Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62022CC0425
Opinion of Advocate General Emiliou delivered on 8 February 2024.#MOL Magyar Olaj- és Gázipari Nyrt. v Mercedes-Benz Group AG.#Request for a preliminary ruling from the Kúria.#Reference for a preliminary ruling – Judicial cooperation in civil and commercial matters – Jurisdiction and the recognition and enforcement of judgments in civil and commercial matters – Regulation (EU) No 1215/2012 – Article 7(2) – Jurisdiction in tort, delict or quasi-delict – Place where the damage occurred – Cartel declared contrary to Article 101 TFEU and Article 53 of the Agreement on the European Economic Area – Subsidiaries established in different Member States – Direct damage exclusively suffered by subsidiaries – Action for damages from the parent company – Concept of ‘economic unit’.#Case C-425/22.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Emiliou, ippreżentati fit-8 ta’ Frar 2024.
MOL Magyar Olaj- és Gázipari Nyrt. vs Mercedes-Benz Group AG.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Kúria.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjoni tal-qrati, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Il-punt 2 tal-Artikolu 7 – Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ delitt jew kważi-delitt – Post fejn immaterjalizza d-dannu – Akkordju ddikjarat li jmur kontra l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea – Kumpanniji sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri differenti – Dannu dirett imġarrab esklużivament mill-kumpanniji sussidjarji – Azzjoni għad-danni tal-kumpannija omm – Kunċett ta’ ‘unità ekonomika’.
Kawża C-425/22.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Emiliou, ippreżentati fit-8 ta’ Frar 2024.
MOL Magyar Olaj- és Gázipari Nyrt. vs Mercedes-Benz Group AG.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Kúria.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjoni tal-qrati, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Il-punt 2 tal-Artikolu 7 – Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ delitt jew kważi-delitt – Post fejn immaterjalizza d-dannu – Akkordju ddikjarat li jmur kontra l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea – Kumpanniji sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri differenti – Dannu dirett imġarrab esklużivament mill-kumpanniji sussidjarji – Azzjoni għad-danni tal-kumpannija omm – Kunċett ta’ ‘unità ekonomika’.
Kawża C-425/22.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2024:131
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
EMILIOU
ippreżentati fit‑8 ta’ Frar 2024 ( 1 )
Kawża C‑425/22
MOL Magyar Olaj‑ és Gázipari Nyrt.
vs
Mercedes‑Benz Group AG
[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni fil-qasam tad-delitt jew kważi delitt – Azzjoni għad-danni dovuti għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni – Dannu subit mis-sussidjarji – Post fejn seħħ l-avveniment dannuż – Sede tal-kumpannija omm – Unità ekonomika”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Fl‑2016, il-Kummissjoni Ewropea adottat deċiżjoni li tikkonkludi li, bil-kollużjoni tagħhom fuq il-prezz tal-katalogu gross għal trakkijiet medji u tqal, diversi impriżi – inkluż Mercedes-Benz Group AG (iktar ’il quddiem “il-konvenut”) – kienu kisru l-projbizzjoni stabbilita, inter alia, fl-Artikolu 101 TFUE ( 2 ). Dik id-deċiżjoni wasslet għal serje ta’ azzjonijiet għad-danni, li wħud minnhom taw lok għal rinviji għal deċiżjoni preliminari li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiċċara l-interpretazzjoni korretta tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 ( 3 ) sabiex jiġi ddeterminat liema qrati għandhom jieħdu konjizzjoni ta’ tali azzjonijiet ( 4 ). |
|
2. |
Din it-talba tqajmet f’kuntest simili u titlob l-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament, essenzjalment, fir-rigward tal-punt dwar jekk kumpannija omm tistax tibbaża ruħha fuq il-kunċett tad-dritt tal-kompetizzjoni ta’ unità ekonomika sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ fejn hija għandha s-sede tagħha sabiex tieħu konjizzjoni u tiddeċiedi l-azzjoni għad-danni li ġew subiti mis-sussidjarji tagħha. |
|
3. |
B’mod iktar speċifiku, MOL Magyar Olaj- és Gázipari Nyrt. (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”), stabbilita fl-Ungerija, għandha holding ta’ kontroll fil-kumpanniji li jappartjenu lill-grupp MOL li huma stabbiliti f’diversi Stati Membri. Dawn is-sussidjarji indirettament xtraw trakkijiet mingħand il-konvenut bi prezzijiet li allegatament kienu distorti minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni stabbilit fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija iktar ’il fuq. Fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti qiegħda titlob lill-qrati Ungeriżi jikkundannaw lill-konvenut, li għandu d-domiċilju tiegħu fil-Ġermanja, għall-ħlas ta’ kumpens fir-rigward tad-differenza mħallsa żejda, minħabba l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. |
|
4. |
Skont ir-Regolament Nru 1215/2012, id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni hija rregolata mir-regola ġenerali tad-domiċilju tal-konvenut ( 5 ). Din ir-regola hija suġġetta għal diversi eċċezzjonijiet, inkluża dik li hija applikabbli għal azzjonijiet ta’ delitt (bħal dik ineżami fil-kawża prinċipali), li permezz tagħha l-ġurisdizzjoni tista’ tiġi attribwita wkoll lill-qrati, inter alia, tal-post fejn ikun immaterjalizza d-dannu allegat ( 6 ). |
|
5. |
Madankollu, kemm il-qrati tal-ewwel istanza kif ukoll tal-appell iddeċidew li r-regola speċjali tal-ġurisdizzjoni ma setgħetx tiġi applikata fil-kawża prinċipali u li għaldaqstant il-qrati Ungeriżi ma kellhomx il-ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jieħdu konjizzjoni u jiddeċiedu t-talba tar-rikorrenti. Fi ftit kliem, dan kien minħabba l-fatt li t-trakkijiet inkwistjoni ma kinux inxtraw mir-rikorrenti, iżda mis-sussidjarji tagħha (li effettivament kienu l-entitajiet li kienu ġarrbu d-dannu fil-forma ta’ prezz artifiċjalment miżjud). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) issa qiegħda titlob kjarifika dwar jekk tali ġurisdizzjoni tistax tiġi stabbilita abbażi tal-fatt li s-sede tar-rikorrenti hija fl-Ungerija. Hija tistaqsi wkoll jekk huwiex rilevanti għal din l-evalwazzjoni l-fatt li wħud mis-sussidjarji kkonċernati kienu għadhom ma sarux parti mill-grupp tar-rikorrenti fil-mument tax-xiri tat-trakkijiet inkwistjoni. |
|
6. |
Id-domanda tal-qorti tar-rinviju tidher li hija msejsa fuq id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li s-sede tar-rikorrenti huwa l-post fejn id-dannu ġie finalment subit peress li r-rikorrenti u s-sussidjarji affettwati jappartjenu lill-istess unità ekonomika. |
|
7. |
Kif sejjer nispjega iktar fid-dettall f’dawn il-konklużjonijiet, dan il-kunċett ġie żviluppat fid-dritt tal-kompetizzjoni u applikat, inter alia, sabiex jissaħħaħ l-infurzar tiegħu. Dan ġie invokat b’mod partikolari, għall-finijiet tal-attribuzzjoni tar-responsabbiltà lil konvenuta għal ksur li effettivament twettaq minn persuna (legali) oħra, dment li ż-żewġ kumpanniji jifformaw parti mill-istess unità ekonomika. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-mistoqsija ċentrali li tqum fil-kawża preżenti hija dwar jekk dan il-kunċett jistax jiġi invokat ukoll sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni fil-kuntest ta’ talba għad-danni, irrispettivament minn jekk ir-rikorrent huwiex il-persuna (ġuridika) li inizjalment ġarrbet il-ħsara sottostanti. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
|
8. |
Il-premessa 15 tar-Regolament Nru 1215/2012 tiddikjara li “[r]-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. […]” |
|
9. |
Skont il-premessa 16 tar-Regolament Nru 1215/2012 “[b]arra d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi […]” |
|
10. |
Il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 jinkludi fih regoli dwar il-ġurisdizzjoni. It-Taqsima 1 ta’ dan il-kapitolu tistabbilixxi dispożizzjonijiet, inkluż l-Artikolu 4(1) li jipprovdi li “[s]oġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, indipendentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru”. |
|
11. |
Skont l-Artikolu 5(1) li jifforma parti mill-istess taqsima: “Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jitressqu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla fit-Taqsimiet 2 sa 7 [tal-Kapitolu II].” |
|
12. |
It-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 hija dwar il-“Ġurisdizzjoni speċjali”. Din tinkludi fiha, inter alia, l-Artikolu 7(2) li skontu persuna li għandha d-domiċilju tagħha fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor, “fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”. |
III. Il‑fatti, il‑proċeduri nazzjonali u d‑domandi preliminari
|
13. |
Fid-deċiżjoni tagħha tad‑19 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni kkonkludiet li, billi pparteċipa f’kollużjoni fuq il-prezz tal-katalogu gross għal trakkijiet medji u trakkijiet tqal fiż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem iż-“ŻEE”), il-konvenut, li għandu s-sede tiegħu fil-Ġermanja, flimkien ma’ kumpanniji oħrajn, kien ipparteċipa f’akkordju bejn is‑17 ta’ Jannar 1997 u t‑18 ta’ Jannar 2011, li kien jikkostitwixxi ksur kontinwu tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101 TFUE u fl-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea ( 7 ). Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ksur kien ikopri ż-ŻEE kollha. |
|
14. |
Ir-rikorrenti hija kumpannija stabbilita fl-Ungerija. Hija għandha holding ta’ kontroll f’kumpanniji li jappartjenu lill-grupp MOL. Din il-kumpannija hija jew l-azzjonista maġġoritarja jew inkella għandha xi forma oħra ta’ setgħa ta’ kontroll esklużiv fuq numru ta’ kumpanniji, bħal MOLTRANS, stabbilita fl-Ungerija; INA, stabbilita fil-Kroazja; Panta u Nelsa, stabbiliti fl-Italja; ROTH, stabbilita fl-Awstrija; u SLOVNAFT, stabbilita fis-Slovakkja. Matul il-perijodu ta’ ksur identifikat fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, dawn is-sussidjarji xtraw indirettament, jew bħala sidien jew b’leasing taħt arranġament ta’ leasing finanzjarju, 71 trakk mingħand il-konvenut f’diversi Stati Membri differenti. |
|
15. |
Ir-rikorrenti talbet, quddiem il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem il-“qorti tal-ewwel istanza”), li l-konvenut jiġi kkundannat iħallas EUR 530851 bl-interessi u bl-ispejjeż, filwaqt li argumentat li dan il-ħlas kien jirrappreżenta l-ammont li s-sussidjarji tagħha kienu ħallsu żejjed bħala konsegwenza tal-aġir antikompetittiv stabbilit fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Filwaqt li bbażat ruħha fuq il-kunċett ta’ unità ekonomika, hija sostniet it-talbiet tas-sussidjarji għad-danni kontra l-konvenut. Għal dan l-għan, hija pprovat tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tal-qrati Ungeriżi abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, billi sostniet li s-sede tagħha, bħala ċ-ċentru tal-interessi ekonomiċi u finanzjarji tal-grupp, kien il-post fejn finalment seħħ l-avveniment dannuż fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
16. |
Il-konvenut oġġezzjona fuq il-bażi li l-qrati Ungeriżi ma kellhomx ġurisdizzjoni. |
|
17. |
Il-qorti tal-ewwel istanza laqgħet l-oġġezzjoni u osservat li r-regola dwar il-ġurisdizzjoni speċjali taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandha tiġi interpretata b’mod ristrett u tista’ tiġi applikata biss jekk ikun hemm rabta partikolarment mill-qrib bejn il-qorti adita u s-suġġett tat-tilwima. Hija ddeċidiet li ma kinitx ir-rikorrenti li kienet ħallset il-prezzijiet miżjuda b’mod artifiċjali iżda s-sussidjarji tagħha (li għaldaqstant kienu ġarrbu l-ħsara minħabba d-distorsjoni tal-kompetizzjoni ineżami). Għall-kuntrarju, id-dannu tar-rikorrenti kien purament finanzjarju, fatt li ma jippermettix li s-sede tagħha jiġi ttrattat bħala l-post fejn immaterjalizza d-dannu fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 u ma jistax iwassal għall-istabbiliment tal-ġurisdizzjoni tal-qorti Ungeriża. |
|
18. |
Din il-pożizzjoni ġiet ikkonfermata fl-appell permezz ta’ digriet tal-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem il-“qorti tal-appell”). Dik il-qorti ddikjarat li konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-teorija tal-unità ekonomika hija applikabbli biss sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u li, essenzjalment, ma tapplikax għall-parti li tkun ġarrbet ħsara għall-finijiet tal-allokazzjoni tal-ġurisdizzjoni. Filwaqt li għamlet riferiment għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża CDC Hydrogen Peroxide ( 8 ), hija żiedet li l-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandha tiġi stabbilita b’riferiment għas-sede tal-kumpannija li ġarrbet it-telf u mhux għas-sede tal-kumpannija omm tagħha. |
|
19. |
Ir-rikorrenti appellat fuq punt ta’ liġi quddiem il-Kúria (il-Qorti Suprema), jiġifieri l-qorti tar-rinviju. Hija sostniet li d-digriet mogħti mill-qorti tal-appell għandu jiġi annullat u li l-proċeduri għandhom jitkomplew quddiem il-qorti adita preċedentement. Essenzjalment, hija argumentat li t-teorija ta’ unità ekonomika hija rilevanti għall-istabbiliment tal-ġurisdizzjoni fil-kuntest attwali u, li bħala l-unika kumpannija li tikkontrolla l-grupp, hija kkonċernata b’mod dirett mit-tranżazzjonijiet, ta’ profitt jew ta’ telf, tal-kumpanniji fi ħdan il-grupp. |
|
20. |
Fir-risposta tiegħu, il-konvenut iddikjara li r-rikorrenti ma kienet xtrat ebda wieħed mit-trakkijiet affettwati mill-akkordju, u, konsegwentement, ma ġarrbet l-ebda dannu. Barra min hekk, huwa sostna li t-teorija ta’ unità ekonomika ma hijiex applikabbli għad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni u li tali approċċ ma huwiex appoġġjat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
21. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kúria (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
22. |
Ir-rikorrenti, il-konvenut, il-Gvern Ċek u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. |
IV. Analiżi
|
23. |
Permezz tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju fl-ewwel lok tixtieq tkun taf jekk, meta kumpannija omm tippreżenta azzjoni għad-danni subiti biss mis-sussidjarji tagħha, minħabba ftehim kollużiv dwar l-iffissar ta’ prezzijiet u żieda fil-prezzijiet (li għaldaqstant jikser l-Artikolu 101 TFUE) ( 9 ), il-ġurisdizzjoni tal-qorti tistax tiġi stabbilita fuq il-bażi tal-fatt li s-sede tal-kumpannija omm huwa l-post fejn “l-avveniment dannuż jkun twettaq”, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012. Fit-tieni lok, dik il-qorti tixtieq tkun taf ukoll jekk ir-risposta għal din id-domanda hijiex affettwata mill-fatt li, fil-mument li fih is-sussidjarji xtraw l-oġġetti inkwistjoni, uħud minnhom kienu għadhom ma jifformawx parti mill-grupp tar-rikorrenti. |
|
24. |
Qabel ma nindirizza dawn id-domandi (C), sejjer nagħmel xi rimarki introduttorji dwar ir-regola tal-ġurisdizzjoni speċjali inkwistjoni u, b’mod partikolari, dwar in-natura tad-dannu li tista’ twassal għall-applikazzjoni tagħha. (A). Sejjer ukoll nagħmel riferiment għall-kjarifika li pprovdiet il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-kriterji ta’ rabta li jiddeterminaw liema qorti għandha tkun adita fil-kuntest speċifiku tal-azzjonijiet għad-danni wara ksur tal-Artikolu 101 TFUE (bħal dik pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju) (B). |
A. Ir‑regola ta’ ġurisdizzjoni inkwistjoni u n‑natura tad‑dannu
|
25. |
Fl-isfera legali tal-Unjoni, il-kwistjoni dwar liema qorti għandha ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawża li tinvolvi element transkonfinali għandha tiġi riżolta skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolament Nru 1215/2012. Kif diġà ssemma fil-qosor, ir-regola ġenerali stabbilita skont dan ir-regolament hija dik tad-domiċilju tal-konvenut ( 10 ). |
|
26. |
Din ir-regola hija suġġetta għal diversi eċċezzjonijiet fil-forma ta’ regoli speċjali u esklużivi dwar il-ġurisdizzjoni li jiddeskrivu sitwazzjonijiet li fihom il-konvenut jista’ jew għandu jiġi mħarrek fil-qorti ta’ Stat Membru ieħor. |
|
27. |
Il-kawża preżenti tikkonċerna waħda mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali, jiġifieri r-regola stabbilita fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 li tattribwixxi ġurisdizzjoni (alternattiva, opzjonali), fi kwistjonijiet marbuta ma’ delitti jew kważi delitti lill-“qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”. |
|
28. |
Fil-bidu, bis-sentenza Bier, u b’mod konsistenti matul il-ġurisprudenza sussegwenti tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett tal-“post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq” bħala li jkopri żewġ kategoriji: l-ewwel, il-post tal-avveniment li kkawża d-dannu (il-post fejn seħħ l-avveniment li ta lok għad-dannu); u t-tieni, il-post fejn immaterjalizza d-dannu (il-post fejn seħħ id-dannu) ( 11 ). Konsegwentement, taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, il-konvenut jista’ jiġi mħarrek fil-qorti ta’ wieħed minn dawn il-postijiet, skont fejn jagħżel ir-rikorrent ( 12 ). |
|
29. |
Din ir-regola tal-ġurisdizzjoni hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta partikolarment mill-qrib bejn it-tilwima u l-qorti li tieħu konjizzjoni tagħha u tiddeċidiha, “b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ viċinanza għat-tilwima u ta’ faċilità fl-amministrazzjoni tal-provi” ( 13 ) u dan kollu fid-dawl tal-importanza, f’azzjonijiet ta’ delitti, li tiġi stabbilita rabta kawżali bejn id-dannu allegat u l-kawża tiegħu. ( 14 ) |
|
30. |
Fl-istess ħin, din ir-regola tikkostitwixxi deroga mir-regola ġenerali li tgħid li l-ġurisdizzjoni għandha tkun ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Għal din ir-raġuni, għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv ( 15 ). |
|
31. |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li minkejja li “l-post fejn seħħ l-avveniment dannuż” jista’ jkun ukoll il-post fejn l-avveniment dannuż (kawżali) ħalla konsegwenzi tanġibbli (ara l-punt 28 iktar ’il fuq), dan ma jippermettix li l-ġurisdizzjoni ta’ qorti tiġi stabbilita sempliċiment fuq il-bażi tal-fatt li, waqt li kienet fit-territorju ġurisdizzjonali tal-qorti, il-vittma esperjenzat konsegwenzi negattivi ta’ avveniment li diġà kkawża dannu xi mkien ieħor ( 16 ). |
|
32. |
Effettivament, ġaladarba tali konsegwenzi negattivi jinħassu b’mod inevitabbli fid-domiċilju tar-rikorrenti, is-soluzzjoni kuntrarja ma tkunx tissodisfa r-rekwiżit tar-rabta mill-qrib bejn il-qorti adita u s-suġġett tat-tilwima billi ma hemm l-ebda raġuni inerenti li tiġġustifika l-preżunzjoni li d-domiċilju tar-rikorrent huwa, per se, l-iktar post adegwat sabiex jiġu ffaċilitati l-proċeduri legali għar-raġuni li l-provi dwar l-eżistenza u l-portata tad-dannu huma faċilment disponibbli fih. Barra minn hekk, f’ħafna każijiet, dik is-soluzzjoni tkun tippermetti lir-rikorrent iħarrek lill-konvenut fil-qorti tad-domiċilju tiegħu stess, u b’hekk, effettivament tikkonfuta kif trid ir-regola ġenerali tad-domiċilju tar-rikorrent ( 17 ). |
|
33. |
Għall-istess raġunijiet (li essenzjalment, jeħtieġu li l-Qorti tal-Ġustizzja adita skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandha tkun il-qorti tal-post tad-dannu inizjali), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li “l-post fejn seħħ l-avveniment dannuż” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ma jkoprix il-post fejn huma affettwati l-assi ta’ vittma indiretta ( 18 ). |
|
34. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal din il-konklużjoni f’kawża li fiha żewġ kumpanniji Franċiżi, li kellhom is-sede tagħhom f’Pariġi (Franza), stabbilixxew sussidjarji fil-Ġermanja sabiex jiġġestixxu proġett ta’ żvilupp ta’ proprjetà. Madankollu, il-banek Ġermaniżi rtiraw il-finanzjament tagħhom, fatt li wassal għall-insolvenza ta’ dawn is-sussidjarji. Il-kumpanniji omm Franċiżi ħarrku lill-banek Ġermaniżi f’Pariġi, fejn argumentaw li dan kien il-post fejn huma ġarrbu t-telf finanzjarju konsegwenti. |
|
35. |
Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza hija direttament rilevanti għal kawża preżenti. B’mod simili ħafna għall-fatti fil-kawża Dumez, mill-proċess tal-kawża jirriżulta li d-dannu allegat mir-rikorrenti ma huwiex dannu li affettwaha direttament, iżda pjuttost huwa dannu li inizjalment ġie subit mis-sussidjarji tagħha u li seta’ jaffettwaha biss “b’ricochet” ( 19 ). Fil-fatt, hemm qbil unanimu li r-rikorrenti la xtrat (direttament jew indirettament) xi trakkijiet mingħand il-konvenut, u lanqas ma ġiet issorrugata fid-drittijiet tas-sussidjarji affettwati, la b’ċessjoni tad-drittijiet għal kumpens rilevanti u lanqas b’xi mod ieħor ( 20 ). |
|
36. |
Huwa minnu, kif tinnota r-rikorrenti, li fis-sentenza fil-kawża Tibor-Trans (li kienet tirrigwarda l-istess aġir kollużiv bħal dak stabbilit fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni fil-kawża preżenti), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn dak il-każ u x-xenarju fil-kawża Dumez. Il-partikolarità tal-fatti fil-kawża Tibor-Trans kienet li r-rikorrenti f’dik il-kawża, utenti finali tat-trakkijiet, ma xtrat ebda trakk mingħand il-konvenut b’mod dirett, iżda għamlet dan permezz ta’ konċessjonarju. Madankollu, dan ma pprekludiex lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tiddeċiedi li t-talba tar-rikorrenti f’dak il-każ kienet tikkonċerna dannu dirett, peress li ġie konkluż li d-dannu kien il-konsegwenza diretta ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE, peress li l-ispiża addizzjonali li rriżultat mill-ftehim kollużiv ġiet ittrasferita fuq dik ir-rikorrenti mill-konċessjonarji ( 21 ). |
|
37. |
Tali trasferiment jista’ jseħħ fi ħdan katina ta’ provvista meta l-allegata vittma takkwista l-oġġetti (jew is-servizzi) li kienu s-suġġett ta’ akkordju ( 22 ). Madankollu, dan mhux qiegħed jiġi sostnut li ġara fil-kawża prinċipali. Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti jidher li tippreżenta bħala tagħha dak id-dannu inizjali subit mis-sussidjarji tagħha. |
|
38. |
Dawn il-kunsiderazzjonijiet jindikaw li, kif diġà ġie nnotat, ir-rikorrenti qiegħda taġixxi bħala vittma indiretta. Hija qiegħda titlob kumpens għal telf li kien diġà, u fl-ewwel lok, affettwa lil persuna ġuridika differenti. Fid-dawl ta’ dan kollu, nifhem l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju bħala li tistaqsi dwar jekk huwiex possibbli, minkejja dan il-fatt, li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni fuq il-bażi tal-kriterju ta’ rabta tas-sede tar-rikorrenti, ġaladarba li r-rikorrenti u s-sussidjarji affettwati jifformaw unità ekonomika waħda. |
|
39. |
Qabel ma nindirizza din il-kwistjoni, huwa neċessarju li nispjega għalfejn qabel kollox is-sede tar-rikorrenti qiegħed jiġi invokat bħala l-kriterju ta’ rabta applikabbli. Dan, min-naħa tiegħu, jirrikjedi li jiġi spjegat liema kriterji ta’ rabta ġew identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regola tal-ġurisdizzjoni inkwistjoni, fil-kuntest speċifiku tal-azzjonijiet għad-danni bbażati fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE. |
B. Kriterji ta’ rabta fil‑kuntest ta’ azzjonijiet għad‑danni bbażati fuq ksur tal‑Artikolu 101 TFUE
|
40. |
F’din it-taqsima, sejjer l-ewwel niddiskuti l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja (1) qabel ma nindirizza t-talba tal-Kummissjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara aspett speċifiku tagħha (2). |
1. Il‑ġurisprudenza rilevanti
|
41. |
Fir-rigward taż-żewġ kategoriji ta’ postijiet li jistgħu jikkostitwixxu l-“post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq” fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, kif deskritt iktar ’il fuq fil-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont l-ewwel kategorija (avveniment kawżali tat-telf) essenzjalment hija l-qorti tal-post li fih l-akkordju ġie definittivament konkluż ( 23 ). |
|
42. |
Fir-rigward tat-tieni kategorija, jiġifieri, il-post fejn seħħ id-dannu (immaterjalizza ruħu), ir-regola hija iktar kumplessa. |
|
43. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja qabel kollox iddeċidiet fis-sentenza CDC Hydrogen Peroxide li tali post huwa dak tas-sede tal-vittma. Hija ġġustifikat dan l-approċċ billi spjegat li l-evalwazzjoni rilevanti tiddependi fuq fatturi li huma marbuta speċifikament mas-sitwazzjoni tal-(allegata vittma) ( 24 ). |
|
44. |
Din is-soluzzjoni ntlaqgħet b’xi kritika. Fl-ewwel lok, ġie nnotat li dik il-qorti jidher li aċċettat il-post tad-dannu finanzjarju bħala kriterju ta’ rabta validu ( 25 ). Fit-tieni lok, ġie osservat li l-fatt li s-sede tal-vittma jikkostitwixxi kriterju ta’ rabta jista’ ma jkunx f’armonija mar-rekwiżit ta’ prossimità bejn il-qorti adita u s-suġġett tat-tilwima. Ġie nnotat, b’mod partikolari, li, filwaqt li ma jistax jiġi eskluż li xi provi jistgħu jkunu disponibbli fis-sede tal-vittmi, id-dannu subit fil-kuntest partikolari tipikament jiġi stabbilit billi jiġu pparagunati l-prezzijiet tal-akkordju mal-prezzijiet tas-suq ipotetiku, li ġeneralment jistgħu jiġu stabbiliti abbażi tad-data ekonomika marbuta mas-suq affettwat ( 26 ). |
|
45. |
Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja evolviet. Waqt l-iżvilupp tal-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ir-rabta bejn is-suq affettwat mill-aġir antikompetittiv u l-post fejn ir-rikorrenti jallegaw li ġarrbu d-dannu. Dan l-iżvilupp ġie analizzat bir-reqqa b’mod partikolari mill-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Volvo ( 27 ). Għall-finijiet tal-kawża preżenti, huwa suffiċjenti li jiġi nnotat li, minn naħa, is-sentenza Tibor-Trans b’mod diskutibbli implikat li l-post fejn immaterjalizza d-dannu huwa s-suq affettwat mill-aġir antikompetittiv inkwistjoni (mingħajr ebda speċifikazzjoni ulterjuri) ( 28 ). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat fis-sentenza Volvo (li tikkostitwixxi l-element rilevanti l-iktar reċenti) li, fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni bbażata fuq ftehim dwar l-iffissar u ż-żieda fil-prezzijiet, “il-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq” huwa l-post, fi ħdan is-suq affettwat, fejn inxtraw l-oġġetti suġġetti għall-akkordju ( 29 ). Għaldaqstant tali kriterju ta’ rabta jidher li jidentifika l-post allegat mir-rikorrenti bħala l-post fejn id-dannu speċifiku ġie impost fuqha, fi ħdan it-territorju usa’ affettwat mid-distorsjoni tal-kompetizzjoni inkwistjoni ( 30 ). |
|
46. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess ħin ikkonfermat, fl-istess sentenza, ir-rilevanza kontinwa tas-sede tal-allegata vittma, f’każijiet fejn ikunu saru diversi tranżazzjonijiet ta’ xiri f’postijiet differenti ( 31 ). Fl-opinjoni tiegħi, minn dan isegwi li l-kriterju ta’ rabta tas-sede tal-vittma għandu jiġi applikat fuq bażi sussidjarja, meta l-multipliċità tax-xiri mwettaq f’diversi postijiet ma tkunx tippermetti li tiġi ddeterminata l-qorti li għandha ġurisdizzjoni fuq il-bażi tal-kriterju ta’ rabta prinċipali tal-post (wieħed) tax-xiri ( 32 ). |
|
47. |
Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li, minkejja li l-post tas-sede jista’ jkun fi ħdan is-suq affettwat (bħas-sitwazzjoni fil-kawża Volvo), il-ġurisprudenza eżistenti tħalli spazju għad-dubju dwar jekk dak il-kriterju ta’ rabta jistax jiġi applikat ukoll meta s-sede tal-vittma ma jkunx fis-suq affettwat. Fl-opinjoni tagħha dan imur kontra l-prinċipji ta’ prossimità, ta’ prevedibbiltà tal-forum u ta’ konsistenza bejn il-forum u l-liġi applikabbli. Għaldaqstant, hija tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja taħtaf din l-opportunità sabiex teskludi tali xenarju u tikkonferma li l-kriterju prinċipali ta’ rabta, kif qiegħed nifhem l-argument, huwa dak tas-suq affettwat. |
|
48. |
Sejjer nindirizza din il-kwistjoni iktar ’il quddiem. |
2. Is‑sede tal‑allegata vittma u s‑suq affettwat
|
49. |
Fl-ewwel lok, u kif diġà ġie nnotat, il-Qorti tal-Ġustizzja ipprovdiet b’mod ċar fis-sentenza fil-kawża Volvo li s-suq affettwat ma huwiex neċessarjament kriterju ta’ rabta suffiċjentement speċifiku għad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni. Fil-fatt, meta l-ftehim kollużiv kellu effetti mifruxa fuq it-territorju kollu tal-Unjoni, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 ma jippermettix il-preżentata ta’ azzjoni għad-danni f’kull post fi ħdan l-Unjoni ( 33 ). Effettivament, il-qorti kompetenti għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ rabta iktar speċifika (primarjament il-post tax-xiri). |
|
50. |
Fit-tieni lok, il-fatti fil-kawża Volvo kienu tali li kemm il-post tat-tranżazzjonijiet ta’ xiri u s-sede tal-vittma kienu mhux biss fi ħdan Stat Membru wieħed iżda wkoll fl-istess post fi ħdan l-Istat Membru inkwistjoni. Fil-fatt, is-sede tal-vittma kien f’Cordoba (Spanja), li kien ukoll il-post fejn xtrat it-trakkijiet li kienu s-suġġett tal-akkordju. Barra minn hekk, Spanja, kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja, (neċessarjament) kienet tifforma parti mis-suq affettwat (iktar wiesa’) (li jkopri ż-ŻEE kollha kemm hi) kif iddefinit fid-deċiżjoni rispettiva tal-Kummissjoni ( 34 ). |
|
51. |
Fi kliem ieħor, iż-żewġ tipi ta’ kriterji speċifiċi ta’ rabta (il-post tax-xiri u l-post tas-sede tal-vittma) kienu relatati, fi kwalunkwe każ, mal-istess suq affettwat (u mal-istess partijiet lokali u nazzjonali tiegħu). Fid-dawl ta’ dan, il-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tidher li hija (jew tal-inqas tista’ titqies li hija) ikkostitwita mill-premessa tat-tluq li ż-żewġ kategoriji tal-kriterji ta’ rabta ġew ikkunsidrati f’dak l-isfond fattwali ( 35 ). |
|
52. |
Dan kollu jħalli miftuħa l-kwistjoni dwar jekk tistax tintlaħaq soluzzjoni kuntrarja f’kuntest fattwali differenti, meta s-sede tar-rikorrenti jkun jinsab barra mis-suq affettwat ( 36 ) (u meta dak is-suq ma jkoprix it-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu). |
|
53. |
Prima facie, naqbel mal-Kummissjoni li, jekk il-ġurisdizzjoni ta’ qorti ’il barra mis-suq affettwat minn aġir antikompetittiv kellha tiġi stabbilita għal azzjoni għad-danni li allegatament tirriżulta minn tali aġir, dan ma jkunx f’armonija mal-iżviluppi diskussi hawn fuq, li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet tenfasizza r-rabta bejn is-suq affettwat u l-allegat post tad-dannu. Bl-istess mod, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża flyLAL, l-Avukat Ġenerali Bobek sabha “impossibbli [jikkonċepixxi] li tingħata ġurisdizzjoni, abbażi [tar-regola tal-ġurisdizzjoni inkwistjoni u ‘tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq’, lil qrati ’il barra mis-swieq milquta mill-ksur” ( 37 ). |
|
54. |
Minkejja dan, u sabiex tingħata risposta għat-talba tal-Kummissjoni, fl-opinjoni tiegħi, l-esklużjoni tar-rilevanza ta’ element partikolari f’termini assoluti, fl-assenza ta’ sensiela konkreta ta’ ċirkustanzi fattwali, tikkostitwixxi eżerċizzju delikat li għandu jitwettaq b’kawtela, iktar u iktar fid-dawl tal-ġurisprudenza l-iktar reċenti. |
|
55. |
Ix-xenarju li l-Kummissjoni tipprova teskludi jista’, fl-opinjoni tiegħi u wara s-sentenza fil-kawża Volvo, jimmanifesta ruħu fil-każ ta’ diversi tranżazzjonijiet ta’ xiri f’postijiet differenti mwettqa fi Stat Membru A, minn rikorrent li jkollu s-sede tiegħu fi Stat Membru B, meta Stat Membru B ikun ’il barra mis-suq affettwat mill-aġir antikompetittiv rilevanti. Sabiex jiġi evitat dan ir-riżultat, jeħtieġ li tiġi eskluża l-applikazzjoni tas-soluzzjoni żviluppata fis-sentenza Volvo għal tali kuntest transkonfinali ( 38 ). |
|
56. |
Eżempju ieħor li jiġini f’moħħi hija s-sitwazzjoni ta’ xiri indirett fejn jiġi allegat li ġiet mgħoddija lix-xerrejja spiża addizzjonali li tirriżulta minn ftehim kollużiv. Kif ġie diġà nnotat, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fis-sentenza Tibor-Trans li tali dannu huwa meqjus bħala dirett, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 ( 39 ). Fid-dawl ta’ dan, ma jistax jiġi eskluż li l-kriterju rilevanti ta’ rabta jista’, f’ċirkustanzi speċifiċi ta’ katina kumplessa ta’ provvista, jindika territorju ’il barra mis-suq affettwat mill-aġir antikompetittiv li allegatament ikkawża d-dannu ( 40 ). |
|
57. |
Madankollu, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, dik il-kwistjoni ma hijiex, per se, ineżami quddiem il-qorti tar-rinviju. Minkejja li dawn l-iżviluppi jispjegaw, sa ċertu punt, għalfejn ir-rikorrenti tinvoka s-sede tagħha sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qrati Ungeriżi, ir-rikorrenti tinvokah f’kuntest li huwa sinjifikattivament differenti minn dawk inkwistjoni fil-kawżi msemmija iktar ’il fuq. Ir-rikorrenti tipprova testendi l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju ta’ rabta sabiex tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni b’rabta mat-talba tagħha li fiha hija titlob kumpens għal dannu subit biss minn membri oħrajn tal-unità ekonomika tagħha. |
|
58. |
Fid-dawl ta’ dan, u b’rikapitulazzjoni, l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju essenzjalment hija dwar jekk il-kunċett ta’ unità ekonomika jistax jiġi applikat għal finijiet minbarra dawk tal-attribuzzjoni tar-responsabbiltà għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni lil konvenut partikolari (li huwa kif ġie applikat tradizzjonalment, kif sejjer nispjega iktar ’il quddiem), partikolarment għal finijiet tal-istabbiliment tal-ġurisdizzjoni, indipendentement mill-persuna (ġuridika) li inizjalment ġarrbet id-dannu allegat. |
|
59. |
Issa sejjer neżamina din id-domanda. |
C. Dannu subit minn sussidjarja: tista’ s‑sede tal‑kumpannija omm tkun il‑“post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq”?
|
60. |
Sabiex nagħti risposta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju, sejjer l-ewwel nindirizza l-kunċett ta’ unità ekonomika (1) u nispjega għalfejn l-ewwel domanda magħmula għandha tingħata risposta fin-negattiv (2). Minkejja li r-risposta ssuġġerita tirrendi mingħajr bżonn ir-risposta għat-tieni domanda magħmula, sejjer nindirizza dik id-domanda għal finijiet ta’ kompletezza (3). |
1. Il‑kunċett ta’ unità ekonomika
|
61. |
Il-kunċett ta’ unità ekonomika (jew ta’ unità ekonomika waħdanija) ġie żviluppat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi deskritta, essenzjalment, il-kelma “impriża” li tidher fl-Artikoli 101 u 102 TFUE. Dak it-terminu jitqies bħala “essenzjali” ( 41 ) fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni peress li din il-liġi tirregola mhux lil persuni ġuridiċi u fiżiċi iżda lil “impriżi” ( 42 ). F’dan il-kuntest, impriża tista’, f’xi każijiet, tikkorrispondi għal persuna fiżika jew ġuridika iżda tista’, f’każijiet oħrajn, tinkludi diversi minnhom ( 43 ). |
|
62. |
Sa fejn huwa rilevanti għall-kawża preżenti, huwa ġeneralment meqjus li kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha jifformaw unità ekonomika, essenzjalment, meta din tal-aħħar tkun suġġetta għal influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija omm tagħha u ma taġixxix b’mod awtonomu ( 44 ). F’sitwazzjoni bħal din, il-grupp kollu jitqies bħala “impriża” li għaliha japplikaw ir-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni u li huma, bħala assjem, għandhom iħarsu, fatt li jiskatta r-responsabbiltà in solidum ( 45 ). |
|
63. |
Dan għandu konsegwenzi importanti għall-applikazzjoni ta’ ċerti regoli sostantivi tad-dritt tal-kompetizzjoni u jinċidi fuq l-attribuzzjoni tar-responsabbiltà għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. |
|
64. |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-aspett tal-liġi sostantiva, u sabiex jiġi pprovdut eżempju wieħed, ftehimiet li ġew konklużi bejn persuni li jifformaw parti minn unità ekonomika ma humiex koperti mill-Artikolu 101 TFUE ( 46 ) essenzjalment minħabba l-fatt li l-koordinazzjoni fi ħdan il-grupp ma tistax taffettwa l-kompetizzjoni, billi ma teżisti l-ebda kompetizzjoni fi ħdan l-unità. |
|
65. |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-infurzar, il-kunċett ta’ unità ekonomika jaffettwa fundamentalment il-loġika li tirregola l-attribuzzjoni tar-responsabbiltà għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Dak li huwa l-iktar importanti huwa li, dan il-kunċett jagħti lill-Kummissjoni (jew lil awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni) il-possibbiltà li, bħala prinċipju, iżżomm lil kumpannija omm responsabbli għal tali ksur minkejja li dan ikun effettivament twettaq mis-sussidjarja tagħha ( 47 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li, meta kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha jikkostitwixxu unità ekonomika, u meta l-kumpannija omm tkun l-unika waħda indirizzata mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni u l-unika waħda li tiġi punita għall-prassi antikompetittiva, tista’ tiġi ppreżentata azzjoni għad-danni kontra waħda jew l-oħra minnhom, dejjem mingħajr preġudizzju għal ċerti kundizzjonijiet ( 48 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment spjegat li l-kunċett ta’ “impriża” fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE ma jistax ikollu portata differenti skont jekk jintużax fil-kuntest ta’ infurzar pubbliku jew privat tad-dritt tal-kompetizzjoni ( 49 ). |
|
66. |
Fid-dawl ta’ dan, ir-rikorrenti targumenta li ġaladarba l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jiskatta r-responsabbiltà in solidum tal-unità ekonomika kollha, fis-sens li membru wieħed jista’ jirrispondi għall-atti ta’ membru ieħor, l-oppost (l-invers) tal-istess prinċipju għandu japplika, dejjem kif qiegħed nifhem jiena l-argument, għall-infurzar ta’ azzjonijiet għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li jaffettwa lil membru ta’ unità ekonomika. Skont il-kliem tar-rikorrenti (li jidhru li huma ispirati mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, li ġew riprodotti f’termini differenti fil-punt preċedenti), il-kunċett ta’ unità ekonomika ma jistax ikollu tifsira differenti skont jekk l-impriża inkwistjoni taġixxix bħala rikorrenti jew konvenuta. Fil-kuntest tal-kawża preżenti, din id-dikjarazzjoni tfisser li t-talba pendenti fil-kawża prinċipali tista’ tiġi infurzata minn kumpannija omm, indipendentement mill-fatt li d-dannu ġie subit mis-sussidjarji tagħha. Konsegwentement, sabiex l-argument tar-rikorrenti jiġi segwit ulterjorment, jeħtieġ li s-sede tal-kumpannija omm jitqies bħala l-“post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012. |
|
67. |
Fl-opinjoni tiegħi, fuq livell iktar ġenerali (b’mod separat mill-kwistjonijiet tal-ġurisdizzjoni), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-idea tal-“applikazzjoni inversa” tal-kunċett ta’ unità ekonomika, meta kkonstatat li dan il-kunċett ma japplikax fil-kuntest (ovvjament differenti) ta’ azzjoni għad-danni b’invokazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni skont l-Artikolu 340 TFUE,. Biex nispjega, fil-kawża Guardian Europe vs L‑Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, eskludiet il-pretensjoni ta’ kumpannija omm fis-sens li hija ġarrbet telf ta’ profitt minħabba l-ħlas ta’ multa, imposta mill-Kummissjoni u li sussegwentement ġiet annullata parzjalment, meta l-piż tal-multa fir-realtà inġarr mis-sussidjarji tagħha. Fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja approvat iċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tal-interpretazzjoni “inversa” tal-kunċett ta’ unità ekonomika u spjegat li azzjoni li tinvoka r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni hija “irregolata minn regoli proċedurali ġenerali, [li huma] indipendenti mil-loġika tar-responsabbiltà fir-rigward tad-dritt tal-akkordji” ( 50 ). |
|
68. |
Indipendentement minn jekk tistax tinkiseb soluzzjoni differenti dwar il-mertu fil-kuntest ta’ azzjoni privata għad-danni ( 51 ), ninnota li l-Avukat Ġenerali Szpunar reċentement ċaħad argument simili u spjega b’mod konvinċenti li l-kunċett ta’ unità ekonomika ma jistax jaffettwa l-interpretazzjoni tar-regoli li jirregolaw in-notifika ta’ dokumenti legali fi ħdan l-Unjoni ( 52 ) u ma jippermettix li azzjoni għad-danni indirizzata lejn kumpannija omm tiġi nnotifikata validament lis-sussidjarja ta’ dik il-kumpannija ( 53 ). |
|
69. |
Fl-isfond ta’ dawk l-iżviluppi iktar ġenerali, xorta jibqa’ l-ħtieġa li jiġi eżaminat jekk il-kunċett ta’ unità ekonomika jistax jintuża fl-eżerċizzju tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 essenzjalment sabiex jiġi pprovdut forum actoris lill-allegata vittma indiretta ta’ aġir li jikser l-Artikolu 101 TFUE. |
2. Jistà l‑kunċett ta’ unità ekonomika jaffettwa l‑portata tal‑post fejn immaterjalizza d‑dannu?
|
70. |
Bi qbil mal-pożizzjonijiet espressi mill-konvenut, mill-Gvern Ċek, kif ukoll mill-Kummissjoni, fl-opinjoni tiegħi din id-domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv. |
|
71. |
Fl-ewwel lok, mit-taqsimiet preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li l-pożizzjoni kuntrarja tar-rikorrenti sempliċiment ma hijiex fondata fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
72. |
Fit-tieni lok, it-teħid ta’ din il-pożizzjoni tkun f’kuntrast mal-prinċipji li hija msejsa fuqhom ir-regola tal-ġurisdizzjoni inkwistjoni. Tkun timmina l-loġika tal-prossimità u r-rekwiżit marbuta magħha tal-evalwazzjoni individwali tal-kriterji ta’ rabta (a). Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, din lanqas ma tissodisfa r-rekwiżit tal-prevedibbiltà tal-forum u l-għan ta’ konsistenza bejn il-forum u d-dritt applikabbli (b). |
|
73. |
Finalment, sabiex nindirizza t-tħassib tar-rikorrenti, sejjer nispjega li din il-konklużjoni ma tippreġudikax l-effiċjenza tal-infurzar tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (c). |
a) Ir‑rekwiżit ta’ prossimità u l‑evalwazzjoni individwali
|
74. |
Kif spjegajt iktar ’il fuq, il-qrati li l-ġurisdizzjoni tagħhom tista’ tiġi stabbilita abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 jitqiesu bħala fl-aħjar pożizzjoni “b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ viċinanza għat-tilwima u ta’ faċilità fl-amministrazzjoni tal-provi” ( 54 ). |
|
75. |
Minn din il-perspettiva, jiena ċertament nirrikonoxxi l-kumplessità tal-ġbir tal-evidenza f’azzjonijiet transkonfinali għad-danni ( 55 ) inkluż fil-kuntest ta’ azzjonijiet (jew difiżi) li jinvokaw argumenti li l-ispiża addizzjonali li tirriżulta mill-ftehim kollużiv ġiet ittrasferita ( 56 ). |
|
76. |
Madankollu, il-post tas-sede tal-kumpannija omm ma jipprovdix immedjatament rabta sinjifikattiva, fatt li jindika għalfejn dan ikun f’pożizzjoni aħjar għal dan l-għan (speċjalment) meta mqabbel mal-post tax-xiri ( 57 ). |
|
77. |
F’dak ir-rigward, is-soluzzjoni appoġġjata mir-rikorrenti hija inkompatibbli mar-rekwiżit li l-kriterji ta’ rabta għandhom jiġu evalwati individwalment għal kull vittma. Dan ġie kkonstatat b’mod ċar fis-sentenza fil-kawża CDC Hydrogen Peroxide, li kienet tikkonċerna azzjoni marbuta ma’ diversi talbiet li ġew assenjati lil kumpannija waħda ( 58 ). |
|
78. |
Huwa minnu, kif issostni r-rikorrenti, li fis-sentenza fil-kawża Volvo, il-Qorti tal-Ġustizzja tuża l-kelma “impriża” sabiex tiddeskrivi lir-rikorrenti f’dik il-kawża, li kienet l-allegata vittma tal-prattiċi antikompetittivi inkwistjoni f’dik il-kawża. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, l-użu ta’ dak it-terminu ma kienx li jikkumplimenta l-iżviluppi diskussi iktar ’il fuq, li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja varjat id-definizzjoni tal-“post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq” sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċità tal-litigazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni (billi żiedet mad-definizzjoni tar-“rikorrent” f’dan il-kuntest). |
|
79. |
Fl-ewwel lok, l-użu li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel mill-kelma “impriża” kif deskritta iktar ’il fuq diġà jidher fis-sentenza fil-kawża CDC Hydrogen Peroxide, liema sentenza tippreċedi dawn l-iżviluppi. B’mod iktar importanti, kif josservaw il-Kummissjoni u r-Repubblika Ċeka, jidher ċar minn qari bir-reqqa kemm tas-sentenza fil-kawża CDC Hydrogen Peroxide kif ukoll fil-kawża Volvo, li din il-kelma ma tintużax fis-sens speċifiku tad-dritt tal-kompetizzjoni, iżda fis-sens komuni u bħala sinonimu ta’ “kumpannija” jew “persuna ġuridika” ( 59 ). Barra minn hekk, konklużjoni differenti tkun f’kunflitt dirett man-neċessità ta’ evalwazzjoni individwali, li kienet waħda mill-konstatazzjonijiet prinċipali fis-sentenza fil-kawża CDC Hydrogen Peroxide, u li suċċessivament tfakkret mill-ġdid fis-sentenza fil-kawża Volvo ( 60 ). |
|
80. |
Barra minn hekk, kif isostnu l-konvenut, il-Gvern Ċek u l-Kummissjoni, l-istess “approċċ individwali” fir-rigward tad-definizzjoni tal-allegata vittma ta’ aġir antikompetittiv ġiet adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni fid-Direttiva 2014/104 ( 61 ). L-adozzjoni ta’ dan l-istrument ġiet ipperċepita, essenzjalment, bħala kisba importanti fil-kontribuzzjoni għall-effiċjenza ta’ drittijiet privati ta’ infurzar li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ( 62 ). Għal dan l-għan, din id-direttiva tistabbilixxi regoli li jikkoordinaw, inter alia, l-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni f’azzjonijiet għad-danni sabiex jiġi żgurat li kull persuna li ġġarrab dannu minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni effettivament tkun tista’ teżerċita d-dritt li titlob kumpens sħiħ mingħand l-impriża responsabbli ( 63 ). |
|
81. |
Fid-dawl tas-suespost, huwa sinjifikattiv li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma sabx raġuni adegwata għalfejn għandu jiddefinixxi t-terminu “parti li tkun ġarrbet ħsara” ( 64 ) b’mod iktar wiesa’ sabiex ikun ikopri mhux biss lil vittmi diretti iżda wkoll lil dawk indiretti ( 65 ). Jekk dan ma nstabx li huwa neċessarju fil-kuntest ta’ strument iddiżinjat speċifikament sabiex jissaħħaħ l-infurzar privat tad-dritt tal-kompetizzjoni, ma nara l-ebda raġuni għall-adozzjoni ta’ tali approċċ fil-kuntest tar-Regolament Nru 1215/2012, li, kif essenzjalment tosserva r-rikorrenti nnifisha, huwa att ġeneralment applikabbli li jirregola kull tip ta’ tilwima koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu (speċjalment meta tali approċċ jippreġudika l-aspetti tal-operazzjoni tar-regola ġurisdizzjonali ineżami li għadni kif irreferejt għaliha kif ukoll dawk li sejjer nindirizza iktar ’il quddiem). |
b) L‑għan ta’ konsistenza bejn il‑forum u l‑liġi applikabbli u r‑rekwiżit ta’ prevedibbiltà għolja tal‑forum
|
82. |
Fil-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ir-rilevanza tal-konsistenza bejn il-qorti kompetenti u l-liġi applikabbli, minn naħa, u r-rekwiżit ta’ prevedibbiltà tal-forum, min-naħa l-oħra. |
|
83. |
Fir-rigward tal-ewwel punt, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li d-determinazzjoni tal-post fejn immaterjalizza d-dannu bħala li jinsab fi ħdan is-suq affettwat kienet tissodisfa l-għan ta’ konsistenza bejn il-liġi applikabbli u l-qorti kompetenti, kif espress fil-premessa 7 tar-“Regolament Ruma II”, peress li skont dan ir-regolament, il-liġi applikabbli għal azzjonijiet għad-danni li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni hija dik tal-pajjiż li fih is-suq huwa affettwat, jew li fih probabbli li jiġi affettwat ( 66 ). |
|
84. |
Fir-rigward tat-tieni punt, il-Qorti tal-Ġustizzja ġġustifikat fis-sentenza fil-kawża Volvo, il-kriterju ta’ rabta (sussidjarju) tas-sede tal-vittma b’riferiment għall-fatt li “l-konvenuti, membri tal-akkordju, ma jistgħux jinjoraw il-fatt li x-xerrejja tal-oġġetti inkwistjoni huma stabbiliti fi ħdan is-suq affettwat mill-prattiki kollużivi” ( 67 ). |
|
85. |
Minbarra l-kwistjonijiet imqajma fis-subtaqsima preċedenti fir-rigward tal-prossimità u tal-evalwazzjoni individwali, id-dipendenza fuq is-sede tal-kumpannija omm fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti tidher ineffettiva għal dawn iż-żewġ raġunijiet. |
|
86. |
Huwa minnu li s-sede tar-rikorrenti tinsab fi ħdan is-suq affettwat kif definit mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni (li hija l-konsegwenza naturali tal-portata pan-Ewropea tal-akkordju inkwistjoni). Madankollu, diġà spjegajt li skont is-sentenza fil-kawża Volvo, għandu jiġi applikat fattur iktar speċifiku bħalma huwa l-post tax-xiri jew tas-sede tal-vittma diretta. |
|
87. |
Mill-proċess jirriżulta li t-tranżazzjonijiet rispettivi ta’ xiri mis-sussidjarji differenti twettqu f’diversi Stati Membri (inkluża, iżda mhux biss, l-Ungerija) ( 68 ) li l-liġi tagħha, għaldaqstant, issir applikabbli skont l-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament Ruma II. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għan li tiġi żgurata l-konsistenza mal-liġi applikabbli ma jistax jintlaħaq (jekk it-talbiet fir-rigward tal-fatt li d-dannu nħoloq barra mill-Ungerija għandhom jiġu deċiżi mill-qrati Ungeriżi). |
|
88. |
Fir-rigward tal-prevedibbiltà tal-forum, kieku l-ġurisdizzjoni kellha tiġi ddeterminata fuq il-bażi tal-post tas-sede tal-kumpannija omm, dan kien ikollu r-riskju li l-forum riżultanti jsir mira li tiċċaqlaq. Fil-fatt, kull darba li jkun hemm tranżazzjoni li tbiddel liema persuna jkollha kontroll fuq sussidjarja partikolari, il-qorti li jkollha l-ġurisdizzjoni f’dan il-kuntest tinbidel, skont is-sede tal-kumpannija omm il-ġdida ( 69 ). It-tieni domanda magħmula turi dan ir-riskju pjuttost sewwa, sa fejn tirrileva li wħud mis-sussidjarji affettwati ma kinux, fil-mument tax-xiri, jappartjenu lill-grupp tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, għalkemm jista’ jiġi ssuġġerit li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-post speċifiku “fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq”, l-insegwiment tal-prevedibbiltà tal-forum isir sa ċertu punt illużorju, (fil-kuntest ta’ akkordju pan-Ewropew), iżda dan ma jikkostitwixxix raġuni għall-abbandun għalkollox ta’ dan l-insegwiment u lanqas għaż-żieda ta’ saff ieħor ta’ inċertezza fir-rigward ta’ din id-determinazzjoni. |
|
89. |
Ġaladarba dan ġie ċċarat, għad jeħtieġli nindirizza l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-preklużjoni tal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ unità ekonomika fiċ-ċirkustanzi preżenti timmina serjament il-possibbiltà tal-vittmi ta’ aġir antikompetittiv li jinfurzaw id-drittijiet tagħhom. |
c) Effiċjenza tal‑infurzar tad‑drittijiet
|
90. |
Ir-rikorrenti tispjega fit-tul id-diffikultajiet li jqumu, fl-opinjoni tagħha, għal vittma ta’ aġir antikompetittiv fil-qasam tal-infurzar transkonfinali tad-drittijiet relatati. Hija tosserva, inter alia, li l-persuni li jwettqu l-ksur sistematikament jostakolaw l-infurzar, b’mod partikolari, billi jopponu għall-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti adita. Essenzjalment fl-opinjoni tagħha, dawn id-diffikultajiet jistgħu jiġu evitati (fil-każ speċifiku tal-akkordju tat-trakkijiet inkwistjoni) jekk il-ġurisdizzjoni tkun iċċentralizzata fir-rigward tad-danni kollha subiti f’postijiet differenti minn membri differenti ta’ unità ekonomika waħda u jekk din il-ġurisdizzjoni ċċentralizzata tkun ibbażata fuq is-sede tal-kumpannija omm. Fl-opinjoni tagħha, is-sitwazzjoni attwali taffettwa l-effiċjenza tal-infurzar tad-drittijiet sottostanti peress li vittma li tkun twettaq attività ta’ negozju fi Stati Membru differenti (bħalha, jekk qiegħed nifhem l-argument korrettament) għandha tibda proċeduri ġudizzjarji f’ħames Stati Membri differenti għas-sempliċi raġuni li t-trakkijiet inxtraw mis-sussidjarji tagħha. Barra minn hekk, hija tirreferi għall-ispejjeż miżjuda li ġġib magħha tali litigazzjoni fframmentata u tosserva li peress li l-maġġoranza tal-persuni li wettqu l-ksur huma stabbiliti fl-Istati Membri fondaturi (jew f’dawk li daħlu “l-ewwel” fl-Unjoni), ir-regoli attwali jfissru li l-vittmi għandhom jibdew il-proċeduri ġudizzjarji f’dawk l-Istati, minkejja li huma stess jistgħu jkunu stabbiliti fi Stati Membri oħrajn. |
|
91. |
Sabiex nindirizza, fl-ewwel lok, din l-aħħar osservazzjoni, jidhirli li r-rikorrenti essenzjalment tikkritika, jekk qiegħed nifhem l-argument korrettament, ir-regola prinċipali tad-domiċilju tal-konvenut li tirregola r-Regolament Nru 1215/2012. Tabilħaqq, din ir-regola toħloq inkonvenjent għall-atturi (kull attur fir-realtà) peress li huwa l-attur li jkollu “jivvjaġġa” lejn id-domiċilju tal-konvenut, u jikkonforma ruħu mar-regoli proċedurali applikabbli (u mhux bil-kontra). Madankollu, dan huwa l-mod kif ġie mfassal ir-Regolament Nru 1215/2012 (f’konformità ma’ regola li ilha stabbilita fis-sistemi legali nazzjonali kollha) ( 70 ). |
|
92. |
Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li dan l-aħħar imsemmi regolament iwettaq inverżjoni tar-regola ġenerali fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ atturi, meqjusa bħala l-partijiet l-iktar dgħajfa, billi jipprovdi għalihom protezzjoni aqwa fil-forma tal-possibbiltà li jibdew il-proċeduri ġudizzjarji fil-post tad-domiċilju (jew tax-xogħol) tagħhom ( 71 ). L-allegati vittmi ta’ aġir antikompetittiv bħala tali ma humiex fost dawn il-kategoriji (dment li ma jaġixxux, f’każ partikolari, bħala konsumaturi). Billi dan l-istat ta’ fatt huwa indipendenti mill-fatt li jeżisti interess pubbliku li tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt tal-kompetizzjoni u dak li jiġi promoss dan l-interess, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jadotta ċerti regoli komuni fil-qasam tal-infurzar privat ta’ din il-liġi ( 72 ). Dak li huwa rilevanti għall-kawża preżenti huwa li din l-għażla ma għandha l-ebda ekwivalenti fir-regoli ġurisdizzjonali “protettivi” kif inhuma mfassla attwalment fir-Regolament Nru 1215/2012. |
|
93. |
Fit-tielet lok, f’kuntrast ma’ dawk ir-regoli protettivi, ir-regola tal-ġurisdizzjoni inkwistjoni hija msejsa fuq raġuni fundamentalment differenti minn dik spjegata iktar ’il fuq. Minn dan isegwi li l-interessi rispettivi tal-atturi u tal-konvenuti għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti. Barra minn hekk, bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali, din ir-regola tal-ġurisdizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv. |
|
94. |
Fir-raba’ lok, fis-sentenza fil-kawża CDC Hydrogen Peroxide, il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, waslet biex toħloq forum actoris għall-vittma (diretta) ta’ akkordju fuq il-prezz u dan il-forum actoris ġie kkonfermat, sussidjarjament fis-sentenza fil-kawża Volvo. Kif issostni l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet ukoll fis-sentenza fil-kawża CDC Hydrogen Peroxide li l-ġurisdizzjoni tas-sede tal-vittma tista’ tintuża għad-dannu kollu li jkun intalab kumpens għalih ( 73 ) (stat ta’ fatt li jidher li jikkostitwixxi l-konsegwenza loġika tal-għażla tas-sede tal-vittma bħala l-kriterju ta’ rabta). |
|
95. |
Fil-ħames lok, kif diġà ġie spjegat u kif tfakkar il-Kummissjoni, il-vittma tista’ tibda l-azzjoni mhux biss kontra l-kumpannija omm li hija l-persuna indirizzata mid-deċiżjoni rispettiva tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur, iżda wkoll kontra sussidjarja fi ħdan l-unità ekonomika ta’ din il-kumpannija omm, mingħajr preġudizzju għal ċerti kundizzjonijiet ( 74 ). Dan joħloq il-possibbiltà ta’ forum addizzjonali (skont il-post fejn tkun is-sussidjarja) u jista’ għaldaqstant jiffaċilita l-infurzar. |
|
96. |
Fl-aħħar nett, jekk attur partikolari jqis iċ-ċentralizzazzjoni tal-ġurisdizzjoni bħala l-ewwel prijorità tiegħu, il-qorti tas-sede tal-konvenut dejjem toffri rimedju universali. Din l-għażla ċertament tinvolvi l-inkonvenjenza tal-“ivvjaġġar” iżda ma tistax tiġi kkritikata li twassal għal litigazzjoni fframmentata. |
|
97. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma nistax nifhem b’liema mod ir-regoli ġurisdizzjonali attwali fundamentalment jipprekludu lill-allegati vittmi ta’ aġir antikompetittiv milli jasserixxu d-drittijiet tagħhom, jew x’inhu eżattament id-difett fis-sistema attwali tar-Regolament Nru 1215/2012 li jirrendi neċessarja l-applikazzjoni tal-kunċett “invers” tal-unità ekonomika sabiex tiġi estiża l-portata tal-kunċett tal-“post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq” fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 (u b’mod iktar speċifiku, dak tal-post fejn ikun seħħ id-dannu fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif spjegata iktar ’il fuq). |
|
98. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li l-frażi “il-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq”, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, ma tkoprix is-sede tal-kumpannija omm li tippreżenta azzjoni għad-danni kkawżati biss lis-sussidjarji ta’ dik il-kumpannija omm minn aġir antikompetittiv ta’ terza persuna, u li fiha jiġi sostnut li din il-kumpannija omm u dawn is-sussidjarji jifformaw parti mill-istess unità ekonomika. |
3. It‑tieni domanda magħmula: ir‑rilevanza tal‑mument tax‑xiri (u tal‑mument tal‑akkwist tas‑sussidjarji)
|
99. |
Fid-dawl tar-risposta msemmija iktar ’il fuq, ma hemmx il-ħtieġa li nindirizza t-tieni domanda magħmula li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-possibbiltà li kumpannija omm tibbaża ruħha fuq is-sede tagħha – u fuq il-kunċett ta’ unità ekonomika – sabiex tistabbilixxi ġurisdizzjoni hijiex affettwata mill-fatt li wħud mis-sussidjarji affettwati ġew akkwistati mir-rikorrenti wara li dawn kienu ħallsu l-prezzijiet miżjuda artifiċjalment u ġarrbu t-telf korrispondenti. |
|
100. |
Madankollu, il-merti ta’ din id-domanda, fl-opinjoni tiegħi, jistgħu jiġu indirizzati malajr. F’dan ir-rigward, naqbel mar-rikorrenti li din id-domanda hija marbuta mal-mertu tal-kawża u għaldaqstant hija irrilevanti fl-istadju tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni ( 75 ). |
|
101. |
Effettivament, li kieku kellu jiġi ammess li l-kunċett ta’ unità ekonomika jittrasforma s-sede tar-rikorrenti fil-kriterju ta’ rabta applikabbli għall-finijiet tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, ikollu jiġi osservat li l-kwistjoni mqajma bit-tieni domanda hija marbuta mal-portata tad-danni li r-rikorrenti tista’ titlob kumpens għalihom (jiġifieri dik dwar jekk hija tistax ukoll titlob b’suċċess kumpens għad-danni subiti mis-sussidjarji qabel ma dawn ġew akkwistati mir-rikorrenti). B’hekk dan l-aspett jirrigwarda l-mertu tal-każ u mhux il-kwistjoni ta l-ġurisdizzjoni. |
V. Konklużjoni
|
102. |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi preliminari magħmula mill-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) kif ġej: L-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-frażi “il-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq” ma tkoprix is-sede tal-kumpannija omm li tippreżenta azzjoni għad-danni kkawżati biss lis-sussidjarji tal-kumpannija omm minn aġir antikompetittiv ta’ terza persuna, u li fiha jiġi sostnut li din il-kumpannija omm u dawn is-sussidjarji jifformaw parti mill-istess unità ekonomika. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Deċiżjoni tad‑19 ta’ Lulju 2016, li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39824 – Trakkijiet) (C(2016) 4673 finali) (ĠU 2017 C 108, p. 6, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Kummissjoni”).
( 3 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).
( 4 ) Sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2021, Volvo et (C‑30/20, EU:C:2021:604, iktar ’il quddiem is-“sentenza Volvo”); u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Tibor-Trans (C‑451/18, EU:C:2019:635, iktar ’il quddiem is-“sentenza Tibor-Trans”).
( 5 ) L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jistabbilixxi li “[s]oġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru”.
( 6 ) L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdi li persuna domiċiljata fi Stat Membru wieħed tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor “fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”. Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza Volvo, punt 29.
( 7 ) Ninnota li din id-deċiżjoni kienet indirizzata, inter alia, lil Daimler AG, li jidher li huwa l-isem li preċedentement kien magħruf bih il-konvenut, kif essenzjalment tosserva r-rikorrenti.
( 8 ) Sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335‚ iktar ’il quddiem is-“sentenza CDC Hydrogen Peroxide”).
( 9 ) Infakkar li, l-Artikolu 101(1) TFUE jipprojbixxi bħala inkompatibbli mas-suq intern, inter alia, ftehimiet bejn impriżi, li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li għandhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il‑Kummissjoni (C‑124/21 P, EU:C:2023:1012, punt 97).
( 10 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq u l-premessa 15 tar-Regolament Nru 1215/2012.
( 11 ) Sentenza tat‑30 ta’ Novembru 1976, Bier (21/76, EU:C:1976:166, iktar ’il quddiem is-“sentenza Bier”. Iż-żewġ partijiet tal-“formula Bier” ġeneralment jiġu ppreżentati fl-ordni inversa; madankollu, għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa iktar konvenjenti li jsir riferiment għalihom fl-ordni preżentament użat. Is-sentenza Bier kienet tikkonċerna r-regola ekwivalenti għal dik tal-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1978 L 304, p. 36), li sussegwentement ġiet issostitwita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42). Skont il-ġurisprudenza stabbilita “sa fejn ir-[Regolament Nru 1215/2012] iħassar u jissostitwixxi r-Regolament Nru 44/2001, li min-naħa tiegħu ssostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti legali tal-aħħar, tapplika wkoll għar-Regolament Nru 1215/2012 meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala ‘ekwivalenti’”. Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, BMA Nederland (C‑498/20, EU:C:2022:173, iktar ’il quddiem is-“sentenza BMA Nederland”, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 12 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi CDC Hydrogen Peroxide, punt 38; Volvo, punt 29 jew tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal (C‑882/19, EU:C:2021:800, iktar ’il quddiem is-“sentenza Sumal”, punt 65).
( 13 ) Sentenza BMA Nederland, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 14 ) Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bier (punt 17, flimkien mal-punti 15 u 16).
( 15 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi CDC Hydrogen Peroxide, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, jew tal‑5 ta’ Lulju 2018, flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑27/17, EU:C:2018:533, iktar ’il quddiem is-“sentenza FlyLAL” punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 16 ) Ara, s-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 1995, Marinari (C‑364/93, EU:C:1995:289, punti 14 u 15); tal‑10 ta’ Ġunju 2004, Kronhofer (C‑168/02, EU:C:2004:364, punti 19 sa 21) jew Tibor-Trans, punti 28 u 29 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 17 ) Għall-kuntrarju, “tali attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni hija ġġustifikata sa fejn id-domiċilju tar-rikorrent ikun effettivament jikkostitwixxi l-post tal-avveniment kawżali jew dak tal-materjalizzazzjoni tad-dannu”. Sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2018, Löber (C‑304/17, EU:C:2018:701, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjuda.
( 18 ) Sentenza tal‑11 ta’ Jannar 1990, Dumez France u Tracoba (C‑220/88, EU:C:1990:8, iktar ’il quddiem is-“sentenza Dumez”, punti 20 u 22).
( 19 ) Il-kelma użata fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon fil-kawża Dumez France u Tracoba (C‑220/88, EU:C:1989:595, pereżempju l-punti 14 jew 31 sa 47). Ara s-sentenza BMA Nederland, punt 35, fejn is-sentenza Dumez ġiet applikata b’analoġija, jew is-sentenzi Tibor-Trans, punti 29 sa 31, u tad‑9 ta’ Lulju 2020, Verein für Konsumenteninformation, C‑343/19, EU:C:2020:534, punti 27 sa 31) fejn is-sitwazzjonijiet inkwistjoni f’dawk il-każijiet kienu ġew distinti mis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża Dumez.
( 20 ) Ara wkoll id-deskrizzjoni iktar ’il fuq fil-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Infakkar li l-ewwel domanda tagħmel riferiment għad-dannu subit esklużivament mis-sussidjarji tar-rikorrenti. Kif essenzjalment josserva l-Gvern Ċek, ir-rikorrenti mhux qiegħda titlob kumpens għad-danni fil-pożizzjoni tagħha bħala azzjonista tas-sussidjarji affettwati (jew għal raġuni differenti) u t-talba tagħha għaldaqstant tikkorrispondi, kif qiegħed nifhimha jiena, għat-talbiet li jistgħu jitressqu mis-sussidjarji affettwati.
( 21 ) Sentenza Tibor-Trans, punti 12 sa 15 u 29 sa 31.
( 22 ) Ara wkoll il-premessa 41 u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1).
( 23 ) Sentenza CDC Hydrogen Peroxide, punti 44 u 56 jew flyLAL, punt 49. Meta dan il-post ma jkunx jista’ jiġi identifikat iżda meta “[fost] arranġament partikolari [ta’ ftehimiet] li, fit-totalità tagħhom, ikkostitwixxew l-akkordju illeċitu kkonċernat ikun [jeżisti wieħed b’mod partikolari li kien jikkostitwixxi] l-avveniment kawżali [ewlieni] tad-dannu allegatament ikkawżat lil xerrej”, “il-qorti li fit-territorju ġurisdizzjonali tagħha ttieħed l-arranġament inkwistjoni għaldaqstant ikollha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tad-dannu hekk ikkawżat lill-imsemmi xerrej”. Sentenza CDC Hydrogen Peroxide, punt 46.
( 24 ) Sentenza CDC Hydrogen Peroxide, punti 52 u 53.
( 25 ) Konklużjonijiet l-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑27/17, EU:C:2018:136, iktar ’il quddiem “il-konklużjonijiet flyLAL”, punt 75), li fihom dan kellu “riżervi qawwija dwar dak l-aspett partikolari tas-sentenza fis-sentenza CDC” u qies li “il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ verament tintalab xi darba fil-ġejjieni titfa’ ħarsitha mill-ġdid fuq din il-kwistjoni”. Ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 44 ta’ dawk il-konklużjonijiet.
( 26 ) Ara, Wurmnest, W., “International jurisdiction in competition damages cases under the Brussels I Regulation: CDC Hydrogen Peroxide Case C‑352/13, Cartel Damage Claims (CDC) Hydrogen Peroxide SA v Akzo Nobel NV, Solvay SA/NV, Kemira Oyj, FMC Foret SA, Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 21 May 2015, EU:C:2015:335.”, Common Market Law Review, Vol. 53, Kluwer Law International, 2016, Nru 1, p. 225 sa 248, f’p. 243; Hartley, T.C., “Jurisdiction in tort claims for non-physical harm under Brussels 2012, Article 7(2)”, International and Comparative Law Quarterly, Vol. 67, Nru 4 Cambridge University Press, 2018, p. 987 sa 1003, f’p. 996; Nourissat, C. “Action indemnitaire en droit de la concurrence: quand la Cour de justice instaure un nouveau forum actoris au bénéfice des victimes”, Procédures, Nru 7, 2015, p. 19 u 20.
( 27 ) Konklużjonijiet fil-kawża Volvo et (C‑30/20, EU:C:2021:322, iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet Volvo”). Dawn l-iżviluppi bdew fis-sentenza flyLAL punt 40 u komplew bis-sentenzi Tibor-Trans, punt 33, u tal‑24 ta’ Novembru 2020, Wikingerhof (C‑59/19, EU:C:2020:950, punt 37).
( 28 ) Sentenza Tibor-Trans, punti 32 u 33, li tagħmel riferiment għas-sentenza flyLAL, li fiha, madankollu s-suq affettwat kien jikkorrispondi għas-suq Litwan (u b’mod iktar speċifiku għas-suq tat-titjiriet lejn u mill-ajruport ta’ Vilnius, sentenza flyLAL, punti 38 sa 40). Ara l-konklużjonijiet fil-kawża Volvo, punti 77 u 78. Ara wkoll A. Nuyts, “Droit international privé européen’, Journal de droit européen, 2021, p. 74 sa 95, p. 80, punt 10.
( 29 ) Sentenza fil-kawża Volvo, punti 39 sa 40 u 43.
( 30 ) Għal distinzjoni bejn id-dannu ġenerali u l-kunċett ġurisdizzjonali speċifiku ta’ dannu, ara l-konklużjonijiet fil-kawża flyLAL, punti 31 sa 35.
( 31 ) Sentenza fil-kawża Volvo, punti 41 sa 43.
( 32 ) Sentenza fil-kawża Volvo, punti 40 u 43.
( 33 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet fil-kawża flyLAL, punti 54 u 55, li fiha ġie osservat li tali riżultat jidher li huwa diffiċilment rikonċiljabbli mal-fatt li r-regola ġurisdizzjonali inkwistjoni għandha tiġi interpretata b’mod ristrettiv.
( 34 ) Dik id-deċiżjoni kienet, għal darba oħra, l-istess bħal dik inkwistjoni fil-kawża preżenti. Sentenza fil-kawża Volvo, punt 31.
( 35 ) Sentenza fil-kawża Volvo, punti 27 u 43.
( 36 ) Kif innotat ukoll minn Lutzi, T., “Art. 7 Nr. 2 EuGVVO als Regelung der internationalen und örtlichen Zuständigkeit für Kartellschadensersatzklagen: zu EuGH, 15.7.2021, Rs. C‑30/20, RH./. AB Volvo u.a.”, Praxis des internationalen Privat- und Verfahrensrechts, 2023, Vol. 20, Nru 1, p. 20 sa 24, f’p. 20.
( 37 ) Konklużjonijiet flyLAL, punt 51. Madankollu, kif innotat fihom, dik il-kawża kienet tikkonċerna restrizzjoni tal-kompetizzjoni li kienet “ta’ esklużjoni (telf ta’ bejgħ u emarġinazzjoni tas-suq) [iktar] milli ta’ sfruttament fin-natura tagħha (klijenti mitluba jħallsu prezzijiet esaġerati)”. Ibid., punt 76. Il-kawża preżenti hija differenti peress li tikkonċerna l-aħħar imsemmi xenarju.
( 38 ) Għall-finijiet tal-kawża preżenti, ma jidhirlix li huwa neċessarju li tiġi diskussa l-kwistjoni dwar iż-żamma tal-kriterju ta’ rabta tas-sede tal-vittma hijiex, anki sussidjarjament, għalkollox konvinċenti. Fil-fatt, tista’ tiġi kkunsidrata wkoll l-applikazzjoni analoga tas-soluzzjoni żviluppata fis-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2007, Color Drack (C‑386/05, EU:C:2007:262, punti 40 sa 42) fil-kuntest ta’ multipliċità ta’ postijiet ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu kuntrattwali (kunsinna ta’ oġġetti) fi ħdan Stat Membru wieħed. F’dak il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni hija l-qorti tal-post tal-kunsinna prinċipali jew, fl-assenza ta’ tali kunsinna prinċipali, il-qorti tal-għażla tar-rikorrent (minn fost il-postijiet rispettivi ta’ kunsinni inkwistjoni). Ara, f’dan is-sens, Lehmann, M., “Jurisdiction in suits for cartel damages: the CJEU draws a new distinction. Case Comment”, European Competition Law Review (2022) Vol. 43, 2022, Nru 3, p. 150 u 151, p. 151. Madankollu ninnota li fil-punti 98 sa 110 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Volvo, l-Avukat Ġenerali Richard de la Tour jippreżenta argumenti favur l-attenzjoni mġedda li għandha tingħata lill-kriterju ta’ rabta tas-sede tal-vittma.
( 39 ) Sentenza fil-kawża Tibor-Trans, punti 30 u 31. Ara iktar ’il fuq, il-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 40 ) Tali katina ta’ provvista tista’ tinvolvi mhux biss xenarju “sempliċi” (“persuna li twettaq il-ksur-persuna intermedjarja-xerrej indirett”) iżda xenarji iktar ikkumplikati li jinvolvu xerrejja addizzjonali indiretti fi swieq downstream. Ara eżempju tal-prassi nazzjonali Pollakka identifikata fl-Istudju sabiex tiġi appoġġjata t-tħejjija ta’ rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (Regolament Brussell Ia), Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2023, p. 434.
( 41 ) Whish, R., Bailey, D., Competition Law, Oxford, Oxford University Press, l-għaxar edizzjoni, 2021, 1184, f’p. 84; Van Bael & Bellis, Competition Law of the European Union, Wolters Kluwer, is-sitt edizzjoni, lv‑1771, 2021, f’p. 25; Urraca Caviedes, C., “Concept of Undertaking and Allocation of Liability for Antitrust Fines”, f’Dekeyser, K., Gauer, C., Laitenberger, J., Wahl, N., Wils, W., Prete, L., Regulation 1/2003 and EU Antitrust Enforcement. A systematic Guide, Wolters Kluwer, lxiii‑1060, 2023, p. 539 sa 546, f’p. 540.
( 42 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, L-Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L‑Unjoni Ewropea (C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, iktar ’il quddiem “is-sentenza L‑Unjoni Ewropea vs Guardian Europe”, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 43 ) Ara wkoll is-sentenza Sumal, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata jew is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et (C‑724/17, EU:C:2019:204, iktar ’il quddiem is-“sentenza Skanska”, punt 37).
( 44 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeskriviet is-sitwazzjoni bħala li “għalkemm għandha personalità ġuridika distinta, […] is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet li jingħatawlha mill-kumpannija omm, fid-dawl b’mod partikolari għar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu flimkien lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi. […]”. Sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (C‑516/15 P, EU:C:2017:314, iktar ’il quddiem is-“sentenza Akzo Nobel”, punti 52 u 53 u l-ġurisprudenza ċċitata), u, iktar reċenti, is-sentenza Sumal, punt 43.
( 45 ) Sentenza fil-kawża Sumal, punti 39 sa 44, u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 46 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, Specializuotas transportas (C‑531/16, EU:C:2018:324, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 47 ) Sentenza fil-kawża Akzo Nobel, punti 52 u 53.
( 48 ) Sentenza fil-kawża Sumal, punti 48 u 51.
( 49 ) Sentenzi fil-kawża Sumal, punt 38 u Skanska, punt 47.
( 50 ) Sentenzi L‑Unjoni Ewropea vs Guardian Europe, punt 106 u tas‑7 ta’ Ġunju 2017, Guardian Europe vs L‑Unjoni Ewropea (T‑673/15, EU:T:2017:377, punti 99 sa 103 u 153).
( 51 ) Infakkar li fir-rigward b’mod speċifiku tad-dispożizzjoni li kienet tippreċedi l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/201, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “fl-istadju tal-verifika tal-ġurisdizzjoni […], il-qorti adita la għandha tevalwa l-ammissibbiltà u lanqas il-mertu tat-talba skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, iżda għandha tidentifika biss l-elementi ta’ rabta mal-Istat tal-qorti li jiġġustifikaw il-ġurisdizzjoni tagħha bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni”. Sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding (C‑12/15, EU:C:2016:449, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża AB u AB‑CD (Titolu ta’ proprjetà għal xogħlijiet tal-arti) (C‑265/21, EU:C:2022:476, punti 78 u 80).
( 52 ) Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU 2007, L 324, p. 79, bir-rettifika fil-ĠU 2015, L 68, p. 91).
( 53 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Volvo (Notifika taċ-ċitazzjoni fis-sede ta’ sussidjarja tal-konvenut) (C‑632/22, EU:C:2024:31, speċjalment il-punti 50 sa 51 u 60). Dak il-każ, li għadu pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jikkonċerna azzjoni għad-danni mressqa fil-kuntest tal-istess akkordju tat-trakkijiet bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża.
( 54 ) Ara iktar ’il fuq, il-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 55 ) Dwar il-kumplessità u l-limiti tal-evalwazzjoni, ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kwantifikazzjoni tad-dannu f’kawżi għad-danni bbażati fuq ksur tal-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2013, C 167, p. 19), punt 9; Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni — Gwida prattika dwar il-kwantifikazzjoni tad-dannu f’kawżi għad-danni bbażati fuq ksur tal-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, (SWD(2013) 205), 11.6.2013, punti 16 sa 20.
( 56 ) Kif huwa pprovat mil-linji gwida li jinkludu 193 punt indirizzati għal dan l-għan lill-qrati nazzjonali: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Linji gwida għall-qrati nazzjonali dwar kif jistmaw is-sehem tal-ispejjeż żejda ttrasferiti fuq ix-xerrej indirett (ĠU 2019, C 267, p. 4). Dan l-aspett jista’ jintuża kemm bħala “xabla” kif ukoll bħala “tarka” (ibid., punt (4) u punti (17) sa (19)). Dan ifisser, minn naħa, li r-rikorrent għandu jkun jista’ jistabbilixxi dannu billi juri li, minkejja li ma aġixxiex bħala xerrej dirett, l-ispiża addizzjonali li rriżultat ġiet ittrasferita fuqu. Min-naħa l-oħra, il-konvenut jista’ jirribatti din l-allegazzjoni billi juri li r-rikorrent ittrasferixxa dawn l-ispejjeż addizzjonali fuq terza persuna. Ara l-Kapitolu IV tad-Direttiva 2014/104 dwar it-“Trasferiment ta’ spejjeż żejda”.
( 57 ) Dan huwa ovvjament mingħajr preġudizzju għar-rwol tad-domiċilju tal-konvenut, li, madankollu, ma huwiex ix-xenarju diskuss fil-kawża preżenti. Ara d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-iżvelar tal-evidenza stabbiliti fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2014/104. Ara wkoll il-premessi 15 u 16 ta’ din tal-aħħar.
( 58 ) Sentenza fil-kawża CDC Hydrogen Peroxide, punti 52 u 55.
( 59 ) Ara s-sentenza fil-kawża CDC Hydrogen Peroxide, pereżempju fil-punti 35 jew 53 sa 55 (jew il-punti 9 u 10 fir-rigward tad-deżinjazzjoni tal-kumpannija CDC, li taġixxi fil-kwalità tagħha tar-rikorrenti, u li fir-rigward tagħha l-kliem “kumpannija” u “impriża” jintużaw b’mod interkambjabbli: Ninnota li l-verżjoni Franċiża tas-sentenza tuża l-ekwivalenti tat-terminu kumpannija (“société”) fil-punti 9 u 10. Ara wkoll is-sentenza fil-kawża Volvo, punt 42.
( 60 ) Sentenzi fil-kawża CDC Hydrogen Peroxide, punt 52 u fil-kawża Volvo, punt 41.
( 61 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 iktar ’il fuq.
( 62 ) Ara, pereżempju, Biondi, A., Muscolo, G., Nazzini, R., After the Damages Directive: Policy and Practice in the EU Member States and the United Kingdom, Alphen aan den Rijn, Wolters Kluwer Law International, 2022, xl-626 p., f’p. 6; Kirst, P. The impact of the damages directive on the enforcement of EU competition law: a law and economics analysis, Cheltenham, Northampton: Edward Elgar Publishing, 2021, 416 p., f’p. 31; Rodger, B., Sousa Ferro, M., Marcos, F., The EU Antitrust Damages Directive: Transposition in the Member States, Oxford, Oxford University Press, 2018, 560 p. f’p. 55.
( 63 ) Ara rispettivament l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 2014/104.
( 64 ) Iddefinita bħala “persuna li tkun sofriet danni kkawżati minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni” fl-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 2014/104. B’kuntrast, l-Artikolu 2(2) tagħha jiddefinixxi l-“kontraventur” bħala “impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi li wettqet il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni”. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(1) jiddikjara li “[l-]Istati Membri għandhom jiżgura li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun ġarrbet ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tkun tista’ titlob u tikseb kumpens sħiħ għal dik il-ħsara”. Enfasi miżjuda. Bl-istess mod, il-premessa 13 tiddikjara li “[i]d-dritt għall-kumpens huwa rikonoxxut għal kull persuna fiżika jew ġuridika — għall-konsumaturi, għall-impriżi u għall-awtoritajiet pubbliċi bl-istess mod […]”. Addizzjonalment, il-kelma “impriżi” tiddeskrivi lil persuni ġuridiċi bħala differenti minn awtoritajiet pubbliċi.
( 65 ) Mingħajr preġudizzju għas-sitwazzjoni ta’ xerrejja indiretti li lilhom ġiet ittrasferita spiża addizzjonali. Ara l-Kapitolu IV tad-Direttiva 2014/104 u l-punti 36 u 37 iktar ’il fuq.
( 66 ) Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU 2007, L 199, p. 40) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma II”). Il-premessa 7 tiegħu tiddikjara li “[il-]kamp sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-[Regolament Nru 1215/2012] […]”. Ara s-sentenzi flyLAL, punt 41, fil-kawża Tibor-Trans, punt 35 u fil-kawża Volvo, punt 32.
( 67 ) Sentenza fil-kawża Volvo, punt 42, ara wkoll is-sentenzi fil-kawża FlyLAL, punt 40 u fil-kawża Tibor-Trans, punt 34.
( 68 ) Ir-rikorrenti żżid li dawn it-tranżazzjonijiet ta’ xiri twettqu fl-Ungerija, fil-Kroazja, fl-Italja, fl-Awstrija u fis-Slovakkja.
( 69 ) Barra minn hekk, kif jargumenta l-konvenut, ma jistax jiġi eskluż li, b’antiċipazzjoni ta’ tilwima futura, ir-rikorrent futur jista’ joħloq kumpannija holding ġdida fi Stat Membru differenti, u b’hekk effettivament jagħżel il-forum għat-talba tiegħu.
( 70 ) Pereżempju, Lazić, V., Mankowski, P.,The Brussels I-bis regulation: a handbook and practical guide, Edward Elgar Publishing, Northampton, 2023, 602 p., ara l-punt 1.187 b’referenzi ulterjuri.
( 71 ) Dan huwa l-każ fir-rigward tar-regoli ġurisdizzjonali stabbiliti fit-Taqsimiet 3 sa 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 li jikkonċernaw lil persuni assigurati, lil konsumaturi u lil impjegati u li joffru lil dawk il-partijiet il-possibbiltà li jibdew il-proċeduri legali fil-post tad-domiċilju tagħhom jew fil-post fejn, essenzjalment, iwettqu x-xogħol tagħhom. Sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2012, Folien Fischer u Fofitec (C‑133/11, EU:C:2012:664, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata), u s-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan (C‑194/16, EU:C:2017:766, punt 39).
( 72 ) Infakkar li din s-sistema tapplika mhux biss għal azzjonijiet ta’ segwitu, bħal dik inkwistjoni fil-kawża preżenti (li huma bbażati fuq deċiżjoni amministrattiva preċedenti li tikkonstata ksur), iżda wkoll għal azzjonijiet awtonomi, li fihom tali ksur għandu jiġi stabbilit.
( 73 ) Sentenza fil-kawża CDC Hydrogen Peroxide, punt 54. Ara, dwar dan il-punt, Hartley, T. C., op. cit., ikkwotat iktar ’il fuq fil-punt 26, f’p. 997 u Wurmnest, W., op. cit., ikkwotat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, p. 242. Ara wkoll il-konklużjonijiet fil-kawża Volvo, punt 101 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 118.
( 74 ) Ara iktar ’il fuq, il-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 75 ) Ara, r-referenzi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 51 iktar ’il fuq.