, fil-ġurisprudenza tagħha, hija ma ċaħditx l-istatus ta’ konsumatur lill-investituri li jfittxu l-profitt li jaġixxu f’qasam li jmur lil hinn mill-attività kummerċjali jew professjonali tagħhom, anki jekk l-investimenti tagħhom ikunu kumplessi jew sinjifikattivi. Madankollu, hija qiegħdet f’dubju l-locus standi ta’ assoċjazzjoni tal-konsumaturi f’ċerti każijiet partikolari li fihom, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, ikun hemm evażjoni tal-proċedura. Din l-evażjoni tikkonsisti fl-evażjoni tal-ħlas tal-ispejjeż tal-qorti u tal-ispejjeż tal-parti opposta billi wieħed ma jressaqx kawża personalment, iżda permezz ta’ assoċjazzjoni tal-konsumaturi, kollu għad-detriment tal-parti opposta u tat-Teżor Pubbliku.

20.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Abbażi tal-fatt li l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi huma intitolati jirrappreżentaw fi proċeduri legali investituri/konsumaturi li jinvokaw ksur tad-dmirijiet minn kumpannija ta’ servizzi ta’ investiment fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti finanzjarji kumplessi, dan l-intitolament jista’ jiġi limitat eċċezzjonalment mill-qrati nazzjonali meta, fil-kuntest ta’ azzjoni individwali, f’każijiet li jinvolvu investituri ta’ kapaċità finanzjarja kbira, li jwettqu tranżazzjonijiet li ma jistgħux jitqiesu li huma ta’ użu ordinarju u ġeneralizzat u li jressqu azzjoni ġudizzjarja bl-appoġġ ta’ assoċjazzjoni tal-konsumaturi bir-riżultat li jistgħu jibbenefikaw minn possibbiltà ta’ eżenzjoni mill-ispejjeż legali fi proċeduri ġudizzjarji ta’ ammont għoli ħafna, filwaqt li jevitaw il-ħlas tal-ispejjeż tal-qorti kif ukoll tal-ispejjeż tal-parti opposta fil-każ ta’ azzjonijiet infondati jew anki vessatorji?”

21.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Auge, minn Banco Santander, mill-Gvern Spanjol u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet ippreżentaw is-sottomissjonijiet orali fis-seduta li nżammet fit‑8 ta’ Mejju 2024 u wieġbu l-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

IV. Evalwazzjoni

22.

Permezz tal-unika domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tillimita eċċezzjonalment il-locus standi ta’ assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi li jirrappreżentaw l-interessi individwali ta’ ċerti kategoriji ta’ investituri li għandhom l-istatus ta’ konsumaturi, skont il-valur monetarju u n-natura tal-prodotti finanzjarji li huma investew fihom. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar ir-rilevanza tal-fatt li, f’tali sitwazzjonijiet, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi jibbenefikaw minn għajnuna legali u li l-persuni li huma jirrappreżentaw jevitaw il-ħlas tal-ispejjeż tal-qorti u tal-ispejjeż tal-parti opposta.

23.

Id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju toriġina minn żewġ aspetti speċifiċi tad-dritt Spanjol. L-ewwel wieħed huwa li l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi għandhom locus standi li jiddefendu mhux biss l-“interessi ġenerali tal-konsumaturi”, iżda wkoll “id-drittijiet u l-interessi tal-membri tagħhom” ( 3 ). It-tieni wieħed huwa li l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi għandhom dritt għall-għajnuna legali meta l-azzjonijiet imressqa jkunu “jirrigwardaw direttament prodotti jew servizzi ta’ użu jew ta’ konsum komuni, ordinarji u mifruxa” ( 4 ) F’dan il-każ, jekk l-assoċjazzjoni titlef, hija ma jkollhiex tbati l-ispejjeż tal-parti opposta; u l-ispejjeż lanqas ma jitħallsu mill-membri individwali li din l-assoċjazzjoni tirrappreżenta fil-kawża.

24.

Id-dubji tal-qorti tar-rinviju jikkonċernaw il-kompatibbiltà mal-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I dwar interpretazzjoni ġudizzjarja li timponi limiti fuq il-locus standi ta’ assoċjazzjoni tal-konsumaturi.

25.

Il-qorti tar-rinviju tispjega li, skont il-ġurisprudenza tagħha, l-investituri jikkwalifikaw bħala konsumaturi meta jaġixxu f’qasam li jmur lil hinn mill-attività kummerċjali jew professjonali tagħhom (“investituri-konsumaturi”) ( 5 ). Hija aċċettat ukoll li l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi għandhom, b’mod ġenerali, il-locus standi li jiddefendu l-investituri. Madankollu, hija tistaqsi jekk il-locus standi tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi bħal Auge jistax jiġi ristrett meta jaġixxu f’isem l-interessi individwali tal-membri tagħhom skont in-natura u l-valur tal-investimenti magħmula, li jistgħu ma jitqiesux bħala prodotti ta’ użu jew ta’ konsum komuni, ordinarji u mifruxa. Il-qorti tar-rinviju tispjega li, fid-dawl tas-sistema ta’ għajnuna legali applikabbli għall-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, ir-rikonoxximent tal-locus standi lill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi f’tali ċirkustanzi jista’ jwassal għal evażjoni tal-proċedura li tikkonsisti fl-evażjoni tal-ħlas tal-ispejjeż tal-qorti u tal-ispejjeż tal-kontenzjuż.

26.

Qabel ma nindirizza d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, qabel kollox għandha tiġi ddeterminata d-dispożizzjoni applikabbli ratione temporis fil-kawża prinċipali.

(a)   Osservazzjonijiet preliminari fuq id‑dispożizzjoni applikabbli ratione temporis

27.

Id-Direttiva MiFID I tħassret b’effett mit‑3 ta’ Jannar 2017, meta daħlet fis-seħħ id-Direttiva MiFID II ( 6 ). L-Artikolu 74(2) tad-Direttiva MiFID II jirregola d-dritt tal-korpi elenkati fiha li jressqu kawża fl-interess tal-konsumaturi. Huwa fformulat f’termini li huma kważi identiċi għall-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 74(2) tad-Direttiva MiFID II tinkludi l-avverbju “ukoll”, li jagħmilha ċara li d-dritt tal-korpi elenkati hemm għal azzjoni legali huwa kumplimentarju għad-dritt ta’ appell, stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu

28.

Il-qorti tar-rinviju tqis li d-dispożizzjoni applikabbli ratione temporis fil-kawża prinċipali hija l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID II peress li t-tranżazzjonijiet finanzjarji kkonċernati kienu lkoll konklużi meta din id-direttiva kienet applikabbli.

29.

Waqt is-seduta, kien hemm mistoqsija mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-Kummissjoni dwar jekk id-dispożizzjoni rilevanti li tirregola d-dritt għal azzjoni legali hijiex sostantiva jew proċedurali sabiex jiġi ddeterminat liema direttiva hija applikabbli ratione temporis. Il-Kummissjoni qieset li din kienet dispożizzjoni ta’ natura proċedurali u li l-applikabbiltà tad-Direttivi MiFID I jew MiFID II għandha tiġi ddeterminata fuq il-bażi tal-mument tal-preżentata tar-rikors.

30.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli ta’ proċedura huma ġeneralment intiżi li japplikaw fid-data ta’ meta jidħlu fis-seħħ, għall-kuntrarju tar-regoli sostantivi li ġeneralment jiġu interpretati li japplikaw għal sitwazzjonijiet li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss sa fejn jirriżulta b’mod ċar mill-kliem, mill-għan jew mill-istruttura tagħhom li tali effett għandu jiġi attribwit lilhom ( 7 ).

31.

Auge sostniet, waqt is-seduta, li hija ppreżentat ir-rikors tagħha fl‑2015. Mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jidher ukoll li r-rikors ġie ppreżentat qabel l‑2017.

32.

Sa fejn ir-rikors ta’ Auge ġie ppreżentat qabel ma daħlet fis-seħħ id-Direttiva MiFID II, li hija kwistjoni li għandha tiġi ddeterminata mill-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjoni applikabbli ratione temporis hija l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I. Għalhekk, ma jidhirx li huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I u l-Artikolu 74(2) tad-Direttiva MiFID II jistabbilixxux regoli proċedurali jew sostantivi.

33.

Fi kwalunkwe każ, kif il-Kummissjoni rrilevat fis-seduta, peress li l-formulazzjoni tal-Artikolu 74(2) tad-Direttiva MiFID II hija kważi identika għal dik tal-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I, kwalunkwe interpretazzjoni adottata fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar hija ugwalment valida fir-rigward tal-ewwel waħda.

34.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-analiżi tiegħi hija bbażata fuq il-premessa li d-dispożizzjoni applikabbli ratione temporis hija l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I.

(b)   Il‑kamp ta’ applikazzjoni tar‑rikors fl‑“interess tal‑konsumaturi” taħt l‑Artikolu 52(2) tad‑Direttiva MiFID I: interessi kollettivi jew anki individwali?

35.

Banco Santander u l-Gvern Spanjol isostnu, essenzjalment, li l-kwistjoni mqajma fil-kawża prinċipali hija kwistjoni li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula. Fil-fehma tagħhom, l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I jirregola biss id-dritt għal azzjoni legali tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi fl-interess kollettiv tal-konsumaturi, għall-kuntrarju tal-interessi individwali tagħhom. Għalhekk, fil-fehma tagħhom, il-kwistjoni mqajma tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-dritt Spanjol, li jagħti lill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi locus standi li jressqu kawża sabiex jiddefendu mhux biss interessi kollettivi, iżda wkoll dawk individwali.

36.

Sa fejn Banco Santander u l-Gvern Spanjol jikkontestaw il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tfittex gwida dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, għalkemm, fil-kuntest ta’ proċedura mressqa skont l-Artikolu 267 TFUE, huma l-qrati tal-Istati Membri u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja li għandhom jinterpretaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali, u għalkemm ma hijiex din tal-aħħar li għandha tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ regoli ta’ dritt nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jippermettulha tevalwa l-kompatibbiltà ta’ dawn ir-regoli mad-dritt tal-Unjoni ( 8 ).

37.

Fil-kawża ineżami, id-domanda tal-qorti tar-rinviju teżiġi li jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tat-terminu “interess tal-konsumaturi” fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I. Din il-kwistjoni tikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għal din id-domanda.

38.

Fir-rigward tas-sostanza tad-domanda, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I jeżiġi li l-Istati Membri jipprevedu li korp wieħed jew iktar elenkati f’din id-dispożizzjoni, kif iddeterminati mid-dritt nazzjonali, jistgħu, fl-interess tal-konsumaturi u skont id-dritt nazzjonali, jadixxu lill-qrati jew lill-korpi amministrattivi kompetenti sabiex jiżguraw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għall-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva. Il-korpi elenkati f’din id-dispożizzjoni huma dawn li ġejjin: (a) korpi pubbliċi jew ir-rappreżentanti tagħhom; (b) organizzazzjonijiet tal-konsumaturi li għandhom interess leġittimu fil-protezzjoni tal-konsumaturi; u (c) organizzazzjonijiet professjonali li għandhom interess leġittimu li jaġixxu sabiex jipproteġu lill-membri tagħhom.

39.

Għar-raġunijiet li ser nispjega iktar ’il quddiem, inqis li t-terminu “interess tal-konsumaturi” użat f’din id-dispożizzjoni huwa wiesa’ biżżejjed u jħalli lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni preċiż ta’ dawn l-interessi li jistgħu jkunu kollettivi kif ukoll individwali.

40.

B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li l-kelma “konsumaturi” fl-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I hija espressa fil-plural. L-użu tal-plural jindika li l-azzjoni kkonċernata għandha dimensjoni kollettiva. L-Istati Membri għandhom jipprovdu mekkaniżmu li jippermetti lil wieħed jew iktar mill-korpi elenkati fih ikollhom locus standi li jiddefendu pluralità ta’ konsumaturi u l-interessi tagħhom fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u ta’ investiment.

41.

Mill-bqija, l-Artikolu 52(2) ma jispeċifikax il-kamp ta’ applikazzjoni eżatt tal-interessi tal-konsumaturi inkwistjoni u lanqas, b’mod iktar preċiż, jekk il-korpi li għandhom locus standi għandhomx id-dritt li jiddefendu esklużivament l-interessi kollettivi tal-konsumaturi, mifhuma bħala l-interess ġenerali tal-konsumaturi ( 9 ), jew ukoll l-interessi individwali ta’ grupp identifikat ta’ konsumaturi.

42.

Għalhekk huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni preċiż ta’ kwalunkwe azzjoni skont l-Artikolu 52(2) fir-rigward tal-interessi komuni li dawn l-azzjonijiet huma intiżi li jipproteġu.

43.

Fil-fatt, l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I huwa fformulat f’termini ġenerali u ma jammontax għal armonizzazzjoni eżawrjenti tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw l-azzjonijiet li jistgħu jitressqu mill-korpi elenkati fih, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi.

44.

F’dan ir-rigward, mill-premessa 2 tad-Direttiva MiFID I jirriżulta li din id-direttiva tipprevedi “l-grad ta’ armonizzazzjoni meħtieġ sabiex joffri lill-investituri livell għoli ta’ protezzjoni” ( 10 ). Għalkemm din id-direttiva tistabbilixxi, skont il-premessa 5 tagħha, “reġim regolatorju komprensiv” f’ċerti oqsma tas-swieq finanzjarji ( 11 ), il-mezzi tal-infurzar tad-dispożizzjonijiet tagħha ma humiex is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti.

45.

Dan huwa apparenti mill-formulazzjoni tal-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I, li jagħmel riferiment doppju għad-dritt nazzjonali. L-ewwel, id-dritt nazzjonali jiddetermina liema mill-korpi elenkati fih għandom id-dritt li jressqu kawża. It-tieni, id-dritt ta’ dawn il-korpi li jaġixxu huwa eżerċitat “skond il-liġijiet nazzjonali”. Għalhekk, billi għamel riferiment għad-dritt nazzjonali, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ħalla għad-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru l-kompitu li jaħtar il-korpi li jistgħu jaġixxu u li jiddetermina l-mudell ta’ infurzar, il-mekkaniżmi ta’ rimedju, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-interessi tal-konsumaturi protetti u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-azzjonijiet.

46.

Il-kategoriji diversi ta’ korpi elenkati taħt l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I li jistgħu jressqu kawża, skont id-dritt nazzjonali, sabiex jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, jirriflettu l-approċċi u t-tradizzjonijiet differenti tal-Istati Membri fir-rigward tar-responsabbiltà primarja għall-infurzar tar-regoli li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi. Id-distinzjoni tikkonsisti, b’mod ġenerali, fid-determinazzjoni dwar jekk ir-responsabbiltà ewlenija għall-infurzar hijiex tal-awtoritajiet pubbliċi (infurzar pubbliku) jew tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-korpi professjonali (infurzar privat) jew ta’ taħlita tat-tnejn ( 12 ). Għalhekk, skont l-għażla magħmula mill-Istati Membri, ir-responsabbiltà unika jew primarja ta’ azzjoni fl-interess tal-konsumaturi sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għall-implimentazzjoni tad-Direttiva MiFID I tista’ tkun f’idejn il-korpi pubbliċi jew ir-rappreżentanti tagħhom (l-Artikolu 52(2)(a)) (il-mudell ta’ infurzar pubbliku) ( 13 ). L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li r-responsabbiltà unika jew primarja hija tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi li għandhom interess leġittimu fil-protezzjoni tal-konsumaturi, skont l-Artikolu 52(2)(b) u/jew organizzazzjonijiet professjonali li għandhom interess leġittimu li jaġixxu sabiex jipproteġu lill-membri tagħhom, skont l-Artikolu 52(2)(ċ) (il-mudell tal-infurzar privat).

47.

L-għażla tal-mudell ta’ infurzar għandha impatt fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-interessi tal-konsumaturi protetti. Il-korpi pubbliċi għandhom jipproteġu l-interess ġenerali. L-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jipproteġu wkoll, prinċipalment, l-interess ġenerali tal-konsumaturi ( 14 ). Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li, skont id-dritt nazzjonali, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi jistgħu jkunu awtorizzati jaġixxu sabiex jiddefendu l-interessi individwali ( 15 ). Id-difiża tal-interessi individwali tal-konsumaturi (fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u tal-investiment) tidher partikolarment rilevanti għall-għażla tal-infurzar elenkata fl-Artikolu 52(2)(ċ) tad-Direttiva MiFID I, peress li tirreferi għal “organizzazzjonijiet professjonali li jkollhom interess leġittimu li jaġixxu sabiex jipproteġu lill-membri tagħhom” ( 16 ).

48.

F’kuntest usa’, huwa importanti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li fil-mument tal-adozzjoni tad-Direttiva MiFID I (fl‑2004), il-grad ta’ armonizzazzjoni tal-mezzi ta’ rimedju fl-Unjoni għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi b’mod ġenerali kien estremament baxx ( 17 ).

49.

Huma biss ftit oqsma rilevanti għall-protezzjoni tal-konsumaturi li pprevedew mekkaniżmu ta’ mandat ta’ inibizzjoni bl-għan li jiġu protetti l-interessi kollettivi tal-konsumaturi mingħajr ma jitħassru l-mekkaniżmi ta’ rimedju eżistenti għall-protezzjoni tal-konsumaturi.

50.

L-iktar waħda importanti minn dawn id-dispożizzjonijiet, li għadha fis-seħħ, hija l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 93/13/KEE ( 18 ). Il-mekkaniżmu previst f’din id-dispożizzjoni jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu kontroll tal-klawżoli inġusti inklużi fil-kuntratti standard permezz ta’ azzjonijiet inibitorji mressqa fl-interess pubbliku minn assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-konsumaturi ( 19 ).

51.

Id-Direttiva 98/27/KE ( 20 ) ġabet magħha l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi relatati ma’ azzjonijiet inibitorji bl-għan li jiġu protetti l-interessi kollettivi tal-konsumaturi inklużi fid-direttivi elenkati fl-anness tagħha ( 21 ). Skont il-premessa 2 tad-Direttiva 98/27, l-“interessi kollettivi” tal-konsumaturi għandhom jinftiehmu bħala “interessi li ma jinkludux l-akkumulazzjoni ta’ interessi ta’ individwi li ġralhom xi ħsara minħabba ksur ta’ liġi”.

52.

Id-Direttiva 98/27 ma kinitx tinkludi fl-anness tagħha riferiment għall-predeċessur tad-Direttiva MiFID I, jiġifieri d-Direttiva 93/22/KEE ( 22 ). Dan jidher li huwa xieraq peress li d-Direttiva 93/22 kienet intiża biss li tarmonizza r-rekwiżiti inizjali tal-awtorizzazzjoni u tal-funzjonament tal-impriżi ta’ investiment u ma kinitx ta’ importanza kbira għall-protezzjoni tal-konsumaturi li jaġixxu fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u ta’ investiment ( 23 ).

53.

Wara li d-Direttiva MiFID I daħlet fis-seħħ, u minkejja r-riferiment għall-“interess tal-konsumaturi” fl-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I, ma kien hemm l-ebda emenda tal-anness għad-Direttiva 98/27. Id-Direttiva 2009/22/KE dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi ( 24 ), lanqas ma inkludiet id-Direttiva MiFID I fl-anness tagħha. L-ommissjoni tad-Direttiva MiFID I mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/22 isservi sabiex jiġi indikat li l-armonizzazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ rimedju intiżi sabiex jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi fil-qasam tad-Direttiva MiFID I kienet dgħajfa u baqgħet hekk.

54.

Id-Direttiva (UE) 2020/1828 dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi ( 25 ) wettqet l-ewwel armonizzazzjoni iktar sostanzjali tar-rimedju kollettiv fil-livell tal-Unjoni ( 26 ), li tkopri kemm il-miżuri inibitorji kif ukoll il-miżuri rimedjali. Din id-direttiva tiddefinixxi l-“interessi kollettivi tal-konsumaturi” bħala “l-interess ġenerali tal-konsumaturi u, b’mod partikolari għall-finijiet ta’ miżuri ta’ rimedju, l-interessi ta’ grupp ta’ konsumaturi” ( 27 ).

55.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2020/1828 huwa partikolarment wiesa’. Hija tintiża li tikseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi f’ħafna oqsma li jinvolvu l-interessi tal-konsumaturi, inkluż fis-servizzi finanzjarji ( 28 ). L-anness tagħha jkopri, b’mod partikolari, l-Artikoli 23 sa 29 tad-Direttiva MiFID II, li jistabbilixxu dispożizzjonijiet intiżi li jiżguraw il-protezzjoni tal-investituri.

56.

Ċerti premessi tad-Direttiva 2020/1828 juru d-diversità tal-mekkaniżmi ta’ rimedju eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tagħha għall-protezzjoni tal-interessi individwali kif ukoll tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, inkluż fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. B’mod iktar partikolari, il-premessa 13 tiddikjara li livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi jirrikjedi li “oqsma [bħas]-servizzi finanzjarji […] jkunu koperti [minn din id-direttiva], barra l-liġi ġenerali tal-konsumatur” u li, “peress li hemm domanda akbar mill-konsumaturi għal servizzi finanzjarji u ta’ investiment, huwa importanti li jittejjeb l-infurzar tal-liġi tal-konsumatur f’dawk l-oqsma”. Il-premessa 11 tad-Direttiva 2020/1828 tiddikjara li din “ma għandhiex tissostitwixxi l-mekkaniżmi proċedurali nazzjonali eżistenti għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi jew individwali tal-konsumatur” ( 29 ). Fl-aħħar, il-premessa 48 tistabbilixxi li “[j]enħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli għall-koordinazzjoni ta’ azzjonijiet rappreżentattivi, ta’ azzjonijiet individwali mressqa minn konsumaturi u ta’ kwalunkwe azzjoni oħra għall-protezzjoni tal-interessi individwali u kollettivi tal-konsumaturi kif previst taħt il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali” ( 30 ).

57.

Isegwi minn dan kollu li l-kamp ta’ applikazzjoni tat-terminu “l-interess tal-konsumaturi” skont l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I għandu jinftiehem b’mod wiesa’, li jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu azzjonijiet għad-difiża tal-interessi kollettivi iżda wkoll dawk individwali tal-konsumaturi skont it-tradizzjonijiet nazzjonali, li jistgħu jvarjaw kunsiderevolment.

58.

Għalhekk, l-Istati Membri għandhom id-diskrezzjoni, jekk jiddeċiedu li jagħtu locus standi lill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi sabiex iressqu kawża skont l-Artikolu 52(2)(b) tad-Direttiva MiFID I, li jillimitaw l-azzjoni għad-difiża tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi. Huma għandhom ukoll is-setgħa diskrezzjonali li jirrikonoxxu, kif inhu l-każ fi Spanja, li l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi għandhom locus standi li jiddefendu mhux biss l-interess kollettiv u ġenerali tal-konsumaturi, iżda wkoll l-interessi individwali tal-membri tagħhom.

59.

Madankollu, kif ser nispjega fit-taqsima li ġejja, il-marġni ta’ evalwazzjoni mogħti lill-Istati Membri sabiex jiddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ azzjoni f’dan ir-rigward għandu l-limitazzjonijiet.

(c)   Il‑limiti tas‑setgħa ta’ evalwazzjoni tal‑Istati Membri fl‑implimentazzjoni tal‑Artikolu 52(2) tad‑Direttiva MiFID I

60.

L-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I jirrikjedi li l-Istati Membri jipprevedu li korp wieħed jew iktar li huma msemmija fih jistgħu, fl-interess tal-konsumaturi u “skond il-liġijiet nazzjonali”, jaġixxu sabiex jiżguraw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għall-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva. Madankollu, meta l-Istati Membri jeżerċitaw is-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lilhom skont l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I, huma għandhom jużaw id-diskrezzjoni tagħhom, kif irrilevat essenzjalment il-Kummissjoni, fil-limiti stabbiliti minn din id-dispożizzjoni. B’mod iktar speċifiku, ir-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali ma jistgħux jippreġudikaw l-effett utli tal-imsemmija dispożizzjoni, fid-dawl tal-fatt li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet ta’ din id-direttiva ( 31 ).

61.

B’mod iktar speċifiku, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-azzjoni skont l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I, isegwi minn din id-dispożizzjoni li hija tkopri l-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għall-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva fl-interessi tal-konsumaturi, mingħajr ma teskludi ebda investitur ikklassifikat bħala konsumatur ( 32 ).

62.

Il-kunċett ta’ “konsumatur” ma huwiex iddefinit fl-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I jew fi kwalunkwe dispożizzjoni oħra tagħha. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 4 tad-Direttiva MiFID I jiddefinixxi l-kunċett ta’ “klijent” u ż-żewġ kategoriji ta’ klijenti (tax-xiri bl-imnut u dawk professjonali) ( 33 ).

63.

Kif tirrileva ġustament id-duttrina, ma teżistix definizzjoni unika tal-kunċett ta’ “konsumatur” fid-dritt tal-Unjoni ( 34 ). Kull direttiva tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u kull waħda tinkludi d-definizzjoni tagħha stess ta’ “konsumatur” li hija rilevanti għal dan l-att. Madankollu, id-Direttiva MiFID I ma tiddefinixxix x’jikkostitwixxi “konsumatur”. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi, kif ukoll il-konsistenza tad-dritt tal-Unjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “konsumatur” li tinsab f’regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni ( 35 ). L-istrumenti legali rilevanti għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi fiż-żmien tal-adozzjoni tad-Direttiva MiFID I ( 36 ) jiżvelaw konverġenza dwar ċerti elementi essenzjali tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “konsumatur” ( 37 ). Il-konsumatur huwa persuna fiżika li taġixxi barra u indipendentement minn kwalunkwe negozju jew attività jew għan professjonali, unikament sabiex tissodisfa l-bżonnijiet tagħha stess f’termini ta’ konsum privat.

64.

Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ konsumatur, ibbażata fuq il-kriterju tal-persuna fiżika li taġixxi fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha, hija ta’ natura oġġettiva ( 38 ). Ma hemm ebda indikazzjoni fl-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ investitur bħala “konsumatur” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa rilevanti li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ din il-persuna fil-mument meta hija wettqet l-investiment kif ukoll in-natura u l-valur tal-istrumenti finanzjarji li ġew investiti.

65.

Ir-riferiment għall-“interess tal-konsumaturi” skont l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I, jindika li l-investituri li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala konsumaturi għandhom żewġkpiepel”, dak tal-konsumatur u tal-investitur. L-Artikolu 53 tad-Direttiva MiFID I jikkorrobora dan l-istatus doppju. Kif stabbilit fit-titolu ta’ din id-dispożizzjoni, din tirregola l-mekkaniżmu ekstraġudizzjarju tal-ilmenti tal-investituri. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-istabbiliment ta’ proċeduri effiċjenti u effettivi ta’ lment u ta’ rimedju għas-soluzzjoni ekstraġudizzjarja ta’ “kontroversji tal-konsumaturi li jirrigwardaw il-provvediment ta’ servizzi ta’ investiment u anċillari”. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li jeżisti tilwim tal-investituri li jikkwalifika bħala tilwim tal-konsumaturi ( 39 ).

66.

L-istatus doppju ta’ investitur-konsumatur huwa kkonfermat mid-Direttiva MiFID II, li tirreferi, fil-premessi tagħha, għall-għan ta’ protezzjoni tal-investituri u tal-konsumaturi ( 40 ).

67.

Id-Direttiva 2020/1828 tappoġġja wkoll dan l-istatus doppju. Il-premessa 14 tippreċiża li din id-direttiva tkopri l-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fl-Anness I, inkluża d-Direttiva MiFID II, sa fejn dawk id-dispożizzjonijiet jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi, “irrispettivament minn jekk dawk il-konsumaturi humiex imsemmija konsumaturi, […] klijenti, investituri bl-imnut, klijenti konsumaturi, […] jew xi ħaġa oħra” (enfasi miżjuda minni).

68.

Isegwi minn dak imsemmi iktar ’il fuq, li fil-kuntest tal-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I, il-kunċetti ta’ investitur u ta’ konsumatur jikkoeżistu u jiffurmaw “kunċett kompost” ( 41 ) tal-“investitur-konsumatur”.

69.

Il-koeżistenza ma tinvolvi l-ebda limitu relatat ma’ mezzi finanzjarji jew mal-valur ta’ strumenti finanzjarji fir-rigward tad-dritt ta’ teħid ta’ azzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I. Għalhekk, għall-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni, il-mod kif il-konsumatur jaġixxi bħala investitur, u b’mod partikolari, l-ammont li huwa investa, jew il-kumplessità jew il-valur tal-istrumenti, ma jċaħħadx lil din il-persuna mill-istatus ta’ konsumatur sa fejn hija taġixxi barra mill-professjoni tagħha ( 42 ).

70.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta bħala korollarju li tali elementi jistgħu ma jkunux rilevanti sabiex jiġi ddeterminat il-locus standi tal-korpi elenkati fih li jressqu kawża fl-interess tal-investituri-konsumaturi. Fi kliem ieħor, il-locus standi skont l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I ma jistax ikun iddiżassoċjat mill-istatus tal-investituri bħala konsumaturi.

71.

L-esklużjoni tad-dritt lil dawn il-korpi, b’mod partikolari assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, li jressqu kawża fir-rigward ta’ ċerti investituri li għandhom l-istatus ta’ konsumaturi ddgħajjef indirettament dan l-istatus, minkejja li fil-fatt ma hija suġġett għal ebda kwalifika jew riżerva. Barra minn hekk, l-esklużjoni ta’ dan id-dritt timmina l-effett utli tal-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I, li tikkonsisti fil-provvediment ta’ dritt li titressaq kawża fl-interess tal-investituri-konsumaturi kollha, mingħajr ma ssir distinzjoni bejn il-livelli differenti ta’ dan id-dritt skont id-daqs jew in-natura tal-investiment. F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-għan tad-Direttiva MiFID I jikkonsisti, skont il-premessi 2 u 31, fil-fatt li l-investituri jiġu offruti livell għoli ta’ protezzjoni.

72.

F’dan il-każ, huwa paċifiku li d-dritt Spanjol jirrikonoxxi lill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi l-locus standi li jirrappreżentaw id-drittijiet u l-interessi tal-membri tagħhom kif ukoll l-interessi ġenerali tal-konsumaturi. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-persuni fiżiċi involuti fil-kawża prinċipali huma konsumaturi u li l-istatus tagħhom bħala konsumaturi huwa stabbilit. Barra minn hekk, dik il-qorti ddikjarat li hija, b’mod ġenerali, irrikonoxxiet lill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi l-locus standi li jiddefendu l-membri tagħhom f’tilwimiet koperti mid-Direttiva MiFID I. Madankollu, hija tqis li l-locus standi tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi għandu jkun limitat meta huma jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumaturi li investew fi prodotti finanzjarji kumplessi.

73.

Madankollu, għar-raġunijiet esposti fil-punti 69 sa 71 iktar ’il fuq, tali interpretazzjoni ġudizzjarja, li tillimita l-locus standi ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet skont il-valur jew in-natura tal-prodott finanzjarju, tista’ tippreġudika l-effett utli tal-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I.

74.

Isegwi minn dan li filwaqt li l-Istati Membri għandhom id-diskrezzjoni li jiddeċiedu meta jimplimentaw l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I, jekk l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi għandhomx locus standi li jiddefendu l-interessi kollettivi tal-konsumaturi jew anki l-interessi individwali tal-membri tagħhom, dan il-locus standi huwa konness mal-istatus ta’ dawn l-investituri bħala konsumaturi. It-tip ta’ prodotti jew l-ammont tal-investiment magħmul mill-investituri-konsumaturi kkonċernati ma huwiex determinanti f’dan ir-rigward.

(d)   Locus standi u abbuż proċedurali fid‑dawl tas‑sistema applikabbli tal‑għajnuna legali

75.

Il-qorti tar-rinviju ddikjarat li, skont id-dritt Spanjol, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi għandhom dritt għall-għajnuna legali meta r-rikorsi ppreżentati “jirrigwardaw direttament prodotti jew servizzi ta’ użu jew ta’ konsum komuni, ordinarji u mifruxa”. Dan ifisser, skont id-dritt nazzjonali applikabbli ( 43 ), li l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi ma humiex obbligati jħallsu l-ispejjeż tal-parti opposta anki meta jitilfu. Barra minn hekk, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi ma humiex obbligati jħallsu l-ispejjeż legali marbuta mal-preżentata tar-rikors.

76.

Il-qorti tar-rinviju tqis li, f’sitwazzjonijiet li fihom assoċjazzjoni tal-konsumaturi tippreżenta rikors li ma “jirrigwardax direttament prodotti jew servizzi ta’ użu jew ta’ konsum komuni, ordinarji u mifruxa”, bħal prodotti finanzjarji kumplessi li jaqgħu taħt id-Direttiva MiFID I, hemm riskju ta’ użu frawdolenti jew abbużiv tal-locus standi. Dan l-abbuż jikkonsisti fil-fatt li l-assoċjazzjoni tal-konsumaturi tieħu vantaġġ inġust mis-sistema “privileġġata” tal-għajnuna legali.

77.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta l-kundizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali li jippermettu lil assoċjazzjoni ta’ konsumaturi tibbenefika mill-għajnuna legali. B’mod iktar preċiż, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk prodotti finanzjarji kumplessi ta’ valur għoli għandhomx jitqiesu li jaqgħu jew li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-“prodotti jew servizzi ta’ użu jew ta’ konsum komuni, ordinarji u mifruxa”. Hija wkoll il-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina l-konsegwenzi tal-klassifikazzjoni ta’ tali prodotti f’dak li jirrigwarda l-applikabbiltà tal-iskema nazzjonali ta’ għajnuna legali.

78.

Fit-tieni lok, għandha ssir distinzjoni ċara bejn il-locus standi tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi fil-kuntest tad-Direttiva MiFID I u l-kwistjoni tal-għajnuna legali jew kull abbuż eventwali ta’ proċedura.

79.

Il-fehma li nadotta f’dawn il-konklużjonijiet, li l-locus standi tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi skont l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I jista’ ma jkunx limitat fuq il-bażi tal-valur jew in-natura tal-prodotti finanzjarji kkonċernati, hija mingħajr preġudizzju għall-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna legali lil dawn l-assoċjazzjonijiet tistax tiġi ristretta fuq il-bażi ta’ tali kriterju.

80.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I (jew kwalunkwe element ta’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni applikabbli dak iż-żmien) ma fih l-ebda dispożizzjoni li tirregola l-għajnuna legali lill-korpi li għandhom locus standi biex iressqu kawża. Minn dan isegwi li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-għoti tal-għajnuna legali lill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi meta jieħdu azzjoni fl-interessi tal-konsumaturi fil-kuntest tal-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi tali regoli, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni madankollu li dawn ir-regoli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) ( 44 ).

81.

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha quddiemha l-ebda evidenza li tista’ tqajjem dubji dwar il-konformità ma’ tali prinċipju tar-regoli proċedurali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

82.

Bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, huwa ċar mit-Tieni Dispożizzjoni Addizzjonali tal-Liġi 1/1996 li r-regola li skontha l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi għandhom dritt għall-għajnuna legali meta l-azzjonijiet imressqa jirrigwardaw direttament prodotti jew servizzi ta’ użu jew ta’ konsum komuni, ordinarji u mifruxa tapplika għall-azzjonijiet rilevanti kollha, irrispettivament minn jekk ikunux ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni jew fuq id-dritt nazzjonali.

83.

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kull każ fejn tqum il-kwistjoni li jsir magħruf jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, fl-iżvolġiment tagħha u fil-karatteristiċi tagħha, quddiem il-varji istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun neċessarju, il-prinċipji li fuqhom huwa msejjes l-ordinament ġuridiku nazzjonali, bħalma huma l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura ( 45 ).

84.

Barra minn hekk, ir-regoli nazzjonali li jillimitaw l-aċċess għall-għajnuna legali jista’ jkollhom impatt fuq id-dritt ta’ aċċess għal qorti u fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 46 ). Dan id-dritt jimplika l-għoti ta’ għajnuna legali lil dawk li ma jkollhomx riżorsi suffiċjenti, sa fejn din l-għajnuna tkun neċessarja sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja ( 47 ).

85.

Fil-kawża ineżami, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-benefiċċju tal-għajnuna legali lill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi ma jiddependix mis-sitwazzjoni finanzjarja tal-assoċjazzjoni, iżda biss min-natura tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati mit-tilwima. Jidher ukoll li d-dritt nazzjonali applikabbli għandu l-effett li jissospendi l-“prinċipju ta’ ‘min jitlef iħallas’” għall-benefiċċju tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi ( 48 ).

86.

Sa fejn id-dritt nazzjonali jistabbilixxi sistema favorevoli għall-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u jidderoga mill-‘prinċipju ta’ “min jitlef iħallas”’, il-kriterji stabbiliti mid-dritt nazzjonali għall-benefiċċju minn din is-sistema, fir-rigward tan-natura tal-prodott, kif interpretati mill-qrati nazzjonali, ma jidhrux li jistgħu jippreġudikaw il-prinċipju ta’ effettività ( 49 ).

87.

Barra minn hekk, sa fejn l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I jafferma mill-ġdid id-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta ( 50 ), għandu jiġi rrilevat li s-sistema nazzjonali inkwistjoni tippermetti li tingħata għajnuna legali lill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi mingħajr ma teżiġi evidenza ta’ assenza ta’ riżorsi suffiċjenti. F’tali ċirkustanzi, din is-sistema speċifika ta’ għajnuna legali ma tidhirx li tista’ taffettwa d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv min-naħa tal-assoċjazzjoni tal-konsumaturi.

88.

Għandu jingħad ukoll li l-kriterji stabbiliti mid-dritt nazzjonali sabiex l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi jibbenefikaw mis-sistema speċifika tal-għajnuna legali ma jaffettwawx, kif sostna l-Gvern Spanjol waqt is-seduta u bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, id-dritt tal-investituri individwali li għandhom l-istatus ta’ konsumaturi li jressqu azzjoni individwali u li jitolbu l-għajnuna legali jekk huma ma jkollhomx riżorsi suffiċjenti, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali.

89.

Hija wkoll il-qorti nazzjonali li għandha tapplika l-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex tissanzjona rikorsi abbużivi u talbiet infondati ( 51 ).

90.

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li s-sempliċi fatt li assoċjazzjoni tal-konsumaturi tintervjeni f’isem investituri-konsumaturi li jkollhom mezzi finanzjarji sinjifikattivi u li investew fi prodotti kumplessi ma jikkostitwixxix, bħala tali, abbuż ta’ proċedura li jċaħħad lill-assoċjazzjoni tal-konsumaturi minn locus standi.

91.

Kull interpretazzjoni oħra, skont l-analiżi tiegħi iktar ’il fuq ( 52 ), tkun tippreġudika l-effett utli tal-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I.

92.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ġie rrilevat, l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tillimita eċċezzjonalment il-locus standi tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi sabiex jirrappreżentaw l-interessi individwali ta’ ċerti kategoriji ta’ investituri li għandhom l-istatus ta’ konsumaturi, fuq il-bażi tal-valur u tan-natura tal-prodotti finanzjarji li jkunu investew fihom. Dan huwa bla ħsara għall-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna legali u l-eżenzjoni konkomitanti mill-ħlas tal-ispejjeż legali kif ukoll l-ispejjeż tal-parti opposta jistgħux jiġu ristretti fuq il-bażi ta’ tali kriterji.

V. Konklużjoni

93.

Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) kif ġej:

L-Artikolu 52(2) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE,

għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tillimita eċċezzjonalment il-locus standi tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi sabiex jirrappreżentaw l-interessi individwali ta’ ċerti kategoriji ta’ investituri li jkollhom l-istatus ta’ konsumaturi, fuq il-bażi tal-valur u tan-natura tal-prodotti finanzjarji li jkunu investew fihom. Dan huwa bla ħsara għall-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna legali u l-eżenzjoni konkomitanti mill-ħlas tal-ispejjeż legali kif ukoll l-ispejjeż tal-parti opposta jistgħux jiġu ristretti fuq il-bażi ta’ tali kriterji.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż

( 2 ) Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263). Hija ġeneralment magħrufa bħala “MiFID I”.

( 3 ) Artikolu 11(1) tal-LEC. Ara l-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 4 ) It-Tieni Dispożizzjoni Addizzjonali tal-Liġi 1/1996. Ara l-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 5 ) Iktar ’il quddiem ser nesplora t-terminu “investituri-konsumaturi”, fil-punti 65 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 6 ) Taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 93(1) tad-Direttiva MiFID II.

( 7 ) Sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Jumbocarry Trading (C‑39/20, EU:C:2021:435, punt 28).

( 8 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2024, AsociațiaForumul Judecătorilor din România (Assoċjazzjonijiet tal-Imħallfin) (C‑53/23, EU:C:2024:388, punt 14), u tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains (C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 240).

( 9 ) Id-definizzjoni tal-interessi kollettivi hija kwistjoni ta’ diskussjoni fid-duttrina. Ara Boré, L., La défense des intérêts collectifs par les associations devant les juridictions administratives et judiciaires, LGDJ, Pariġi, 1997, p. 3, li tenfasizza li l-interess kollettiv jinvolvi mill-inqas żewġ persuni, mingħajr ma huwa importanti jekk jikkonċernax żewġ persuni jew żewġ biljun persuna peress li “din hija t-tifsira letterali tal-kelma; hija ċara u sempliċi” [traduzzjoni libera] (“C’est un intérêt qui concerne au moins deux personnes. Qu’il en concerne deux ou deux milliards, peu importe, cela reste un intérêt collectif. Tel est le sens littéral du mot; il est clair et simple”). Għall-kuntrarju, fir-rigward tad-definizzjoni ġuridika tal-interess kollettiv, din l-istess awtriċi tirrikonoxxi li din hija “oskura u suġġetta għal diskussjoni” [traduzzjoni libera] (“Son sens juridique, au contraire, est obscure et discuté”). Ara Calais-Auloy, J., Temple, H. u Depincé, M., Droit de la consommation. 10 edizzjoni., Paris, Dalloz, 2020, p. 719, li jiddefinixxu l-interess kollettiv bħala “interess li jinsab nofs triq bejn l-interessi individwali ta’ ċerti konsumaturi u l-interess ġenerali taċ-ċittadini kollha” [traduzzjoni libera] (“interêt qui se trouve à mi-chemin entre les intérêts individuels de quelques consommateurs et l’intérêt général de tous les citoyens”). Ara iktar ’il quddiem, il-punti 48 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 10 ) Enfasi miżjuda minni. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża Khorassani (C‑678/15, EU:C:2017:100, nota ta’ qiegħ il-paġna 21).

( 11 ) Ara Daams, L., Private enforcement im Kapitalmarktrecht – Das Verhältnis von Aufsichts- und Zivilrecht nach der MiFID II, Verlag Dr. Kovač, Hamburg, 2021, p. 96, li tirreferi għal “armonizzazzjoni massima ta’ qasam speċifiku” [traduzzjoni libera] (‘bereichsspezifische Vollharmonisierung‘). Il-premessa 7 tad-Direttiva MiFID II tiddikjara li “[…] Billi l-objettiv ewlieni u s-suġġett [tad-Direttiva MiFID II] huwa li jiġu armonizzati d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-oqsma msemmija, hija għandha tissejjes fuq l-Artikolu 53(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) […]”.

( 12 ) Ara, b’mod ġenerali, Cafaggi, F., u Micklitz, H.W., New Frontiers of Consumer Protection: The Interplay between Private and Public Enforcement, Intersentia, Antwerp, 2009; Fairgrieve, D., u Lein, E., Extraterritoriality and Collective Redress, Oxford University Press, Oxford 2012; Hodges, C., The Reform of Class and Representative Actions in European Legal Systems: A New Framework for Collective Redress in Europe, Hart, Oxford, 2008, p. 15 et seq.

( 13 ) Id-dritt ta’ azzjoni skont l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I huwa bla ħsara għas-setgħa tal-awtoritajiet kompetenti li jirrikjedu l-waqfien ta’ kwalunkwe prattika li tmur kontra d-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni tad-Direttiva MiFID I, skont l-Artikolu 50(2)(e), kif ukoll is-setgħa li jiġu adottati sanzjonijiet amministrattivi, konformement mal-Artikolu 51 tad-Direttiva MiFID I.

( 14 ) Ara Hodges, C., The Reform of Class and Representative Actions in European Legal Systems, op. cit. iktar ’il fuq nota ta’ qiegħ il-paġna 12, p. 15, li jenfasizza li “s-suġġett li fuqu l-entità privata, assoċjazzjoni tal-konsumaturi, tista’ taġixxi, huwa tradizzjonalment limitat għal mandati ta’ inibizzjoni intiżi li jipproteġu l-interess ġenerali tal-konsumatur pjuttost milli jfittxu interessi jew telf individwali” [traduzzjoni libera].

( 15 ) Dan jidher li huwa l-każ fl-ordinament ġuridiku Spanjol, kif ippreżentat mill-qorti tar-rinviju. Id-dritt Franċiż tal-konsumatur jinkludi wkoll eżempji ta’ azzjonijiet li jinvolvu l-interessi individwali ta’ grupp ta’ konsumaturi. Eżempju wieħed huwa l-action de groupe simplifiée (azzjoni semplifikata ta’ grupp) prevista fl-Artikolu L623-14 tal-code de la consommation (il-Kodiċi tal-Konsumatur). Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi jressqu azzjoni meta l-identità u n-numru ta’ konsumaturi jkunu magħrufa u meta l-konsumaturi jkunu ġarrbu l-istess ħsara. Eżempju ieħor huwa l-action en réprésentation conjointe (azzjoni ta’ rappreżentazzjoni konġunta), prevista fl-Artikolu L622-1 tal-Code de la Consommation (il-Kodiċi tal-Konsumatur). Din id-dispożizzjoni tagħti d-dritt lil kull assoċjazzjoni tal-konsumaturi rrikonoxxuta bħala rrappreżentata fuq livell nazzjonali sabiex tressaq kawża għad-danni meta diversi konsumaturi identifikati jkunu ġarrbu preġudizzju personali li għandu oriġini komuni minħabba l-azzjonijiet tal-istess persuna, fuq mandat mogħti minn tal-inqas tnejn mill-konsumaturi kkonċernati. Din id-duttrina tenfasizza l-karattru distintiv ta’ din l-azzjoni “made in France” peress li hija sseparata mill-interessi kollettivi tal-konsumaturi u peress li l-għan tagħha huwa li tiddefendi “kollezzjoni ta’ interessi individwali” [traduzzjoni libera], ara Poillot, E., “L’action des associations en réprésentation conjointe”f’Sauphanor-Brouillaud N. et al., Les Contrats de Consommation. Règles Communes, Traité de Droit Civil sous la direction de Jacques Ghestin, LGDJ, 2011, p. 1075 (enfasi miżjuda minni).

( 16 ) Enfasi miżjuda minni. Fi Franza, l-Artikolu L452-2 tal-Code monétaire et financier (il-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju) jagħti lill-assoċjazzjonijiet ta’ investituri indikati locus standi li jressqu kawża għad-danni, fuq mandat mogħti minn tal-inqas tnejn mill-investituri kkonċernati, f’isem dawn l-investituri, f’ċirkustanzi fejn diversi investituri identifikati jkunu ġarrbu preġudizzju personali li jkollu oriġini komuni minħabba l-azzjonijiet tal-istess persuna.

( 17 ) Ara, Hodges, C., u Voet, S., Delivering Collective Redress: New Technologies, Oxford, Hart, 2018, p. 12, li osservaw li “għal ħafna snin, l-Ewropa batiet sabiex tadotta pożizzjoni ċara dwar rimedji kollettivi u sabiex tistabbilixxi qafas ġuridiku koerenti” [traduzzjoni libera]. Ara wkoll Mullenix, L.S., “For the Defense: 28 Shades of European Class Actions’ f’Uzelac, A., u Voet, S., (edituri), Class Actions in Europe, Holy Grail or Wrong Trail?, Springer, 2021, p. 43 sa 69.

( 18 ) Direttiva tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, Vol. 17, p. 100).

( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2024, Caixabank et (Stħarriġ tat-trasparenza f’azzjonijiet kollettivi) (C‑450/22, EU:C:2024:577, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Direttiva 98/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Mejju 1998 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 4, p. 43).

( 21 ) Ara l-perspettiva kritika ta’ Hodges, C., The Reform of Class and Representative Actions in European Legal Systems, op. cit. in-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 iktar ’il fuq, p. 10, li jirrileva li “huwa żbaljat li wieħed jimmaġina li l-miżuri tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 98/27 dwar l-inġunzjonijiet, jarmonizzaw parti kbira mill-mekkaniżmi kollettivi nazzjonali eżistenti minn qabel. Wieħed jista’ jgħid ukoll li din id-direttiva għandha l-effett li toskura iktar milli tarmonizza jew tissemplifika s-sitwazzjoni ġenerali” [traduzzjoni libera].

( 22 ) Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE tal‑10 ta’ Mejju 1993 dwar servizzi ta’ investiment fil-qasam ta’ titoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 43).

( 23 ) Ara l-premessa 2 tad-Direttiva MiFID I.

( 24 ) Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (ĠU 2009, L 110, p. 30).

( 25 ) Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2020 dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE (ĠU 2020, L 409, p. 1).

( 26 ) Ara Kodek, G., “Representative Actions – a Judge’s View”, Praefatio, Lex & Forum 2024, p. 1, li jenfasizza li d-Direttiva 2020/1828 “tirrifletti l-approċċ xettiku u, fil-fatt, restrittiv, li diġà kkaratterizza inizjattivi preċedenti tal-Unjoni” [traduzzjoni libera].

( 27 ) Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2020/1828.

( 28 ) Ara l-premessa 13 tad-Direttiva 2020/1828, li tistabbilixxi li, “[b]’mod partikolari, peress li hemm domanda akbar mill-konsumaturi għal servizzi finanzjarji u ta’ investiment, huwa importanti li jittejjeb l-infurzar tal-liġi tal-konsumatur f’dawk l-oqsma.”

( 29 ) Enfasi miżjuda minni. Ara wkoll il-premessa 15, li tistabbilixxi li d-Direttiva 2020/1828 “għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-atti legali elenkati fl-Anness I u għalhekk ma għandhiex […] tissostitwixxi kwalunkwe mekkaniżmu ta’ infurzar li dawk l-atti legali jista’ jkun fihom”.

( 30 ) Enfasi miżjuda minni.

( 31 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, G (Spejjeż ta’ xoljiment antiċipat) (C‑371/22, EU:C:2024:21, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) L-istorja leġiżlattiva tal-Artikolu 52(2) tad-Direttiva MiFID I turi li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jagħti kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ lill-azzjoni msemmija fiha. L-Artikolu 48(2) tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi ta’ investiment u s-swieq regolati u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 93/6/KEE u d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/12/KE (COM/2002/625 final), kien jinkludi s-sentenza introduttorja “fir-rigward tad-dritt ta’ appell imsemmi fil-paragrafu 1” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. B’hekk huwa stabbilixxa rabta diretta bejn id-dritt ta’ azzjoni ta’ wieħed mill-korpi elenkati fih u d-dritt li wieħed jadixxi lill-qrati kontra kull deċiżjoni meħuda skont liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi, fis-sens tal-Artikolu 48(1) ta’ din il-proposta. Din is-sentenza introduttorja tħalliet barra mit-test finali.

( 33 ) Il-“klijent” huwa ddefinit bħala “kull persuna naturali jew legali li ditta ta’ l-investiment tipprovdihom b’investiment u/jew servizzi anċillari”. “Klijent professjonali” tfisser klijent li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Anness II, filwaqt li l-“klijent tax-xiri bl-imnut” huwa ddefinit bl-esklużjoni bħala klijent li ma huwiex klijent professjonali.

( 34 ) Stuyck, J., “La notion de consommateur en droit de l’Union européenne”, in Combet, M., Le droit européen de la consommation au XXIe siècle, Etat des lieux et perspectives, Bruylant, 2022, p. 25.

( 35 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2019, Pillar Securitisation (C‑694/17, EU:C:2019:345, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Ara d-direttivi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2009/22, li jistabbilixxu regoli għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi. Id-direttivi li jidhru partikolarment rilevanti huma d-Direttiva 93/13 u d-Direttiva 2002/65 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 98/7/KE u 98/27/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 321, rettifika fil-ĠU 2013, L 228, p. 14).

( 37 ) Ara Riasetto, I., “L’investisseur-consommateur à la croisée du droit financier et du droit de la consommation. The investor-consumer at the crossroads of financial and consumer law”, European Journal of Consumer Law – Revue Européenne du Droit de la Consommation, Vol. 2, 2023(2), p. 373.

( 38 ) Għall-fehma oġġettiva tal-kunċett ta’ konsumatur, ara s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2024, Caixabank et (Stħarriġ tat-trasparenza f’azzjonijiet kollettivi) (C‑450/22, EU:C:2024:577, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata) u s-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Petruchová (C‑208/18, EU:C:2019:825, punt 55). Ara Poillot, E., “Clients et consommateurs en droit bancaire et financier: entre protection subjective et protection objective de la partie faible en droit européen”, Hors-série Banque & Droit, February 2023, p. 10, f’p. 13; Prorok, J., “La distinction entre consommateur et investisseur. Commentaire CJUE, 4e chambre, 2 avril 2020, aff. C‑500/18, AU c/Reliantco Investments et Reliantco Investments Limassol Sucursala Bucureşti”Banque & Droit, May-June 2020, p. 48, f’ p. 49.

( 39 ) Skont il-MiFID II, id-dispożizzjoni rilevanti dwar il-mekkaniżmu ekstraġudizzjarju hija l-Artikolu 75 u t-titolu tagħha jirreferi b’mod espliċitu għall-“ilmenti tal-konsumaturi”.

( 40 ) Ara l-premessi 77, 156 u 166 tad-Direttiva MiFID II.

( 41 ) Riasetto, I., “L’investisseur-consommateur à la croisée du droit financier et du droit de la consommation. The investor-consumer at the crossroads of financial and consumer law”, op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna 37, p. 369 sa 386; Riassetto, I., “Prestations de services d’investissement et clauses abusives”, f’Henry, X. (dir.), Des contrats civils et commerciaux aux contrats de consommation, Mélanges en l’honneur du Doyen Bernard Gross, Presses Universitaires de Nancy, 2009, p. 273. Ara wkoll Poillot, E., “Clients et consommateurs en droit bancaire et financier: entre protection subjective et protection objective de la partie faible en droit européen”, op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna 38, p. 15, li jindika li l-koeżistenza u r-rabta taż-żewġ sistemi ta’ protezzjoni għandha l-oriġini tagħha fl-Artikolu 12 TFUE.

( 42 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Petruchová (C‑208/18, EU:C:2019:825, punt 42) u tat‑2 ta’ April 2020, Reliantco Investments u Reliantco Investments Limassol Sucursala Bucureşti (C‑500/18, EU:C:2020:264, punt 53).

( 43 ) Ara l-punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 44 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, EOS KSI Slovensko (C‑448/17, EU:C:2018:745, punt 36).

( 45 ) Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť (C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 51).

( 46 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C‑279/09, EU:C:2010:811, punti 29 sa 31).

( 47 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť (C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 53).

( 48 ) Dwar il-kwistjoni tal-finanzjament tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi fil-kuntest ta’ rimedju kollettiv, ara Hodges, C., The Reform of Class and Representative Actions in European Legal Systems, op. Cit.,., in-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, fil-p. 234, li jenfasizza li “l-fatt li l-NGO tiġi iżolata ftit jew wisq mir-regola li ‘min jitlef iħallas’ hija għażla teoretika, iżda […] mingħajr prinċipju” [traduzzjoni libera]. Jista’ jiġi rrilevat li d-Direttiva 2020/1828 tikkonferma l-prinċipju li “min jitlef iħallas” fl-azzjonijiet rappreżentattivi għal miżuri ta’ rimedju. Skont l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-parti telliefa f’azzjoni rappreżentattiva għal miżuri ta’ rimedju tkun meħtieġa tħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti mġarrba mill-parti rebbieħa, f’konformità mal-kondizzjonijiet u l-eċċezzjonijiet previsti fil-liġi nazzjonali applikabbli għall-proċedimenti ġudizzjarji in ġenerali”.

( 49 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť (C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 54).

( 50 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, UBS Europe et (C‑358/16, EU:C:2018:715, punt 57).

( 51 ) Ninnota li d-Direttiva 2020/1828 tħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jindirizzaw il-kwistjoni ta’ kontenzjużi abbużivi. Il-premessa 39 ta’ din id-direttiva tistabbilixxi li “[s]abiex jevitaw litigazzjoni abużiva, l-Istati Membri għandhom jadottaw regoli ġodda jew japplikaw regoli eżistenti taħt il-liġi nazzjonali sabiex il-qorti jew l-awtorità amministrattiva tkun tista’ tiddeċiedi li tiċħad kawżi li jkunu b’mod ċar bla bażi malli l-qorti jew l-awtorità amministrattiva tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni […]”.

( 52 ) Punt 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

Fuq