Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62010CJ0191
Judgment of the Court (First Chamber) of 15 December 2011.#Rastelli Davide e C. Snc v Jean-Charles Hidoux.#Reference for a preliminary ruling: Cour de cassation - France.#Regulation (EC) No 1346/2000 - Insolvency proceedings - International jurisdiction - Extension of insolvency proceedings opened in respect of a company established in one Member State to a company whose registered office is in another Member State because the property of the two companies has been intermixed.#Case C-191/10.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-15 ta' Diċembru 2011.
Rastelli Davide e C. Snc vs Jean-Charles Hidoux.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour de cassation - Franza.
Regolament (KE) Nru 1346/2000 - Proċeduri ta’ falliment - Ġurisdizzjoni internazzjonali - Estensjoni tal-proċeduri ta’ falliment miftuħa kontra kumpannija stabbilita fi Stat Membru għal kumpannija li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab fi Stat Membru ieħor minħabba konfużjoni ta’ patrimonji taż-żewġ kumpanniji.
Kawża C-191/10.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-15 ta' Diċembru 2011.
Rastelli Davide e C. Snc vs Jean-Charles Hidoux.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour de cassation - Franza.
Regolament (KE) Nru 1346/2000 - Proċeduri ta’ falliment - Ġurisdizzjoni internazzjonali - Estensjoni tal-proċeduri ta’ falliment miftuħa kontra kumpannija stabbilita fi Stat Membru għal kumpannija li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab fi Stat Membru ieħor minħabba konfużjoni ta’ patrimonji taż-żewġ kumpanniji.
Kawża C-191/10.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2011:838
Kawża C-191/10
Rastelli Davide e C. Snc
vs
Jean-Charles Hidoux
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza))
“Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Proċeduri ta’ insolvenza — Ġurisdizzjoni internazzjonali — Estensjoni tal-proċeduri ta’ insolvenza miftuħa kontra kumpannija stabbilita fi Stat Membru għal kumpannija li s-sede tagħha jinsab fi Stat Membru ieħor minħabba konfużjoni ta’ patrimonji taż-żewġ kumpanniji”
Sommarju tas-sentenza
1. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Proċeduri ta’ insolvenza — Regolament Nru 1346/2000 — Ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jinfetħu proċeduri ta’ insolvenza — Qrati tal-Istat Membru taċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur
(Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000)
2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Proċeduri ta’ insolvenza — Regolament Nru 1346/2000 — Ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jinfetħu proċeduri ta’ insolvenza — Qrati tal-Istat Membru taċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur — Kriterji ta’ determinazzjoni
(Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000)
1. Ir-Regolament Nru 1346/2000, dwar proċedimenti ta’ falliment, għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ Stat Membru li tkun fetħet proċeduri prinċipali ta’ insolvenza kontra kumpannija, billi tiddikjara li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tagħha jkun jinsab fit-territorju ta’ dak l-Istat, tista’ biss, b’applikazzjoni ta’ regola tad-dritt nazzjonali tagħha, testendi din il-proċedura għal kumpannija oħra li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor, bil-kundizzjoni li jiġi pprovat li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ din tal-aħħar jinsab fl-ewwel Stat Membru.
Fil-fatt, fis-sistema għall-istabbiliment tal-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri, li hija bbażata fuq iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur, teżisti ġurisdizzjoni proprja għal kull debitur li jikkostitwixxi entità ġuridikament distinta.
Il-possibbiltà għal qorti, magħżula skont l-Artikolu 3(1), tar-Regolament Nru 1346/2000, bħala li għandha ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ debitur li tissuġġetta, b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha, lil entità ġuridika oħra għal proċeduri ta’ insolvenza għas-sempliċi raġuni ta’ konfużjoni tal-patrimonji, mingħajr ma tikkunsidra fejn jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ din l-entità, tkun tikkostitwixxi evitar tas-sistema stabbilita mir-regolament. Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, riskju ta’ kunflitti pożittivi ta’ ġurisdizzjoni bejn qrati ta’ Stati Membri differenti, kunflitti li r-regolament ried speċifikament jevita sabiex jiżgura ugwaljanza fit-trattament tal-proċeduri ta’ insolvenza fi ħdan l-Unjoni.
(ara l-punti 25, 28, 29 u d-dispożittiv 1)
2. Ir-Regolament Nru 1346/2000, dwar proċedimenti ta’ falliment, għandu jiġi interpretat fis-sens li fejn kumpannija, li s-sede tagħha tinsab fuq it-territorju ta’ Stat Membru, tkun suġġetta għal azzjoni intiża sabiex testendi fuqha l-effetti ta’ proċedura ta’ insolvenza miftuħa fi Stat Membru ieħor kontra kumpannija oħra li hija stabbilita fuq it-territorju ta’ dan l-aħħar Stat Membru, is-sempliċi konstatazzjoni tal-konfużjoni tal-patrimonji ta’ dawn il-kumpanniji ma hijiex suffiċjenti sabiex tipprova li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tal-kumpannija kkonċernata minn din l-azzjoni jinsab ukoll f’dan l-aħħar Stat. Sabiex tinqaleb il-preżunzjoni li tgħid li dan iċ-ċentru jinsab fil-post tas-sede, huwa meħtieġ li evalwazzjoni globali tat-totalità tal-elementi rilevanti tippermetti li jiġi stabbilit li, b’mod verifikabbli minn terzi, iċ-ċentru effettiv ta’ tmexxija u ta’ kontroll tal-kumpannija suġġetta għall-azzjoni għall-finijiet tal-estensjoni jinsab fl-Istat Membru fejn infetħet il-proċedura ta’ insolvenza inizjali.
(ara l-punt 39 u d-dispożittiv 2)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
15 ta’ Diċembru 2011 (*)
“Regolament (KE) Nru 1346/2000 – Proċeduri ta’ insolvenza – Ġurisdizzjoni internazzjonali – Estensjoni tal-proċeduri ta’ insolvenza miftuħa kontra kumpannija stabbilita fi Stat Membru għal kumpannija li s-sede tagħha jinsab fi Stat Membru ieħor minħabba konfużjoni ta’ patrimonji taż-żewġ kumpanniji”
Fil-Kawża C-191/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ April 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ April 2010, fil-kawża
Rastelli Davide e C. Snc
vs
Jean-Charles Hidoux, fil-kwalità ta’ stralċjarju ġudizzjarju tal-kumpannija Médiasucre international,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Safjan, A. Borg Barthet, M. Ilešič u M. Berger (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal J-C. Hidoux, fil-kwalità ta’ stralċjarju ġudizzjarju tal-kumpannija Médiasucre international, minn B. Kuchukian, avukat,
– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u B. Cabouat, bħala aġenti,
– għall-Gvern Olandiż, minn C. M. Wissels u B. Koopman, bħala aġenti,
– għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.-M. Rouchaud-Joët u M. Wilderspin, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Rastelli Davide e C. Snc (iktar ’il quddiem “Rastelli”) u J-C. Hidoux, fil-kwalità ta’ stralċjarju ġudizzjarju tal-kumpannija Médiasucre international (iktar ’il quddiem “Médiasucre”), fir-rigward tal-estensjoni għall-ewwel kumpannija tal-proċeduri ta’ insolvenza miftuħa kontra t-tieni kumpannija.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 B’mod konformi mal-premessa Nru 6, ir-Regolament jillimita ruħu għal “dispożizzjonijiet li jirregolaw ġurisdizzjoni għal ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment u ġudizzji li jingħataw direttament fuq bażi ta’ proċedimenti ta’ falliment u li huma marbuta mill-qrib ma’ proċedimenti bħal dawn”.
4 L-Artikolu 3 tar-Regolament, li jirrigwarda l-ġurisdizzjoni internazzjonali, jipprovdi:
“1. Il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollu l-ġurisdizzjoni biex jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment. Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-post ta’ l-uffiċju rreġistrat għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju.
2. Meta ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali ta’ debitur ikun jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru, il-qrati ta’ Stati Membri oħra għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni li jiftħu proċedimenti ta’ falliment kontra dak id-debitur fil-każ biss li dak ikollu stabbiliment fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor. L-effetti ta’ dawk il-proċedimenti għandu jkun ristrett għall-assi tad-debitur li jkunu jinstabu fit-territorju ta’ l-Istat Membru l-ieħor.
[…]”.
5 Il-premessa Nru 13 tar-Regolament tindika li ċ-“‘ċentru prinċipali ta’ interessi’ għandu jikkoresspondi mal-post fejn id-debitur iwettaq l-amministrazzjoni ta’ l-interessi tiegħu fuq bażi regolari u huwa għalhekk aċċertabbli minn partijiet terzi”.
6 L-Artikolu 4 tar-Regolament, li jirrigwarda l-liġi applikabbli, jipprovdi:
“1. Ħlief fejn ipprovdut b’ mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċedimenti ta’ falliment u l-effetti tagħhom għandha tkun dik ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ tali proċedura […].
[…]”
Id-dritt nazzjonali
7 Il-proċedura tal-stralċ ġudizzjarju hija rregolata mill-Artikoli L. 640-1 et seq tal-Kodiċi tal-Kummerċ Franċiż. F’dak li jirrigwarda l-qorti kompetenti għall-ftuħ ta’ tali proċeduri, l-Artikolu L. 641-1 ta’ dan il-Kodiċi jirreferi għall-Artikolu L. 621-2 tal-istess Kodiċi li, fil-verżjoni tiegħu skont il-Liġi Nru 2005-845, tas-26 ta’ Lulju 2005, dwar is-salvagwardja tal-impriżi, jipprovdi:
“Il-qorti kompetenti hija t-tribunal de commerce jekk id-debitur huwa kummerċjant jew huwa rreġistrat fir-reġistru tal-kummerċjanti. It-tribunal de grande instance huwa kompetenti fil-każijiet l-oħra.
Il-proċedura miftuħa tista’ tiġi estiża għal persuna jew iktar fil-każ ta’ konfużjoni tal-patrimonju tagħhom ma’ dak tad-debitur jew tal-persuna ġuridika fittizja. Għal dan il-għan, il-qorti li fetħet il-proċedura inizjali tibqa’ kompetenti.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
8 B’deċiżjoni tas-7 ta’ Mejju 2007, it-Tribunal de commerce de Marseille (Franza) beda proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju fil-konfront ta’ Médiasucre, li kellha s-sede tagħha f’Marseille, u ħatar lil J-C. Hidoux bħala stralċjarju ġudizzjarju.
9 Wara din is-sentenza, J-C. Hidoux ressaq proċeduri fl-istess qorti kontra Rastelli, li kellha s-sede tagħha f’Robbio (l-Italja). Huwa talab li l-proċeduri ta’ stralċ miftuħa kontra Médiasucre jiġu estiżi kontra Rastelli, minħabba l-konfużjoni tal-patrimonji taż-żewġ kumpanniji.
10 B’sentenza tad-19 ta’ Mejju 2008, it-Tribunal de commerce de Marseille iddikjara n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tiegħu fir-rigward tal-Artikolu 3 tar-Regolament, minħabba li Rastelli kellha s-sede tagħha fl-Italja u ma kellha l-ebda stabbiliment fi Franza.
11 B’deċiżjoni fuq l-oppożizzjoni mressqa minn J-C. Hidoux, il-cour d’appel d’Aix-en-Provence, b’sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, emendat din id-deċiżjoni u ddikjarat li t-tribunal de commerce de Marseille kellu ġurisdizzjoni. F’dan ir-rigward, il-cour d’appel iddikjarat li t-talba tal-istralċjarju ġudizzjarju ma kinitx intiża għall-ftuh ta’ proċeduri ta’ insolvenza kontra Rastelli, iżda għall-estensjoni għal din il-kumpannija tal-proċeduri ta’ stralċ ġudizzjarju li kienu diġà nfetħu kontra Médiasucre u li, skont l-Artikolu L. 621-2 tal-Kodiċi tal-Kummerċ, il-qorti li kellha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar tali talba għall-estensjoni kienet l-istess qorti li fetħet il-proċeduri inizjali.
12 Il-Cour de cassation, li quddiemha tressaq appell minn din is-sentenza, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Meta qorti ta’ Stat Membru tiftaħ il-proċedura prinċipali ta’ falliment ta’ debitur, billi tqis li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat, ir-Regolament […] jipprekludi l-applikazzjoni minn din il-qorti ta’ regola tad-dritt nazzjonali tagħha li tagħtiha l-ġurisdizzjoni li testendi l-proċedura għal kumpannija li l-uffiċċju reġistrat [sede] tagħha jinsab fi Stat Membru ieħor, abbażi biss tal-konstatazzjoni ta’ konfużjoni ta’ patrimonji tad-debitur u ta’ din il-kumpannija?
2) Jekk l-azzjoni għall-finijiet ta’ estensjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala l-ftuħ ta’ proċedura ġdida ta’ falliment, suġġetta, sabiex il-qorti tal-Istat Membru li quddiemha tressqu l-proċeduri inizjalment tkun tista’ tieħu konjizzjoni tagħha, għat-turija li l-kumpannija intiża mill-estensjoni għandha f’dan l-Istat iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tagħha, din it-turija tista’ tirriżulta biss mill-konstatazzjoni tal-konfużjoni ta’ patrimonji?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
13 Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ Stat Membru li fetħet proċedura prinċipali ta’ insolvenza kontra kumpannija, billi kkunsidrat li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tagħha jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat, tistax, b’applikazzjoni ta’ regola tad-dritt nazzjonali tagħha, testendi din il-proċedura għal kumpannija oħra li s-sede tagħha jinsab fi Stat Membru ieħor, fuq il-bażi biss ta’ konfużjoni tal-patrimonji ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji.
14 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament ma fihx regoli la dwar ġurisdizzjoni ta’ qrati u lanqas dwar kompetenza leġiżlattiva, li jirreferu espressament għall-estensjoni, minħabba konfużjoni ta’ patrimonji, tal-proċeduri ta’ insolvenza miftuħa fi Stat Membru għal kumpannija li s-sede tagħha jinsab fi Stat Membru ieħor.
15 Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-ġurisdizzjoni tal-qrati, ir-Regolament jipprovdi biss, fl-Artikolu 3 tiegħu, għal żewġ kriterji li jikkorrispondu għal żewġ tipi ta’ proċeduri differenti. B’mod konformi mal-Artikolu 3(1), iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur, preżunt li huwa l-post tas-sede tiegħu fil-każ ta’ kumpannija, jagħti ġurisdizzjoni lill-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu jkun tinsab din is-sede għall-ftuħ tal-proċeduri hekk imsejħa “prinċipali”, li jipproduċu effetti universali peress li japplikaw għall-proprjetà tad-debitur li tinsab fl-Istati Membri kollha fejn japplika r-Regolament. Skont l-Artikolu 3(2), il-preżenza ta’ stabbiliment tad-debitur tippermetti lill-qrati tal-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu jinsab l-imsemmi stabbiliment li jiftħu l-proċedura msejħa “sekondarja” jew “territorjali”, li l-effetti tagħha huma limitati għall-proprjetà tad-debitur li tinsab fuq it-territorju ta’ dan l-aħħar Stat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Mejju 2006, Eurofood IFSC, C‑341/04, Ġabra p. I‑3813, punt 28, u tas-17 ta’ Novembru 2011, Zaza Retail, C‑112/10, Ġabra p. I‑0000, punt 17).
16 Fir-rigward tal-liġi applikabbli, din hija, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament, dipendenti fuq id-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni internazzjonalment. Fil-fatt, f’dak li jikkonċerna kemm il-proċedura prinċipali ta’ insolvenza kif ukoll il-proċedura sekondarja jew territorjali, il-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinfetħu l-proċeduri tapplika għall-imsemmija proċedura ta’ insolvenza u għall-effetti tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Eurofood IFSC, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, u tal-21 ta’ Jannar 2010, MG Probud Gdynia, C‑444/07, Ġabra p I‑417, punt 25).
17 Għalhekk, b’kunsiderazzjoni tar-rwol li għandu l-kriterju ta’ ġurisdizzjoni, għandu jiġi stabbilit liema huwa dak li japplika fil-kawża prinċipali.
18 F’dan ir-rigward, ma jirriżultax li kien ġie sostnut li Rastelli kellha stabbiliment fi Franza skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri struttura li tinkludi livell minimu ta’ organizzazzjoni u ċerta stabbiltà sabiex tiġi eżerċitata attività ekonomika (ara s-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Interedil, C‑396/09, Ġabra p. 1‑0000, punt 64). F’dawn il-kundizzjonijiet, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament ma japplikax.
19 Għalhekk, għandu jiġi stabbilit biss jekk ġurisdizzjoni li tinstema’ kawża minħabba l-estensjoni ta’ proċedura ta’ insolvenza tistax tkun ibbażata fuq l-Artikolu 3(1) tar-Regolament.
20 F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jagħti wkoll ġurisdizzjoni internazzjonali lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu nfetħu l-proċeduri ta’ insolvenza sabiex tinstema’ kawża derivanti direttament mill-proċeduri ta’ insolvenza inizjali u li huma marbuta mill-qrib magħhom, fis-sens tas-sitt premessa tar-Regolament (ara s-sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, Seagon, C‑339/07, Ġabra p. I‑767, punti 19 sa 21). B’hekk għandu jiġi eżaminat jekk talba għall-estensjoni ta’ proċedura ta’ insolvenza minħabba konfużjoni ta’ patrimonji, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistax titqies bħala din it-tip ta’ azzjoni.
21 J-C. Hidoux u l-Gvern Franċiż isostnu li l-att għall-finijiet tal-estensjoni ta’ proċedura ta’ insolvenza minħabba konfużjoni ta’ patrimonji għandu jitqies bħala azzjoni li hija derivanti direttament mill-proċedura ta’ insolvenza inizjali u li hija marbuta mill-qrib magħha. Insostenn tat-teżi tagħhom, huma josservaw li, hekk kif ipprovdut fid-dritt Franċiż, li hija l-liġi applikabbli għall-proċedura inizjali skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament, tali estensjoni ma għandhiex il-konsegwenza li tiftaħ proċedura ġdida, li tkun awtonoma fil-konfront tal-proċeduri inizjali, iżda l-unika konsegwenza hija li testendi l-proċeduri inizzjali għal entità oħra. Minn dan, huma jikkonkludu li qorti Franċiża li fetħet proċeduri prinċipali ta’ insolvenza fir-rigward ta’ kumpannija stabbilita fi Franza għandha wkoll ġurisdizzjoni sabiex testendi din il-proċedura għal kumpannija oħra li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor.
22 B’hekk, din it-teżi hija essenzjalment ibbażata fuq l-argument li jgħid li, fid-dritt Franċiż, l-estensjoni ta’ proċedura prinċipali ta’ insolvenza ma tiftaħx proċedura ġdida, iżda sempliċiment tintegra fil-proċedura li diġà nfetħet debitur addizzjonali li l-proprjetà tiegħu hija inseparabbli minn dik tal-ewwel debitur.
23 Madankollu, din l-uniċità tal-proċedura ma tistax taħbi l-fatt, imsemmi mill-Gvernijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Awstrija kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea, li l-estensjoni tal-proċedura inizjali għal debitur addizzjonali, li huwa ġuridikament distint mid-debitur ikkonċernat minn din il-proċedura, tipproduċi fir-rigward ta’ dan tal-aħħar l-istess effetti bħad-deċiżjoni li tinfetaħ proċedura ta’ insolvenza.
24 Din l-analiżi hija qabel kollox ikkorraborata miċ-ċirkustanza, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, li għalkemm l-uniċità tal-proċedura hija ġġustifikata mill-konstatazzjoni li ż-żewġ debituri jiffurmaw unità de facto minħabba l-konfużjoni tal-patrimonji tagħhom, din il-konstatazzjoni ma għandha ebda effett fuq il-personalità ġuridika taż-żewġ debituri.
25 Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fis-sistema stabbilita mir-Regolament għall-istabbiliment tal-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri, li hija bbażata fuq iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur, teżisti ġurisdizzjoni proprja għal kull debitur li jikkostitwixxi entità ġuridikament distinta (sentenza Eurofood IFSC, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).
26 Minn dan għandu jiġi dedott li deċiżjoni li tipproduċi, fir-rigward ta’ entità ġuridika, l-istess effetti bħad-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura prinċipali ta’ insolvenza, tista’ tittieħed biss mill-qrati tal-Istat Membru li għandhom ġurisdizzjoni għall-ftuh ta’ tali proċeduri.
27 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament jagħti, għall-ftuħ ta’ tali proċedura, ġurisdizzjoni esklużiva lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur.
28 Għalhekk, il-possibbiltà għal qorti magħżula, b’mod konformi ma’ dik id-dispożizzjoni, bħala li għandha ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ debitur li tissuġġetta, b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha, lil entità ġuridika oħra għal proċeduri ta’ insolvenza għall-motiv biss ta’ konfużjoni tal-patrimonji, mingħajr ma tikkunsidra fejn jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ din l-entità, tkun tikkostitwixxi evitar tas-sistema stabbilita mir-Regolament. Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, riskju ta’ kunflitti pożittivi ta’ ġurisdizzjoni bejn qrati ta’ Stati Membri differenti, kunflitti li r-Regolament ried speċifikament jevita sabiex jiżgura ugwaljanza fit-trattament tal-proċeduri ta’ insolvenza fi ħdan l-Unjoni.
29 Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda li tressqet għandha tkun li r-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ Stat Membru li tkun fetħet proċeduri prinċipali ta’ insolvenza kontra kumpannija, billi tiddikjara li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tagħha jkun jinsab fit-territorju ta’ dak l-Istat, tista’ biss, b’applikazzjoni ta’ regola tad-dritt nazzjonali tagħha, testendi din il-proċedura għal kumpannija oħra li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor, bil-kundizzjoni li jiġi pprovat li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ din tal-aħħar jinsab fl-ewwel Stat Membru.
Fuq it-tieni domanda
30 Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn kumpannija, li għandha s-sede tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru, tkun suġġetta għal azzjoni li tfittex li testendi fuqha l-effetti ta’ proċedura ta’ insolvenza miftuħa fi Stat Membru ieħor kontra kumpannija oħra li hija stabbilita fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat, is-sempliċi konstatazzjoni tal-konfużjoni tal-patrimonji ta’ dawk il-kumpanniji hijiex suffiċjenti biex jiġi stabbilit li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tal-kumpannija kkonċernata minn din l-azzjoni jinsab ukoll f’dan l-aħħar Stat.
31 Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-kunċett ta’ “ċentru tal-interessi prinċipali” tad-debitur fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament huwa kunċett li joriġina minn dan ir-Regolament li, għaldaqstant, għandu tifsira awtonoma u għandu għalhekk jiġi interpretat b’mod uniformi u indipendenti mil-liġijiet nazzjonali (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Eurofood IFSC, punt 31, u Interedil, punt 43). Għalkemm ir-Regolament ma jipprovdix definizzjoni ta’ dan il-kunċett, madankollu, il-portata tiegħu hija ċċarata permezz tal-premessa Nru 13 tar-Regolament, li tipprovdi li “[iċ]-‘ċentru prinċipali ta’ interessi’ għandu jikkoresspondi mal-post fejn id-debitur iwettaq l-amministrazzjoni tal-interessi tiegħu fuq bażi regolari u huwa għalhekk aċċertabbli minn partijiet terzi” (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Eurofood IFSC, punt 32, u Interedil, punt 47).
32 Għall-kumpanniji, iċ-ċentru tal-interessi prinċipali huwa preżunt, b’mod konformi mat-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament, li huwa l-post fejn tinsab is-sede tagħhom. Din il-preżunzjoni u r-riferiment li sar fil-kliem tal-premessa Nru 13 tar-Regolament għall-post fejn id-debitur iwettaq l-amministrazzjoni tal-interessi tiegħu jirriflettu r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jipprivileġġa l-post tal-amministrazzjoni ċentrali tal-kumpannija bħala kriterju ta’ ġurisdizzjoni (sentenza Interedil, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).
33 B’riferiment għall-istess premessa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur għandu jiġi identifikat abbażi ta’ kriterji kemm oġġettivi kif ukoll aċċertabbli minn terzi, sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà fir-rigward tad-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiftaħ il-proċedura prinċipali ta’ insolvenza (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Eurofood IFSC, punt 33, u Interedil, punt 49).
34 Fir-rigward ta’ kumpannija, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fil-każ fejn il-korpi ta’ tmexxija u ta’ kontroll tagħha jkunu jinsabu fil-post tas-sede tagħha u d-deċiżjonijiet ta’ amministrazzjoni ta’ din il-kumpannija jittieħdu, b’mod aċċertabbli minn terzi, f’dan il-post, il-preżunzjoni prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tapplika b’mod sħiħ.
35 Inverżjoni ta’ din il-preżunzjoni hija possibbli meta, mill-perspettiva tat-terzi, il-post tal-amministrazzjoni ċentrali ta’ kumpannija ma jkunx jinsab fis-sede tagħha. F’dan il-każ, il-preżunzjoni sempliċi prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni favur is-sede ta’ din il-kumpannija tista’ tiġi eskluża jekk provi oġġettivi u aċċertabbli minn terzi jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sitwazzjoni reali differenti min dik li l-post tal-imsemmija sede mistennija li turi (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Eurofood IFSC, punt 34, u Interedil, punt 51).
36 Dawk il-fatturi għandhom jiġu evalwati b’mod globali, billi jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi individwali għal kull sitwazzjoni (sentenza Interedil, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).
37 Fir-rigward tal-ipoteżi, imsemmija fit-tieni domanda, ta’ konfużjoni ta’ patrimonji taż-żewġ kumpanniji, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Franċiż jirriżulta li, sabiex tiġi kkwalifikata tali sitwazzjoni, il-qorti nazzjonali tibbaża ruħha fuq żewġ kriterji alternattivi, li huma bbażati rispettivament fuq l-eżistenza ta’ konfużjoni fil-kontijiet u l-eżistenza ta’ relazzjonijiet finanzjarji li ma humiex normali bejn il-kumpanniji, bħal pereżempju l-organizzazzjoni deliberata ta’ trasferimenti ta’ assi mingħajr ħlas.
38 Kif sostnew kemm il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Awstrija kif ukoll il-Kummissjoni, dawn l-elementi huma ġeneralment diffiċli li jkunu aċċertati minn terzi. Barra minn hekk, konfużjoni ta’ patrimonji ma timplikax neċessarjament ċentru tal-interessi uniku. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li tali konfużjoni tiġi organizzata minn żewġ ċentri ta’ tmexxija u ta’ kontroll li jinsabu f’żewġ Stati Membri differenti.
39 Għalhekk, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li r-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li fejn kumpannija, li s-sede tagħha jinsab fuq it-territorju ta’ Stat Membru, tkun suġġetta għal azzjoni intiża sabiex testendi fuqha l-effetti ta’ proċedura ta’ insolvenza miftuħa fi Stat Membru ieħor kontra kumpannija oħra li hija stabbilita fuq it-territorju ta’ dan l-aħħar Stat Membru, il-konstatazzjoni tal-konfużjoni tal-patrimonji ta’ dawn il-kumpanniji waħidha ma hijiex suffiċjenti sabiex tipprova li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tal-kumpannija kkonċernata minn din l-azzjoni jinsab ukoll f’dan l-aħħar Stat. Sabiex tinqaleb il-preżunzjoni li tgħid li dan iċ-ċentru jinsab fil-post tas-sede tagħha, huwa meħtieġ li evalwazzjoni globali tat-totalità tal-elementi rilevanti tippermetti li jiġi stabbilit li, b’mod verifikabbli minn terzi, iċ-ċentru effettiv ta’ tmexxija u ta’ kontroll tal-kumpannija suġġetta għall-azzjoni għall-finijiet tal-estensjoni jinsab fl-Istat Membru fejn infetħet il-proċedura ta’ insolvenza inizjali.
Fuq l-ispejjeż
40 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment, għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ Stat Membru li tkun fetħet proċeduri prinċipali ta’ insolvenza kontra kumpannija, billi tiddikjara li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tagħha jkun jinsab fit-territorju ta’ dak l-Istat, tista’ biss, b’applikazzjoni ta’ regola tad-dritt nazzjonali tagħha, testendi din il-proċedura għal kumpannija oħra li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor, bil-kundizzjoni li jiġi pprovat li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ din tal-aħħar jinsab fl-ewwel Stat Membru;
2) Ir-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li fejn kumpannija, li s-sede tagħha tinsab fuq it-territorju ta’ Stat Membru, tkun suġġetta għal azzjoni intiża sabiex testendi fuqha l-effetti ta’ proċedura ta’ insolvenza miftuħa fi Stat Membru ieħor kontra kumpannija oħra li hija stabbilita fuq it-territorju ta’ dan l-aħħar Stat Membru, il-konstatazzjoni tal-konfużjoni tal-patrimonji ta’ dawn il-kumpanniji waħidha ma hijiex suffiċjenti sabiex tipprova li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tal-kumpannija kkonċernata minn din l-azzjoni jinsab ukoll f’dan l-aħħar Stat. Sabiex tinqaleb il-preżunzjoni li tgħid li dan iċ-ċentru jinsab fil-post tas-sede tagħha, huwa meħtieġ li evalwazzjoni globali tat-totalità tal-elementi rilevanti tippermetti li jiġi stabbilit li, b’mod verifikabbli minn terzi, iċ-ċentru effettiv ta’ tmexxija u ta’ kontroll tal-kumpannija suġġetta għall-azzjoni għall-finijiet tal-estensjoni jinsab fl-Istat Membru fejn infetħet il-proċedura ta’ insolvenza inizjali.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.