Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62023CC0292

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. A. M. Collins, ippreżentati l-4 ta’ Ottubru 2024.
Proċeduri kriminali kontra I.R.O. u F.J.L.R.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado Central de Instrucción.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew – Regolament (UE) 2017/1939 – Artikolu 42(1) – Atti proċedurali li intiżi li jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi – Stħarriġ ġudizzjarju, mill-qrati nazzjonali, f’konformità mar-rekwiżiti u mal-proċeduri skont il-liġi nazzjonali – Portata – Taħrika għad-dehra ta’ xhieda – Dritt nazzjonali li ma jippermettix l-istħarriġ ġudizzjarju dirett ta’ tali miżura – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effikaċja.
Kawża C-292/23.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2024:856

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fl‑4 ta’ Ottubru 2024 ( 1 )

Kawża C‑292/23

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

vs

I.R.O.,

F.J.L.R.

(Talba għal deċiżjoni preliminari mill-Juzgado Central de Instrucción no°6 de la Audiencia Nacional (il-Qorti Istruttorja Ċentrali Nru 6 tal-Qorti Nazzjonali, Spanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew – Regolament (UE) 2017/1939 – Artikolu 42(1) – Atti proċedurali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew li huma maħsubin biex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi – Taħrika ta’ xhieda – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi stħarriġ ġudizzjarju dirett mill-qrati nazzjonali – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva –Prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività”

Introduzzjoni

1.

Sabiex jiġu miġġielda reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, ir-Regolament 2017/1939 ( 2 ) stabbilixxa l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) bħala korp “indipendenti” u “indiviżibbli tal-Unjoni li jopera bħala Uffiċċju uniku bi struttura deċentralizzata” ( 3 ). L-UPPE huwa organizzat f’żewġ livelli: l-Uffiċċju Ċentrali, bis-sede tiegħu fil-Lussemburgu, u livell deċentralizzat ta’ Prosekuturi Delegati Ewropej (PDE), inkorporati fis-sistemi legali tal-Istati Membri ( 4 ). Il-Prosekuturi Delegati Ewropej huma parti integrali mill-UPPE, u barra minn hekk jaġixxu f’ismu, filwaqt li huma integrati fis-sistemi ta’ prosekuzzjoni nazzjonali rispettivi tagħhom fuq livell operattiv ( 5 ). Huma responsabbli għat-twettiq ta’ investigazzjonijiet ( 6 ), il-prosekuzzjoni ta’ reati u għat-tressiq ta’ kawżi għal ġudizzju, u jeżerċitaw kemm is-setgħat li r-Regolament tal-UPPE jagħtihom direttament kif ukoll dawk li jeżerċitaw fil-kapaċità tagħhom bħala prosekuturi nazzjonali ( 7 ).

2.

L-UPPE mhux biss jaqdi l-kompitu tiegħu f’kollegament mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri, iżda jistrieħ fil-biċċa l-kbira fuq id-dritt nazzjonali biex jagħmel dan. Bis-saħħa tal-Artikolu 5(3) tiegħu, ir-Regolament tal-UPPE jirregola “l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet f’isem l-UPPE”, u d-dritt nazzjonali japplika fejn ir-Regolament ikun sieket dwar kwistjoni ( 8 ). Barra minn hekk, jipprovdi li, fil-prinċipju, il-liġi nazzjonali applikabbli hija dik tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ. Ħafna dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-UPPE, b’mod partikolari dawk ta’ natura proċedurali ( 9 ), jirreferu għad-dritt nazzjonali biex jidentifikaw il-kundizzjonijiet u l-proċeduri li taħthom japplikaw.

3.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mill-Juzgado Central de Instrucción no 6 de la Audiencia Nacional (il-Qorti Istruttorja Ċentrali Nru 6 tal-Qorti Nazzjonali, Spanja), li taġixxi bħala “Juez de Garantías” (Imħallef tal-garanziji) ( 10 ), titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 42(1) tar-Regolament tal-UPPE għall-ewwel darba. Din id-dispożizzjoni tikkonferixxi ġurisdizzjoni lill-qrati nazzjonali sabiex jistħarrġu l-legalità tal-atti proċedurali tal-UPPE li jkunu maħsubin biex iwasslu għal effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi ( 11 ). B’mod partikolari, tistaqsi jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi mill-istħarriġ ġudizzjarju dirett it-taħrikiet ta’ xhieda maħruġa minn Prosekutur Delegat Ewropew hijiex konformi ma’ din id-dispożizzjoni u mal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni ta’ ekwivalenza u effettività.

Kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni - Ir‑Regolament tal‑UPPE

4.

Sa fejn jidher rilevanti għaċ-ċirkustanzi ta’ dan ir-rinviju, il-premessi 86 sa 89 tar-Regolament tal-UPPE jiddikjaraw li:

“(86)

L-Artikolu 86(3) TFUE jippermetti lil-leġislatur tal-Unjoni li jiddetermina r-regoli applikabbli għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-miżuri proċedurali meħuda mill‑UPPE fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu. Dik il-kompetenza mogħtija lil-leġislatur tal-Unjoni tirrifletti n-natura speċifika tax-xogħol u l-istruttura tal‑UPPE, li hija differenti minn dik tal-korpi u l-aġenziji l-oħrajn kollha tal-Unjoni u teħtieġ regoli speċjali fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju.

(87)

Skont l-Artikolu 86(2) TFUE, l‑UPPE iwettaq il-funzjonijiet tiegħu ta’ prosekutur quddiem il-qrati kompetenti tal-Istati Membri. L-atti mwettqa mill‑UPPE matul l-investigazzjonijiet tiegħu huma relatati mill-qrib mal-prosekuzzjoni li tista’ tirriżulta minnhom, u għalhekk għandhom effetti fl-ordni legali tal-Istati Membri. F’bosta każijiet l-atti ser jitwettqu mill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi li jaġixxu skont l-istruzzjonijiet tal‑UPPE, f’xi każijiet wara li jkunu kisbu l-awtorizzazzjoni ta’ qorti nazzjonali.

Għaldaqstant huwa xieraq li jiġi kkunsidrat li atti proċedurali tal‑UPPE li jkunu maħsuba biex iwasslu għal effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi għandhom jiġu soġġetti għall-istħarriġ ġudizzjarju mill-qrati nazzjonali kompetenti skont ir-rekwiżiti u l-proċeduri stipulati mil-liġi nazzjonali. Dan għandu jiżgura li l-atti proċedurali tal‑UPPE li jkunu adottati qabel l-akkuża u maħsuba biex iwasslu għal effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi (kategorija li tinkludi l-persuna suspettata, il-vittma u persuni interessati oħrajn li d-drittijiet tagħhom jistgħu jintlaqtu b’mod negattiv minn tali atti) ikunu soġġetti għall-istħarriġ ġudizzjarju mill-qrati nazzjonali. […]

Rikorsi li jitressqu quddiem qrati nazzjonali kompetenti minħabba li l‑UPPE jkun naqas milli jaġixxi huma dawk li jirrigwardaw atti proċedurali li l‑UPPE għandu obbligu legali li jadotta u li huma maħsuba biex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi. Fejn il-liġi nazzjonali tipprevedi l-istħarriġ ġudizzjarju fir-rigward ta’ atti proċedurali li mhumiex maħsuba biex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi jew għal rikorsi legali dwar nuqqasijiet oħra ta’ aġir, dan ir-Regolament ma għandux jiġi interpretat bħala li jaffettwa tali dispożizzjonijiet legali. Barra minn hekk, l-Istati Membri ma għandhomx ikunu meħtieġa jipprovdu għall-istħarriġ ġudizzjarju mill-qrati nazzjonali kompetenti ta’ atti proċedurali li mhumiex maħsuba biex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi, bħall-ħatra ta’ esperti jew ir-rimborż ta’ spejjeż tax-xhieda.

Fl-aħħar nett, dan ir-Regolament ma jaffettwax is-setgħat ta’ qrati nazzjonali fejn isiru l-proċessi.

(88)

Il-legalità tal-atti proċedurali tal‑UPPE li huma maħsuba biex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi għandha tkun soġġetta għall-istħarriġ ġudizzjarju quddiem il-qrati nazzjonali. F’dak ir-rigward, għandhom jiġu żgurati rimedji effettivi f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Barra minn hekk, kif enfasizzat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli proċedurali nazzjonali li jirregolaw rikorsi għall-protezzjoni tad-drittijiet individwali mogħtija mil-liġi tal-Unjoni ma għandhomx jkunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw rikorsi domestiċi simili (il-prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx irendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti mil-liġi tal-Unjoni (prinċipju ta’ effikaċja).

Meta l-qrati nazzjonali jistħarrġu l-legalità ta’ tali atti, huma jistgħu jagħmlu dan fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni, inkluż dan ir-Regolament, u wkoll fuq il-bażi tal-liġi nazzjonali, li tapplika sa fejn kwistjoni ma tkunx koperta minn dan ir-Regolament. Kif enfasizzat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qrati nazzjonali għandhom dejjem jirreferu kwistjonijiet preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja meta jkollhom dubji dwar il-validità ta’ dawk l-atti fil-konfront tad-dritt tal-Unjoni.

[…]

(89)

Id-dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament dwar l-istħarriġ ġudizzjarju ma tbiddilx is-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistħarreġ id-deċiżjonijiet amministrattivi tal‑UPPE, li huma maħsuba biex ikollhom effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi, jiġifieri deċiżjonijiet li ma jittiħdux fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu ta’ investigazzjoni, prosekuzzjoni u tressiq għall-ġustizzja. Dan ir-Regolament huwa wkoll mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni [Ewropea] jressqu rikorsi għal annullament skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE, u proċedimenti kontra ksur taħt l-Artikoli 258 u 259 TFUE.”

5.

Skont l-Artikolu 30 tar-Regolament tal-UPPE, intitolat “Miżuri ta’ investigazzjoni u miżuri oħra”:

“1.   Mill-inqas f’każijiet fejn ir-reat soġġett għall-investigazzjoni jkun punibbli b’piena massima ta’ mill-inqas erba’ snin ta’ priġunerija, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Prosekuturi Delegati Ewropej ikunu intitolati li jordnaw jew jitolbu l-miżuri ta’ investigazzjoni li ġejjin:

(a)

ifittxu fi kwalunkwe bini, art, mezz tat-trasport, dar privata, ħwejjeġ u kwalunkwe proprjetà personali oħra jew sistema tal-kompjuter […];

(b)

jiksbu l-produzzjoni ta’ kwalunkwe oġġett jew dokument rilevanti […];

(c)

jiksbu l-produzzjoni ta’ data maħżuna f’kompjuter, kriptata jew dekriptata […];

(d)

jiffriżaw mezzi strumentali jew rikavat ta’ attivitajiet kriminali […];

(e)

jinterċettaw komunikazzjonijiet elettroniċi […];

(f)

traċċar u rintraċċar ta’ oġġett b’mezzi tekniċi […]

[…]

4.   Il-Prosekuturi Delegati Ewropej għandu jkollhom id-dritt jitolbu jew jordnaw kwalunkwe miżura oħra fl-Istat Membru tagħhom li tkun disponibbli għall-prosekuturi taħt il-liġi nazzjonali f’ċirkostanzi nazzjonali simili, b’żieda mal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1.

5.   Il-Prosekuturi Delegati Ewropej jistgħu jordnaw biss il-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 4 fejn hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li l-miżura speċifika inkwistjoni tista’ tipprovdi informazzjoni jew evidenza utli għall-investigazzjoni, u fejn ma jkunx hemm miżura inqas intrużiva disponibbli li tista’ tilħaq l-istess għan. Il-proċeduri u l-modalitajiet għat-teħid tal-miżuri għandhom ikunu regolati mil-liġi nazzjonali applikabbli.”

6.

L-Artikolu 41 tar-Regolament tal-UPPE, intitolat “L-ambitu tad-drittijiet tal-persuni suspettati u akkużati”, jipprovdi:

“1.   L-attivitajiet tal‑UPPE għandhom jitwettqu f’konformità sħiħa mad-drittijiet tal-persuni suspettati u akkużati kif minquxa fil-Karta [tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-‘Karta’)], inkluż id-dritt ta’ proċess ġust u d-drittijiet tad-difiża.

2.   Kwalunkwe persuna suspettata jew akkużata fil-proċedimenti kriminali tal-UPPE għandha, bħala minimu, ikollha d-drittijiet proċedurali previsti fil-liġi tal-Unjoni, inklużi direttivi li jikkonċernaw id-drittijiet ta’ persuni suspettati u akkużati fi proċeduri kriminali, kif implimentati mil-liġi nazzjonali, bħal:

(a)

id-dritt għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni, kif previst fid-Direttiva 2010/64/UE;

(b)

id-dritt għall-informazzjoni u l-aċċess għall-materjali tal-każ, kif previsti fid-Direttiva 2012/13/UE;

(c)

id-dritt ta’ aċċess għal avukat u d-dritt ta’ komunikazzjoni ma’ persuni terzi u li dawn jiġu infurmati f’każ ta’ detenzjoni, kif previsti fid-Direttiva 2013/48/UE;

(d)

id-dritt li wieħed jibqa’ sieket u d-dritt li wieħed ikun preżunt innoċenti, kif previsti fid-Direttiva (UE) 2016/343;

(e)

id-dritt għal għajnuna legali kif previst fid-Direttiva (UE) 2016/1919.

3.   Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet imsemmija f’dan il-Kapitolu, il-persuni suspettati u l-persuni akkużati kif ukoll kwalunkwe persuna oħra involuta fil-proċedimenti tal‑UPPE għandu jkollhom id-drittijiet proċedurali kollha disponibbli għalihom taħt il-liġi nazzjonali applikabbli, inklużi l-possibbiltà li jippreżentaw evidenza, li jitolbu li jinħatru esperti jew eżami minn esperti u s-smigħ ta’ xhieda, u li jitolbu li l‑UPPE jikseb tali miżuri f’isem id-difiża.”

7.

L-Artikolu 42 tar-Regolament tal-UPPE, intitolat “Stħarriġ ġudizzjarju”, jipprovdi:

“1.   Atti proċedurali tal‑UPPE li jkunu maħsubin biex iwasslu għal effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi għandhom jiġu soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju mill-qrati nazzjonali kompetenti f’konformità mar-rekwiżiti u l-proċeduri stipulati mil-liġi nazzjonali. L-istess japplika meta l‑UPPE jkun naqas milli jadotta atti proċedurali li huma maħsubin biex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi u li huwa kien legalment meħtieġ li jadotta taħt dan ir-Regolament.

2.   Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni, f’konformità mal-Artikolu 267 TFUE, li tagħti sentenzi preliminari dwar:

(a)

il-validità ta’ atti proċedurali tal UPPE, sa fejn tali kwistjoni ta’ validità titqajjem quddiem kwalunkwe qorti jew tribunal ta’ Stat Membri direttament abbażi tal-liġi tal-Unjoni;

(b)

l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni, fosthom dan ir-Regolament;

[…]

3.   B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, id-deċiżjonijiet tal‑UPPE li jiċħad każ, sa fejn ikunu kkontestati direttament abbażi tal-liġi tal-Unjoni, għandhom ikunu soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’konformità mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

[…]

8.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-istħarriġ ġudizzjarju mill-Qorti tal-Ġustizzja f’konformità mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ta’ deċiżjonijiet tal-UPPE li jaffettwaw id-drittijiet tas-suġġetti tad-data taħt il-Kapitolu VIII u ta’ deċiżjonijiet tal-UPPE li mhumiex atti proċedurali, bħal deċiżjonijiet tal-UPPE dwar id-dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti, jew deċiżjonijiet li jkeċċu Prosekuturi Delegati Ewropej adottati skont l-Artikolu 17(3) ta’ dan ir-Regolament, jew kwalunkwe deċiżjoni amministrattiva oħra.”

Id‑dritt Spanjol

8.

L-Artikolu 42(1) u (3) tal-Ley Orgánica 9/2021 de aplicación del Reglamento (UE) 2017/1939 del Consejo, de 12 de octubre de 2017, por el que se establece una cooperación reforzada para la creación de la Fiscalía Europea (il-Liġi Organika 9/2021 li timplimenta [ir-Regolament tal-UPPE]) tal‑1 ta’ Lulju 2021 ( 12 ) (iktar ’il quddiem il-‘Liġi 9/2021’), liema dispożizzjoni hija intitolata “Poteri ta’ investigazzjoni tal-Prosekutur Delegat Ewropew” jipprovdi li:

“1.   Il-Prosekuturi Delegati Ewropej, skont id-dispożizzjonijiet tal-[Liġi 9/2021], ir-Regolament [tal-UPPE] u r-regoli stabbiliti fir-regoli ta’ proċedura tiegħu, għandhom imexxu l-investigazzjoni u jordnaw li jitlestew il-passi kollha fl-investigazzjoni u jieħdu il-miżuri protettivi provviżorji stabbiliti fil-Ley de Enjuiciamiento Criminal [(il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali)], ħlief dawk riżervati għall-qrati mill-Kostituzzjoni u dispożizzjonijiet legali oħra, li għandhom ikunu awtorizzati mill-imħallef tal-garanziji;

[…]

3.   L-investigazzjoni għandha titwettaq skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, ħlief f’każijiet partikolari previsti espressament fil-[Liġi 9/2021].”

9.

L-Artikolu 43 tal-Liġi 9/2021, intitolat “Dikjarazzjonijiet ta’ xhieda”, jipprovdi li:

“1.   Il-Prosekutur Delegat Ewropew jista’ jsejjaħ u jieħu dikjarazzjonijiet ta’ xhieda minn kwalunkwe persuna li għandha għarfien ta’ fatti u ċirkustanzi rilevanti għas-sejba ta’ reat u d-determinazzjoni tal-persuna responsabbli, jew li tista’ tipprovdi informazzjoni utli f’dan is-sens.

Bl-eċċezzjoni ta’ persuni li huma eżentati mill-obbligu li jidhru u jagħtu x-xhieda tagħhom fil-parti orali tal-proċeduri tal-qorti, kull persuna li tiġi mħarrka mill-Prosekutur Delegat Ewropew hija meħtieġa li tidher u li tipprovdi informazzjoni, bħala xhud, dwar dak kollu li taf fir-rigward tal-mistoqsijiet magħmula lilha.

2.   Id-dikjarazzjoni tax-xhieda għandha tittieħed fil-forma stabbilita fil-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.

Il-partijiet fil-proċedimenti, permezz tal-avukati tagħhom, jistgħu jattendu lix-xhud li jagħmel dikjarazzjoni, f’liema każ, fi tmiem id-dikjarazzjoni, għandhom jingħataw l-opportunità li jitolbu lix-xhud biex jagħmel kull kjarifika li jqisu meħtieġa.”

10.

L-Artikolu 90 tal-Liġi 9/2021, intitolat “Kawżi”, jgħid:

“Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Prosekutur Delegat Ewropew matul il-proċediment ta’ investigazzjoni jistgħu jiġu kkontestati biss quddiem l-imħallef tal-garanziji fil-każijiet espressament previsti fil-[Liġi 9/2021].”

11.

Skont il-Liġi 9/2021, id-difiża tista’ tikkontesta d-deċiżjonijiet tal-Prosekuturi Delegati Ewropej li ġejjin:

id-deċiżjoni li jinfetħu proċedimenti;

deċiżjoni ta’ rifjut li tittieħed dikjarazzjoni ġdida mingħand il-persuna investigata, li tkun talbet dan;

id-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ twettiq ta’ miżuri ta’ investigazzjoni mitluba quddiem il-Prosekuturi Delegati Ewropej;

id-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ inklużjoni fil-fajl tal-każ ta’ dokumenti u rapporti sottomessi;

id-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ intervent tal-espert maħtur mid-difiża fil-qasam ta’ kompetenza li huwa aċċetta li jindirizza;

id-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ rekuża ta’ espert;

id-deċiżjoni dwar miżuri protettivi interim;

id-deċiżjoni ta’ ordni ta’ tqegħid f’kustodja; u

id-deċiżjoni ta’ ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni.

12.

L-Artikolu 91 tal-Liġi 9/2021 jiddeskrivi l-passi proċedurali li għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għal kontestazzjoni ta’ tali deċiżjonijiet.

13.

Skont il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 311 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali:

“L-imħallef inkwirenti għandu jwettaq il-miżuri investigattivi kollha proposti mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jew minn kwalunkwe parti fil-proċeduri, sakemm ma jqishomx bħala mhux meħtieġa jew ta’ preġudizzju.

Deċiżjoni ta’ rifjut ta’ twettiq tal-miżuri ta’ investigazzjoni mitluba tista’ tkun is-suġġett ta’ appell, li jiġi ammess u assenjat immedjatament, mingħajr effett sospensiv, lill-qorti kompetenti.”

Fatti, tilwima, domandi preliminari u proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

14.

I.R.O. u F.J.L.R. kienu diretturi ta’ fondazzjoni, stabbilita taħt id-dritt Spanjol, li kisbet sussidju biex timplimenta proġett iffinanzjat minn fondi tal-Unjoni. L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) informa lill-Fiscalía de área de Getafe-Leganés (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, Getafe-Leganés, Spanja) li l-ispejjeż diretti tal-persunal li dik il-fondazzjoni kienet talbet fir-rigward ta’ żewġ riċerkaturi li kienet impjegat biex twettaq il-proġett, jiġifieri Y.C. u I.M.B., ma kinux iġġustifikati biżżejjed. Il-Fiscalía de área de Getafe-Leganés (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, Getafe-Leganés) ressaq ilment quddiem il-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción no 1 de Getafe (il-Qorti tal-Ewwel Istanza u Istruttorja Nru 1, Getafe, Spanja) fejn allega li seħħ reat ta’ frodi ta’ sussidju ( 13 ). Fl‑20 ta’ April 2021, din il-qorti bdiet investigazzjoni kriminali kontra I.R.O.

15.

Fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, fil‑21 ta’ Mejju 2021, il-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción no°1 de Getafe (il-Qorti tal-Ewwel Istanza u Istruttorja Nru 1, Getafe) interrogat lil I.R.O. bħala ‘investigado’ (persuna taħt investigazzjoni). I.R.O. eżerċita d-dritt tiegħu li jibqa’ sieket. Fit‑2 ta’ Lulju 2021, din il-qorti eżaminat lil Y.C. bħala xhud.

16.

Fit‑12 ta’ Awwissu 2021, il-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción no°1 de Getafe (il-Qorti tal-Ewwel Istanza u Istruttorja Nru 1, Getafe) irrifjutat il-ġurisdizzjoni favur l-UPPE. Fil‑21 ta’ Settembru 2021, l-UPPE irrefera l-każ lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Huwa informa lill-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción no 1 de Getafe (il-Qorti tal-Ewwel Istanza u Istruttorja Nru 1, Getafe) bid-deċiżjoni tiegħu li ma jitlobx l-evokazzjoni tal-kawża.

17.

B’digriet tad‑9 ta’ Ġunju 2022 ( 14 ), bi tweġiba għal kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni li kienet tqajmet mill-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción no°1 de Getafe (il-Qorti tal-Ewwel Istanza u Istruttorja Nru 1, Getafe), it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) iddeċidiet li tassenja l-ġurisdizzjoni għall-investigazzjoni lill-UPPE. B’deċiżjoni tas‑26 ta’ Lulju 2022, il-Prosekuturi Delegati Ewropej inkarigati mill-każ fi Spanja eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ evokazzjoni u bdew l-investigazzjoni li minnha oriġinat din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

18.

B’digriet tas‑27 ta’ Lulju 2022, il-qorti tar-rinviju, il-Juzgado Central de Instrucción no 6 de la Audiencia Nacional (il-Qorti Istruttorja Ċentrali Nru 6 tal-Qorti Nazzjonali), fil-kwalità tagħha ta’ imħallef tal-garanziji, bdiet il-proċedura tal-garanziji.

19.

Permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑22 ta’ Awwissu u tal‑25 ta’ Ottubru 2022, il-Prosekuturi Delegati Ewropej inkarigati mill-każ rispettivament ħarrku lil I.R.O. u lil F.J.L.R. biex jidhru fil-‘Primera comparecencia para el traslado de cargos’ (l-ewwel seduta għall-komunikazzjoni ta’ fatti u provi) prevista fl-Artikolu 27 tal-Liġi 9/2021 bil-għan li kull wieħed minnhom jiġi mgħarraf bil-fatt li jinsab taħt investigazzjoni għar-reati ta’ frodi ta’ sussidju u falsifikazzjoni ta’ dokumenti ( 15 ). Is-seduta ta’ I.R.O. saret fil‑5 ta’ Ottubru 2022. Is-seduta ta’ F.J.L.R. saret fil‑15 ta’ Diċembru 2022.

20.

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Frar 2023, meħuda skont l-Artikolu 43 tal-Liġi 9/2021, il-Prosekuturi Delegati Ewropej inkarigati mill-każ ħarrku lil Y.C. u lil I.M.B. biex jidhru quddiemhom bħala xhieda. Bis-saħħa tal-Artikolu 90 tal-Liġi 9/2021, fis‑7 ta’ Frar 2023, l-avukati ta’ I.R.O. u F.J.L.R. ippreżentaw appell minn din id-deċiżjoni quddiem l-UPPE sa fejn ħarrek lil Y.C. biex jidher bħala xhud ( 16 ). Huma sostnew li tali miżura ta’ investigazzjoni la kienet rilevanti, la kienet meħtieġa u lanqas utli, peress li l-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción no°1 de Getafe (il-Qorti tal-Ewwel Istanza u Istruttorja Nru 1, Getafe) kienet diġà semgħet lil Y.C. f’dik il-kapaċità. Fit‑8 ta’ Frar 2023, dan l-appell ġie nnotifikat lill-qorti tar-rinviju. Fit‑23 ta’ Frar 2023, il-Prosekuturi Delegati Ewropej inkarigati mill-każ ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub f’dan l-appell. Il-Prosekuturi Delegati Ewropej u l-avukati ta’ I.R.O. u F.J.L.R. ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fit‑22 u fit‑23 ta’ Marzu 2023, rispettivament, dwar il-possibbiltà li l-qorti tar-rinviju tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari.

21.

Il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdilha gwida dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sabiex tkun tista’ tevalwa l-effetti tar-Regolament tal-UPPE fuq il-Liġi 9/2021 fir-rigward tas-setgħat tal-imħallef tal-garanziji li jirrevedi ċerti atti proċedurali tal-Prosekutur Delegat Ewropew li huma maħsubin biex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi. Hija tosserva li, skont l-Artikoli 42 u 43 tal-Liġi 9/2021, moqrija flimkien mal-Artikolu 90 tagħha, l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ kategorija ta’ atti proċedurali tal-Prosekuturi Delegati Ewropej għandu jiġi awtorizzat espressament. Peress li t-taħrikiet ta’ xhieda ma humiex inklużi f’dik il-kategorija, ma hemm l-ebda appell lill-imħallef tal-garanziji mid-deċiżjoni tat‑2 ta’ Frar 2023.

22.

Il-qorti tar-rinviju tfakkar li, bl-Artikolu 42 tar-Regolament tal-UPPE, l-atti proċedurali tal-UPPE li huma maħsubin biex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi għandhom ikunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju. Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li d-deċiżjoni tat‑2 ta’ Frar 2023 hija tali att proċedurali. L-ewwel, hija ssostni li din id-deċiżjoni għandha effett dirett fuq Y.C. u d-drittijiet ta’ I.M.B. għall-moviment liberu u għal-libertà, garantiti mill-Artikolu 6 tal-Karta, peress li jkunu legalment obbligati li jkunu f’post partikolari fil-ħin u d-data indikati fit-taħrika ( 17 ). Id-deċiżjoni tista’ wkoll tippreġudika d-drittijiet tad-difiża ta’ Y.C. u ta’ I.M.B., kuntrarjament għall-Artikolu 48 tal-Karta, sa fejn ikunu obbligati jgħidu dak kollu li jafu u li jgħidu l-verità ( 18 ), f’ċirkustanzi fejn id-dritt proċedurali Spanjol ma jipprevedix li x-xhieda jkunu assistiti minn avukat meta jagħtu x-xhieda tagħhom. F’dan il-każ, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża huwa iktar serju peress li teżisti “possibbiltà raġonevoli” li d-dikjarazzjonijiet tagħhom jistgħu jiżvelaw provi tal-parteċipazzjoni tagħhom fir-reati investigati. Il-possibbiltà, li għaliha jirreferu l-Prosekuturi Delegati Ewropej inkarigati mill-każ fl-osservazzjonijiet tagħhom tat‑22 ta’ Marzu 2023, li skont l-Artikolu 29 tal-Liġi 9/2021 il-persuni taħt investigazzjoni jistgħu jgħaddu waqt il-proċess biex att proċedurali jiġi ddikjarat awtomatikament null minħabba dewmien fl-ewwel seduta għall-komunikazzjoni tal-fatti u l-provi hija motiv eċċezzjonali. Għal raġunijiet, inter alia, ta’ ċertezza legali, għandu jiġi evitat li persuna tista’ tkun meħtieġa tinvoka tali motiv fi stadju avvanzat fi proċeduri kriminali. Il-qorti tar-rinviju ssostni wkoll li t-taħrikiet tax-xhieda għandhom effetti fuq is-sitwazzjonijiet legali ta’ I.R.O. u F.J.L.R. Il-ħruġ mill-ġdid tat-taħrika biex Y.C. jidher bħala xhud tikser id-dritt tagħhom li l-każ jinstema’ f’terminu raġonevoli. Id-dikjarazzjonijiet tax-xhieda ta’ Y.C. u I.M.B. jistgħu wkoll jippermettu lill-Prosekuturi Delegati Ewropej jiġbru evidenza inkriminanti għall-użu fil-proċeduri kriminali kontra l-I.R.O. u F.J.L.R.

23.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju tipperċepixxi li l-assenza ta’ appell mid-deċiżjoni tat‑2 ta’ Frar 2023 tista’ tirrestrinġi t-tgawdija ta’ dritt individwali li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, liema restrizzjoni ma hijiex iġġustifikata b’riferiment għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività.

24.

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, il-qorti tar-rinviju tosserva li Juez de Instrucción (l-imħallef inkwirenti), l-“ekwivalenti” ta’ Prosekutur Delegat Ewropew, inkarigat mill-investigazzjoni tal-allegazzjonijiet li huma s-suġġett tal-proċedimenti tal-UPPE, isegwi l-proċedura tad-“Diligencias Previas” (l-investigazzjoni preliminari) peress li sejba ta’ ħtija għar-reati rilevanti ġġorr magħha kundanna ta’ mhux iktar minn ħames snin priġunerija. Skont l-Artikolu 766 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali ( 19 ), jista’ jsir appell mill-miżuri li jordnaw l-imħallfin inkwirenti fil-kuntest ta’ investigazzjoni preliminari lill-imħallef li jkun ħa d-deċiżjoni u, sussegwentement, lil qorti superjuri.

25.

Il-qorti tar-rinviju tissottometti li, fl-osservazzjonijiet tagħhom tat‑22 ta’ Marzu 2023, il-Prosekuturi Delegati Ewropej inkarigati mill-każ isostnu li, taħt il-“Procedimiento Sumario Ordinario” (il-proċediment għal reati punibbli b’terminu ta’ priġunerija ta’ iktar minn ħames snin), l-Artikolu 311 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprovdi li d-deċiżjonijiet biex jiġu adottati miżuri ta’ investigazzjoni mitluba mill-partijiet ma humiex suġġetti għal appell. F’dan il-kuntest, il-Prosekuturi Delegati Ewropej jinvokaw linja ta’ ġurisprudenza li testendi l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-proċediment ta’ investigazzjoni preliminari. Il-qorti tar-rinviju tosserva li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ma kkonfermatx din il-ġurisprudenza, u li din ma ntlaqgħetx unanimament u ma kinitx is-suġġett ta’ tibdil leġiżlattiv.

26.

Il-qorti tar-rinviju għandha tħassib fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, peress li l-Liġi 9/2021 ma tippermettix l-istħarriġ ġudizzjarju tat-taħrikiet tax-xhieda maħruġa minn Prosekutur Delegat Ewropew, filwaqt li l-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali ma jillimitax il-kategoriji ta’ deċiżjonijiet meħuda minn imħallfin inkwirenti biex jordnaw jew jirrifjutaw miżuri ta’ investigazzjoni li huma suġġetti għal appell.

27.

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, il-qorti tar-rinviju tosserva li d-dritt li jitressaq rikors kontra l-atti proċedurali tal-UPPE li huma maħsubin biex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi jirriżulta direttament mill-Artikolu 42 tar-Regolament tal-UPPE. Din il-possibbiltà hija espressjoni kemm tad-dritt fundamentali għal rimedju ġudizzjarju effettiv kif ukoll tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, protetti mill-Artikoli 47 u 48 tal-Karta. Interpretazzjoni restrittiva tas-setgħat ta’ stħarriġ tal-imħallef tal-garanziji skont l-Artikolu 90 tal-Liġi 9/2021 hija għalhekk ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali li r-Regolament tal-UPPE jagħti liċ-ċittadini.

28.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado Central de Instrucción no 6 de la Audiencia Nacional (il-Qorti Istruttorja Ċentrali Nru 6 tal-Qorti Nazzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)

L-Artikolu 42(1) tar-Regolament [tal-UPPE] […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola tad-dritt nazzjonali bħall-Artikolu 90 tal-[Liġi] 9/2021 […] li teskludi mill-istħarriġ ġudizzjarju att ta’ proċedura [tal-UPPE] li jipproduċi effetti ġuridiċi fir-rigward ta’ terzi (fis-sens espost), bħad-deċiżjoni tat‑2 ta’ Frar 2023 li permezz tagħha l-Prosekutur Delegat Ewropew iħarrek xhieda biex jidhru?

(2)

L-Artikoli 6 u 48 tal-[Karta], l-Artikolu 7 tad-Direttiva (UE) 2016/343 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1)] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regola tad-dritt nazzjonali bħall-Artikolu 90 flimkien mal-Artikoli 42(1) u (3), u 43 tal-[Liġi] 9/2021 […], li teskludi mill-istħarriġ ġudizzjarju att ta’ proċedura tal-[UPPE] bħalma hija d-deċiżjoni tal-Prosekutur Delegat Ewropew li jħarrek bħala xhud terza persuna li raġonevolment seta’ pparteċipa fil-fatti ta’ ksur li huma s-suġġett tal-investigazzjoni?

(3)

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 86(3) TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju bħal dik prevista mill-Artikoli 90 u 91 tal-[Liġi] 9/2021 għall-atti tal-Prosekuturi Delegati Ewropej meħuda abbażi tal-Artikoli 42(1) u 43 ta’ din l-istess liġi, li teskludi mill-imsemmi stħarriġ ġudizzjarju l-obbligu ta’ investigazzjoni ordnat mill-Prosekutur Delegat Ewropew fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ investigazzjoni tiegħu, u li ma għandu ebda relazzjoni ta’ ekwivalenza mar-regoli ta’ proċedura nazzjonali li jorganizzaw ir-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet meħuda mill-imħallfin ta’ istruzzjoni nazzjonali fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ investigazzjoni tagħhom?

(4)

L-Artikolu 2 TUE, li jistabbilixxi l-valuri inerenti għall-Istat tad-dritt li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, f’relazzjoni mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u d-dritt għal proċess bil-garanziji kollha tal-Artikolu 47 tal-[Karta], u l-prinċipju ta’ effettività previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-atti tal-Prosekuturi Delegati Ewropej li tillimita l-possibbiltajiet ta’ rikors għal numru limitat ta’ każijiet bħalma huwa previst fil-leġiżlazzjoni Spanjola fl-Artikoli 90 u 91 tal-[Liġi] 9/2021?”

29.

I.R.O. u F.J.L.R., l-UPPE, il-Gvern Franċiż, Taljan, Olandiż u Spanjol u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta tal‑10 ta’ Settembru 2024, l-istess partijiet, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Taljan, ippreżentaw argumenti orali u wieġbu għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Analiżi

Ammissibbiltà tat‑tieni domanda

30.

L-UPPE, il-Gvern Franċiż, Olandiż u Spanjol u l-Kummissjoni jsostnu li t-tieni domanda hija inammissibbli minħabba li hija purament ipotetika u li kwalunkwe risposta għaliha ma jista’ jkollha l-ebda effett fuq l-eżitu tal-kawża prinċipali. Dan għaliex il-kawża prinċipali tikkonċerna kontestazzjonijiet mill-persuni investigati għad-deċiżjoni tal-Prosekuturi Delegati Ewropej li jħarrku terzi bħala xhieda, filwaqt li t-tieni domanda tikkonċerna l-possibbiltà li x-xhieda stess jikkontestaw din id-deċiżjoni.

31.

Skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, fejn id-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li domandi relatati mad-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika, jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ liġi jew ta’ fatt meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 20 ).

32.

Mit-test tat-tieni domanda, mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għalihom tirreferi u mill-ispjegazzjonijiet fid-deċiżjoni tar-rinviju ( 21 ) jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tfittex li tivverifika jekk persuni mħarrka permezz ta’ deċiżjoni ta’ Prosekutur Delegat Ewropew sabiex jagħtu x-xhieda tagħhom jistgħux jikkontestaw dik id-deċiżjoni fi proċedimenti legali. Ix-xhieda mħarrka, jiġifieri Y.C. u I.M.B., ma kkontestawx il-validità tad-deċiżjoni tat‑2 ta’ Frar 2023. Il-kawża prinċipali tikkonsisti f’kontestazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni mill-persuni investigati, jiġifieri I.R.O. u F.J.L.R. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa ċar, fil-fehma tiegħi, li kwalunkwe risposta għat-tieni domanda ma għandha ebda effett fuq l-eżitu tal-kawża prinċipali u hija ta’ natura ipotetika. B’applikazzjoni tal-ġurisprudenza li għaliha sar riferiment fil-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, nirrakkomanda li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara din id-domanda inammissibbli.

Eżami konġunt u riformulazzjoni tal‑ewwel, it‑tielet u r‑raba’ domanda

33.

Il-Kummissjoni tipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-ewwel, it-tielet u r-raba’ domanda flimkien. Jiena nissottoskrivi għal din il-proposta peress li r-risposta għal dawn id-domandi tiddependi fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament tal-UPPE.

34.

Barra minn hekk, jiena tal-fehma li dawn it-tliet domandi għandhom jiġu fformulati mill-ġdid ( 22 ) sabiex jistaqsu jekk l-Artikolu 42(1) tar-Regolament tal-UPPE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività, għandux jiġi interpretat bħala li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha persuni taħt investigazzjoni ma jistgħux jikkontestaw direttament quddiem qorti nazzjonali kompetenti deċiżjoni li permezz tagħha, fil-kuntest tal-investigazzjoni kriminali kontra tali persuni, il-Prosekuturi Delegati Ewropej inkarigati mill-każ iħarrku lil partijiet terzi biex jidhru bħala xhieda ( 23 ).

35.

Ir-raġunijiet li ġejjin jipperswaduni nipproponi din ir-riformulazzjoni. Kif ninnota fil-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kawża prinċipali tirriżulta minn rikors ippreżentat minn persuni investigati minn deċiżjoni li permezz tagħha l-Prosekuturi Delegati Ewropej inkarigati mill-każ sejħu lil terzi biex jidhru quddiemhom bħala xhieda. Id-dispożizzjonijiet li għalihom tirreferi r-raba’ domanda, jiġifieri l-Artikoli 2 TUE, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta, jistgħu jiġu kkunsidrati fil-kuntest tad-domanda riformulata peress li l-Artikolu 42(1) tar-Regolament tal-UPPE jipprova japplikahom fil-kuntest tal-atti proċedurali tal-UPPE ( 24 ). Fid-dawl tar-riferiment kemm għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll għall-Artikolu 47 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li ma tikkunsidrax l-Artikolu 2 TUE. Mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju, jirriżulta li t-tielet domanda tqajjem il-kwistjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza bħala limitu għall-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, liema kwistjoni hija għalhekk inkluża fir-riformulazzjoni proposta. Kif ġie spjegat f’iktar dettall fil-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-deċiżjoni tar-rinviju tidher li tassumi li l-Artikolu 42(1) tar-Regolament tal-UPPE jeħtieġ li att proċedurali, bħad-deċiżjoni tat‑2 ta’ Frar 2023, għandu jkun jista’ jiġi kkontestat permezz ta’ rikors dirett quddiem qorti nazzjonali kompetenti.

Sustanza

36.

Kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, il-Liġi 9/2021 tintegra r-Regolament tal-UPPE fl-ordinament ġuridiku Spanjol. Din il-liġi introduċiet sistema proċedurali ġdida li permezz tagħha l-Prosekuturi Delegati Ewropej jinvestigaw u jippersegwixxu reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li awtorità ġudizzjarja nazzjonali, li tgawdi l-istatus ta’ terz imparzjali, tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali tal-persuni investigati ( 25 ). L-awtorità li għandha tiġi stabbilita fi ħdan il-qorti kompetenti ( 26 ) bħala “korp li ma huwiex involut fit-tmexxija tal-proċediment, iżda li madankollu huwa responsabbli għall-kompiti ta’ stħarriġ ġudizzjarju espressament previsti mil-[Liġi 9/2021]” ( 27 ) huwa l-imħallef tal-garanziji.

37.

Fil-fehma tiegħi, huwa ċar li l-Artikolu 42(1) tar-Regolament tal-UPPE jobbliga lill-Istati Membri biex jipprovdu għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv tal-atti proċedurali tal-UPPE li huma maħsubin biex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi ( 28 ). Minbarra t-termini tal-premessa 88 tar-Regolament tal-UPPE stabbiliti fil-punt 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet tal-individwi hija prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri minquxa fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950. L-Artikolu 47 tal-Karta jafferma mill-ġdid dan il-prinċipju u għalhekk, f’kuntest bħal dak preżenti, għandu jittieħed debitament inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-imsemmi tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) ( 29 ). Wieħed għandu jżomm f’moħħu wkoll li meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni (bħal f’dan il-każ), l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-osservanza tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta ( 30 ).

38.

Fiċ-ċentru ta’ din il-kawża hija l-kwistjoni dwar jekk deċiżjoni, li permezz tagħha Prosekutur Delegat Ewropew isejjaħ terza persuna biex tidher quddiemu bħala xhud, tikkostitwixxix att proċedurali tal-UPPE li huwa maħsub biex jipproduċi effetti legali fil-konfront tal-persuni investigati għall-għanijiet tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament tal-UPPE. Jekk din id-deċiżjoni tikkostitwixxi tali att, din id-dispożizzjoni tirrikjedi l-possibbiltà li tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju minn qorti nazzjonali kompetenti.

39.

L-ewwel kwistjoni li għandha tiġi ddeterminata f’dan il-kuntest hija jekk it-terminu “[a]tti proċedurali tal-UPPE li huma maħsubin biex iwasslu għal effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi” huwiex kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġ li jiġi interpretat b’mod uniformi madwar l-Unjoni Ewropea. Sabiex tiġi deċiża din il-kwistjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni il-kliem tad-dispożizzjoni li fiha jidher dan it-terminu, il-kuntest li fih tinsab din id-dispożizzjoni u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti ( 31 ).

40.

Ir-Regolament tal-UPPE ma jiddefinixxix dan il-kunċett u r-riferiment għal-liġi nazzjonali fl-Artikolu 42(1) ma hijiex determinanti tat-tifsira u l-portata tiegħu.

41.

Jirriżulta mit-test tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament tal-UPPE, moqri fid-dawl tal-iskema ġenerali u tal-għan ta’ dan l-artikolu, li dan għandu l-għan li jagħti ġurisdizzjoni lill-qrati nazzjonali ( 32 ) biex iwettqu stħarriġ ġudizzjarju ta’ atti li altrimenti, peress li l-UPPE huwa korp tal-Unjoni ( 33 ), jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qrati tal-Unjoni ( 34 ). Mill-Artikolu 42(2) sa (8) tar-Regolament tal-UPPE jirriżulta li, barra mill-ġurisdizzjoni li l-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jirriżerva għall-qrati nazzjonali, il-Qrati tal-Unjoni huma kompetenti biex jistħarrġu l-legalità tal-atti tal-UPPE ( 35 ). Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, fir-rigward tad-“deċiżjoni[jiet] amministrattiv[i]” tal-UPPE, li għalihom jirreferi l-Artikolu 42(8) u li jaqgħu taħt l-Artikolu 263(4) TFUE, b’kuntrast mal-“atti proċedurali” tal-UPPE, li għalihom jirreferi l-Artikolu 42(1), li huma, fil-prinċipju ( 36 ), suġġetti għal “stħarriġ ġudizzjarju mill-qrati nazzjonali kompetenti”.

42.

Ir-rikors għall-espressjoni “li jkunu maħsubin biex iwasslu għal effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi” fl-Artikolu 42(1) tar-Regolament tal-UPPE jikkonferma wkoll li d-dispożizzjoni hija intiża li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati nazzjonali li, kieku ma kienx hekk, kienu jassumu l-Qrati tal-Unjoni. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, l-UPPE, il-Gvern Franċiż u Spanjol u l-Kummissjoni jindikaw li din l-espressjoni tirriproduċi verbatim it-test tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ( 37 ), li jiddefinixxi l-atti tal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni Ewropea li l-Qrati tal-Unjoni għandhom ġurisdizzjoni biex jistħarrġu ( 38 ).

43.

Raġuni oħra li timmilita favur interpretazzjoni awtonoma u uniformi ta’ “[a]tti proċedurali tal-UPPE li jkunu maħsubin biex iwasslu għal effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi” hija l-ħtieġa li tiġi żgurata diviżjoni konsistenti tal-ġurisdizzjoni bejn qrati nazzjonali u Qrati tal-Unjoni fl-eżerċizzju ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-atti tal-UPPE. Jien għalhekk naqsam il-fehma tal-UPPE li “[a]tti proċedurali tal-UPPE li jkunu maħsubin biex iwasslu għal effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi” huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni ( 39 ).

44.

Fir-rigward tal-kontenut ta’ dan il-kunċett, mill-ewwel paragrafu tal-premessa 87 tar-Regolament tal-UPPE jirriżulta li l-espressjoni “atti proċedurali” tinkludi b’mod partikolari dawk “[i]mwettqa mill-UPPE matul l-investigazzjonijiet tiegħu”. It-tieni paragrafu ta’ din il-premessa jiżgura li “l-atti proċedurali tal-UPPE li jkunu adottati qabel l-akkuża” huma wkoll suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju mill-qrati nazzjonali. L-espressjoni “atti proċedurali” tinkludi, iżda ma hijiex limitata għal ( 40 ), “miżuri ta’ investigazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-UPPE. Konsegwentement, kif jissottomettu I.R.O. u F.J.L.R. u l-UPPE, deċiżjoni li permezz tagħha Prosekutur Delegat Ewropew isejjaħ persuna biex tidher bħala xhud hija, fil-fehma tiegħi, att proċedurali għall-finijiet tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament tal-UPPE. Huwa minnu li l-Artikolu 30(1) ta’ dan ir-regolament ma jinkludix din id-deċiżjoni fost is-sett ta’ “miżuri ta’ investigazzjoni” li għandhom ikunu disponibbli għall-Prosekuturi Delegati Ewropej fl-Istati Membri “[m]ill-inqas f’każijiet fejn ir-reat soġġett għall-investigazzjoni jkun punibbli b’piena massima ta’ mill-inqas erba’ snin ta’ priġunerija”. L-Artikolu 30(4) tar-Regolament tal-UPPE jipprovdi, madankollu, li l-“Prosekuturi Delegati Ewropej għandu jkollhom id-dritt jitolbu jew jordnaw kwalunkwe miżura oħra fl-Istat Membru tagħhom li tkun disponibbli għall-prosekuturi taħt il-liġi nazzjonali f’ċirkostanzi nazzjonali simili, b’żieda mal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1”. L-Artikolu 43(1) tal-Liġi 9/2021 jipprovdi espressament li l-Prosekuturi Delegati Ewropej jistgħu jħarrku persuni biex jidhru bħala xhieda.

45.

Fir-rigward tal-espressjoni “li huma maħsubin biex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi”, jista’ jiġi dedott mill-użu tat-termini identiċi fl-Artikolu 263(1) TFUE ( 41 ) li l-intenzjoni tal-leġiżlatur meta ppromulga l-Artikolu 42(1) TFUE tar-Regolament tal-UPPE kien li jiżgura li, f’sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju adattat għan-natura speċifika tal-UPPE, l-atti ta’ dan il-korp li normalment kellhom ikunu suġġetti għal stħarriġ mill-Qrati tal-Unjoni permezz ta’ rikors dirett jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-qrati nazzjonali, biex b’hekk tiġi żgurata l-konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta.

46.

Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li, kif isostnu espressament l-UPPE, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “li huma maħsubin biex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi” għall-għanijiet tal-Artikolu 263 TFUE tapplika għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament tal-UPPE. Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tiegħu, jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament id-dispożizzjonijiet jew il-miżuri kollha adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li huma maħsubin biex jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi ta’ persuna fiżika jew ġuridika, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha. Sabiex jiġi ddeterminat jekk att jipproduċix tali effetti u, għaldaqstant, jistax ikun is-suġġett ta’ tali rikors, għandu jsir riferiment għas-sustanza ta’ dan l-att u għandhom jiġu evalwati dawn l-effetti fir-rigward ta’ kriterji oġġettivi, bħalma huma l-kontenut tal-imsemmi att, b’teħid inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, tal-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll tas-setgħat tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu li jkun l-awtur tiegħu ( 42 ).

47.

Minn dak li ntqal hawn fuq wieħed jista’ jikkonkludi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jillimita, għal kategoriji speċifiċi, l-istħarriġ ġudizzjarju obbligatorju tal-atti proċedurali tal-UPPE li jipprovdi għalih l-Artikolu 42(1) tar-Regolament tal-UPPE. Moqri fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt preċedenti, bħala konsegwenza ta’ din id-dispożizzjoni, kull att proċedurali li Prosekutur Delegat Ewropew jadotta matul l-investigazzjonijiet tiegħu li huwa maħsub biex jipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi ta’ partijiet terzi, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħhom jeħtieġ li jkunu kapaċi li jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju minn qorti nazzjonali kompetenti. Ta’ min jgħid ukoll li mill-premessa 87 tar-Regolament tal-UPPE jirriżulta li l-espressjoni “terzi”, li għaliha jirreferi l-Artikolu 42(1) tiegħu, għandha tinftiehem f’sens wiesa’ li tinkludi “l-persuna suspettata” ( 43 ), “il-vittma” u “persuni interessati oħrajn li d-drittijiet tagħhom jistgħu jintlaqtu b’mod negattiv minn tali atti” ( 44 ).

48.

Il-qorti tar-rinviju u I.R.O. u F.J.L.R. jasserixxu li d-deċiżjoni tat‑2 ta’ Frar 2023 hija att proċedurali tal-UPPE li jipproduċi effetti legali għalihom, bħala persuni taħt investigazzjoni, peress li (a) tikser id-dritt tagħhom għal proċess f’terminu raġonevoli u (b) dikjarazzjoni ta’ xhieda addizzjonali minn Y.C. tista’ tiżvela evidenza inkriminanti li l-Prosekuturi Delegati Ewropej inkarigati mill-każ jistgħu jużaw fi proċedimenti kriminali kontrihom. Min-naħa l-oħra, l-UPPE, il-Gvern Franċiż u Spanjol u l-Kummissjoni jsostnu, abbażi ta’ argumenti differenti ( 45 ), li deċiżjoni ta’ Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ li jħarrek terza persuna biex tixhed ma hijiex miżura li l-effetti legali tagħha huma vinkolanti fuq, u kapaċi jaffettwaw l-interessi ta’, persuni taħt investigazzjoni billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħhom.

49.

Fl-astratt, jiena mhux konvint mill-argumenti mressqa f’isem I.R.O. u F.J.L.R. kif adottati mill-qorti tar-rinviju. Kif josservaw il-Gvern Franċiż u Spanjol u l-Kummissjoni, l-eżami ta’ xhud jista’ jkun fih provi li huma ta’ natura inkriminanti u ta’ natura li tiskaġuna. Huwa rilevanti li jiġi rrilevat, f’dan il-kuntest, li l-Artikolu 5(4) tar-Regolament tal-UPPE jipprevedi li “[l-]UPPE għandu jagħmel l-investigazzjonijiet tiegħu b’mod imparzjali u għandu jfittex l-evidenza kollha rilevanti, kemm ta’ ħtija kif ukoll ta’ innoċenza” ( 46 ). Il-Gvern Franċiż iżid li tali eżami jista’ jkollu bħala l-uniku għan li jiċċara ċerti fatti, li jipprovdi sfond, li jispjega mekkaniżmu kumpless lill-investigatur jew li jitfa’ dawl fuq il-personalità tal-persuni kkonċernati. Naqbel li filwaqt li t-taħrika u s-smigħ ta’ xhud jistgħu jtawlu t-terminu tal-proċedura, tali miżuri jistgħu jiffaċilitaw it-tmexxija ta’ investigazzjoni u, fi kwalunkwe każ, jikkontribwixxu għall-investigazzjoni bir-reqqa tal-allegazzjonijiet.

50.

Minkejja dawn l-osservazzjonijiet, jiena tal-fehma li l-kwistjoni dwar jekk deċiżjoni minn Prosekutur Delegat Ewropew li titħarrek terza persuna biex tidher bħala xhud hijiex att proċedurali maħsub biex iwassal għal effetti legali fil-konfront ta’ persuna investigata ma tistax tiġi evalwata u mwieġba b’mod ġenerali u astratt.

51.

L-UPPE ma joperax f’qasam legali wieħed u r-Regolament tal-UPPE jirregola l-proċedimenti tal-UPPE parzjalment biss ( 47 ). Fi kliem l-Avukat Ġenerali Ćapeta, “l-UPPE huwa fil-fatt korp wieħed u indiviżibbli, iżda jiffunzjona mingħajr liġi kriminali sostantiva jew proċedurali”, u “[d]awn il-kwistjonijiet jiddependu ħafna fuq id-dritt tal-Istati Membri, u dawn jistgħu jvarjaw f’termini ta’ soluzzjonijiet li huma jadottaw” ( 48 ). Minbarra d-drittijiet proċedurali tal-liġi tal-Unjoni li, skont l-Artikolu 41(2) tar-Regolament tal-UPPE, iridu jiġu ggarantiti “bħala minimu” lil persuni suspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali, bħala konsegwenza tad-dipendenza tar-Regolament tal-UPPE fuq il-liġi nazzjonali id-drittijiet tal-persuni kkonċernati minn tali proċeduri jvarjaw skont l-Istat Membru li fih l-UPPE jinvestiga u jipprosekwixxi reati. Bl-istess mod, il-fatt li l-Artikolu 30(5) tar-Regolament tal-UPPE jipprovdi li l-“proċeduri u l-modalitajiet għat-teħid tal-miżuri” imsemmija fil-paragrafi 1 u 4 ta’ dan l-artikolu huma rregolati mil-“liġi nazzjonali applikabbli” jista’ jkollu l-konsegwenza li att proċedurali, bħal taħrika ta’ xhieda, adottat minn Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ fi Stat Membru wieħed ma jkollux effetti legali fuq is-sitwazzjoni tal-persuni kkonċernati minn dak l-att, filwaqt li l-istess att proċedurali meħud fi Stat Membru ieħor ikollu tali effetti. Kif osservaw il-Gvern Franċiż u dak Olandiż waqt is-seduta, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-atti proċedurali tal-UPPE suġġetti għal stħarriġ quddiem il-qrati nazzjonali għalhekk aktarx ivarja skont il-liġi nazzjonali applikabbli. Ir-rekwiżit ta’ evalwazzjoni in concreto ta’ din il-kwistjoni jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li għaliha nagħmel riferiment fil-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li minnha jirriżulta li hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji oġġettivi hemmhekk imsemmija.

52.

Minħabba dak li ntqal iktar ’il fuq, fil-fehma tiegħi ma jkunx xieraq li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu pożizzjoni ġenerali dwar il-kwistjoni dwar jekk deċiżjoni li permezz tagħha Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ iħarrek terza persuna biex tidher quddiemu bħala xhud taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament tal-UPPE. Din il-kwistjoni fl-aħħar mill-aħħar għandha tiġi ddeterminata mill-qrati nazzjonali, li għandhom jivverifikaw jekk din id-deċiżjoni hijiex att maħsub biex iwassal għal effetti legali vinkolanti, u li jista’ jaffettwa l-interessi tat-terz ikkonċernat billi jbiddel b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu. Għal dan il-għan, il-qrati nazzjonali għandhom jeżaminaw is-sustanza tad-deċiżjoni u jevalwaw dawn l-effetti fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħalma huma l-kontenut tagħha, b’teħid inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, tal-kuntest tal-adozzjoni tagħha kif ukoll tas-setgħat tal-korp li jkun l-awtur tagħha. Jekk, qorti nazzjonali tikkonstata, mat-tlestija ta’ dan l-eżami, li d-deċiżjoni li permezz tagħha Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ issejjaħ terza persuna biex tidher quddiemu bħala xhud ma hijiex maħsuba biex twassal għal effetti legali fil-konfront ta’ persuni investigati, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi stħarriġ ġudizzjarju ta’ tali deċiżjoni tkun kompatibbli mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament tal-UPPE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, u l-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività.

53.

Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Asociaţia ‘Forumul Judecătorilor din România’et, l-Avukat Ġenerali Bobek jirrileva li individwu li jixtieq jinvoka l-Artikolu 47 tal-Karta biex jagħti prova ta’ dritt proċedurali ggarantit minn din id-dispożizzjoni għandu jkollu “dritt u libertà” ggarantita lilu mid-dritt tal-Unjoni li jixtieq jinforza quddiem qorti ( 49 ). Jiena naqbel mal-Kummissjoni li, jekk deċiżjoni li tissejjaħ terza persuna bħala xhud ma tkunx maħsuba biex twassal għal effetti legali fil-konfront ta’ persuni investigati, il-pożizzjonijiet legali ta’ dawn il-persuni ma jiġux affettwati u għalhekk ma jistgħux jinvokaw dritt li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, u b’hekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta ssir superfluwa. Bl-istess mod, fl-assenza ta’ kwalunkwe effetti legali, il-kwistjoni dwar id-disponibbiltà ta’ rimedju effettiv skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ma tqumx. Fl-aħħar, jekk l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament tal-UPPE jew ta’ kwalunkwe att ieħor tal-Unjoni ma tagħti lill-persuni taħt investigazzjoni dritt li jikkontestaw quddiem il-qrati nazzjonali atti proċedurali tal-UPPE li ma humiex maħsubin biex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi, ma hemm l-ebda ksur tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività.

54.

Kieku qorti nazzjonali tikkonstata li deċiżjoni, bħal dik tat‑2 ta’ Frar 2023, hija att li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament tal-UPPE, din id-dispożizzjoni teħtieġ li tali deċiżjoni tkun “soġġett[a] għal stħarriġ ġudizzjarju mill-qrati nazzjonali kompetenti”. Fiex jikkonsisti dan l-istħarriġ ġudizzjarju? Fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, jeħtieġ li jkun hemm rikors dirett sabiex tiġi kkontestata l-validità ta’ din id-deċiżjoni?

55.

Fil-kawża preżenti, huwa paċifiku li, skont id-dritt Spanjol, deċiżjoni li permezz tagħha Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ isejjaħ terza persuna biex tidher quddiemu bħala xhud ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors dirett minn persuni investigati quddiem qorti nazzjonali. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tibbaża ruħha fuq il-premessa li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li l-atti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament tal-UPPE għandhom ikunu suġġetti għal kontestazzjoni permezz ta’ rikors dirett. Jidher għalhekk li jwarrab il-possibbiltà li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprovax jiddefinixxi r-regoli dettaljati li taħthom tali atti setgħu jiġu mistħarrġa ġudizzjarjament, bir-riżultat li tali stħarriġ jista’ jsir indirettament ( 50 ). Min-naħa l-oħra, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Taljan isostni li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-atti proċedurali tal-UPPE li huma maħsubin biex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi ma jeħtieġx li jkun disponibbli rikors għall-annullament tagħhom. Huwa jispjega li, għall-kuntrarju tal-pożizzjoni fi Spanja, il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Taljan abolixxa l-imħallef inkwirenti, u fl-istess ħin ħassar kull kontroll ex ante ta’ att proċedurali tal-UPPE biex iħarrek terza persuna biex tixhed. Il-qorti kriminali għandha minflok il-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi dwar il-legalità tal-provi kollha mressqa quddiemha u, fejn xieraq, li tinjorahom ( 51 ). Waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-UPPE u l-Gvern Franċiż, Olandiż u Spanjol kollha insistew li l-kontroll ġudizzjarju inċidentali tal-validità tal-atti proċedurali tal-UPPE jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament tal-UPPE. L-UPPE aċċetta li ma kien hemm l-ebda rimedju legali dirett kontra d-deċiżjonijiet tal-Prosekuturi Delegati Ewropej li jaċċettaw miżuri ta’ investigazzjoni. Huwa sostna li d-dritt Spanjol jipprovdi diversi rimedji inċidentali għall-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali miżuri matul il-fażi ta’ investigazzjoni u, wara li din tkun ingħalqet, fl-istadju orali ta’ proċess kriminali, biex b’hekk jiggarantixxi d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u rispett għad-drittijiet tad-difiża. Il-Gvern Franċiż, Olandiż u dak Spanjol kienu tal-istess opinjoni.

56.

L-Artikolu 42(1) tar-Regolament tal-UPPE jagħti marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri, fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tagħhom, meta jippreċiża li l-istħarriġ ġudizzjarju previst taħtu għandu jsir “f’konformità mar-rekwiżiti u l-proċeduri stipulati mil-liġi nazzjonali” ( 52 ). Din id-dispożizzjoni ma tiddeterminax in-natura ta’ tali “stħarriġ” jew it-tip ta’ deċiżjoni li qorti nazzjonali tista’ tieħu meta teżerċitah.

57.

Il-premessa 88 tar-Regolament tal-UPPE teħtieġ li, fl-istħarriġ quddiem il-qrati nazzjonali tal-legalità tal-atti proċedurali tal-UPPE li huma maħsubin biex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi, “għandhom jiġu żgurati rimedji effettivi f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE”. Din id-dispożizzjoni tat-Trattat timponi obbligu fuq l-Istati Membri li jipprovdu rimedju effettiv għal kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jiġu vvjolati, li jikkorrispondi għal dak stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Dan jinkludi d-dritt li jiġi kkontestat quddiem qorti kwalunkwe att li jaffettwa ħażin lil persuna u li jista’ jivvjola dawn id-drittijiet u l-libertajiet, iżda ma jeħtieġx id-disponibbiltà ta’ rimedju dirett bl-għan prinċipali li tiġi kkontestata l-validità ta’ miżura partikolari. Huwa għalhekk biżżejjed li jkun hemm mill-inqas rimedju legali wieħed jew iktar disponibbli quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti biex jippermetti lid-detentur ta’ dak id-dritt li jikseb stħarriġ indirett tal-legalità ta’ miżura sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-drittijiet u l-libertajiet li d-dritt tal-Unjoni jiggarantixxi lil dik il-persuna ( 53 ). Fil-kawża preżenti, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-persuni investigati jistgħux jikkontestaw indirettament il-legalità ta’ deċiżjoni li permezz tagħha Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ iħarrek terza persuna biex tidher bħala xhud.

58.

Indipendentement mill-eżistenza ta’ din il-possibbiltà, sabiex tingħata risposta sħiħa għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tindika wkoll jekk il-proċedimenti deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju jikkonformawx mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, li għalihom l-ewwel paragrafu tal-premessa 88 tar-Regolament tal-UPPE jirreferi espressament.

59.

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-aspetti proċedurali tar-rikorsi ġudizzjarji intiżi li tiġi żgurata s-salvagwardja tad-drittijiet tal-partijiet fil-kawża, bis-saħħa tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali. Dan ir-rekwiżit huwa suġġett għall-kundizzjoni li dawn il-modalitajiet ma jkunux, fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet ikkonferiti mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) ( 54 ).

60.

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, id-dritt tal‑Unjoni ma għandux l-effett li jġiegħel lill-Istati Membri jistabbilixxu rimedji legali differenti minn dawk stabbiliti mid-dritt intern, sakemm, madankollu, mill‑istruttura tal-ordinament ġuridiku nazzjonali inkwistjoni jirriżulta li ma jeżisti ebda rimedju ġudizzjarju li jippermetti, anki jekk b’mod inċidentali, li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, jew li l-uniku mod effettiv ta’ aċċess għal qorti huwa li l-partijiet fil-kawża jiġu mġiegħla jiksru l-liġi ( 55 ). Jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-validità tal-miżuri kkontestati tista’ tiġi effettivament aġġudikata b’mezzi indiretti, ma jidhirx li jkun hemm raġuni biex jiġi kkonstatat li l-proċedimenti deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju jiksru l-prinċipju ta’ effettività.

61.

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju tindika li, filwaqt li r-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli għall-UPPE jipprekludu l-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju dirett ta’ deċiżjoni li permezz tagħha Prosekutur Delegat Ewropew issejjaħ terza persuna biex tidher bħala xhud, deċiżjoni ekwivalenti meħuda taħt il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tista’ tkun is-suġġett ta’ appell lill-imħallef inkwirenti jew lil qorti superjuri. Minn dan isegwi li l-persuni taħt investigazzjoni jidhru li jinsabu f’pożizzjoni differenti, u ta’ żvantaġġ, meta jasserixxu drittijiet li jirriżultaw direttament mid-dritt tal-Unjoni meta mqabbla ma’ sitwazzjoni meta dawn jasserixxu drittijiet li jirriżultaw mill-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher, kif anki jasserixxu kemm il-qorti tar-rinviju u kemm I.R.O. u F.J.L.R., li l-proċeduri deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju ma humiex konformi mal-prinċipju ta’ ekwivalenza.

62.

Huwa minnu li l-UPPE u l-Gvern Spanjol jikkontestaw l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-qorti tar-rinviju, u jsostnu, essenzjalment, li, skont ċertu ġurisprudenza domestika, l-Artikolu 311 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, li jipprovdi li d-deċiżjonijiet li jiġu adottati miżuri ta’ investigazzjoni mfittxija mill-partijiet ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ appell, jista’ japplika. Bi tweġiba għal dan, huwa biżżejjed li wieħed ifakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, li għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u li għandha tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni li tagħti l-qorti nazzjonali hijiex korretta, peress li tali interpretazzjoni taqa’ fil-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati nazzjonali ( 56 ).

Konklużjoni

63.

Għalhekk nagħti parir lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrispondi għad-domandi preliminari tal-Juzgado Central de Instrucción no°6 de la Audiencia Nacional (il-Qorti Istruttorja Ċentrali Nru 6 tal-Qorti Nazzjonali, Spanja) b’dan il-mod:

L-Artikolu 42(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat‑12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività

għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha persuni li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ma jistgħux jikkontestaw direttament quddiem qorti nazzjonali kompetenti deċiżjoni li permezz tagħha, fil-kuntest ta’ tali investigazzjoni, il-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ iħarrek lil partijiet terzi biex jidhru bħala xhieda meta din id-deċiżjoni tkun maħsuba biex tipproduċi effetti legali fil-konfront ta’ tali persuni. Din il-kwistjoni għandha tiġi ddeterminata mill-qorti nazzjonali, li għandha tivverifika jekk din id-deċiżjoni hijiex att maħsub biex iwassal għal effetti legali vinkolanti, u li jista’ jaffettwa l-interessi ta’ dawk il-persuni billi jbiddel b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħhom. Għal dan il-għan, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina s-sustanza tad-deċiżjoni u tevalwa l-effetti tagħha fir-rigward ta’ kriterji oġġettivi, bħalma huma l-kontenut tagħha, b’teħid inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, tal-kuntest tal-adozzjoni tagħha u kif ukoll tas-setgħat tal-korp li jkun l-awtur tagħha.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat‑12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU 2017, L 283, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-UPPE”). Ir-Regolament tal-UPPE ġie adottat permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa skont l-Artikolu 86 TFUE. Meta użat fir-regolament, it-terminu “Stat Membru” normalment jirreferi għall-Istati Membri parteċipanti. (l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-UPPE).

( 3 ) L-Artikolu 3(1), l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal‑UPPE.

( 4 ) L-Artikolu 8(2) sa (4) tar-Regolament tal-UPPE.

( 5 ) L-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-UPPE.

( 6 ) Skont l-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 28(1) tar-Regolament tal-UPPE, il-Prosekutur Delegat Ewropew responsabbli mill-investigazzjonijiet u mill-prosekuzzjonijiet mibdija minnu, li ġew fdati lilu jew li ġie adit bihom bl-eżerċizzju tad-dritt ta’ evokazzjoni tiegħu (iktar ’il quddiem il-“Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ”), jista’, konformement ma’ dan ir-regolament u mal-liġi tal-Istat Membru tiegħu, jieħu miżuri ta’ investigazzjoni u miżuri oħra fuq inizjattiva tiegħu stess, jew jinkariga lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tiegħu sabiex jieħdu dawn il-miżuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, G. K. et (Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew),C‑281/22, EU:C:2023:1018, punt 43).

( 7 ) L-Artikolu 13(1) u (3) u l-premessa 43 tar-Regolament tal-UPPE.

( 8 ) Isir riferiment ukoll għat-tieni paragrafu tal-premessa 88 tar-Regolament tal-UPPE.

( 9 ) L-Artikoli 26 sa 42 tar-Regolament tal-UPPE.

( 10 ) Il-leġiżlazzjoni Spanjola ħolqot l-uffiċċju tal-imħallef tal-garanziji sabiex jeżerċita kontroll ġudizzjarju fuq l-attivitajiet tal-UPPE bħala investigatur (ara l-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 11 ) L-Artikolu 42(1) tar-Regolament tal-UPPE jagħti wkoll ġurisdizzjoni lill-qrati nazzjonali biex jirrevedu nuqqas mill-UPPE li jadotta att proċedurali li huwa kien meħtieġ li jadotta taħt dan ir-regolament u li huwa maħsub li jkollu tali effetti. Din il-kawża ma tinvolvix l-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni.

( 12 ) BOE Nru 157, 2 ta’ Lulju 2021, p. 78523.

( 13 ) Reat stabbilit fl-Artikolu 308 jew, fejn applikabbli, l-Artikolu 306 tal-Ley Orgánica 10/1995 del Código Penal (il-Kodiċi Kriminali) tat‑23 ta’ Novembru 1995 (BOE Nru 281 tal‑24 ta’ Novembru 1995, p. 33987).

( 14 ) Id-digriet tar-rinviju jsemmi d‑9 ta’ Ġunju 2021. Mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Spanjol u tal-UPPE jidher li d-digriet huwa datat id‑9 ta’ Ġunju 2022.

( 15 ) Abbażi, rispettivament, tal-Artikolu 308 jew, fejn applikabbli, tal-Artikolu 306 tal-Kodiċi Kriminali u tal-Artikoli 390 u 392 ta’ tal-istess Kodiċi.

( 16 ) La Y.C. u lanqas I.M.B. ma kkontestaw id-deċiżjoni tat‑2 ta’ Frar 2023.

( 17 ) Il-qorti tar-rinviju tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 410 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, li jipprovdi li “l-persuni kollha li joqogħdu fit-territorju Spanjol, kemm jekk ċittadini [Spanjoli] kif ukoll jekk ċittadini barranin, li ma humiex esklużi milli jagħmlu dan, huma obbligati li jidhru, bi tweġiba għal taħrika ġudizzjarja li tikkonforma mal-formalitajiet stabbiliti mil-liġi, biex jiddikjaraw dak kollu li jafu fir-rigward tal-mistoqsijiet magħmula lilhom.” Hija żżid li, skont l-Artikolu 420 ta’ dan il-kodiċi, jekk il-persuna mħarrka bħala xhud tonqos milli tidher, din tista’ tiġi mmultata jew detenuta għar-reat ta’ tfixkil tal-ġustizzja.

( 18 ) Il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikolu 433 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, li fil-paragrafu 2 tiegħu jipprovdi li “x-xhieda li jkunu laħqu l-età maġġuri għandhom jaħilfu jew iwiegħdu solennement li jiddikjaraw dak kollu li jafu bi tweġiba għall-mistoqsijiet u l-imħallef huwa meħtieġ li jinfurmahom, b’lingwaġġ ċar u li jinftiehem, bl-obbligu tagħhom li jgħidu l-verità u bil-possibbiltà li jwettqu r-reat ta’ sperġur fi proċeduri kriminali”.

( 19 ) L-Artikolu 766(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprovdi li “d-deċiżjonijiet tal-imħallef inkwirenti u tal-imħallef kriminali, li ma humiex eżenti minn appell, jistgħu jkunu suġġetti għal azzjoni ta’ tibdil tad-deċiżjoni jew għal appell […]”.

( 20 ) Sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Baltijas Starptautiskā Akadēmija u Stockholm School of Economics in Riga (C‑164/21 u C‑318/21, EU:C:2022:785, punti 3233 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 22 ) Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura tal-Artikolu 267 TFUE hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Minn din il-perspettiva, jekk ikun il-każ, huwa l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jsirulha (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, Direktor na Glavna direktsiaNatsionalna politsia pri MVR – Sofia (C‑118/22, EU:C:2024:97, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata)).

( 23 ) Il-Gvern Spanjol jipproponi li d-domandi jiġu fformulati mill-ġdid billi tingħata risposta waħda għall-ewwel żewġ domandi u l-aħħar żewġ domandi jiġu kkunsidrati flimkien. Fid-dawl tal-parir tiegħi dwar l-ammissibbiltà tat-tieni domanda, dan l-approċċ jidher insostenibbli.

( 24 ) Ara l-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 25 ) Taqsima II tal-preambolu tal-Liġi 9/2021.

( 26 ) F’dan il-każ, l-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali).

( 27 ) Taqsima IV tal-preambolu tal-Liġi 9/2021. L-Artikolu 8 tal-Liġi 9/2021 jipprovdi li “[f]il-qafas tal-proċedura rregolata mil-[Liġi 9/2021]”, l-imħallef tal-garanziji għandu ġurisdizzjoni biex “jiddeċiedi appelli mid-deċiżjonijiet tal-Prosekutur Delegat Ewropew”.

( 28 ) Herrnfeld, H.-H., Brodowski, D. u Burchard, C. josservaw li “l-Artikolu 42(1) tar-Regolament tal-UPPE għandu jiġi interpretat bħala li mhux biss jagħti kompetenza lill-Istat Membru li jeżerċita stħarriġ ġudizzjarju ‘skont ir-rekwiżiti u l-proċeduri stabbiliti mil-liġi nazzjonali’, iżda anki interpretati fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 19(1) TUE, li jeħtieġu lill-Istati Membri jiżguraw livell ta’ protezzjoni li jkun (tal-inqas) ekwivalenti għall-protezzjoni ġudizzjarja li l-[Qorti tal-Ġustizzja] tipprovdi taħt l-Artikolu 263 TFUE kieku r-Regolament tal-UPPE ma kienx ‘ittrasferixxa’ din ir-responsabbiltà lill-qrati nazzjonali” (European Public Prosecutor’s Office, Article-by-Article Commentary, Nomos, Baden-Baden, 2021, p. 420).

( 29 ) Sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (il-Qorti Suprema (l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi) – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 89).

( 30 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Deutsche Umwelthilfe, (C‑752/18, EU:C:2019:1114, punt 34 u s-sentenzi ċċitati).

( 31 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, AUTOTECHNICA FLEET SERVICES (C‑278/22, EU:C:2023:1026, punt 39 u s-sentenzi ċċitati).

( 32 ) Ara, madankollu, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 33 ) Ara l-punt 1 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 34 ) Skont l-Artikoli 263 u 265 TFUE. L-Artikolu 86(3) TFUE jipprovdi li r-regolamenti tal-Kunsill biex jistabbilixxu l-UPPE għandhom jiddeterminaw, inter alia, “r-regoli applikabbli għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-miżuri proċedurali meħuda [mill-UPPE] fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu”. Il-premessa 86 tar-Regolament tal-UPPE, li tirreferi għal din id-dispożizzjoni, tippreċiża li l-kompetenza mogħtija lil-leġiżlatur tal-Unjoni “tirrifletti n-natura speċifika tax-xogħol u l-istruttura tal-UPPE, li hija differenti minn dik tal-korpi u l-aġenziji l-oħrajn kollha tal-Unjoni u teħtieġ regoli speċjali fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju”. Permezz tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament tal-UPPE, il-Kunsill qies li kien xieraq li l-qrati nazzjonali jkunu fdati b’ġurisdizzjoni biex iwettqu stħarriġ ġudizzjarju tal-atti proċedurali tal-UPPE fid-dawl tan-natura ibrida ta’ dak il-korp u l-fatt li jopera fil-biċċa l-kbira tiegħu abbażi ta’ liġi nazzjonali meta jwettaq investigazzjonijiet u jieħu miżuri oħra (ara, fuq dan l-aħħar punt, l-Artikoli 30 u 31, u l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-premessa 87 tar-Regolament tal-UPPE). Kif isostnu l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li “dik is-sistema kienet iktar koerenti u ħadmet aħjar, peress li, skont l-Artikolu 86(2) TFUE, l-[UPPE] iressaq proċeduri kriminali quddiem il-qrati kompetenti tal-Istati Membri”. Din għandha l-vantaġġ ulterjuri li tevita l-qsim tal-kontroll ġudizzjarju bejn il-Qrati tal-Unjoni waqt l-investigazzjoni u l-qrati nazzjonali matul il-proċess, filwaqt li tqis il-fatt li tali kontroll jiġi eżerċitat skont ir-Regolament 2017/1939 u d-dritt tal-Unjoni, supplimentata, fil-biċċa l-kbira, minn regoli proċedurali nazzjonali”.

( 35 ) Inkluż permezz ta’ ġurisdizzjoni li jingħataw sentenzi preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE (ara l-Artikolu 42(2) tar-Regolament tal-UPPE).

( 36 ) L-Artikolu 42(3) tar-Regolament tal-UPPE jeżenta mill-paragrafu 1 id-deċiżjoni tal-UPPE li jiċħad każ skont l-Artikolu 39. Fir-rigward tal-possibbiltà għar-rikorrenti privileġġjati li jikkontestaw l-atti proċedurali tal-UPPE quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ara l-premessa 89 tar-Regolament tal-UPPE. Ara wkoll l-Artikolu 42(2)(a) tar-Regolament tal-UPPE, li jagħti ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti sentenzi preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE dwar il-validità ta’ atti proċedurali tal-UPPE, sa fejn tali kwistjoni titqajjem quddiem qorti nazzjonali abbażi tal-liġi tal-Unjoni.

( 37 ) Ara wkoll ir-riferimenti għall-Artikolu 263(4) TFUE fl-Artikolu 42(3) u (8) tar-Regolament tal-UPPE.

( 38 ) Din l-espressjoni tagħmilha possibbli wkoll li ssir distinzjoni bejn atti proċedurali tal-UPPE li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament tal-UPPE, u għalhekk suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju mill-qrati nazzjonali, u atti tal-UPPE li ma humiex maħsubin biex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi. It-tielet paragrafu tal-premessa 87 tar-Regolament tal-UPPE jiċċara li l-qrati nazzjonali huma intitolati, iżda mhux obbligati, li jeżerċitaw stħarriġ ġudizzjarju ta’ dawn tal-aħħar skont il-liġi domestika tagħhom.

( 39 ) Il-letteratura legali tidher li taqbel ma’ din il-fehma: ara, pereżempju, Herrnfeld, H.-H., Brodowski, D. u Burchard, C., op. cit., pp. 409-410, u Luchtman, M., “Forum Choice and Judicial Review Under the EPPO’s Legislative Framework”, f’Geelhoed, W., Erkelens, L. u Meij, A. (edituri), Shifting Perspectives on the European Public Prosecutor’s Office, Asser Press, The Hague, 2018, p. 165.

( 40 ) Ara, b’mod partikolari, it-tieni paragrafu tal-premessa 87 tar-Regolament tal-UPPE, li jirreferi għal “[a]tti proċedurali li huma relatati mal-għażla tal-Istat Membru li l-qrati tiegħu ser ikollhom il-kompetenza li jisimgħu l-prosekuzzjoni,” u l-Artikolu 42(3) tagħha, li tirreferi għad-“deċiżjonijiet tal-UPPE li jiċħad każ”.

( 41 ) Ara l-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 42 ) Sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs SRB (C‑551/22 P, EU:C:2024:520, punt 65 u s-sentenzi ċċitati).

( 43 ) Fil-fehma tiegħi, il-kunċett ta’ “investigado” (persuna taħt investigazzjoni) fid-dritt Spanjol huwa ekwivalenti għal dak ta’ “persuna suspettata”.

( 44 ) Kif isostnu l-UPPE u l-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet tagħhom, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta parti mhux privileġġjata tippreżenta rikors għal annullament kontra att li ma huwiex id-destinatarju tiegħu, ir-rekwiżit li jipprovdi li l-effetti ġuridiċi vinkolanti tal-miżura kkontestata għandhom ikunu tali li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jemendaw b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tiegħu, jikkoinċidi mal-kundizzjonijiet imposti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li dan l-att għandu jkun ta’ interess dirett u individwali għal din il-persuna (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 38). Fil-fehma tiegħi, l-istess approċċ japplika għall-Artikolu 42(1) tar-Regolament tal-UPPE.

( 45 ) L-UPPE jsostni li d-dikjarazzjoni tax-xhieda ta’ Y.C. ma kinitx il-bażi għall-imputazzjoni tal-allegati reati lil I.R.O. u F.J.L.R. Jekk il-Prosekuturi Delegati Ewropej inkarigati mill-każ kellhom jiġbru evidenza inkriminanti ġdida kontrihom minn dikjarazzjoni ta’ xhieda oħra minn Y.C., il-pożizzjoni legali tagħhom bħala persuni taħt investigazzjoni tibqa’ l-istess. Il-Kummissjoni ssostni li t-taħrika ta’ xhieda hija att purament preparatorju. Dikjarazzjoni ta’ xhud tikkonsisti f’fatti allegati li x’aktarx ma jipproduċux effett vinkolanti li jibdel il-pożizzjoni legali ta’ persuna suspettata. Effett legali vinkolanti jinħoloq fi stadju sussegwenti fil-proċedimenti meta, wara l-akkuża, l-istatus tal-persuna jinbidel minn dak ta’ persuna suspettata għal persuna akkużata; u, fl-aħħar mill-aħħar, fuq il-kundanna jew il-liberazzjoni ta’ dik il-persuna.

( 46 ) Ara wkoll id-drittijiet proċedurali li l-Artikolu 41 tar-Regolament tal-UPPE jiggarantixxi lil persuni suspettati u lil persuni akkużati.

( 47 ) Ara l-punti 1 u 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 48 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ćapeta fil-kawża G. K. et (Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew) (C‑281/22, EU:C:2023:510, punt 20).

( 49 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19 u C‑355/19, EU:C:2020:746, punt 197).

( 50 ) Il-qorti tar-rinviju tiċħad l-argument tal-Prosekuturi Delegati Ewropej ibbażat fuq l-Artikolu 29 tal-Liġi 9/2021, li jikkonċerna, fi kwalunkwe każ, sitwazzjoni li ma għandha l-ebda effett fuq dan ir-rinviju, jiġifieri dik ta’ persuni investigati li jiġu mħarrka tard biex jidhru għall-ewwel smigħ għall-komunikazzjoni ta’ fatti u provi. L-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-UPPE, mill-Gvern Franċiż u Spanjol u mill-Kummissjoni ma jikkontestawx il-premessa tal-qorti tar-rinviju.

( 51 ) Bl-istess mod, l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Spanjol jindikaw li l-Artikolu 42(1) tar-Regolament tal-UPPE ma jeżiġix li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-atti proċedurali tal-UPPE għandu jseħħ immedjatament wara l-adozzjoni tagħhom u/jew qabel l-implimentazzjoni tagħhom.

( 52 ) Permezz tal-premessa 12 tar-Regolament tal-UPPE: “[…] Billi l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri, it-tisħiħ tal-ġlieda kontra reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-istabbiliment tal-UPPE, […] jistgħu […] jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet u jiżgura li l-impatt tiegħu fuq is-sistemi legali u l-istrutturi istituzzjonali tal-Istati Membri jkun l-inqas intrużiv possibbli.”

( 53 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt ta’ rikors minn talba għal informazzjoni fi kwistjonijiet fiskali) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punti 475557 sa 59646779 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 54 ) Sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2024, Artemis security (C‑367/23, EU:C:2024:529, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 55 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia (C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 56 ) Sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2019, UniCredit Leasing (C‑242/18, EU:C:2019:558, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq