EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0550

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-26 ta’ Mejju 2016.
Envirotec Denmark ApS vs Skatteministeriet.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE – Awtolikwidazzjoni – Artikolu 198(2) – Deheb fil-forma ta’ materja prima jew fil-forma ta’ prodotti semimanifatturati – Kunċett – Artikolu 199(1)(d), u Anness VI – Materjali użati, skart u ruttam – Ingotti li jirriżultaw mit-tidwib ta’ oġġetti u ta’ ruttam diversi, intiżi sabiex jippermettu l-estrazzjoni tad-deheb u ta’ purità tad-deheb ta’ iktar minn 325 parti minn kull elf.
Kawża C-550/14.

Court reports – general

Kawża C‑550/14

Envirotec Denmark ApS

vs

Skatteministeriet

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Direttiva 2006/112/KE — Awtolikwidazzjoni — Artikolu 198(2) — Deheb fil-forma ta’ materja prima jew fil-forma ta’ prodotti semimanifatturati — Kunċett — Artikolu 199(1)(d), u Anness VI — Materjali użati, skart u ruttam — Ingotti li jirriżultaw mit-tidwib ta’ oġġetti u ta’ ruttam diversi, intiżi sabiex jippermettu l-estrazzjoni tad-deheb u ta’ purità tad-deheb ta’ iktar minn 325 parti minn kull elf”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-26 ta’ Mejju 2016

  1. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Metodi – Interpretazzjoni litterali, sistematika u teleoloġika – Deroga minn regola ġenerali – Interpretazzjoni restrittiva – Limitu – Effettività tad-deroga

    (Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikoli 193 u 198(2))

  2. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Testi plurilingwi – Diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi – Teħid inkunsiderazzjoni tal-istruttura u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni

  3. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa – Proċedura ta’ awtolikwidazzjoni – Skema speċjali għall-investiment ta’ deheb – Kunsinna ta’ deheb fil-forma ta’ materja prima jew ta’ prodotti semimanifatturati ta’ purità ta’ 325 parti minn kull elf jew iktar – Kunċett – Kunsinna ta’ ingotti komposti minn liega rozza u alleatorja miksuba mill-fużjoni ta’ ruttam u ta’ diversi oġġetti tal-metall li fihom id-deheb, kif ukoll metalli, materjali u sustanzi oħra – Kontenut ta’ deheb ta’ madwar 500 jew 600 parti minn kull elf – Inklużjoni

    (Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikoli 198(2) u 199(1)(d))

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 27, 33)

  2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 28)

  3.  L-Artikolu 198(2) tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan japplika għal kunsinna ta’ ingotti komposti minn liega rozza u alleatorja miksuba mill-fużjoni ta’ ruttam u ta’ diversi oġġetti tal-metall li fihom id-deheb, kif ukoll metalli, materjali u sustanzi oħra, u li jkun fihom, skont l-ingott, kontenut ta’ deheb ta’ madwar 500 jew 600 parti minn kull elf.

    Fil-fatt, dak li jżid ir-riskju ta’ frodi fiskali u, għaldaqstant, jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ awtolikwidazzjoni għall-kunsinna ta’ ċerti oġġetti, fosthom id-deheb, huwa l-valur tas-suq tagħhom għoli meta mqabbel mad-daqs tagħhom, li jagħmilhom faċilment transportabbli. Fir-rigward tal-kummerċ tad-deheb, u peress li dan ma huwiex prodott lest, bħal ġojjell, huwa l-kontenut ta’ deheb tal-oġġett ikkonċernat li jiddetermina l-valur tiegħu. Sussegwentement, ir-riskju ta’ frodi fiskali huwa iktar u iktar kbir peress li l-kontenut ta’ deheb ta’ dan l-oġġett huwa għoli.

    Minn dan jirriżulta li, fir-rigward tal-għan prinċipali mfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni, il-livell ta’ purità tad-deheb tal-oġġett ikkonċernat huwa deċiżiv għall-finijiet li jiġi stabbilit jekk kunsinna ta’ deheb fil-forma ta’ materja prima jew ta’ prodotti semimanifatturati, li ma jikkostitwixxix prodott lest, taqax taħt l-Artikolu 198(2) tad-Direttiva 2006/112 jew le.

    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li jekk tingħażel interpretazzjoni tal-Artikolu 198(2) tal-imsemmija direttiva li tgħid li din id-dispożizzjoni, ladarba tiġi implementata minn Stat Membru, ma tistax madankollu tkun applikabbli għal ingotti ta’ purità ta’ deheb ta’ 325 parti minn kull elf jew iktar, dan jista’ jikkawża preġudizzju għat-twettiq sħiħ ta’ dan l-għan ta’ ġlieda kontra l-frodi fiskali speċifikament imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni fir-rigward tal-partikolaritajiet ta’ tali metall prezzjuż. Għall-kuntrarju, dan li ntqal iktar ’il fuq ma jippreġudikax il-punt ta’ jekk ingotti komposti minn “skart” jew minn “materjali użati”, meta dawn ikunu ta’ purità ta’ deheb ta’ inqas minn 325 parti minn kull elf, jistgħux jaqgħu taħt il-mekkaniżmu ta’ awtolikwidazzjoni previst fl-Artikolu 199(1)(d) tal-istess direttiva, dejjem jekk dan il-mekkaniżmu jiġi stabbilit minn Stat Membru.

    F’dan ir-rigward, fid-Direttiva 2006/112 xejn ma jindika li l-mekkaniżmu ta’ awtolikwidazzjoni previst fl-Artikolu 199(1)(d) tagħha neċessarjament jeskludi lil dak previst fl-Artikolu 198(2) tagħha, b’din l-aħħar dispożizzjoni tista’, f’dan ir-rigward, tinftiehem bħala lex specialis li tirrigwarda l-prodotti speċifiċi msemmija mill-kliem tagħha.

    (ara l-punti 38, 41-43, 45 u d-dispożittiv)

Top