Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62021CJ0695

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-2 ta’ Marzu 2023.
Recreatieprojecten Zeeland BV et vs Belgische Staat.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa min-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Artikolu 56 TFUE – Restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi – Logħob tal-ażżard – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi projbizzjoni ġenerali għall-istabbilimenti tal-logħob tal-ażżard milli jirreklamaw – Deroga ipso jure għal din il-projbizzjoni għall-istabbilimenti li għandhom liċenzja operattiva maħruġa mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru – Assenza ta’ possibbiltà ta’ deroga għall-istabbilimenti li jinsabu fi Stat Membru ieħor.
Kawża C-695/21.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2023:144

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

2 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Artikolu 56 TFUE – Restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi – Logħob tal-ażżard – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi projbizzjoni ġenerali għall-istabbilimenti tal-logħob tal-ażżard milli jirreklamaw – Deroga ipso jure għal din il-projbizzjoni għall-istabbilimenti li għandhom liċenzja operattiva maħruġa mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru – Assenza ta’ possibbiltà ta’ deroga għall-istabbilimenti li jinsabu fi Stat Membru ieħor”

Fil-Kawża C‑695/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussell (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Novembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Novembru 2021, fil-proċedura

Recreatieprojecten Zeeland BV,

Casino Admiral Zeeland BV,

Supergame BV

vs

Belgische Staat,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), li qiegħed jaġixxi bħala President ta’ Awla, N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑16 ta’ Novembru 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Recreatieprojecten Zeeland BV, Casino Admiral Zeeland BV u Supergame BV, minn T. Bauwens u J. Bocken, avukati,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, C. Pochet u L. Van den Broeck, bħala aġenti, assistiti minn J. De fauw, G. Ryelandt, M. Ryś, R. Verbeke u P. Vlaemminck, avukati,

għall-Gvern Ċek, minn O. Serdula, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, C. Chambel Alves, P. de Sousa Inês u S. Veiga, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

għall-Gvern Norveġiż, minn K. Hallsjø Aarvik, F.Bergsjø, S. Hammersvik u K. Moe Winther, bħala aġenti,

għall- Kummissjoni Ewropea, minn L. Armati, P.‑J. Loewenthal u M. Mataija, bħala aġenti

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Recreatieprojecten Zeeland BV, Casino Admiral Zeeland BV u Supergame BV, li huma tliet operaturi ta’ stabbilimenti tal-logħob tal-ażżard stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi, u l-Belgische Staat (l-Istat Belġjan) dwar multi imposti fuqhom mill-Kansspelcommissie (il-Kummissjoni dwar il-logħob tal-ażżard, il-Belġju) talli rreklamaw, fit-territorju Belġjan, l-istabbilimenti tagħhom.

Il‑kuntest ġuridiku Belġjan

3

L-Artikolu 4(1) u (2) tal-Wet op de kansspelen, de weddenschappen, de kansspelinrichtingen en de bescherming van de spelers (il-liġi dwar il-logħob tal-ażżard, l-imħatri, l-istabbilimenti tal-logħob tal-ażżard u l-protezzjoni tal-ġugaturi), tas‑7 ta’ Mejju 1999 (Belgisch Staatsblad, 30 ta’ Diċembru 1999, p. 50040, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-logħob tal-ażżard”), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-Wet tot wijziging van de wetgeving inzake kansspelen (il-liġi li temenda l-leġiżlazzjoni dwar il-logħob tal-ażżard), tal‑10 ta’ Jannar 2010 (Belgisch Staatsblad, 1 ta’ Frar 2010, p. 4309), jipprovdi:

“§ 1.   Huwa pprojbit lil kulħadd li jopera […] stabbiliment tal-logħob tal-ażżard, fi kwalunkwe forma, u b’kull mod dirett jew indirett, mingħajr liċenzja mogħtija minn qabel mill-Kummissjoni tal-logħob tal-ażżard skont din il-liġi u mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet previsti mil-liġi.

§ 2.   Huwa pprojbit lil kulħadd […] li jirreklama […] stabbiliment tal-logħob tal-ażżard […] meta l-persuna kkonċernata tkun taf li din hija l-operazzjoni […] ta’ stabbiliment tal-logħob tal-ażżard mhux awtorizzat skont din il-liġi.”

4

L-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz ta’ liġi li wasslet għal-liġi li temenda l-leġiżlazzjoni dwar il-logħob tal-ażżard, tal‑10 ta’ Jannar 2010, kienet tinkludi s-silta li ġejja:

“L-għanijiet tal-politika Belġjana fil-qasam tal-logħob tal-ażżard huma bbażati fuq il-protezzjoni tal-lagħaba, it-trasparenza finanzjarja u l-kontroll tal-flussi tal-flus, il-kontroll tal-logħob u l-identifikazzjoni u l-kontroll tal-organizzaturi.

L-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard hija bbażata fuq il-“kunċett ta’ channelling”: Sabiex jiġi ssodisfatt il-bżonn manifest tal-logħob tal-persuni, l-offerta illegali hija kkontestata bl-awtorizzazzjoni ta’ offerta ta’ logħob legali “limitata”.

[…] Il-limitazzjoni tal-offerta legali twieġeb għal wieħed mill-pilastri ta’ din il-politika, jiġifieri l-protezzjoni tal-ġugatur kontra d-dipendenza għal-logħob.”

5

L-Artikolu 15/3(1) tal-Liġi dwar il-logħob tal-ażżard, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-Wet tot wijziging van de wet van 7 mei 1999 op de kansspelen, de weddenschappen, de kansspelinrichtingen en de bescherming van de spelers, en tot invoeging van artikel 37/1 in de wet van 19 April 2002 tot rationalisering van de werking en het beheer van de Nationale Loterij (il-Liġi li temenda l-Liġi tas‑7 ta’ Mejju 1999 dwar il-logħob tal-ażżard, l-imħatri, l-istabbilimenti tal-logħob tal-ażżard u l-protezzjoni tal-ġugaturi, u li tinserixxi l-Artikolu 37/1 fil-Liġi tad‑19 ta’ April 2002 dwar ir-razzjonalizzazzjoni tal-funzjonament u tat-tmexxija tal-Lotterija Nazzjonali), tas‑7 ta’ Mejju 2019 (Belgisch Staatsblad, 15 ta’ Mejju 2019, p. 46589), jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għall-miżuri previsti fl-Artikolu 15/2, il-Kummissjoni [tal-logħob tal-ażżard], fil-każ ta’ ksur [tal-Artikolu] 4 […] għandha timponi multa amministrattiva fuq l-awturi.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

6

Recreatieprojecten Zeeland, Casino Admiral Zeeland u Supergame għamlu, bejn it‑3 ta’ Diċembru 2018 u l‑25 ta’ Ġunju 2019 għall-ewwel waħda, u bejn l‑20 ta’ Marzu u t‑2 ta’ April 2019 għall-oħrajn, reklamar fil-Belġju għall-istabbilimenti rispettivi tagħhom li jinsabu fil-Pajjiżi l-Baxxi, qrib il-fruntiera Belġjana, permezz ta’ komunikazzjoni fuq mezzi fiżiċi.

7

Fil‑11 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni tal-logħob tal-ażżard, skont l-Artikolu 15/3 tal-Liġi dwar il-logħob tal-ażżard, fil-verżjoni tagħha kif tirriżulta mil-Liġi tas‑7 ta’ Mejju 2019, imponiet multa amministrattiva fuq kull waħda mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali minħabba ksur tal-Artikolu 4(2) ta’ din il-liġi, li jipprojbixxi r-reklamar għall-istabbilimenti tal-logħob tal-ażżard li ma għandhomx liċenzja mogħtija minn din il-kummissjoni.

8

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors kontra dawn il-multi quddiem il-qorti tar-rinviju, billi sostnew li din il-projbizzjoni ta’ reklamar tmur kontra l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif iggarantita fl-Artikolu 56 TFUE.

9

Il-qorti tar-rinviju tirrileva, minn naħa, li l-kummissjoni tal-logħob tal-ażżard ma tistax tagħti liċenzja għall-operat lil stabbilimenti li jinsabu barra mit-territorju Belġjan. Min-naħa l-oħra, id-dritt Belġjan ma jipprevedix il-possibbiltà għall-operaturi ta’ stabbiliment bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jiġu awtorizzati jagħmlu, fil-Belġju, reklamar tal-istabbilimenti tal-logħob tal-ażżard tagħhom li jinsabu fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, fil-Belġju teżisti projbizzjoni ġenerali tar-reklamar tal-istabbilimenti tal-logħob tal-ażżard. Madankollu, l-istabbilimenti tal-logħob tal-ażżard stabbiliti fil-Belġju u li għandhom liċenzja għall-operat jibbenefikaw ipso jure minn eċċezzjoni għal din il-projbizzjoni. B’hekk, fil-Belġju jista’ effettivament isir reklamar għal tali stabbilimenti. Min-naħa l-oħra, l-istabbilimenti tal-logħob tal-ażżard stabbiliti fi Stat Membru ieħor huma u jibqgħu fi kwalunkwe każ suġġetti għall-projbizzjoni tar-reklamar fil-Belġju.

10

Din il-qorti tistaqsi jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex natura diskriminatorja, peress li, anki jekk din il-leġiżlazzjoni ssegwi għan leġittimu bħall-prevenzjoni ta’ aġir ta’ logħob eċċessiv u d-dipendenza fuq il-logħob, deroga mill-projbizzjoni ġenerali ta’ reklamar fil-Belġju tingħata lil numru limitat u kkontrollat ta’ stabbilimenti tal-logħob tal-ażżard — esklużivament nazzjonali — fir-rigward tal-attivitajiet tagħhom, filwaqt li, mingħajr distinzjoni, l-istabbilimenti simili kollha stabbiliti fi Stat Membru ieħor ma jistgħux jiksbu tali deroga.

11

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru tagħti lill-operaturi ta’ numru limitat u kkontrollat ta’ stabbilimenti awtorizzati ta’ logħob tal-ażżard fit-territorju tiegħu eċċezzjoni minn projbizzjoni ġeneralment applikabbli ta’ reklamar għal tali stabbilimenti, mingħajr ma tipprevedi fl-istess waqt possibbiltà għall-operaturi ta’ stabbilimenti ta’ logħob tal-ażżard stabbiliti fi Stati Membri oħra li tinkiseb għal dawn tal-aħħar l-istess eċċezzjoni mill-projbizzjoni ta’ reklamar fit-territorju tiegħu?”

Fuq id‑domanda preliminari

12

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tagħti lill-operaturi ta’ numru limitat u kkontrollat ta’ stabbilimenti tal-logħob tal-ażżard li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru deroga ipso jure għall-projbizzjoni ta’ reklamar ġeneralment applikabbli għal tali stabbilimenti, mingħajr ma tipprevedi l-possibbiltà għall-operaturi ta’ stabbilimenti tal-logħob tal-ażżard li jinsabu fi Stat Membru ieħor li jiksbu deroga għall-istess finijiet.

13

Bil-għan li tingħata risposta għal din id-domanda, għandu qabel kollox jitfakkar li l-Artikolu 56 TFUE jeżiġi l-eliminazzjoni ta’ kwalunkwe restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, anki jekk din ir-restrizzjoni tapplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, meta din tkun ta’ natura li tipprojbixxi, tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn huwa jkun jipprovdi legalment servizzi analogi. Barra minn hekk, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija ta’ benefiċċju kemm għall-fornitur kif ukoll għad-destinatarju tas-servizzi (sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, EU:C:2009:519, punt 51 kif ukoll tat‑3 ta’ Diċembru 2020, BONVER WIN, C‑311/19, EU:C:2020:981, punt 18).

14

Sussegwentement, il-leġiżlazzjoni dwar il-logħob tal-ażżard tifforma parti mill-oqsma li fihom jeżistu diverġenzi kunsiderevoli ta’ natura morali, reliġjuża u kulturali bejn l-Istati Membri. Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea f’dan ir-rigward, huwa kull Stat Membru li għandu jevalwa, f’dawn l-oqsma, skont l-iskala ta’ valuri partikolari għalih, ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex jiġu protetti l-interessi inkwistjoni (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, EU:C:2009:519, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

15

Barra minn hekk, huwa stabbilit li, fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni kompatibbli mat-Trattat FUE, l-għażla tal-modalitajiet ta’ organizzazzjoni u ta’ kontroll tal-attivitajiet ta’ operat u ta’ prattika tal-logħob tal-ażżard jew tal-flus taqa’ fuq l-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Sporting Odds, C‑3/17, EU:C:2018:130, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

16

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fir-rigward ta’ logħob tal-ażżard, għandu, bħala regola, jiġi eżaminat separatament għal kull restrizzjoni imposta minn leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod partikolari jekk hijiex adattata biex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan jew tal-għanijiet invokati mill-Istat Membru kkonċernat u jekk tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Sporting Odds, C‑3/17, EU:C:2018:130, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17

F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi l-projbizzjoni, mingħajr possibbiltà ta’ deroga, għall-istabbilimenti tal-logħob tal-ażżard li ma għandhomx liċenzja għall-operat maħruġa mill-Kummissjoni dwar il-logħob tal-ażżard, milli jirreklamaw fil-Belġju. Issa, peress li din il-kummissjoni tista’ tagħti tali liċenzja biss lill-istabbilimenti tal-logħob tal-ażżard li jinsabu fil-Belġju, l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali għandha l-effett li tipprojbixxi r-reklamar f’dan l-Istat Membru tal-istabbilimenti tal-logħob tal-ażżard kollha li jinsabu fl-Istati Membri l-oħra.

18

F’dan ir-rigward, fil-qasam tar-reklamar tal-logħob tal-ażżard, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha bħala effett li tipprojbixxi l-promozzjoni fi Stat Membru tal-logħob tal-ażżard organizzat legalment fi Stati Membri oħra tikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, HIT u HIT LARIX, C‑176/11, EU:C:2012:454, punt 17 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

19

B’hekk, f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi tali restrizzjoni.

20

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi timplika l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni eżerċitata kontra l-fornitur minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu jew minħabba l-fatt li huwa stabbilit fi Stat Membru differenti minn dak fejn għandu jiġi pprovdut is-servizz (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Sporting Odds, C‑3/17, EU:C:2018:130, punt 35).

21

F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tillimita l-possibbiltà għal stabbiliment tal-logħob tal-ażżard li jirreklama fil-Belġju biss għall-istabbilimenti li jinsabu fit-territorju Belġjan u li jibbenefikaw għal dan il-għan minn liċenzja operattiva li twassal għal awtorizzazzjoni ipso jure li jirreklamaw.

22

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sistema ta’ konċessjonijiet u ta’ awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u magħrufa minn qabel, b’mod li jiġi limitat l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex din ma tintużax arbitrarjament (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Sporting Odds, C‑3/17, EU:C:2018:130, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Għalkemm, f’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-ħruġ ta’ liċenzja għall-operat ta’ stabbiliment tal-logħob tal-ażżard fit-territorju Belġjan isir abbażi ta’ kriterji oġġettivi u magħrufa minn qabel, xorta jibqa’ l-fatt li, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju — li hija din tal-aħħar li għandha tivverifika — ir-restrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-impossibbiltà totali, għal stabbiliment ta’ logħob tal-ażżard li jinsab fi Stat Membru ieħor, li tinkiseb awtorizzazzjoni sabiex isir ir-reklamar fil-Belġju, tirriżulta essenzjalment mill-fatt li dan l-istabbiliment huwa stabbilit barra mit-territorju Belġjan. Minn dan isegwi li restrizzjoni ta’ din in-natura hija ta’ natura diskriminatorja.

24

Issa, għalkemm restrizzjoni li għandha natura diskriminatorja tista’ eventwalment tiġi ġġustifikata minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika, previsti fl-Artikolu 52 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Sporting Odds, C‑3/17, EU:C:2018:130, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata), din ma tistax tiġi ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħall-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, ta’ prevenzjoni tal-frodi u tal-inkoraġġiment taċ-ċittadini għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob kif ukoll ta’ prevenzjoni ta’ problemi ta’ natura soċjali inġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑153/08, EU:C:2009:618, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-għanijiet tal-politika Belġjana fil-qasam tal-logħob tal-ażżard huma bbażati fuq il-protezzjoni tal-lagħaba, it-trasparenza finanzjarja u l-kontroll tal-flussi tal-flus, il-kontroll tal-logħob kif ukoll l-identifikazzjoni u l-kontroll tal-organizzaturi. Barra minn hekk, mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tal-Gvern Belġjan jirriżulta li din il-politika hija ġġustifikata wkoll minn għanijiet ibbażati fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll fuq il-ġlieda kontra l-frodi u l-attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard illegali.

26

F’dan ir-rigward, qabel kollox, l-għanijiet hekk invokati, sa fejn dawn jaqgħu taħt raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, ma jistgħux, kif tfakkar fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, jiġu invokati sabiex jiġġustifikaw restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li għandha natura diskriminatorja.

27

Sussegwentement, jekk jitqies li l-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi hija fil-fatt intiża sabiex tiġġieled il-vizzju tal-logħob u li din il-ġlieda taqa’ taħt il-kunċett ta’ “protezzjoni tas-saħħa pubblika”, fis-sens tal-Artikolu 52 TFUE, għandu jiġi rrilevat li, sabiex restrizzjoni ta’ natura diskriminatorja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun tista’ tiġi awtorizzata, għandu jiġi stabbilit li din tikkostitwixxi kundizzjoni indispensabbli biex jintlaħaq l-għan imfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Sporting Odds, C‑3/17, EU:C:2018:130, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Issa, huwa ċar li tali restrizzjoni, li twassal biex tirriżerva biss għall-istabbilimenti tal-logħob tal-ażżard li jinsabu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u li għandhom liċenzja operattiva f’dan ir-rigward il-possibbiltà li jirreklamaw f’dan l-Istat Membru, tmur lil hinn minn dak li jista’ jitqies bħala proporzjonat, peress li jeżistu miżuri inqas restrittivi li jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet invokati mill-Gvern Belġjan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Sporting Odds, C‑3/17, EU:C:2018:130, punt 43), bħall-awtorizzazzjoni lill-istabbilimenti li jinsabu fi Stat Membru ieħor li jirreklamaw bil-kundizzjoni li d-dispożizzjonijiet legali adottati u kkontrollati f’dan l-Istat Membru l-ieħor jipprovdu garanziji essenzjalment ekwivalenti għal dawk tad-dispożizzjonijiet legali korrispondenti fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, HIT u HIT LARIX, C‑176/11, EU:C:2012:454, punt 36).

29

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tagħti lill-operaturi ta’ numru limitat u kkontrollat ta’ stabbilimenti tal-logħob tal-ażżard li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru deroga ipso jure għall-projbizzjoni ta’ reklamar ġeneralment applikabbli għal tali stabbilimenti, mingħajr ma tipprevedi l-possibbiltà għall-operaturi ta’ stabbilimenti tal-logħob tal-ażżard li jinsabu fi Stat Membru ieħor li jiksbu deroga għall-istess finijiet.

Fuq l‑ispejjeż

30

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tagħti lill-operaturi ta’ numru limitat u kkontrollat ta’ stabbilimenti tal-logħob tal-ażżard li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru deroga ipso jure għall-projbizzjoni ta’ reklamar ġeneralment applikabbli għal tali stabbilimenti, mingħajr ma tipprevedi l-possibbiltà għall-operaturi ta’ stabbilimenti tal-logħob tal-ażżard li jinsabu fi Stat Membru ieħor li jiksbu deroga għall-istess finijiet.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Fuq