Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62022CC0240
Opinion of Advocate General Medina delivered on 18 January 2024.#European Commission v Intel Corporation Inc.#Appeal – Competition – Abuse of dominant position – Microprocessors market – Decision finding an infringement of Article 102 TFEU and Article 54 of the EEA Agreement – Loyalty rebates – Characterisation as abuse – Strategy aiming to exclude competitors that are at least as efficient as the dominant undertaking from the market.#Case C-240/22 P.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali L. Medina, ippreżentati fit-18 ta’ Jannar 2024.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Intel Corporation Inc.
Appell – Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq tal-mikroproċessuri – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 102 T FUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE – Tnaqqis għal fedeltà – Klassifikazzjoni bħala prattika abbużiva – Strateġija intiża sabiex teskludi l-kompetituri li huma mill-inqas effiċjenti daqs l-impriża f’pożizzjoni dominanti.
Kawża C-240/22 P.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali L. Medina, ippreżentati fit-18 ta’ Jannar 2024.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Intel Corporation Inc.
Appell – Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq tal-mikroproċessuri – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 102 T FUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE – Tnaqqis għal fedeltà – Klassifikazzjoni bħala prattika abbużiva – Strateġija intiża sabiex teskludi l-kompetituri li huma mill-inqas effiċjenti daqs l-impriża f’pożizzjoni dominanti.
Kawża C-240/22 P.
Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2024:65
KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKATA ĠENERALI
MEDINA
ippreżentati fit‑18 ta’ Jannar 2024 ( 1 )
Kawża C‑240/22 P
Il‑Kummissjoni Ewropea
vs
Intel Corporation Inc.
“Appell – Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Swieq tal-mikroproċessuri – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE – Tnaqqis għal fedeltà – Klassifikazzjoni bħala prattika abbużiva – Analiżi tal-kompetitur daqstant effiċjenti – Strateġija komprensiva – Ksur uniku u kontinwu – Evalwazzjoni ekonomika kumplessa – Estrapolazzjoni ta’ data ekonomika – Tnaqqis attribwit fil-forma ta’ vantaġġi in natura”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Dawn il-konklużjonijiet għandhom bħala suġġett l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea għall-annullament tas-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2022, Intel Corporation vs Il‑Kummissjoni (T‑286/09 RENV) ( 2 ). Din is-sentenza ġiet wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P) ( 3 ), li, hija stess, annullat is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Intel vs Il‑Kummissjoni (T-286/09) ( 4 ), u bagħtet il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
2. |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li d-Deċiżjoni C(2009) 3726 final dwar proċedura skont l-Artikolu [102 TFUE] u l-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE ( 5 )għandha tiġi annullata parzjalment. |
|
3. |
B’mod iktar speċifiku, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina li t-tnaqqis għal esklużività u ħlasijiet mogħtija minn Intel lil diversi manifatturi ta’ tagħmir oriġinali (iktar ’il quddiem l-“OEM”) u lil distributur Ewropew ta’ kompjuters desktop seta’ jkollu jew jista’ jkollu effetti antikompetittivi u li għalhekk kien jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 102 TFUE ( 6 ). Skont il-Qorti Ġenerali, dan kien dovut għall-iżbalji li jivvizzjaw id-Deċiżjoni kontenzjuża f’dak li jirrigwarda, minn naħa, l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni tat-test tal-kompetitur daqstant effiċjenti (iktar ’il quddiem it-“test AEC”) u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tal-parti tas-suq koperta mill-prattika ta’ Intel u tat-tul tagħha ( 7 ). |
|
4. |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-approċċ segwit mill-Qorti Ġenerali u tippreżenta sitt aggravji insostenn tal-appell tagħha. Permezz ta’ dawn l-aggravji, il-Kummissjoni tallega, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx evalwazzjoni globali tal-kapaċità tal-prattiki ta’ Intel li jeliminaw il-kompetizzjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, li żnaturat il-provi u wettqet diversi żbalji ta’ liġi f’dak li jirrigwarda l-livell ta’ stħarriġ, li interpretat b’mod żbaljat it-test AEC kif applikat fid-Deċiżjoni kontenzjuża u li kisret id-drittijiet tad-difiża tal-Kummissjoni. |
|
5. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja talbet l-eżami ta’ żewġ kwistjonijiet legali speċifiċi, li jikkonċernaw ir-raba’ u l-ħames aggravju. Iż-żewġ aggravji jikkontestaw l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tat-test AEC fir-rigward ta’ tnejn mill-OEM li jibbenefikaw mill-prattika ta’ Intel. Dawn il-konklużjonijiet ser jiffukaw għalhekk fuq dawn l-aggravji u, b’mod partikolari, fuq il-kwistjonijiet imqajma minnhom, dwar, minn naħa, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni meta tapplika t-test AEC għal aġir speċifiku u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tat-tnaqqis attribwit fil-forma ta’ vantaġġi in natura. |
II. Il‑fatti u l‑proċedura
|
6. |
Għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-fatti u l-proċedura tal-proċeduri jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej ( 8 ). |
A. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u l‑proċedura amministrattiva
|
7. |
Intel Corporation (iktar ’il quddiem ‘Intel’) hija kumpannija stabbilita taħt id-dritt tal-Istati Uniti li tiżgura d-disinn, l-iżvilupp, il-manifattura, u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ mikroproċessuri (iktar ’il quddiem iċ-“CPU”), “chipsets” u komponenti oħra semikondutturi kif ukoll soluzzjonijiet għal pjattaformi fil-kuntest tal-ipproċessar tad-data u tal-mezzi tal-komunikazzjoni. |
|
8. |
Wara lment formali ppreżentat fit‑18 ta’ Ottubru 2000 minn Advanced Micro Devices, Inc. (iktar ’il quddiem “AMD”), issupplimentat fis‑26 ta’ Novembru 2003, il-Kummissjoni fetħet investigazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 ( 9 ). |
|
9. |
Fis‑26 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni nnotifikat lil Intel b’dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dwar l-aġir tagħha fir-rigward ta’ ħames OEM — jiġifieri Dell, Hewlett-Packard Company (iktar ’il quddiem “HP”), Acer Inc.(iktar ’il quddiem “Acer”), NEC Corp(iktar ’il quddiem “NEC”) u International Business Machines Corp. (iktar ’il quddiem “IBM”). |
|
10. |
Fis‑17 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni nnotifikat lil Intel b’dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali marbuta mal-aġir tagħha fir-rigward ta’ MSH, distributur Ewropew ta’ apparat mikroelettroniku u l-ewwel distributur Ewropew ta’ kompjuters desktop. Din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet tirrigwarda wkoll l-aġir ta’ Intel fir-rigward ta’ Lenovo Group Ltd (iktar ’il quddiem “Lenovo”) u kienet tinkludi provi ġodda dwar l-aġir ta’ Intel fir-rigward ta’ ċerti OEM imsemmija preċedentement. |
|
11. |
Wara diversi stadji proċedurali, il-Kummissjoni adottat, fit‑13 ta’ Mejju 2009, id-Deċiżjoni kontenzjuża, li sunt tagħha jinsab f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, C 227, p. 13). |
B. Id‑Deċiżjoni kontenzjuża
|
12. |
Skont id-Deċiżjoni kontenzjuża, Intel wettqet ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 102 KE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), bejn Ottubru 2002 u Diċembru 2007, billi implimentat strateġija maħsuba sabiex teskludi kompetitur, jiġifieri AMD, mis-suq ta’ mikroproċessuri CPU ta’ arkitettura x86 (iktar ’il quddiem “CPU x86”). |
1. Is‑suq rilevanti
|
13. |
Il-prodotti inkwistjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża huma CPU – jiġifieri x86 CPU –, li huma komponenti essenzjali ta’ kull kompjuter, kemm għall-prestazzjoni ġenerali tas-sistema kif ukoll għall-ispiża globali tiegħu. Ħafna drabi CPU jitqiesu bħala l-“moħħ” tal-kompjuter u l-proċess tal-manifattura tagħhom jirrikjedi faċilitajiet ta’ teknoloġija avvanzata u li jiswew ħafna flus. Qabel l‑2000, diversi manifatturi ta’ CPU x86 kienu preżenti fis-suq. Madankollu, il-parti l-kbira ta’ dawn il-manifatturi ma għadhomx fis-suq. Id-Deċiżjoni kontenzjuża tirrileva li Intel u AMD huma prattikament l-uniċi żewġ kumpanniji li għadhom jimmanifatturaw CPU x86. |
|
14. |
Is-suq ġeografiku huwa ddefinit bħala ta’ daqs dinji. |
2. Pożizzjoni dominanti
|
15. |
Abbażi, minn naħa, ta’ parti mis-suq ta’ madwar 70 % jew iktar miżmuma minn Intel bejn l‑1997 u l‑2007 u, min-naħa l-oħra, tal-ostakoli sinjifikattivi għad-dħul u għall-espansjoni fis-suq rilevanti – li jirriżultaw minn investimenti irrekuperabbli fir-riċerka u fl-iżvilupp, fil-proprjetà intellettwali u fil-faċilitajiet ta’ produzzjoni neċessarji, il-Kummissjoni kkonkludiet li, minn tal-inqas matul il-perijodu kopert mid-Deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri minn Ottubru 2002 sa Diċembru 2007, Intel kellha pożizzjoni dominanti f’dan is-suq. |
3. Tipi ta’ aġir
|
16. |
Id-Deċiżjoni kontenzjuża tiddeskrivi żewġ tipi ta’ aġir adottati minn Intel fir-rigward tas-sħab kummerċjali tagħha, jiġifieri it-tnaqqis kundizzjonali u r-restrizzjonijiet ovvji. |
|
17. |
Fl-ewwel lok, skont id-Deċiżjoni kontenzjuża, Intel tat tnaqqis lil erba’ OEM, f’dan il-każ, Dell, Lenovo, HP u NEC, bil-kundizzjoni li huma jixtru mingħandha t-totalità jew kważi totalità ta’ CPU x86 tagħha. Barra minn hekk, Intel għamlet ħlasijiet lil MSH, bil-kundizzjoni li din tal-aħħar tbigħ biss kompjuters mgħammra b’CPU x86 prodotti minnha. |
|
18. |
Id-Deċiżjoni kontenzjuża tikkonkludi li t-tnaqqis kundizzjonali mogħti lil Intel jikkostitwixxi tnaqqis għal fedeltà. Fir-rigward ta’ MSH, id-Deċiżjoni kontenzjuża stabbilixxiet li l-mekkaniżmu ekonomiku tal-ħlasijiet kundizzjonali ta’ Intel għal dawn il- ħlasijiet kien ekwivalenti għal dak tat-tnaqqis kundizzjonali mogħti lil OEM. |
|
19. |
Barra minn hekk, id-Deċiżjoni kontenzjuża tipprovdi wkoll analiżi ekonomika fuq il-kapaċità tat-tnaqqis li jeskludi kompetitur li jkun daqstant effiċjenti bħal Intel mingħajr madankollu ma jkun jokkupa pożizzjoni dominanti. B’mod konkret, l-analiżi tistabbilixxi l-prezz li kien jiġi propost minn kompetitur daqstant effiċjenti bħal Intel għaċ-CPU tiegħu sabiex jikkumpensa lil OEM għat-telf ta’ tnaqqis li kieku kien jirċievi mingħand Intel. Analiżi tal-istess tip twettqet fir-rigward tal-ħlasijiet mogħtija minn Intel lil MSH. |
|
20. |
Abbażi tal-provi li hija ġabret, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li t-tnaqqis kundizzjonali u l-ħlasijiet mogħtija minn Intel kellhom il-konsegwenza li jiżguraw il-fedeltà tal-OEM strateġiċi u ta’ MSH. Dawn il-prattiki kellhom effetti addizzjonali, fis-sens li huma naqqsu b’mod kunsiderevoli l-kapaċità tal-kompetituri li jikkompetu abbażi tal-kapaċitajiet ta’ CPU x86 tagħhom. B’hekk, l-aġir antikompetittiv ta’ Intel wassal għal tnaqqis tal-għażla offruta lill-konsumaturi kif ukoll għal inċentivi inqas għall-innovazzjoni. |
|
21. |
Fit-tieni lok, fir-rigward tar-restrizzjonijiet ovvji, il-Kummissjoni ssostni li Intel tat pagamenti lil tliet OEM, jiġifieri HP, Acer u Lenovo, bil-kundizzjoni li dawn jipposponu jew jannullaw it-tnedija ta’ prodotti mgħammra b’CPU li joriġina minn AMD jew jimponu restrizzjonijiet fuq id-distribuzzjoni ta’ dawn il-prodotti. Id-Deċiżjoni kontenzjuża tikkonkludi li dan l-aġir ta’ Intel ukoll ikkawża preġudizzju dirett lill-kompetizzjoni u ma jaqax taħt il-kompetizzjoni normali, ibbażata fuq il-merti. |
4. Abbuż u multa
|
22. |
Il-Kummissjoni kkonkludiet fid-Deċiżjoni kontenzjuża li, f’kull każ, l-aġir ta’ Intel fir-rigward tal-OEM u ta’ MSH kien jikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, iżda li kull wieħed minn dawn l-abbużi individwali kien ukoll parti minn strateġija unika intiża li teskludi lil AMD, l-uniku kompetitur importanti ta’ Intel, mis-suq taċ-CPU x86. Għalhekk, dawn l-abbużi individwali kienu jagħmlu parti minn ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 TFUE, imwettaq minn Ottubru 2002 sa Diċembru 2007 ( 10 ). |
|
23. |
Filwaqt li applikat il-Linji gwida dwar il-metodu tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2), il-Kummissjoni imponiet fuq Intel multa ta’ EUR 1.06 biljun ( 11 ). |
C. Is‑sentenza inizjali
|
24. |
Fit‑22 ta’ Lulju 2009, Intel ressqet rikors għal annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża. L-Association for Competitive Technology (iktar ’il quddiem l-“ACT”) ġiet ammessa tintervjeni f’din il-kawża insostenn ta’ Intel. |
|
25. |
Permezz tas-sentenza inizjali, mogħtija fit‑12 ta’ Ġunju 2014, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu. |
|
26. |
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, li t-tnaqqis mogħti lil OEM kien tnaqqis għal esklużività, peress li kien suġġett għall-kundizzjoni li l-klijenti jixtru mingħand Intel il-bżonnijiet kollha tagħhom ta’ CPU x86, jew il-parti l-kbira tal-bżonnijiet tagħhom. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali spjegat li l-kwistjoni dwar jekk tali tnaqqis setax jiġi kklassifikat bħala abbużiv la kienet tiddependi minn analiżi taċ-ċirkustanzi tal-każ intiż sabiex tiġi stabbilita l-kapaċità ta’ dan it-tnaqqis li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, u lanqas fuq il-prova ta’ effetti antikompetittivi potenzjali permezz ta’ test AEC. |
|
27. |
Għall-finijiet ta’ kompletezza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-kuntest ta’ eżami mwettaq sussidjarjament, li l-Kummissjoni kienet uriet, b’mod suffiċjenti fid-dritt u abbażi ta’ analiżi taċ-ċirkustanzi tal-każ, li t-tnaqqis u l-ħlasijiet ta’ esklużività mogħtija minn Intel lil Dell, HP, NEC, Lenovo u MSH setgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali qieset li kien inutli li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kinitx wettqet it-test AEC skont ir-regoli applikabbli u mingħajr ma wettqet żball. |
D. Is‑sentenza dwar l‑ewwel appell
|
28. |
Fis‑26 ta’ Awwissu 2014, Intel appellat mis-sentenza inizjali. |
|
29. |
Permezz tas-sentenza dwar l-ewwel appell, mogħtija fis‑6 ta’ Settembru 2017 ( 12 ), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza inizjali u bagħtet lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali ( 13 ). |
|
30. |
B’mod partikolari, wara li ċaħdet il-ħames u r-raba’ aggravju bbażati, rispettivament, fuq applikazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-kriterji dwar il-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ftehimiet konklużi bejn Intel u Lenovo u ta’ irregolarità proċedurali ( 14 ), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat u laqgħet l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi minħabba l-assenza ta’ eżami tat-tnaqqis inkwistjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. |
|
31. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fakkret, qabelxejn, li l-Artikolu 102 TFUE bl-ebda mod ma għandu l-għan li jipprekludi lil impriża milli tikseb, fuq mertu tagħha stess, il-pożizzjoni dominanti f’suq. Din id-dispożizzjoni lanqas ma hija intiża li tiżgura li kompetituri inqas effiċjenti mill-impriża f’pożizzjoni dominanti jibqgħu fis-suq ( 15 ). Madankollu, fid-dawl tar-responsabbiltà partikolari li għandha l-impriża dominanti li ma tippreġudikax bl-aġir tagħha l-kompetizzjoni ġenwina u mhux żnaturata fis-suq intern, hija ma tistax, b’mod partikolari, tadotta prattiki tariffarji li jipproduċu effetti ta’ esklużjoni għall-kompetituri kkunsidrati bħala effiċjenti daqsha ( 16 ). |
|
32. |
Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tat‑13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il‑Kummissjoni ( 17 ), kellhom jiġu ċċarati, meta l-impriża kkonċernata ssostni, matul il-proċedura amministrattiva, abbażi ta’ provi insostenn, li l-aġir tagħha ma setax jirrestrinġi l-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, jipproduċi l-effetti ta’ esklużjoni allegati ( 18 ). F’dan il-każ, il-Kummissjoni mhux biss hija obbligata tanalizza, minn naħa, l-importanza tal-pożizzjoni dominanti tal-impriża fis-suq rilevanti u, min-naħa l-oħra, il-parti ta’ kopertura tas-suq mill-prattika kontenzjuża, kif ukoll il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet għall-għoti tat-tnaqqis inkwistjoni, it-tul tiegħu u l-ammont tiegħu, iżda hija obbligata wkoll tevalwa l-eżistenza eventwali ta’ strateġija intiża li teskludi l-kompetituri li huma tal-inqas effiċjenti daqs l-impriża fis-suq ( 19 ). |
|
33. |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, jekk, f’deċiżjoni li tikkonstata n-natura abbużiva ta’ sistema ta’ tnaqqis, il-Kummissjoni twettaq tali analiżi, hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina l-argumenti kollha tar-rikorrent intiżi li jqiegħdu inkwistjoni l-fondatezza tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni dwar il-kapaċità ta’ esklużjoni tas-sistema ta’ tnaqqis ikkonċernata ( 20 ). |
|
34. |
Fir-rigward tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali rrilevat li t-test AEC kellu rwol importanti fl-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kapaċità tal-iskema ta’ tnaqqis inkwistjoni li tipproduċi effetti ta’ esklużjoni għal kompetituri daqstant effiċjenti ( 21 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kienet obbligata, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, teżamina l-argumenti kollha ta’ Intel relatati ma’ dan it-test ( 22 ). Peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-kalkoli alternattivi proposti minn Intel kinux twettqu b’mod korrett ( 23 ), hija naqset b’mod żbaljat milli tieħu inkunsiderazzjoni l-argumenti ta’ Intel intiżi li jesponu allegati żbalji mwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-test AEC ( 24 ). |
E. Is‑sentenza appellata
|
35. |
Wara li ntbagħtet lura, il-kawża ġiet assenjata lir-Raba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali. |
|
36. |
Permezz tas-sentenza appellata, mogħtija fis‑26 ta’ Jannar 2022, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-Deċiżjoni kontenzjuża kellha tiġi parzjalment annullata. |
|
37. |
Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali rreferiet għas-suġġett tal-kawża wara li ntbagħtet lura ( 25 ). B’mod iktar preċiż, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li s-suġġett tal-kawża kien jirrigwarda, essenzjalment, l-analiżi tal-kapaċità tat-tnaqqis inkwistjoni li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fir-rigward ta’ (i) il-preċiżazzjonijiet li saru dwar il-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Hoffmann-La Roche u (ii) l-osservazzjonijiet prinċipali u addizzjonali tal-partijiet dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu minn dawn il-preċiżazzjonijiet ( 26 ). |
|
38. |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali aċċettat il-konklużjonijiet tas-sentenza inizjali dwar il-klassifikazzjoni ġuridika tar-restrizzjonijiet ovvji u l-illegalità tagħhom fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE ( 27 ). Hija aċċettat ukoll l-evalwazzjoni dwar il-klassifikazzjoni tat-tnaqqis inkwistjoni bħala “tnaqqis għal esklużività” ( 28 ). Madankollu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ewwel appell, dik il-klassifikazzjoni ma tfissirx li ma kienx neċessarju li jiġi applikat it-test AEC sabiex tiġi analizzata l-kapaċità tagħhom li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Din il-klassifikazzjoni lanqas ma kienet suffiċjenti sabiex dan it-tnaqqis jitqies bħala abbużiv fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE ( 29 ). |
|
39. |
Fir-rigward tal-mertu tal-kawża, wara li fakkret il-metodu stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa jekk skema ta’ tnaqqis għandhiex il-kapaċità li tirrestrinġi l-kompetizzjoni ( 30 ) u l-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza mogħtija fl-ewwel appell ( 31 ), il-Qorti Ġenerali evalwat l-argumenti mressqa minn Intel u minn ACT. |
1. Argumenti dwar l‑analiżi ġuridika invokata mill‑Kummissjoni
|
40. |
Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argumenti ta’ Intel u ta’ ACT li d-Deċiżjoni kontenzjuża kienet ibbażata fuq analiżi legali żbaljata. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, billi ħadet bħala punt tat-tluq il-premessa li t-tnaqqis inkwistjoni kien jikser l-Artikolu 102 TFUE minħabba li kien min-natura tiegħu abbużiv, mingħajr ma kellha neċessarjament tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità ta’ dan it-tnaqqis li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, il-Kummissjoni vvizzjat id-Deċiżjoni kontenzjuża bi żball ta’ liġi ( 32 ). Madankollu, fid-dawl tar-rwol importanti li għandu t-test AEC fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-kapaċità tat-tnaqqis inkwistjoni li jipproduċi effetti ta’ esklużjoni fir-rigward tal-kompetituri daqstant effiċjenti, il-Qorti Ġenerali qieset li kienet obbligata, fit-tieni lok, li teżamina l-argumenti kollha ta’ Intel relatati ma’ dan it-test ( 33 ). |
2. Argumenti li jikkonċernaw l‑iżbalji li jivvizzjaw l‑analiżi AEC
|
41. |
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ddedikat l-analiżi tagħha għall-argumenti fuq l-analiżi AEC. Din l-analiżi kienet maqsuma f’erba’ taqsimiet. |
|
42. |
L-ewwel taqsima kienet tirrigwarda s-suġġett tal-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali ( 34 ), li hija qieset li testendi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-elementi kollha tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, fid-dritt u fil-fatt, fid-dawl tal-motivi mqajma mir-rikorrenti u fid-dawl tal-provi rilevanti kollha prodotti minn din tal-aħħar. Madankollu, il-Qorti Ġenerali fakkret li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tal-att inkwistjoni, ma setgħetx tissostitwixxi l-motivazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni. |
|
43. |
It-tieni taqsima kien fiha kunsiderazzjonijiet ġenerali fuq l-analiżi AEC, u kienet ifformulata kif ġej ( 35 ):
|
|
44. |
B’mod partikolari, mis-sentenza appellata ( 36 ) jirriżulta li, skont il-metodoloġija adottata mill-Kummissjoni, ir-riżultat – pożittiv jew negattiv – tat-test AEC, kif iddefinit fil-punt 158 ta’ din is-sentenza, huwa finalment iddeterminat permezz ta’ paragun bejn il-parti kontestabbli u l-parti rikjesta, peress li din tal-aħħar hija l-proporzjon tal-bżonnijiet tal-klijent li għandu jikseb kompetitur daqstant effiċjenti sabiex ikun jista’ jidħol fis-suq mingħajr ma jġarrab telf. Is-sitwazzjoni inversa tindika riżultat negattiv u li t-tnaqqis ikkontestat jista’ jeskludi kompetitur effiċjenti daqs Intel. |
|
45. |
It-tielet taqsima ttrattat l-oneru tal-prova u l-livell ta’ prova rikjesta ( 37 ). |
|
46. |
Fir-raba’ taqsima, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-fondatezza tal-argumenti li d-Deċiżjoni kontenzjuża hija vvizzjata b’diversi żbalji fir-rigward tat-test AEC ( 38 ). Din it-taqsima tinkludi ħames subtaqsimiet, li kull waħda minnhom tittratta l-argumenti mressqa minn Intel dwar l-analiżi AEC li tinsab fid-Deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-erba’ OEM ikkonċernati, jiġifieri Dell, HP, NEC u Lenovo, minn naħa, u MSH, min-naħa l-oħra. Fid-dawl tal-analiżi tagħha, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-argument ta’ Intel li l-analiżi AEC imwettqa mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata bi żbalji ( 39 ). |
3. Argumenti dwar il‑kriterji msemmija fil‑punt 139 tas‑sentenza dwar l‑ewwel appell
|
47. |
Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argumenti ta’ Intel u ta’ ACT li jgħidu li l-Kummissjoni ma kinitx analizzat b’mod korrett il-kriterji msemmija fil-punt 139 tas-sentenza dwar l-ewwel appell ( 40 ). |
|
48. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li Intel kienet fondata meta sostniet li l-analiżi mwettqa fid-Deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata minn diversi żbalji, peress illi l-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod korrett il-kriterju relatat mal-parti tas-suq koperta mill-prattika kontenzjuża u ma analizzatx b’mod korrett it-tul tat-tnaqqis ( 41 ). |
4. Konklużjoni
|
49. |
Il-Qorti Ġenerali kkonstatat illi, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u fid-dawl tal-iżbalji li jivvizzjaw id-Deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward, min-naħa, tal-evalwazzjoni tat-test tal-kompetitur daqstant effiċjenti mwettqa mill-Kummissjoni u fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-evalwazzjoni tal-parti tas-suq koperta mill-prattika ta’ Intel u tat-tul tagħha ( 42 ), il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina li t-tnaqqis ta’ Intel għal esklużività kien kapaċi jew aktarx kien ser ikollu effetti antikompetittivi u li għalhekk jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 102 TFUE ( 43 ). |
|
50. |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li r-raġunijiet għad-Deċiżjoni kontenzjuża ma setgħux iservu bħala l-bażi għall-Artikolu 1(a) sal-Artikolu 1(e) ta’ din id-deċiżjoni f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari t-tnaqqis għal esklużività ta’ Intel. Konsegwentement, dan l-artikolu ġie annullat ( 44 ). Barra minn hekk, peress li l-Qorti Ġenerali ma kinitx tqis li kienet f’pożizzjoni li tidentifika l-ammont tal-multa relatat biss mar-restrizzjonijiet ovvji, li tqiesu bħala stabbiliti korrettament fis-sentenza ( 45 ), l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kontenzjuża ġie annullat ukoll ( 46 ). Fl-aħħar, l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni kontenzjuża ġie annullat sa fejn kien jikkonċerna t-tnaqqis għal esklużività ta’ Intel. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kumplament tar-rikors ( 47 ). |
III. It‑talbiet tal‑partijiet quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
51. |
Permezz tal-appell tagħha, ippreżentat fil‑5 ta’ April 2022, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
52. |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑5 ta’ Awwissu 2022, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tħalliet tintervjeni fil-kawża preżenti insostenn tad-digriet imfittex mill-Kummissjoni. |
|
53. |
Intel u ACT jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż. |
|
54. |
Ma saret l-ebda seduta f’din il-kawża. |
IV. Evalwazzjoni
|
55. |
Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka sitt aggravji. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tallega li:
|
|
56. |
Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-analiżi tiegħi ser tkun iddedikata għar-raba’ u l-ħames aggravju. |
A. Fuq ir‑raba’ aggravju, li jallega diversi żbalji ta’ liġi u l‑ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tal‑Kummissjoni fil‑kuntest tal‑eżami tat‑test AEC fir‑rigward ta’ HP
|
57. |
Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li d-Deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx uriet l-effett ta’ esklużjoni tat-tnaqqis mogħti minn Intel lil HP għall-perijodu kollu tal-ksur. |
|
58. |
Dan l-aggravju huwa maqsum f’erba’ partijiet prinċipali, li jallegaw, l-ewwel nett, nuqqas ta’ kunsiderazzjoni xierqa tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni fi kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi; it-tieni nett, nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-rikonoxximent impliċitu minn Intel tal-perijodu ta’ referenza matul il-proċedura amministrattiva; it-tielet nett, ksur tad-dritt tad-difiża tal-Kummissjoni; u, ir-raba’ nett, żball tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-konklużjoni xierqa li għandha tinsilet għall-perijodu kollu tal-prattika inkwistjoni ( 48 ). |
|
59. |
Wara li nfakkar il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tat-tnaqqis mogħti minn Intel lil HP, ser neżamina kull wieħed minn dawn l-argumenti wieħed wara l-ieħor. |
1. Il‑konklużjonijiet tal‑Qorti Ġenerali fir‑rigward tat‑tnaqqis mogħti minn Intel lil HP
|
60. |
Mis-sentenza appellata jirriżulta li, skont id-Deċiżjoni kontenzjuża, Intel kienet ikkonkludiet ma’ HP, għall-perijodu bejn Novembru 2002 u Mejju 2005, żewġ ftehimiet li jikkonċernaw id-desktops maħsuba għall-impriżi ( 49 ). |
|
61. |
L-ewwel wieħed minn dawn il-ftehimiet (iktar ’il quddiem il-“Ftehim HPA1”) kien ikopri perijodu minn Novembru 2002 sa Mejju 2004 u t-tieni wieħed (iktar ’il quddiem il-“Ftehim HPA2”) kien ikopri perijodu minn Ġunju 2004 sa Mejju 2005. Fiż-żewġ ftehimiet, l-għoti ta’ tnaqqis minn Intel kien suġġett għall-kundizzjoni mhux miktuba li HP tixtri mingħand tal-ewwel minn tal-inqas 95 % tal-bżonnijiet tagħha għal CPU x86 sabiex tgħammar il-kompjuters tagħha. Skont il-Kummissjoni, it-test AEC kien juri li dan it-tnaqqis seta’ jkollu effett ta’ esklużjoni antikompetittiva ( 50 ). |
|
62. |
Din il-konklużjoni hija bbażata fuq paragun bejn il-parti rikjesta minn HP u l-parti kontestabbli ( 51 ) u fuq żewġ fatturi ta’ tisħiħ ( 52 ). |
|
63. |
Fir-rigward tal-kalkolu tal-parti rikjesta minn HP, li tinsab fil-qalba ta’ dan l-aggravju, is-sentenza appellata tirreferi, qabelxejn, għat-Tabella 34 tad-Deċiżjoni kontenzjuża (iktar ’il quddiem it-“Tabella 34”) ( 53 ). Kif tindika l-Qorti Ġenerali, din it-tabella tesponi l-parametri u ċ-ċifri konkreti użati mill-Kummissjoni sabiex tikkalkola l-parti rikjesta ta’ HP, li hija tippreżenta fi tmien linji, li jikkorrispondu għal kull wieħed mit-trimestri koperti mir-raba’ trimestru tas-sena fiskali 2003 sat-tielet trimestru tas-sena fiskali 2005 ( 54 ). |
|
64. |
It-tieni, is-sentenza appellata tirreferi għat-Tabella 35 tad-Deċiżjoni kontenzjuża (iktar ’il quddiem it-“Tabella 35”) ( 55 ), li tippreżenta l-kalkolu globali mill-Kummissjoni tal-parti rikjesta minn HP f’dak li jirrigwarda l-Ftehim HPA1 u l-Ftehim HPA2. Kif tosserva l-Qorti Ġenerali, il-kalkolu globali huwa r-riżultat tas-somma jew medja aritmetika tal-figuri stabbiliti fit-Tabella 34 ( 56 ). Is-sentenza appellata tinnota wkoll li l-Kummissjoni sabet li l-parti rikjesta minn HP kienet konsistentement ogħla mill-parti kontestabbli matul il-perjodu kollu tal-ksur ( 57 ). |
|
65. |
Barra minn hekk, mis-sentenza appellata jirriżulta li Intel sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali li d-Deċiżjoni kontenzjuża kien fiha diversi żbalji li jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-perijodu tal-ksur eżaminat ( 58 ). |
|
66. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat li t-Tabella 34 ma kienet tinkludi ebda data dwar il-perijodu inizjali kopert mill-Ftehim HPA1, jiġifieri għax-xhur ta’ Novembru u ta’ Diċembru 2002, u lanqas għall-ewwel tliet trimestri tas-sena fiskali 2003 ( 59 ). Madankollu, il-kalkolu globali tal-parti rikjesta minn HP fir-rigward tal-Ftehim HPA1, kif kien jinsab fit-Tabella 35, kien ġie kkalkolat mill-Kummissjoni mis-somma jew medja aritmetika taċ-ċifri inklużi fit-Tabella 34, b’mod partikolari mill-ewwel tliet linji tagħha — imsejħa Q4 FY03, Q1 FY04 u Q2 FY04 ( 60 ). |
|
67. |
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li x-xhur ta’ Novembru u ta’ Diċembru 2002 u l-ewwel tliet trimestri tas-sena fiskali 2003 ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-kalkoli li wasslu għall-parti rikjesta minn HP fir-rigward tal-Ftehim HPA1 ( 61 ). F’dan ir-rigward, hija żiedet, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma kinitx sostniet li l-assenza tal-valuri għat-tliet trimestri neqsin fil-kalkoli tagħha kienet tirriżulta minn koinċidenza, u lanqas li dawn il-valuri kienu identiċi għall-valuri ta’ tliet kwarti neqsin mill-perijodu kopert minn dan il-ftehim ( 62 ). |
|
68. |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-kalkolu tal-parti rikjesta ma koprietx il-perijodu kollu bejn Novembru 2002 u Mejju 2005, li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni qieset li din setgħet turi li kien hemm effett ta’ esklużjoni kkawżat mit-tnaqqis mogħti minn Intel lil HP ( 63 ). |
|
69. |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq il-fatt li r-riżultat ta’ kalkolu trimestrali ma kienx fundamentalment differenti mir-riżultat tal-kalkolu globali li kien sar ( 64 ). Barra minn hekk, hija qieset li l-kalkoli addizzjonali ppreżentati mill-Kummissjoni fil-kontroreplika tagħha – jiġifieri fl-Anness D.17 tagħha – kienu inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, ma setgħux iservu bħala bażi għall-konklużjonijiet tad-Deċiżjoni kontenzjuża ( 65 ). |
2. Fuq in-nuqqas li jittieħed inkunsiderazzjoni il‑marġni ta’ diskrezzjoni tal‑Kummissjoni f’oqsma ekonomiċi kumplessi
a) L‑argumenti tal‑partijiet
|
70. |
L-ewwel nett, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, issostni li s-sentenza appellata tinjora n-natura tat-test AEC bħala evalwazzjoni ekonomika kumplessa u l-marġni ta’ diskrezzjoni li dik l-istituzzjoni hija rrikonoxxuta li għandha f’tali każijiet. Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni għandu neċessarjament jinkludi l-kalkolu tal-parti rikjesta minn impriża għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-test AEC u, b’mod partikolari, l-għażla tal-parametri ekonomiċi u l-perijodu ta’ riferiment li l-Kummissjoni tuża għal dan il-kalkolu, li għandhom ikunu suġġetti biss għal stħarriġ ġudizzjarju limitat. |
|
71. |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkritika l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li hija kienet ibbażat ruħha fuq ċifri inkompleti sabiex tikkalkola l-parti rikjesta ta’ HP. Il-Kummissjoni tqis li hija kellha raġun tibbaża ruħha fuq iċ-ċifri li jikkorrispondu għall-aħħar tliet trimestri koperti mill-Ftehim HPA1 peress li kienu kkunsidrati bħala rappreżentattivi biżżejjed għall-perjodu kollu peress li l-ammont tat-tnaqqis matul dan il-perjodu kien stabbli minn kwart għall-ieħor. |
|
72. |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li ċ-ċifri użati sabiex tiġi kkalkolata l-parti rikjesta għall-perijodu kopert mill-Ftehim HPA1, kif jinsabu fit-Tabella 35 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, kienu favorevoli għal Intel. Kieku d-Deċiżjoni kontenzjuża kienet użat id-data disponibbli għat-trimestri preċedenti, il-parti rikjesta għal dan il-perijodu kienet tkun saħansitra ogħla, u dan jindika li t-tnaqqis ta’ Intel kien anki iktar kapaċi li jeskludi l-kompetizzjoni. |
|
73. |
Intel, sostnuta minn ACT, tikkontesta dawn l-argumenti. Hija ssostni li l-Kummissjoni għażlet li twettaq evalwazzjoni AEC kull trimestru sabiex tistabbilixxi l-ksur imwettaq minn Intel fir-rigward ta’ HP u li l-Kummissjoni sussegwentement naqset milli tinkludi fil-kalkoli tagħha d-data kollha neċessarja sabiex turi l-effetti ta’ esklużjoni tal-perijodu kollu kopert mill-Ftehim HPA1. Dan in-nuqqas ma kienx ikun jaqa’ taħt kwistjoni ekonomika kumplessa, iżda pjuttost ta’ evalwazzjoni tal-fatti. Barra minn hekk, Intel tikkontesta li ċ-ċifri medji tat-trimestri sussegwenti kienu suffiċjentement rappreżentattivi sabiex jiġi kkonstatat ksur għall-perijodu kollu. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li din l-evalwazzjoni sempliċement ma tirriżultax mid-Deċiżjoni kontenzjuża u li l-kalkoli addizzjonali ppreżentati mill-Kummissjoni matul il-proċeduri ġudizzjarji ġew iddikjarati inammissibbli. |
b) Analiżi
|
74. |
Bħala kumment preliminari, nixtieq nirrileva li l-argument mressaq mill-Kummissjoni, fir-rigward tan-natura tat-test AEC bħala evalwazzjoni ekonomika kumplessa, tapplika b’mod orizzontali għall-aggravji l-oħra li hija ppreżentat f’dan l-appell. Għaldaqstant, uħud mir-riflessjonijiet tiegħi jistgħu jkunu applikabbli wkoll għall-analiżi li għandha titwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ dawn l-aggravji l-oħra li ma humiex koperti speċifikament minn dawn il-konklużjonijiet. |
|
75. |
Skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-livell ta’ stħarriġ eżerċitat mill-qrati tal-Unjoni fuq l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni abbażi tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ diskrezzjoni li fuqu hija bbażata kull deċiżjoni kkunsidrata u li huwa ġġustifikat mill-kumplessità tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli. Il-każijiet li jinvolvu stħarriġ limitat għandhom ikunu ristretti għal dawk li fihom id-deċiżjoni kontenzjua hija bbażata fuq evalwazzjoni ekonomika kumplessa ( 66 ). |
|
76. |
Din il-ġurisprudenza, li tistabbilixxi l-livell ta’ stħarriġ limitat f’evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, ġiet applikata mill-qrati tal-Unjoni għall-oqsma kollha tad-dritt tal-kompetizzjoni ( 67 ) sa mill-formulazzjoni inizjali tagħha fis-sentenza Consten u Grundig vs Il‑Kummissjoni ( 68 ). Dan jeżiġi li, quddiem kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi, il-qrati tal-Unjoni għandhom jillimitaw l-istħarriġ tagħhom għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali, tal-adegwatezza tal-motivazzjoni, tal-eżattezza tad-dikjarazzjoni tal-fatti, u tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ użu ħażin ta’ poter ( 69 ). |
|
77. |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret b’mod kostanti li l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Kummissjoni meta jkollha quddiemha evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, b’mod partikolari fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, huwa neċessarjament akkumpanjat minn ċerti garanziji li l-qrati tal-Unjoni għandhom jivverifikaw ( 70 ). |
|
78. |
B’hekk, fis-sentenza tagħha Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval ( 71 ), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku, dan ma jfissirx li l-qrati tal-Unjoni għandhom jastjenu milli jistħarrġu l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, dwar informazzjoni ta’ natura ekonomika. Il-qrati tal-Unjoni għandhom, inter alia, mhux biss jivverifikaw l-eżattezza fattwali, l-affidabbiltà u l-konsistenza tal-provi; huma għandhom jivverifikaw ukoll jekk dawn il-provi tinkludix l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn il-provi humiex kapaċi li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom ( 72 ). |
|
79. |
Sussegwentement, fis-sentenzi KME Germany et vs Il‑Kummissjoni ( 73 ) u Chalkor vs Il‑Kummissjoni ( 74 ), li joħorġu mid-dikjarazzjoni preċedenti fis-sentenza Tetra Laval, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-qrati tal-Unjoni ma jistgħux jużaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni bħala bażi biex ma jwettqux stħarriġ profond tal-liġi u tal-fatti ( 75 ). |
|
80. |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni tikkritika b’mod ġenerali l-livell ta’ stħarriġ applikat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali, meta eżaminat it-test AEC applikat fid-Deċiżjoni kontenzjuża, inkluż fir-rigward tat-tnaqqis mogħti minn Intel lil HP, qabżet il-limiti applikabbli għall-istħarriġ ġudizzjarju stabbiliti fil-ġurisprudenza tagħha. |
|
81. |
Għandu jiġi rrilevat li l-kwistjoni mqajma mill-Kummissjoni ma hijiex dik dwar jekk din l-istituzzjoni għandhiex tibbenefika minn marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-għażla tal-kriterju speċifiku li jippermetti li jiġi ddeterminat jekk il-prattiki tariffarji adottati minn impriża f’pożizzjoni dominanti għandhomx il-kapaċità li jeskludu kompetitur effiċjenti daqs din l-impriża ( 76 ). La l-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata u lanqas l-appellata f’dan l-appell ma jikkontestaw l-użu tat-test AEC mill-Kummissjoni sabiex tevalwa jekk it-tnaqqis kopert mid-Deċiżjoni kontenzjuża setax jippreġudika l-kompetizzjoni taħt l-Artikolu 102 TFUE. |
|
82. |
Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ma huwiex ikkontestat li dik l-istituzzjoni għandha tibbenefika minn marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tat-test AEC għal aġir speċifiku, b’mod partikolari, f’termini ta’ għażla tal-parametri ekonomiċi u l-perijodu ta’ referenza li għandhom jintużaw sabiex jiġi applikat dan it-test għal aġir speċifiku. |
|
83. |
Fil-fatt, mis-sentenza appellata ( 77 ) jirriżulta, mingħajr kontestazzjoni min-naħa tal-Qorti Ġenerali, li t-test AEC imwettaq mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża, fir-rigward tat-tnaqqis mogħti minn Intel lil HP, kien ibbażat fuq mudell ekonometriku, li l-Kummissjoni ddeċidiet li tapplika fuq bażi trimestrali f’perijodu li kienet iddefiniet preċedentement minn Novembru 2002 sa Mejju 2005. Dan il-mudell kien jeżiġi, minn naħa, il-kalkolu tal-parti rikjesta u, min-naħa l-oħra, il-kalkolu tal-parti kontestabbli. B’mod partikolari, sabiex tiġi kkalkolata l-parti rikjesta, li hija inkwistjoni f’din il-parti tal-aggravju, ittieħdet inkunsiderazzjoni parti kundizzjonali tat-tnaqqis mogħtija mill-impriża f’pożizzjoni dominanti, il-prezz medja tal-bejgħ u l-ispiża medja li tista’ tiġi evitata ta’ din l-impriża. Fl-aħħar mill-aħħar, ir-riżultat tat-test AEC, kemm jekk pożittiv jew negattiv, ġie ddeterminat billi ċ-ċifri miksuba mill-kalkolu tal-parti rikjesta ta’ HP jitqabblu mal-parti tas-suq kontestabbli ( 78 ). |
|
84. |
Infakkar, bħall-Kummissjoni, li, sa fejn il-kalkolu tal-parti rikjesta jinkludi għażliet metodoloġiċi wisgħin, din għandha tiġi kkunsidrata bħala evalwazzjoni ekonomika kumplessa. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tiddefinixxi b’mod validu l-parametri użati għall-kalkolu ta’ din il-parti, suġġett għas-sempliċi stħarriġ limitat tal-Qrati tal-Unjoni. Dan jimplika li, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, il-qrati tal-Unjoni għandhom jastjenu milli jissostitwixxu l-evalwazzjoni tagħhom għal dik tal-Kummissjoni ( 79 ), sakemm l-impriża kkonċernata ma targumentax li kien hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni u ma turix dan l-iżball ( 80 ). |
|
85. |
Madankollu, il-kalkolu tal-parti rikjesta ma jistax jiġi eskluż mill-istħarriġ ġudizzjarju tal-iżbalji ta’ kalkolu jew mit-teħid inkunsiderazzjoni selettiv jew inkomplet tal-provi. Huwa preċiżament f’dawn il-kawżi li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Tetra Laval, kif emendata sussegwentement fis-sentenzi KME Germany u Chalkor, hija applikabbli b’mod sħiħ. Il-provi li tistrieħ fuqhom il-Kummissjoni sabiex tevalwa sitwazzjoni kumplessa għandhom effettivament ikunu eżatti, affidabbli u koerenti, peress li dawn il-provi għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha neċessarja għal din l-evalwazzjoni u għandhom ikunu jistgħu jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom. |
|
86. |
F’din l-istanza, jien tal-fehma li l-Qorti Ġenerali wettqet l-evalwazzjoni tagħha fir-rigward tal-kalkolu mill-Kummissjoni tal-parti rikjesta minn HP bil-mod kif rikjest mill-Qorti tal-Ġustizzja |
|
87. |
Fil-fatt, mis-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qabelxejn spjegat, fir-rigward tal-perijodu ta’ riferiment stabbilit mill-Kummissjoni stess, il-parametri użati fit-Tabella 34 għall-finijiet tal-kalkolu tal-parti rikjesta minn HP u l-evalwazzjoni ta’ kull trimestru magħżula wkoll mill-Kummissjoni sabiex twettaq dan il-kalkolu. Il-Qorti Ġenerali mbagħad indikat ir-riżultat tal-kalkolu globali tal-parti rikjesta minn HP fir-rigward tal-Ftehim HPA1, ippreżentat fit-Tabella 35, li, kif kien ukoll innotat, irriżulta mis-somma jew medja aritmetika tal-figuri mniżżla fit-Tabella 34. Il-Qorti Ġenerali mbagħad indikat l-assenza ta’ kwalunkwe figura li tikkorrispondi mal-ewwel parti tal-perijodu kopert minn dan il-ftehim, b’mod partikolari max-xhur ta’ Novembru u Diċembru 2002 u mal-ewwel tliet trimestri tas-sena fiskali 2003. Dan wassalha sabiex tikkunsidra li l-kalkolu tal-parti rikjesta minn HP ma setax jiġi kkunsidrat bħala li ġiet prodotta l-prova tiegħu għall-perijodu kollu tal-ksur ( 81 ). |
|
88. |
Minn dan isegwi li, kif isostnu Intel u ACT, għalkemm il-Kummissjoni għażlet li twettaq evalwazzjoni AEC għal kull trimestru sabiex tiddetermina l-parti rikjesta minn HP matul il-perijodu ta’ riferiment u li kien ġie espost minn qabel, hija sussegwentement naqset milli tintegra fil-kalkoli tagħha, kif teżiġi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-data kollha rilevanti u neċessarja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonkludi, mingħajr ma tidħol fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni, li l-provi li jinsabu fid-Deċiżjoni kontenzjuża ma kinux ta’ natura li jissostanzjaw il-konklużjonijiet tagħha dwar l-effetti ta’ esklużjoni tat-tnaqqis ta’ Intel għall-perijodu kollu kopert mill-Ftehim HPA1. |
|
89. |
Konsegwentement, il-kritika tal-Kummissjoni li l-Qorti Ġenerali imponiet livell ta’ stħarriġ li jaqbeż il-limiti tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi miċħuda. |
|
90. |
Barra minn hekk, sa fejn il-Kummissjoni ssostni li hija kienet iġġustifikata li tibbaża ruħha fuq iċ-ċifri li jikkorrispondu għall-aħħar tliet trimestri koperti mill-Ftehim HPA1 peress li dawn iċ-ċifri kienu suffiċjentement rappreżentattivi għall-perijodu kollu, dan l-argument jistieden lill-Qorti Ġenerali teżamina jekk, f’dan il-każ, fl-assenza ta’ provi speċifiċi, jistax ikun iġġustifikat li tiġi dedotta d-data tal-bidu ta’ dan il-perijodu permezz ta’ estrapolazzjoni. |
|
91. |
Kif inhu magħruf, l-estrapolazzjoni timplika stima ta’ valur mhux magħruf mill-estensjoni ta’ sekwenza ta’ valuri magħrufa. Għal dan l-għan, dan huwa element ta’ preżunzjoni ( 82 ), li huwa mekkaniżmu rikorrenti użat bl-għan li jtaffi l-oneru tal-prova li (normalment) jaqa’ fuq il-Kummissjoni fl-istabbiliment tal-eżistenza ta’ ksur — jew element tiegħu — tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat ( 83 ). Barra minn hekk, sa fejn l-estrapolazzjonijiet huma intiżi sabiex jiddeduċu l-għarfien mhux magħruf minn dak li huwa magħruf, dawn għandhom ikunu bbażati fuq sekwenza konkreta. Din is-sekwenza normalment toħroġ minn tendenza li tirriżulta mis-sekwenza partikolari ta’ valuri identifikati jew, tal-inqas, mill-esperjenza normali jew mis-sens komun. Għandu jiġi nnotat li, ħlief fil-każijiet fejn ikun ovvju, is-sekweknza li tippermetti li ssir estrapolazzjoni għandha tiġi ddefinita u spjegata b’mod espliċitu mill-parti li għandha l-oneru tal-prova. |
|
92. |
Nista’ naqbel li d-definizzjoni tas-sekwenza li tista’ jservi ta’ bażi għal estrapolazzjoni ta’ data tista’ taqa’, f’ċerti każijiet, taħt il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni meta d-definizzjoni tiegħu timplika kumplessità ekonomika. Madankollu, din il-kwistjoni lanqas biss tqum f’dan il-każ, peress li d-Deċiżjoni kontenzjuża ma tagħmel ebda riferiment għal sekwenza rappreżentattiva jew regolari li turi li d-data dwar it-tieni parti tal-perijodu tal-Ftehim HPA1 setgħet tapplika wkoll għall-ewwel parti ta’ dan il-perijodu. Għalhekk ma iniex konvint mill-argument tal-Kummissjoni li l-ommissjoni ta’ data ekonomika kkonstatata mill-Qorti Ġenerali għal dan il-perijodu kienet, fir-realtà, ir-riżultat ta’ estrapolazzjoni volontarja mwettqa mill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha. |
|
93. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ġustament irrilevat li fid-Deċiżjoni kontenzjuża l-Kummissjoni ma sostnietx li l-prova tal-parti rikjesta minn HP għall-Ftehim HPA1, kif jirriżulta mit-Tabella 35, kienet il-frott ta’ koinċidenza. Lanqas ma kkunsidrat li l-valuri differenti indikati f’din it-tabella kienu identiċi għat-tliet trimestri neqsin u għat-tliet trimestri li ġejjin ( 84 ).Minn din il-perspettiva, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat, kif jirriżulta wkoll mis-sentenza appellata ( 85 ), li ma tantx kien importanti li l-kalkoli tal-Kummissjoni kienu twettqu fuq bażi trimestrali jew fuq bażi globali, peress li x-xhur ta’ Novembru u ta’ Diċembru 2002 kif ukoll l-ewwel tliet trimestri tas-sena fiskali 2003 qatt ma ttieħdu inkunsiderazzjoni, kienu x’setgħu kienu l-figuri inkwistjoni. |
|
94. |
Minn dan isegwi li l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq estrapolazzjoni tal-valuri tal-aħħar tliet trimestri tal-perijodu kopert mill-Ftehim HPA1 għall-parti inizjali ta’ dan il-perijodu għandu wkoll jiġi miċħud. |
|
95. |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li ċ-ċifri użati sabiex tiġi kkalkolata l-parti rikjesta matul it-tieni parti tal-perijodu kopert mill-Ftehim HPA1 kienu stabbli minn trimestru għall-ieħor u li, fi kwalunkwe każ, kienu favorevoli għal Intel. F’dan ir-rigward, nirrileva fil-qosor, bla ħsara għall-analiżi tiegħi fil-kuntest tat-tielet parti ta’ dan l-aggravju ( 86 ), li din l-evalwazzjoni manifestament ma tirriżultax mid-Deċiżjoni kontenzjuża u lanqas ma hija evidenti minnha nnifisha. Kif ser nispjega iktar tard, għaldaqstant, hija ma tistax tintuża, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, sabiex tiġġustifika l-assenza ta’ applikazzjoni tad-data kollha neċessarja sabiex tiġi kkalkolata l-parti rikjesta ta’ HP għall-perijodu kollu kopert mill-Ftehim HPA1. |
|
96. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li kisret il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni fi kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi, u lanqas li wettqet l-iżbalji l-oħra allegati f’din il-parti, meta kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kinitx uriet l-eżistenza ta’ effett ta’ esklużjoni kkawżat mit-tnaqqis mogħti minn Intel lil HP matul il-perijodu kollu ta’ riferiment. |
|
97. |
Fil-fehma tiegħi, l-ewwel parti tar-raba’ aggravju mqajjem mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda. |
3. Rikonoxximent impliċitu ta’ Intel matul il‑proċedura amministrattiva
a) L‑argumenti tal‑partijiet
|
98. |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li huwa b’mod żbaljat li s-sentenza appellata ċaħdet kull valur probatorju għar-rikonoxximent impliċitu minn Intel, matul il-proċedura amministrattiva, tal-perijodu ta’ riferiment użat fit-test AEC fir-rigward ta’ HP. |
|
99. |
Skont il-Kummissjoni, l-ewwel, Intel ma kkontestatx, matul din il-proċedura, l-għażla tal-perijodu ta’ riferiment użat fit-Tabella 35 tad-Deċiżjoni kontenzjuża sabiex tiġi kkalkolata l-parti rikjesta ta’ HP. Intel u l-konsulenti ekonomiċi tagħha bbażaw ruħhom fuq iċ-ċifri proposti mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-kalkoli tagħhom stess u ma pprovdewx kontrokalkolu għat-trimestri allegatament neqsin. It-tieni, il-Kummissjoni tenfasizza li, sa fejn teżisti preżunzjoni legali ta’ illegalità tat-tnaqqis għal esklużività, skont is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-ewwel appell, hija Intel li għandha tipproduċi provi ta’ sostenn matul l-investigazzjoni sabiex turi li t-tnaqqis tagħha ma kienx ta’ natura li jeskludi l-kompetizzjoni. |
|
100. |
Intel tikkontesta dawn l-argumenti. Huma jsostnu li t-Tabella 35 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li tinkludi data għat-tliet trimestri inkwistjoni u li serviet bħala perijodu ta’ riferiment għall-kalkolu tal-parti rikjesta minn HP għall-perijodu kollu tal-Ftehim HPA1, qatt ma ġiet ikkomunikata mill-Kummissjoni lil Intel matul il-proċedura amministrattiva. Din ġiet introdotta għall-ewwel darba fid-Deċiżjoni kontenzjuża, li jfisser li Intel qatt ma rrikonoxxiet l-għażla mill-Kummissjoni tal-perijodu ta’ riferiment matul din il-proċedura amministrattiva. Fi kwalunkwe każ, Intel issostni, skont is-sentenza appellata, li ma huwiex meħtieġ li d-destinatarju ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ikun obbligat jikkontesta l-kontenut tagħha matul il-proċedura amministrattiva. |
b) Analiżi
|
101. |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta impriża li tkun is-suġġett ta’ investigazzjoni skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat ma tirrikonoxxix espressament il-fatti, il-Kummissjoni għandha tipprova dawn il-fatti u din l-impriża hija libera li tissottometti, fiż-żmien adegwat, u b’mod partikolari fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kwalunkwe eċċezzjoni li jidhrilha xierqa fid-difiża tagħha ( 87 ). |
|
102. |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fis-sentenza Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni ( 88 ), li, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq id-destinatarju ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet l-obbligu li jikkontesta d-diversi punti ta’ fatt jew ta’ liġi matul il-proċedura amministrattiva sabiex ma jiġix prekluż milli jagħmel dan sussegwentement fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja. |
|
103. |
Fl-aħħar nett, mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ewwel appell jirriżulta espressament li, jekk, f’deċiżjoni li tikkonstata n-natura abbużiva ta’ sistema ta’ tnaqqis, il-Kummissjoni twettaq analiżi AEC, il-Qorti Ġenerali għandha teżamina l-argumenti kollha tal-appellanti intiżi li jikkontestaw il-fondatezza tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kapaċità ta’ esklużjoni tat-tnaqqis ikkonċernat ( 89 ). |
|
104. |
F’dan il-każ, nosserva li, fis-sentenza appellata ( 90 ), il-Qorti Ġenerali rreferiet b’mod korrett għas-sentenza Knauf Gips sabiex tirrispondi għall-argument tal-Kummissjoni li Intel ma kinitx ikkontestat, matul il-proċedura amministrattiva, il-perijodu ta’ riferiment użat mill-Kummissjoni għall-kalkolu tal-parti meħtieġa minn HP. Din il-ġurisprudenza, li hija konformi mad-dikjarazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza dwar l-ewwel appell, hija ċara fir-rigward tal-valur limitat mogħti mill-Qrati tal-Unjoni, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, dwar il-pożizzjoni li impriża setgħet adottat matul il-proċedura amministrattiva ( 91 ). |
|
105. |
Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikonoxximent espliċitu jew impliċitu ta’ punti ta’ fatt jew ta’ liġi minn impriża matul il-proċedura amministrattiva ma għandux jillimita l-eżerċizzju stess tad-dritt għal azzjoni legali quddiem il-Qorti Ġenerali li għandha persuna fiżika jew ġuridika skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ( 92 ). Il-bażi ta’ dan il-fehim ultimament jistrieħ fuq il-prinċipji fundamentali tal-Istat tad-dritt u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, kif ukoll fuq id-dritt għal rimedju effettiv u għal aċċess għal qorti imparzjali, kif iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 93 ). |
|
106. |
Għalhekk, stħarriġ ġudizzjarju tal-Artikoli 101 u 102 TFUE ma jistax jipprekludi lill-impriżi milli jqajmu argumenti u milli jinvokaw fatti li huma ma semmewx jew ma kkontestawx matul il-proċedura amministrattiva, iżda wkoll milli jressqu provi li l-Kummissjoni ma kellhiex fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża ( 94 ). |
|
107. |
Madankollu, il-Kummissjoni tfakkar li, fis-sentenza Knauf Gips, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li r-rikonoxximent minn impriża ta’ punti ta’ fatt jew ta’ liġi matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni jista’ jikkostitwixxi prova addizzjonali waqt l-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ rikors ( 95 ). |
|
108. |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li la mis-sentenza appellata u lanqas mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni f’din il-kawża ma jirriżulta li, fir-rigward tat-tnaqqis mogħti minn Intel lil HP, il-Kummissjoni kienet ipproduċiet, matul il-proċedura amministrattiva, provi addizzjonali – inklużi dawk dwar l-allegat rikonoxximent impliċitu minn Intel tal-perijodu ta’ riferiment użat fit-test AEC fir-rigward ta’ HP – li kienu ta’ natura li jikkorroboraw il-parti meħtieġa ta’ HP għall-perijodu kollu kopert mill-Ftehim HPA1. |
|
109. |
Minn dan isegwi li d-dikjarazzjoni tas-sentenza Knauf Gips iċċitata mill-Kummissjoni ma hijiex rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża. |
|
110. |
Fl-aħħar nett, sa fejn il-Kummissjoni ssostni, fil-kuntest ta’ din il-parti tal-aggravju, li hija, fi kwalunkwe każ, Intel li għandha tipproduċi provi ta’ sostenn tal-investigazzjoni sabiex turi li t-tnaqqis tagħha ma kienx kapaċi jeskludi l-kompetizzjoni matul ix-xhur u t-trimestri neqsin tal-perijodu ta’ riferiment, dan l-argument, ma għandux, fil-fehma tiegħi, x’jaqsam mal-allegazzjoni tagħha stess dwar ir-rikonoxximent impliċitu jew espliċitu minn Intel ta’ dan il-perijodu ta’ riferiment għall-kalkolu tal-parti rikjesta minn HP. |
|
111. |
Fi kwalunkwe każ, dan l-argument għandu jiġi miċħud fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 103 iktar ’il fuq, li tirriżulta, kif diġà ntqal, mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ewwel appell ( 96 ). Din il-ġurisprudenza hija suffiċjenti wkoll sabiex jiġi stabbilit li l-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball fit-tweġiba tagħha għall-argument tal-Kummissjoni li Intel użat il-perijodu ta’ riferiment pprovdut mill-Kummissjoni għall-kalkoli tagħha stess matul il-proċedura amministrattiva. Kif jirriżulta mis-sentenza appellata ( 97 ), dak il-perijodu kien jagħmel parti mill-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża u, għaldaqstant, seta’ jiġi kkontestat mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
112. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball fl-evalwazzjoni tagħha tal-valur probatorju tal-pożizzjoni ta’ Intel matul il-proċedura amministrattiva fir-rigward tal-perijodu ta’ riferiment użat fit-test AEC għall-kalkolu tal-parti meħtieġa ta’ HP. |
|
113. |
Fil-fehma tiegħi, it-tieni parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda. |
4. Il‑ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tal‑Kummissjoni
a) L‑argumenti tal‑partijiet
|
114. |
Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-kalkoli addizzjonali li hija ppreżentat fil-kuntest tal-proċedura quddiemha, b’mod partikolari fl-Anness D.17 tal-kontroreplika, sabiex tikkontesta l-argumenti ta’ Intel dwar il-perijodu tal-ksur kopert mill-Ftehim HPA1. |
|
115. |
Il-Kummissjoni tenfasizza li dan l-anness juri li l-argumenti ta’ Intel ma kinux ta’ natura li jivvizzjaw ir-riżultat tat-test AEC kif imwettaq fid-Deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward ta’ HP. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li, għalkemm il-Qorti Ġenerali ppermettiet lil Intel tipproduċi analiżijiet ġodda sabiex tikkontesta l-perijodu ta’ riferiment tat-test AEC applikat għal HP, hija rrifjutatilha d-dritt li tirrispondi. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tibbaża ruħha prinċipalment fuq is-sentenza Dole Food and Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni ( 98 ). |
|
116. |
Intel tikkontesta dawn l-argumenti. Essenzjalment, hija ssostni li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li hija għandha tiġi awtorizzata tissottometti analiżi AEC ġdida għall-ewwel darba fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja, b’mod partikolari fl-istadju tal-kontroreplika, hija manifestament inkompatibbli mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
b) Analiżi
|
117. |
Huwa importanti li jitfakkar li, permezz tal-Anness D.17 tal-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni ppreżentat għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali kalkoli supplimentari bbażati fuq ċifra pprovduta minn HP għal tnejn minn tliet trimestri neqsin mill-perijodu kopert mill-Ftehim HPA1, jiġifieri t-tieni u t-tielet trimestru tas-sena fiskali 2003 ( 99 ). Kif diġà indikajt ( 100 ), dan l-argument kien intiż sabiex juri li, peress li l-ammont tat-tnaqqis mogħti minn Intel lil HP kien stabbli matul il-perijodu kopert mill-Ftehim HPA1, ir-riżultati tal-parti meħtieġa minn HP kienu jkunu l-istess li kieku ttieħdu inkunsiderazzjoni x-xhur u t-trimestri neqsin. L-Anness D.17 tal-kontroreplika juri wkoll, skont il-Kummissjoni, li r-riżultati tal-kalkolu li jintegraw id-data dwar ix-xhur u t-trimestri neqsin kienu inqas favorevoli għal Intel mir-riżultati medji li fuqhom kienet ibbażata d-Deċiżjoni kontenzjuża. |
|
118. |
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-kalkoli addizzjonali billi ddikjarat, minn naħa, li dawn kienu apparenti mid-Deċiżjoni kontenzjuża u ġew ippreżentati għall-ewwel darba matul il-proċedura ġudizzjarja. Skont il-Qorti Ġenerali, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-kalkoli kien ikun jimplika, f’kontradizzjoni manifesta mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-motivazzjoni esposta mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża tiġi ssostitwita bl-evalwazzjoni tagħha stess ( 101 ). It-tieni, fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-ammont tat-tnaqqis mogħti minn Intel lil HP huwa wieħed mill-parametri neċessarji għall-kalkolu tal-parti meħtieġa minn HP u li l-informazzjoni dwar il-parametri l-oħra, jiġifieri l-volum tax-xiri ta’ HP u l-prezz medju tal-bejgħ, kienu għadhom neqsin. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali rrilevat li xejn ma kien jiggarantixxi li d-data dwar ix-xhur u t-trimestri li ma ttiħdux inkunsiderazzjoni għat-test AEC ma kinitx differenti minn dik identifikata għall-perijodi trimestrali analizzati ( 102 ). |
|
119. |
Qabelxejn, għandi nirrileva li, sa fejn, fil-kuntest ta’ dan l-appell, il-Kummissjoni ma ssostnix li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha fir-rigward tal-kalkoli addizzjonali ppreżentati fl-Anness D.17 tal-kontroreplika, l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv ( 103 ). Fi kwalunkwe każ, mill-perspettiva tal-ammissibbiltà, inqis li l-Qorti Ġenerali ġustament irrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-kontenut ta’ dan l-anness. |
|
120. |
F’dan ir-rigward, infakkar li r-rifjut li jiġu aċċettati motivi supplimentari tal-Kummissjoni matul il-proċedura ġudizzjarja sabiex jiġi sostnut ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni tat-Trattat jista’ jinftiehem minn angoli differenti, li jikkonċernaw kemm il-forma tiegħu (legalità esterna) kif ukoll tas-sustanza tiegħu (legalità interna) tad-deċiżjoni adottata minn din l-istituzzjoni. |
|
121. |
Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk il-Kummissjoni tista’, fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, tispjega f’iktar dettall fid-difiża tagħha l-motivazzjoni ta’ Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ma tistax tintroduċi f’din il-proċedura motivi kompletament ġodda. Din il-projbizzjoni hija bbażata fuq il-fatt li l-assenza ta’ motivazzjoni inizjali ma tistax tiġi rregolarizzata fl-istadju tal-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni billi l-persuna kkonċernata tkun tista’ ssir taf b’dawn ir-raġunijiet biss matul tali proċedura ( 104 ). Kif enfasizzat l-Avukata Ġenerali Kokott, dan il-limitu għall-introduzzjoni ta’ motivi ġodda huwa ta’ importanza essenzjali fil-proċeduri kriminali u kważi kriminali bħal proċeduri skont Artikolu 102 TFUE ( 105 ). |
|
122. |
Barra minn hekk, din l-istess projbizzjoni tista’ tkun ibbażata fuq l-obbligu tal-Kummissjoni li tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq oġġezzjonijiet li dwarhom il-partijiet ikkonċernati setgħu jieħdu pożizzjoni ( 106 ). Fil-fatt, il-Kummissjoni trid tqiegħed impriża f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li effettivament tgħarraf l-opinjoni tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-provi prodotti mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur tat-Trattat ( 107 ). Dan l-obbligu jikkonċerna, fost elementi oħra tal-ksur, it-tul effettiv tiegħu. |
|
123. |
Fl-aħħar nett, kif ikkonstatat ġustament il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-emenda ta’ ommissjoni fil-motivazzjoni ta’ Deċiżjoni kontenzjuża billi jittieħdu inkunsiderazzjoni motivi supplimentari assenti minn din id-deċiżjoni twassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tad-Deċiżjoni kontenzjuża u, għaldaqstant, sabiex twettaq żball ta’ liġi ( 108 ). |
|
124. |
Naħseb li kwalunkwe wieħed mill-approċċi preċedenti, ibbażat fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kien suffiċjenti sabiex jippermetti lill-Qorti Ġenerali tiddikjara dak l-Anness D.17 tal-kontroreplika inammissibbli, inkluż l-approċċ li hija adottat speċifikament fis-sentenza tagħha, dwar il-projbizzjoni li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tad-Deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fatt, konstatazzjoni kuntrarja kienet twassal lill-Qorti Ġenerali, fil-fehma tiegħi, sabiex twettaq żball ta’ liġi talli ma kkonstatatx ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-Kummissjoni, talli ma kkonstatatx ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Intel matul il-proċedura amministrattiva jew sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tad-Deċiżjoni kontenzjuża. |
|
125. |
B’risposta għall-konstatazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq is-sentenza Dole Food. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, meta kwistjoni titqajjem għall-ewwel darba fir-rikors promotur, il-Kummissjoni tista’, mingħajr ma tikser il-projbizzjoni li tintroduċi motivi ġodda, tiddefendi l-evalwazzjoni tagħha li tinsab fid-Deċiżjoni kontenzjuża billi tirreferi għall-informazzjoni kollha pprovduta fil-mori tal-kawża ( 109 ). |
|
126. |
Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-kuntest fattwali tal-kawża Dole Food u s-sitwazzjoni preżenti huma differenti. Fis-sentenza Dole Food, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-approċċ tal-Qorti Ġenerali li l-preċiżazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-proċedura quddiemha kienu jservu biss, essenzjalment, sabiex jiċċaraw il-motivazzjoni diġà inkluża fid-deċiżjoni inkwistjoni ( 110 ). Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-Deċiżjoni kontenzjuża naqset li tistabbilixxi li l-parti rikjesta ta’ HP kienet tkun l-istess għall-perijodu inizjali tal-Ftehim HPA1 kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni x-xhur u t-trimestri neqsin. Għaldaqstant, il-kalkoli addizzjonali li jinsabu fl-Anness D.17 tal-kontroreplika, li ġew ipprovduti ex novo mill-Kummissjoni fl-istadju ġudizzjarju, qatt ma kienu bbażati fuq il-motivazzjoni diġà preżenti fid-Deċiżjoni kontenzjuża. |
|
127. |
Barra minn hekk, mill-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Dole Food jirriżulta li l-provi indirizzati mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali kienu jinsabu fil-fajl istruttorju ( 111 ). Dan ifisser li, għall-kuntrarju ta’ din l-istanza. l-impriża kkonċernata saret taf b’din l-informazzjoni matul il-proċedura amministrattiva. |
|
128. |
Konsegwentement, jiena tal-fehma li s-sentenza Dole Food, iċċitata mill-Kummissjoni, ma tikkostitwixxix preċedent validu insostenn tal-argumenti tagħha. |
|
129. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-Qorti Ġenerali ma kisritx id-drittijiet tad-difiża tal-Kummissjoni meta rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-kalkoli addizzjonali pprovduti fl-Anness D.17 tal-kontroreplika. |
|
130. |
Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, it-tielet parti tar-raba’ aggravju mqajjem mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda. |
5. Fuq l‑iżball tal‑Qorti Ġenerali fir‑rigward tal‑konklużjoni xierqa li għandha tinsilet għall‑perijodu kollu tal‑prattika inkwistjoni
a) L‑argumenti tal‑partijiet
|
131. |
Il-Kummissjoni tallega li, anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, setgħet tikkunsidra li l-Kummissjoni ma kinitx ipproduċiet provi tal-effetti ta’ esklużjoni għall-perijodu bejn Novembru 2002 u Settembru 2003, dan ma jkunx jivvizzja l-konklużjoni li t-tnaqqis mogħti minn Intel lil HP seta’ jkollu effetti ta’ esklużjoni tal-inqas minn Ottubru 2003 sa Mejju 2005. |
|
132. |
Intel tikkontesta dan l-argument. B’mod partikolari, hija ssostni li s-sentenza appellata tistabbilixxi ġustament li, peress li l-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod korrett il-kriterju dwar il-parti tas-suq koperta mill-prattika kontenzjuża u ma analizzatx b’mod korrett it-tul tat-tnaqqis, il-Kummissjoni ma kinitx urietx l-effetti ta’ esklużjoni tat-tnaqqis mogħti lil HP għall-perijodu ta’ riferiment kollu. |
b) Analiżi
|
133. |
Hekk kif diġà ġie rrilevat, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fis-sentenza appellata, minn naħa, li l-Kummissjoni wettqet żball meta kkunsidrat li l-kalkolu tagħha tal-parti rikjesta minn HP kien jippermettilha tislet konklużjonijiet dwar l-effett ta’ esklużjoni ta’ dan it-tnaqqis għall-perijodu kollu bejn Novembru 2002 u Mejju 2005. Skont il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ma kinitx uriet li dan l-effett kien preżenti għall-perijodu bejn Novembru 2002 u ta’ Settembru 2003 ( 112 ). |
|
134. |
It-tieni, fil-kuntest tal-eżami mill-Qorti Ġenerali tal-kriterji msemmija fil-punt 139 tas-sentenza dwar l-ewwel appell, din l-aħħar qorti ikkonstatat ukoll li l-Kummissjoni ma kinitx eżaminat b’mod korrett, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, il-kriterju dwar il-parti tas-suq koperta mill-prattika ta’ Intel u t-tul tagħha ( 113 ). |
|
135. |
Huwa abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet ukoll, fir-rigward tat-tnaqqis mogħti minn Intel lil HP, li, anki jekk minn dan kellu jiġi dedott li t-test AEC seta’ jitqies bħala konklussiv għal parti mill-perijodu tal-ksur, l-iżbalji fl-eżami tal-kriterji msemmija fil-punt 139 tas-sentenza dwar l-ewwel appell kienu jimplikaw li l-effett ta’ esklużjoni tat-tnaqqis ma ġietx prodotta l-prova tagħha tagħha sal-livell legali meħtieġ ( 114 ). |
|
136. |
Fil-fehma tiegħi, il-kritika tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali ma hijiex iġġustifikata. Dan ir-raġunament huwa fir-realtà konformi mal-punti 138, 139 u 141 tas-sentenza dwar l-ewwel appell, li s-sentenza appellata ġustament tfakkar ukoll ( 115 ). Din il-ġurisprudenza teżiġi li, fis-sitwazzjoni fejn impriża f’pożizzjoni dominanti tipproduċi, matul il-proċedura amministrattiva, abbażi ta’ provi ta’ sostenn, li l-aġir tagħha ma kellux il-kapaċità li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, li jipproduċi l-effetti ta’ esklużjoni allegati fil-konfront tagħha, il-Kummissjoni għandha tanalizza l-kapaċità ta’ esklużjoni mis-sistema ta’ tnaqqis billi tapplika l-ħames kriterji msemmija fil-punt 139 tas-sentenza dwar l-ewwel appell. Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni tkun wettqet test AEC, dan it-test huwa wieħed mill-fatturi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa jekk is-sistema ta’ tnaqqis tistax tirrestrinġi l-kompetizzjoni. |
|
137. |
F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, sa fejn il-Qorti Ġenerali kienet ikkunsidrat li l-kriterju dwar, inter alia, il-kopertura tas-suq mill-prattika kontenzjuża ma kienx ġie evalwat b’mod korrett mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet li l-effetti ta’ esklużjoni tat-tnaqqis mogħti minn Intel lil HP ma setgħux jintwerew anki għall-perijodu bejn Ottubru 2003 u Mejju 2005 ( 116 ). |
|
138. |
Minn dan isegwi li, għall-kuntrarju tal-allegazzjoni tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball fir-rigward tal-konklużjoni xierqa li għandha tinsilet għall-perijodu kollu tal-ksur fis-sentenza appellata fir-rigward tat-tnaqqis mogħti minn Intel lil HP. |
|
139. |
Ir-raba’ parti tar-raba’ aggravju għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi miċħuda. |
6. Konklużjoni intermedja
|
140. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandi nikkonkludi li ebda waħda mill-partijiet analizzati tar-raba’ aggravju ma tista’, fil-fehma tiegħi, tikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li d-Deċiżjoni kontenzjuża ma wrietx l-effett ta’ esklużjoni tat-tnaqqis mogħti minn Intel lil HP għall-perijodu kollu bejn Novembru 2002 sa Mejju 2005. |
|
141. |
Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud ( 117 ). |
B. Fuq il‑ħames aggravju, ibbażat fuq diversi żbalji ta’ liġi, fuq l‑iżnaturament tal‑provi u fuq il‑ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tal‑Kummissjoni fil‑kuntest tal‑eżami tat‑test AEC fir‑rigward ta’ Lenovo
|
142. |
Permezz tal-ħames aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tat-test AEC applikat fid-Deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward ta’ Lenovo. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tikkritika din l-evalwazzjoni fir-rigward tal-kwantifikazzjoni ta’ żewġ vantaġġi in natura mogħtija minn Intel bi skambju għall-obbligu ta’ esklużività ta’ Lenovo – jiġifieri l-estensjoni tal-garanzija standard ta’ Intel ta’ sena u t-titjib tal-użu ta’ installazzjoni ta’ pjattaforma li tinsab f’Shenzhen (iċ-Ċina). |
|
143. |
Il-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar din il-kwistjoni speċifika jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. |
1. Il‑konklużjonijiet tal‑Qorti Ġenerali fir‑rigward tal‑vantaġġi in natura mogħtija minn Intel lil Lenovo
|
144. |
Mis-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat bħala stabbilit fis-sentenza inizjali li Intel u Lenovo kienu kkonkludew dikjarazzjoni ta’ intenzjoni, il-Memorandum of Understanding tal‑2007 (iktar ’il quddiem il-“MoU tal‑2007”), li kien suġġett għal kundizzjoni ta’ esklużività mhux miktuba ( 118 ). Mis-sentenza appellata jirriżulta wkoll li, skont il-Kummissjoni, l-ammont tat-tnaqqis mogħti minn Intel lil Lenovo ġie stabbilit f’dan il-memorandum, li kien jipprevedi appoġġ finanzjarju ta’ 180 miljun dollaru Amerikan (USD) għall-2007, fil-forma ta’ ħlasijiet trimestrali ( 119 ). |
|
145. |
Barra minn hekk, fis-sentenza appellata ( 120 ), il-Qorti Ġenerali rrilevat li, matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, Intel kienet ressqet l-argument li l-valur rilevanti għall-ammont tat-tnaqqis kien biss ta’ USD 138 miljun. Dan huwa spjegat mill-fatt li, mill-appoġġ finanzjarju ta’ Lenovo ta’ USD 180 miljun previst mill-MoU tal‑2007, USD 135 miljun biss ingħataw fil-forma ta’ flus. Il-bqija tal-appoġġ finanzjarju ngħata fil-forma ta’ vantaġġi in natura, jiġifieri l-estensjoni tal-garanzija standard ta’ Intel ta’ sena u l-offerta ta’ użu aħjar ta’ installazzjoni ta’ pjattaforma ta’ Intel li tinsab fiċ-Ċina. Il-Kummissjoni indikat li Intel kienet sostniet li, filwaqt li l-valur ta’ dawn iż-żewġ kontribuzzjonijiet in natura għal Lenovo kien ta’ USD 20 miljun u ta’ USD 24 miljun rispettivament, l-ispiża tagħhom għal Intel kienet ħafna inqas għolja, jiġifieri USD 1.7 miljuni u USD 1.3 miljuni rispettivament. Skont Intel, għall-finijiet tal-analiżi tal-kompetitur daqstant effiċjenti, dawn l-elementi kellhom jiġu evalwati mhux fir-rigward tal-valur tagħhom għal Lenovo, iżda fir-rigward tal-ispiża ekonomika tagħhom għal Intel. Intel laħqet l-ammont ta’ USD 138 miljun billi żiedet USD 1.7 miljuni u USD 1.3 miljuni spejjeż mal-finanzjament ta’ USD 135 miljun. |
|
146. |
Il-Qorti Ġenerali rrilevat ukoll li, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ċaħdet l-argument ta’ Intel billi kkunsidrat li dan kien ibbażat fuq fehim żbaljat tal-prinċipji tal-analiżi tal-kompetitur daqstant effiċjenti ( 121 ). Skont il-Kummissjoni, din l-analiżi tevalwa l-prezz li bih kompetitur effiċjenti daqs il-kumpannija dominanti — iżda li ma huwiex dominanti — ikollu joffri l-prodotti tiegħu sabiex jikkumpensa lill-klijent għat-telf tal-benefiċċji kundizzjonali mogħtija mill-impriża dominanti u li jirriżulta mill-fatt li dan il-klijent jittrasferixxi l-parti kontenzjuża tal-bżonnijiet tiegħu ta’ provvista lil hinn mill-kumpannija dominanti u lejn il-kompetitur ipotetiku daqstant effiċjenti ( 122 ). Fil-fehma tal-Kummissjoni, kien għalhekk evidenti li l-miżura inkwistjoni kienet it-telf għall-klijent, peress li kien it-telf li l-kompetitur daqstant effiċjenti kellu jikkumpensa, u mhux l-ispiża ekonomika għall-impriża dominanti f’każ ta’ diverġenza bejn iż-żewġ ċifri ( 123 ). |
|
147. |
Kuntrarjament għall-opinjoni tal-Kummissjoni u għall-argument prinċipali ta’ Intel, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fis-sentenza appellata, li din l-istituzzjoni bbażat ruħha fuq premessa kuntrarja għall-pedamenti tat-test AEC espost fid-Deċiżjoni kontenzjuża, li kien ibbażat fuq il-prinċipju li l-kompetitur ipotetiku huwa effiċjenti daqs Intel, b’mod partikolari mill-perspettiva tal-ispejjeż tal-estensjoni ta’ pjattaforma jew ta’ garanzija ( 124 ). |
2. L‑interpretazzjoni żbaljata tat‑test AEC applikat fid‑Deċiżjoni kontenzjuża u tal‑Artikolu 102 TFUE
a) L‑argumenti tal‑partijiet
|
148. |
Il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza appellata twettaq żball ta’ liġi meta tiddefinixxi n-natura tat-test AEC applikat fid-Deċiżjoni kontenzjuża, li jwassal, fl-aħħar mill-aħħar, għal applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 102 TFUE. Hija tqis li l-Qorti Ġenerali evalwat b’mod żbaljat, f’termini ta’ prezz tal-ispiża, jekk kompetitur huwiex effiċjenti daqs impriża dominanti fil-kuntest ta’ tnaqqis mogħti fil-forma ta’ vantaġġi in natura. |
|
149. |
Il-Kummissjoni tindika, preliminarjament, li t-test AEC huwa għodda analitika li tinvolvi diversi għażliet metodoloġiċi tekniċi. F’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tad-Deċiżjoni kontenzjuża dwar it-tnaqqis mogħti minn Intel lil Lenovo setgħu jitwarrbu biss fil-każ ta’ żball manifest, ħaġa li l-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx. |
|
150. |
Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, l-iżball imwettaq mill-Qorti Ġenerali kien jikkonsisti f’li jiġi konkluż li l-bażi ta’ evalwazzjoni tal-valur tal-vantaġġi in natura mogħtija minn Intel kienet l-ispejjeż ta’ din l-impriża sabiex tipprovdihom, pjuttost milli l-valur tagħhom għal Lenovo. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ttenni, essenzjalment, ir-risposta mogħtija fid-Deċiżjoni kontenzjuża għall-argument imressaq minn Intel matul il-proċedura amministrattiva, kif deskritt fil-punt 146 iktar ’il fuq. |
|
151. |
Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-vantaġġi in natura mogħtija minn Intel kellhom jiġu eżaminati mill-perspettiva tal-ispejjeż sostnuti minn din l-impriża sabiex tipprovdihom, il-Qorti Ġenerali naqset b’mod żbaljat milli tikkunsidra, skont il-Kummissjoni, li kompetitur iżgħar minn Intel ma jkollux pjattaformi bħal dawk offruti minn Intel lil Lenovo u ma jkunx kapaċi joffri garanzija estiża simili fuq il-prodotti tagħha. Għalhekk, dan il-kompetitur kellu joffri kumpens fi flus għat-telf minn Lenovo tal-vantaġġi in natura ta’ Intel. |
|
152. |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni targumenta li, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiċħad is-sottomissjonijiet msemmija iktar ’il fuq, ir-rifjut tal-Qorti Ġenerali li tieħu inkunsiderazzjoni l-Anness D.39 tal-kontroreplika sabiex tikkonfuta l-allegazzjonijiet ta’ Intel kiser id-drittijiet tad-difiża tagħha. |
|
153. |
Intel tikkontesta dawn l-argumenti. Fil-fehma tagħha, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali huwa konformi mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-Artikolu 102 TFUE huwa ffokat fuq il-kompetituri daqstant effiċjenti – u mhux inqas effiċjenti – u, b’mod partikolari, li l-evalwazzjonijiet tal-prattiki tariffarji għandhom ikunu bbażati fuq l‑ispejjeż u fuq l-istrateġija tal-impriża dominanti nnifisha. Fil-fatt, il-linji gwida tal-Kummissjoni stess dwar l-Artikolu 102 TFUE jiddikjaraw ukoll li, jekk tkun disponibbli, il-Kummissjoni ser tuża informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-impriża dominanti. Approċċ differenti jippenalizza impriża dominanti talli tkun operat b’mod iktar effiċjenti mill-kompetituri tagħha u b’hekk tforni prodott lil klijent bi spiża inqas. |
b) Analiżi
|
154. |
Preliminarjament, nirrileva, l-ewwel, li ma hemmx tilwima bejn il-partijiet dwar il-kwistjoni jekk vantaġġi in natura bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-test AEC fir-rigward ta’ Lenovo. Għall-kuntrarju, dak li huwa kkontestat, huwa kif jiġu kkalkolati dawn il-vantaġġi għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan it-test. Il-Kummissjoni tqis, fir-realtà, li l-Qorti Ġenerali fehmet ħażin il-prinċipji li fuqhom huwa bbażat it-test AEC kif esposti fid-Deċiżjoni kontenzjuża u wettqet żball fl-interpretazzjoni tagħha tal-mod kif jiġi applikat dan it-test f’termini ta’ prezz tal-ispiża. Għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-test AEC jirriżulta utli anki meta l-elementi tal-prattika inkwistjoni ma humiex espressi f’termini ta’ flus kontanti, iżda xorta jistgħu jiġu kkwantifikati ( 125 ). |
|
155. |
It-tieni, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ma naħsibx li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata kkontestat il-konfigurazzjoni tat-test AEC u lanqas, kif il-Kummissjoni ssostni, “l-għażliet metodoloġiċi” magħmula minn dik l-istituzzjoni meta stabbilixxiet dan it-test. Mis-sentenza appellata jirriżulta pjuttost li l-Qorti Ġenerali vverifikat jekk l-applikazzjoni tat-test AEC għall-vantaġġi in natura mogħtija minn Intel lil Lenovo kinitx konformi mal-pedamenti li fuqhhom huwa bbażat dan it-test iddefiniti speċifikament fid-Deċiżjoni kontenzjuża. F’din il-perspettiva, il-Qorti Ġenerali ma għadhiex tiġi kkritikata, fil-fehma tiegħi, li kisret il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni meta nkwadrat it-test AEC. L-analiżi tal-Qorti Ġenerali fil-fatt tirreferi għall-konsistenza interna tal-applikazzjoni tal-Kummissjoni tat-test AEC f’dan il-każ partikolari. |
|
156. |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali annullatx b’mod żbaljat l-approċċ adottat mill-Kummissjoni dwar il-vantaġġi in natura mogħtija minn Intel lil Lenovo, mis-sentenza appellata ( 126 ) jirriżulta b’mod korrett li l-loġika inerenti għat-test AEC kif applikata fid-Deċiżjoni kontenzjuża kienet fl-eżami ta’ jekk Intel stess, fid-dawl tal-ispejjeż tagħha stess u tal-effetti tat-tnaqqis, tkunx tista’ tidħol fis-suq fuq skala iktar limitata mingħajr ma ġġarrab telf. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali enfasizzat ukoll, mingħajr ma wettqet żball, li l-analiżi AEC kienet maħsuba fid-Deċiżjoni kontenzjuża bħala eżerċizzju purament ipotetiku, fis-sens li hija ppruvat tanalizza jekk kompetitur effiċjenti daqs Intel, f’termini ta’ produzzjoni u ta’ kunsinna ta’ CPU x86 li jagħtu l-istess valur lill-klijenti bħal Intel, iżda li ma għandux bażi ta’ bejgħ wiesgħa daqs Intel, ikun eskluż mid-dħul ( 127 ). |
|
157. |
Infakkar li, fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-evalwazzjoni tal-prattiki tariffarji għandha tkun ibbażata “fuq l‑ispejjeż u fuq l-istrateġija tal-impriża dominanti nnifisha” ( 128 ) u, b’mod partikolari, li t-test AEC għandu jsir billi jittieħed inkunsiderazzjoni kompetitur ipotetiku li għandu struttura ta’ spejjeż simili għal dik tal-impriża f’pożizzjoni dominanti ( 129 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-validità ta’ tali approċċ hija msaħħa mill-fatt li hija konformi mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, peress li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż u tal-prezzijiet tal-impriża dominanti jippermettilha tevalwa l-legalità tal-aġir tagħha stess, li huwa konformi mar-responsabbiltà partikolari li hija għandha skont l-Artikolu 102 TFUE ( 130 ). L-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-pedamenti tat-test AEC fid-Deċiżjoni kontenzjuża tidher li hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
158. |
Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija wkoll konsistenti mal-mod kif il-parametri differenti meħtieġa għall-applikazzjoni tat-test AEC għandhom jiġu kkalkolati skont id-Deċiżjoni kontenzjuża. Kif tgħid il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata ( 131 ), it-test AEC huwa intiż f’din id-deċiżjoni sabiex jiddetermina jekk il-kompetitur li huwa effiċjenti daqs l-impriża f’pożizzjoni dominanti, li taffaċċja l-istess spejjeż bħal din tal-aħħar, jistax xorta jkopri l-ispejjeż tiegħu. fuq skala minuri. Għalhekk, f’kull pass ta’ kalkolu li jwassal għall-applikazzjoni tat-test AEC, kif deskritt pereżempju fil-punti 43 u 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-ispejjeż tal-impriża dominanti huma fiċ-ċentru ewlieni tagħhom tal-analiżi. |
|
159. |
Huwa minnu li fejn it-tnaqqis ta’ esklużività jingħata fi flus kontanti, il-valur tiegħu huwa oġġettiv u huwa l-istess kemm għall-impriża dominanti kif ukoll għall-benefiċjarju tar-roħs. Min-naħa l-oħra, meta dan it-tnaqqis jingħata f’forma in natura, il-valur għal dik l-impriża u għall-benefiċjarju jista’ jkun differenti, li jqajjem il-kwistjoni ta’ kif għandu jiġi evalwat. Madankollu, il-loġika tal-kalkolu ta’ dak il-valur għandha tirrispetta l-istess pedamenti fiż-żewġ każijiet. Inkella, l-evalwazzjoni ta’ jekk tnaqqis jistax ikollu effett ta’ esklużjoni ma tkunx qiegħda ssir b’riferiment għall-operatur ekonomiku rilevanti. F’dan il-każ, ma hemmx dubju, kif tindika ġustament il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata ( 132 ), li dan l-operatur ekonomiku rilevanti għandu jkun, bħala prinċipju, kompetitur effiċjenti daqs Intel li joffri vantaġġi in natura lil Lenovo bl-istess kundizzjonijiet bħal dik l-impriża dominanti. |
|
160. |
Fl-aħħar nett, ma jistax jiġi eskluż li l-valur tal-aħħar jista’ teħtieġ ċertu aġġustament sabiex ikun jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kompetitur daqstant effiċjenti ma għandux pożizzjoni dominanti. u li dak il-kompetitur jista’ jopera fuq skala żgħira. Fid-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni wriet din is-sitwazzjoni billi rreferiet, essenzjalment, għall-każ fejn il-kompetitur daqstant effiċjenti tal-impriża dominanti ma jkunx kapaċi jipprovdi aċċess għal pjattaforma ta’ provvista jew estensjoni tal-garanzija simili ( 133 ). |
|
161. |
Madankollu, anki jekk tiġi preżunta din il-possibbiltà, dan ma jiġġustifikax li tnaqqis fil-forma in natura jiġi evalwat, għall-finijiet ta’ analiżi AEC, fil-livell tal-valur li dan it-tnaqqis jirrappreżenta għall-benefiċjarju tiegħu. L-ispiża għal kompetitur effiċjenti daqs Intel sabiex jipprovdi aċċess għal pjattaforma ta’ provvista kellha tkun ikkalkulata. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li l-evalwazzjoni kkwantifikata magħmula mill-Kummissjoni tal-vantaġġi in natura offruti minn Intel lil Lenovo kienet hija stess ivvizzjata bi żball ( 134 ). |
|
162. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, inqis li l-kritika mressqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali għandha tiġi miċħuda. Il-Qorti Ġenerali ma wettqet, fil-fehma tiegħi, ebda żball billi kkonkludiet li l-Kummissjoni, meta evalwat il-vantaġġi in natura mogħtija minn Intel lil Lenovo, kienet ibbażat ruħha fuq suppożizzjoni li tmur kontra l-pedamenti tat-test AEC stabbilit fid-Deċiżjoni kontenzjuża. |
|
163. |
Barra minn hekk, sa fejn il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha minħabba r-rifjut tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-Anness D.39 tal-kontroreplika, din it-talba għandha tiġi miċħuda għal raġunijiet simili għal dawk esposti fid-dettall fl-analiżi tiegħi tar-raba’ parti tar-raba’ aggravju ( 135 ). |
|
164. |
B’mod partikolari, l-Anness D.39 tal-kontroreplika wera, skont il-Kummissjoni, li, anki jekk jiġi aċċettat li kompetitur effiċjenti daqs Intel kellu pjattaforma ta’ provvista fiċ-Ċina, l-ispiża li kieku jġarrab sabiex jagħmel din il-pjattaforma disponibbli għal Lenovo kienet tkun ogħla b’mod sinjifikattiv mill-ispiża għal Intel sabiex tipprovdi dak il-vantaġġ. |
|
165. |
F’dan ir-rigward, nirrimarka biss li din l-analiżi tikkorrispondi għall-osservazzjoni tiegħi fil-punt 160 iktar ’il fuq, fejn naċċetta li ċertu aġġustament jista’ jkun meħtieġ fil-kalkolu tal-ispiża tal-produzzjoni tal-parti meħtieġa sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li kompetitur effiċjenti daqs Intel jopera fuq skala iżgħar. |
|
166. |
Madankollu, sa fejn li l-Kummissjoni pprovdiet biss risposta għal din id-domanda fl-istadju tal-kontroreplika, kif tfakkar ukoll ġustament il-Qorti Ġenerali ( 136 ), hija setgħet tirrifjuta li tieħu inkunsiderazzjoni l-analiżi addizzjonali pprovduta fl-Anness D.39 tal-kontroreplika mingħajr ma jinkisru d-drittijiet tad-difiża tal-Kummissjoni. |
3. Konklużjoni intermedja
|
167. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li l-kritika magħmula mill-Kummissjoni kontra l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tat-test AEC kif applikat għal Lenovo fid-Deċiżjoni kontenzjuża, b’mod partikolari fir-rigward ta’ żewġ vantaġġi in natura mogħtija minn Intel bħala korrispettiv għall-obbligu tagħha ta’ esklużività, ma humiex fondati u għandhom jiġu miċħuda. |
|
168. |
Għaldaqstant, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud. |
V. Konklużjoni
|
169. |
Fid-dawl tal-analiżi ta’ dawn il-konklużjonijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell fir-rigward tar-raba’ aggravju kif ukoll tal-ħames aggravju. |
|
170. |
Ma nesprimi l-ebda opinjoni dwar iċ-ċaħda tal-appell fir-rigward tal-kumplament tal-aggravji invokati mill-Kummissjoni, u lanqas fuq liema parti għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) EU:T:2022:19 (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).
( 3 ) EU:C:2017:632 (iktar ’il quddiem is-“sentenza dwar l-ewwel appell”).
( 4 ) EU:T:2014:547 (iktar ’il quddiem is-“sentenza inizjali”).
( 5 ) Kawża COMP/C‑3/37.990 – Intel (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”).
( 6 ) Sentenza appellata, punt 526.
( 7 ) Sentenza appellata, punt 524.
( 8 ) Ara, għal iktar dettalji, is-sentenza appellata, punti 1 sa 61.
( 9 ) Regolament tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).
( 10 ) Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kontenzjuża.
( 11 ) Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kontenzjuża.
( 12 ) Kif irrettifikat permezz ta’ digrieti tad‑19 ta’ Settembru u tal‑24 ta’ Ottubru 2017.
( 13 ) Sentenza dwar l-ewwel appell, punti 149 u 150.
( 14 ) Sentenza dwar l-ewwel appell, punti 65 u 107.
( 15 ) Sentenza dwar l-ewwel appell, punti 133 u 134, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għas-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark (C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 22).
( 16 ) Sentenza dwar l-ewwel appell, punti 135 sa 137.
( 17 ) 85/76, EU:C:1979:36 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Hoffmann-La Roche”).
( 18 ) Sentenza dwar l-ewwel appell, punt 138.
( 19 ) Ara s-sentenza dwar l-ewwel appell, punt 139, (iktar ’il quddiem “il-kriterji msemmija fil-punt 139 tas-sentenza dwar l-ewwel appell”).
( 20 ) Sentenza dwar l-ewwel appell, punt 141.
( 21 ) Sentenza dwar l-ewwel appell, punt 143.
( 22 ) Sentenza dwar l-ewwel appell, punt 144.
( 23 ) Sentenza dwar l-ewwel appell, punt 145.
( 24 ) Sentenza dwar l-ewwel appell, punt 147.
( 25 ) Sentenza appellata, punti 74 sa 102.
( 26 ) Sentenza appellata, punt 85.
( 27 ) Sentenza appellata, punt 96.
( 28 ) Sentenza appellata, punti 97 u 98.
( 29 ) Sentenza appellata, punt 101.
( 30 ) Sentenza appellata, punti 116 sa 122.
( 31 ) Sentenza appellata, punti 123 sa 127.
( 32 ) Sentenza appellata, punt 145.
( 33 ) Sentenza appellata, punt 149.
( 34 ) Sentenza appellata, punti 150 sa 151.
( 35 ) Sentenza appellata, punti 152 sa 159.
( 36 ) Sentenza appellata, punti 175, 258, 260, 283, 285, 286, 297 sa 299 u 334.
( 37 ) Sentenza appellata, punti 160 sa 166.
( 38 ) Sentenza appellata, punti 167 sa 481.
( 39 ) Sentenza appellata, punt 482.
( 40 ) Sentenza appellata, punti 483 sa 520.
( 41 ) Sentenza appellata, punt 521.
( 42 ) Sentenza appellata, punt 524.
( 43 ) Sentenza appellata, punt 526.
( 44 ) Sentenza appellata, punt 527 u l-punt 1 tad-dispożittiv.
( 45 ) Ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 46 ) Sentenza appellata, punt 529.
( 47 ) Sentenza appellata, punti 527 sa 531 u l-punt 3 tad-dispożittiv.
( 48 ) Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tallega wkoll, fil-ħames parti, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li d-Deċiżjoni kontenzjuża naqset milli tiddikjara raġunijiet fir-rigward tal-fatturi ta’ tisħiħ li, skont din id-deċiżjoni, aggravaw ir-riżultati tat-test AEC kif twettaq għal HP. Peress li din il-parti ma hijiex is-suġġett tat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser neskludiha mill-analiżi tiegħi.
( 49 ) Sentenza appellata, punti 288 u 289, li jirreferu għad-Deċiżjoni kontenzjuża, premessi 338, 341, 413 u 1296.
( 50 ) Sentenza appellata, punt 288, li jirreferi għall-premessa 1406 tad-Deċiżjoni kontenzjuża.
( 51 ) Sentenza appellata, punti 297 sa 299, 303 u 304, li jirreferu għall-premessi 1334 sa 1337 u 1385 sa 1389 tad-Deċiżjoni kontenzjuża.
( 52 ) Sentenza appellata, punt 321, li jirreferi għall-premessi 1390 sa 1395 tad-Deċiżjoni kontenzjuża. Il-fatturi ta’ tisħiħ kienu, minn naħa, li l-Kummissjoni kienet użat iċ-ċifri l-iktar favorevoli għal Intel u, min-naħa l-oħra, li, kieku HP kellha ddawwar ix-xiri lejn AMD, Intel setgħet min-naħa tagħha tittrasferixxi t-tnaqqis inizjalment intiż għal HP lil kompetitur ieħor li juża ċ-CPU x86 tagħha, bħal Dell.
( 53 ) Sentenza appellata, punt 303, li tindika li t-Tabella 34 tinsab fil-premessa 1334 tad-Deċiżjoni kontenzjuża.
( 54 ) Dawn it-trimestri huma indikati b’sekwenza ta’ taqsiriet minn Q4 FY03 sa Q3 FY05, “Q” għal “trimestru” u “FY” għal “sena fiskali (tat-taxxa)”.
( 55 ) Sentenza appellata, punt 292, li tindika li t-Tabella 35 tinsab fil-premessa 1337 tad-Deċiżjoni kontenzjuża.
( 56 ) Sentenza appellata, punt 304.
( 57 ) Sentenza appellata, punti 298 u 299, li jirreferu għall-premessi 1385 sa 1389 u 1406 tad-Deċiżjoni kontenzjuża.
( 58 ) Sentenza appellata, punt 291.
( 59 ) Sentenza appellata, punt 303.
( 60 ) Sentenza appellata, punti 304 u 305.
( 61 ) Sentenza appellata, punt 307.
( 62 ) Sentenza appellata, punt 306.
( 63 ) Sentenza appellata, punt 307.
( 64 ) Sentenza appellata, punti 308 sa 310.
( 65 ) Sentenza appellata, punti 316 sa 318.
( 66 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 54).
( 67 ) Dwar l-evoluzzjoni tal-livell ta’ stħarriġ limitat għall-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, ara Jaeger, M., “The standard of review in competition cases involving complex economic assessments: towards marginalisation of the marginal review?”, Oxford Journal of European Competition Law & Practice, Vol. 2, Ħarġa 4, 2011, p. 295 et seq.; u Da Cruz Vilaça, J. L., “The intensity of judicial review in complex economic matters – recent competition law judgments of the Court of Justice of the EU”, Journal of Antitrust Enforcement, Vol. 6, Ħarġa 2, 2018, p. 173 et seq.
( 68 ) Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 1966 (56/64 u 58/64, EU:C:1966:41, p. 347).
( 69 ) Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il‑Kummissjoni (42/84, EU:C:1985:327, punt 34).
( 70 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München (C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14).
( 71 ) Sentenza tal‑15 ta’ Frar 2005 (C‑12/03 P, EU:C:2005:87, iktar ’il quddiem is-“sentenza Tetra Laval”, punt 39).
( 72 ) It-test ifformulat fis-sentenza Tetra Laval jissemma fir-rigward tal-Artikolu 102 TFUE fis-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 54), kif ukoll is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑271/03, EU:T:2008:101, punt 185), tat‑30 ta’ Jannar 2007, France Télécom vs Il‑Kummissjoni (T‑340/03, EU:T:2007:22, punti 163 u 165), tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni (T‑201/04, EU:T:2007:289, punti 379 sa 381), u tal‑1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il‑Kummissjoni (T‑321/05, EU:T:2010:266, punt 32).
( 73 ) Sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011 (C‑272/09 P, EU:C:2011:810, iktar ’il quddiem is-“sentenza KME Germany”).
( 74 ) Sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011 (C‑386/10 P, EU:C:2011:815, iktar ’il quddiem is-“sentenza Chalkor”).
( 75 ) Ara s-sentenza KME Germany, punt 102, u s-sentenza Chalkor, punt 62.
( 76 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt. Operations (C‑680/20, EU:C:2023:33, punti 56 u 57), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tat-test AEC, li “dan il-kunċett jirreferi għal testijiet differenti li għandhom komuni bejniethom sabiex tiġi evalwata l-kapaċità ta’ prattika li tipproduċi effetti ta’ esklużjoni antikompetittivi”, u li t-test AEC huwa “biss metodu fost oħrajn” sabiex jiġu evalwati dawn l-effetti.
( 77 ) Ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 78 ) Ara l-l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 79 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, EU:C:2009:555, punt 90), li tiċċita s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 145).
( 80 ) Eżempju huwa pprovdut mis-sentenza tal‑10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑271/03, EU:T:2008:101, punti 183 et seq.), ikkonfermata mis-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 143).
( 81 ) Ara l-punt 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 82 ) Ritter, C., “Presumptions in EU competition law”, Journal of Antitrust Enforcement, 2018, Vol. 6, p. 193.
( 83 ) Eżempju klassiku fid-dritt tal-kompetizzjoni huwa l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà tal-kumpanniji omm. Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (C‑97/08 P, EU:C:2009:536). Lista eżawrjenti ta’ preżunzjonijiet tinsab f’Ritter, C., op. cit., p. 189 sa 212, u Bailey, D., “Presumptions in EU competition law”, European Competition Law Review, Vol. 9, Ħarġa 20, 2010, p. 20.
( 84 ) Sentenza appellata, punt 306.
( 85 ) Sentenza appellata, punt 310.
( 86 ) Ara l-punti 117 sa 129 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 87 ) Sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il‑Kummissjoni (C‑297/98 P, EU:C:2000:633, punt 37)
( 88 ) Sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010 (C‑407/08 P, EU:C:2010:389, iktar ’il quddiem is-“sentenza Knauf Gips”, punt 89).
( 89 ) Sentenza dwar l-ewwel appell, punt 141.
( 90 ) Sentenza appellata, punti 300 sa 302.
( 91 ) Ara wkoll is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni (C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punti 57 u 58).
( 92 ) Sentenza Knauf Gips, punt 90.
( 93 ) Sentenza Knauf Gips, punt 91.
( 94 ) Ara, f’dan ir-rigward, van der Woude, M., “Judicial control in complex economic matters”, Journal of European Competition Law Border Practice, Vol. 10, Nru 7, 2019, p. 421.
( 95 ) Sentenza Knauf Gips, punt 90.
( 96 ) Ara wkoll is-sentenza dwar l-ewwel appell, punt 144.
( 97 ) Sentenza appellata, punt 302.
( 98 ) Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015 (C‑286/13 P, EU:C:2015:184, iktar ’il quddiem is-“sentenza Dole Food”).
( 99 ) Sentenza appellata, punti 316 u 317.
( 100 ) Ara l-punt 95 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 101 ) Sentenza appellata, punt 317, li jirreferi wkoll għall-punt 150 ta’ din is-sentenza.
( 102 ) Sentenza appellata, punt 318.
( 103 ) Din l-osservazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument qasir imressaq mill-Kummissjoni f’nota ta’ qiegħ il-paġna tal-appell tagħha, billi ssostni, essenzjalment, li l-ammont tar-roħs huwa “bil-bosta” l-iktar parametru importanti fil-kalkolu tal-parti meħtieġa u li l-kalkoli supplimentari pprovduti lill-Qorti Ġenerali abbażi ta’ dak il-parametru kienu għaldaqstant suffiċjenti sabiex tiġi kkalkolata l-parti meħtieġa ta’ HP għat-trimestri neqsin. Il-ġurisprudenza stabbilita sew li tirrikjedi li l-argumenti mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jiġu żviluppati b’mod xieraq tapplika. Ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑26 ta’ Marzu 2020, Magnan vs Il‑Kummissjoni (C‑860/19 P, EU:C:2020:227, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 104 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 463).
( 105 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑286/13 P, EU:C:2014:2437, punt 26).
( 106 ) Ara t-tieni sentenza tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003.
( 107 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, NKT Verwaltung u NKT vs Il‑Kummissjoni (C‑607/18 P, EU:C:2020:385, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 108 ) Ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni (C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punti 89 u 90), u tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni (C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punti 73, 78 u 79).
( 109 ) Sentenza Dole Food, punt 38.
( 110 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dole Food, punti 34 sa 38, moqrija flimkien mas-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Dole Food u Dole Germany vs Il‑Kummissjoni (T‑588/08, EU:T:2013:130, punti 46 u 47).
( 111 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, (C‑286/13 P, EU:C:2014:2437, punt 22).
( 112 ) Sentenza appellata, punti 319 u 334.
( 113 ) Sentenza appellata, punti 500 u 520.
( 114 ) Sentenza appellata, punt 525.
( 115 ) Sentenza appellata, punt 522, taħt it-titolu “Konklużjoni dwar it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata”. Ara l-punti 32 u 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 116 ) Madankollu, mill-appell f’din il-kawża jirriżulta li, permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tfittex li tikkontesta l-fondatezza tal-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-evalwazzjoni skont il-kriterji msemmija fil-punt 139 tas-sentenza dwar l-ewwel appell. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ dan l-ewwel aggravju, din il-parti tar-raba’ aggravju tkun teħtieġ evalwazzjoni fid-dawl ta’ din il-kunsiderazzjoni.
( 117 ) Din il-konklużjoni intermedja tibqa’ korretta anki jekk il-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra li l-ħames parti tar-raba’ aggravju, li, kif diġà nnutat, ma hijiex koperta minn dawn il-konklużjonijiet, hija fondata. Din il-parti tikkonċerna l-fatturi ta’ tisħiħ li aggravaw ir-riżultati tat-test AEC imwettaq fir-rigward ta’ HP, li, bħala definizzjoni, ma jistgħux ikunu biżżejjed sabiex jikkumpensaw l-iżbalji kkonstatati korrettament mill-Qorti Ġenerali fl-applikazzjoni ta’ dan it-test skont l-analiżi tiegħi.
( 118 ) Sentenza appellata, punt 98, li jirreferi għall-punti 1045 sa 1208 tas-sentenza inizjali.
( 119 ) Sentenza appellata, punt 415, li jirreferi għall-premessa 1461 tad-Deċiżjoni kontenzjuża.
( 120 ) Sentenza appellata, punt 417, li jirreferi għall-premessa 1463 tad-Deċiżjoni kontenzjuża.
( 121 ) Sentenza appellata, punt 419.
( 122 ) Sentenza appellata, punt 420, li jirreferi għall-premessa 1466 tad-Deċiżjoni kontenzjuża.
( 123 ) Sentenza appellata, punt 421, li jirreferi għall-premessa 1467 tad-Deċiżjoni kontenzjuża.
( 124 ) Sentenza appellata, punti 433 sa 439, li jirreferu għall-premessi 1003 u 1004 tad-Deċiżjoni kontenzjuża.
( 125 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt. Operations (C‑680/20, EU:C:2023:33, punt 59).
( 126 ) Sentenza appellata, punt 434, li jirreferi għall-premessa 1003 tad-Deċiżjoni kontenzjuża.
( 127 ) Sentenza appellata, punt 435, li jirreferi għall-premessa 1004 tad-Deċiżjoni kontenzjuża.
( 128 ) Sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 198).
( 129 ) Sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt. Operations (C‑680/20, EU:C:2023:33, punt 59).
( 130 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 202).
( 131 ) Sentenza appellata, punti 152, 154, 157 u 158. Ara wkoll il-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 132 ) Sentenza appellata, punti 437 u 439.
( 133 ) Sentenza appellata, punt 438.
( 134 ) Sentenza appellata, punt 455.
( 135 ) Ara l-punti 117 sa 129 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 136 ) Sentenza appellata, punt 441.