EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31998L0006

Indikazzjonijiet tal-prezz fuq il-prodotti tal-konsumatur

Indikazzjonijiet tal-prezz fuq il-prodotti tal-konsumatur

 

SOMMARJU TA’:

Ir-regoli tad-Direttiva 98/6/KE dwar l-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi

Id-Direttiva (UE) 2019/2161 li temenda d-Direttiva 93/13/KEE u d-Direttivi 98/6/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE dwar l-infurzar aħjar u l-immodernizzar tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Id-Direttiva 98/6/KE tirrikjedi li l-prezz tal-bejgħ u l-prezz tal-unità tal-prodotti kollha offruti mill-kummerċjanti lill-konsumaturi jkunu indikati b’mod ċar sabiex titjieb l-informazzjoni għall-konsumatur u biex tippermetti l-paraguni tal-prezzijiet.
  • Din irrevokat id-Direttivi 79/581/KEE (prezzijiet ta’ oġġetti tal-ikel) u 88/314/KEE (prezzijiet ta’ oġġetti mhux tal-ikel) b’effett mit-18 ta’ Marzu 2000.
  • Id-Direttiva 98/6 ġiet emendata mid-Direttiva (UE) 2019/2161dwar l-infurzar aħjar u l-immodernizzar tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur.

PUNTI EWLENIN

Direttiva 98/6/KE

  • Il-prezz tal-bejgħ u l-prezz tal-unità għandhom jiġu indikati b’mod mhux ambigwu, identifikabbli faċilment u li jinqara b’mod ċar għall-prodotti kollha offruti mill-kummerċjanti lill-konsumaturi (jiġigieri l-prezz finali għandu jinkludi t-taxxa fuq il-valur miżjud u t-taxxi l-oħra kollha).
  • Il-prezz tal-unità m’għandux għalfejn ikun indikat jekk ikun identiku għall-prezz tal-bejgħ.
  • Madankollu, l-Istati Membrital-UE jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din ir-regola:
    • għal prodotti pprovduti matul l-għoti ta’ servizz;
    • għal bejgħ bl-irkant u bejgħ ta’ opri ta’ arti u antikitajiet.
  • Għal prodotti mibjugħin bl-ingrossa, għandu jiġi indikat biss il-prezz tal-unità.
  • Kull reklamar li jsemmi l-prezz tal-bejgħ għandu jindika wkoll il-prezz tal-unità.
  • L-Istati Membri jistgħu:
    • jirrinunzjaw għall-obbligu li jindikaw il-prezz tal-unità tal-prodotti li għalihom din l-indikazzjoni ma tkunx utli jew jekk tkun tista’ toħloq konfużjoni;
    • jagħmlu lista ta’ prodotti non-alimentari fejn l-obbligazzjoni li jiġi indikat il-prezz unitarju jibqa’ japplika fil-kaz ta’ tali rinunzja.
  • Id-direttiva pprovdiet għal perjodu tranżitorju li matulu n-negozji żgħar tal-bejgħ bl-imnut ma kinux soġġetti għall-obbligu li jindikaw il-prezz tal-unità tal-prodotti għajr dawk mibjugħin bl-ingrossa.
  • L-Istati Membri għandhom:
    • jieħdu miżuri xierqa biex jinfurmaw lill-persuni kollha kkonċernati meta din issir liġi nazzjonali;
    • jistabbilixxu u jipprovdu informazzjoni dwar, is-sistema ta’ penalitajiet għall-ksur tar-regoli nazzjonali adottati fl-applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

Id-Direttiva (UE) 2019/2161

  • Id-Direttiva li Temenda (UE) 2019/2161 tintroduċi artikolu ġdid fid-Direttiva 98/6/KE rigward informazzjoni lill-konsumaturi dwar tnaqqis fil-prezzijiet. Kull tħabbira ta’ tnaqqis fil-prezzijiet għandha tindika b’mod ċar il-prezz applikat qabel mill-kummerċjant (prezz preċedenti). Il-prezz preċedenti jfisser l-aktar prezz baxx applikat mill-kummerċjant matul perjodu ta’ żmien li mhuwiex inqas minn 30 jum qabel l-applikazzjoni tat-tnaqqis fil-prezz.
  • L-emenda tipprovdi għal għażliet regolatorji għall-Istati Membri fir-rigward ta’ oġġetti li jistgħu jiddeterjoraw jew jiskadu malajr (partikolarment l-ikel), oġġetti li ilhom għall-bejgħ għal inqas 30 jum kif ukoll oġġetti li huma suġġetti għat-tnaqqis kontinwu fil-prezzijiet.
  • Ir-rekwiżiti eżistenti għall-Istati Membri biex jintroduċu penalitajiet effettivi, proporzjonati u diżwassivi għall-ksur ta’ regoli nazzjonali dwar indikazzjonijiet tal-prezzijiet ġie komplementat minn lista ta’ kriteri għall-impożizzjoni ta’ penalitajiet.

MINN META BDEW JAPPLIKAW ID-DIRETTIVI?

  • Id-Direttiva 98/6/UE kellha ssir liġi fl-Istati Membri sat-18 ta’ Marzu 2000.
  • Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2019/2161 kellha ssir liġi fl-Istati Membri sat-28 ta’ Novembru 2021. L-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli tad-direttiva mit-28 ta’ Mejju 2022.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Id-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi (ĠU L 80, 18.3.1998, pp. 27-31).

Id-Direttiva (UE) 2019/2161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttivi 98/6/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar aħjar u l-immodernizzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (ĠU L 328, 18.12.2019, pp. 7-28).

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 345, 27.12.2017, pp. 1-26).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2017/2394 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Patt Ġdid għall-Konsumaturi (COM(2018) 183 final, 11.4.2018).

l-aħħar aġġornament 03.02.2022

Fuq