EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-qbid u l-ħażna tad-dijossidu tal-karbonju

Il-ħażna ġeoloġika tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) tista’ tipprevjeni u tnaqqas l-effetti dannużi tat-tibdil fil-klima. Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli maħsuba biex jiżguraw li din il-prattika titwettaq b’mod sikur.

ATT

Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006.

SOMMARJU

Il-ħażna ġeoloġika tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) tista’ tipprevjeni u tnaqqas l-effetti dannużi tat-tibdil fil-klima. Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli maħsuba biex jiżguraw li din il-prattika titwettaq b’mod sikur.

X'TAGĦMEL DIN ID-DIRETTIVA?

Din id-Direttiva, magħrufa bħala d-Direttiva dwar il-Qabda u l-Ħażna tal-Karbonju (CCS), tistabbilixxi qafas legali li jgħin fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima permezz tal-ħażna ġeoloġika ambjentalment sikura ta’ CO2.

PUNTI EWLENIN

Is-siti għall-ħażna ġeoloġika tas-CO2 għandhom ikunu ambjentalment sikuri. Huma ma jistgħux jinterferixxu ma’ korpi tal-ilma (minħabba l-effetti negattivi potenzjali tas-CO2 imqiegħed f’kolonni tal-ilma) jew jippreżentaw riskji għas-saħħa. Id-determinazzjoni tal-adegwatezza ta’ dawn is-siti tinkludi proċess rigoruż ta’ ġbir tad-dejta, immudellar statiku u dinamiku bil-kompjuter għall-produzzjoni ta’ mudell tridimensjonali tal-kumpless kandidat tal-ħażna, il-karatterizzazzjoni tas-sensittività permezz tal-applikazzjoni ta’ diversi simulazzjonijiet fuq il-mudell tridimensjonali u valutazzjonijiet tar-riskju bl-użu tal-informazzjoni miġbura mill-passi preċedenti.

Huma meħtieġa l-permessi sabiex ikunu jistgħu jintużaw is-siti għall-ħażna ġeoloġika. L-applikazzjonijiet għall-permessi, sottomessi lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż tal-UE inkwistjoni, għandhom jinkludu tagħrif bħas-sigurtà mistennija tas-sit għall-ħażna, il-kwantità ta’ CO2 li jrid jiġi injettat, il-miżuri li jridu jittieħdu sabiex jipprevjenu irregolaritajiet sinjifikanti u pjan ta’ monitoraġġ propost. Il-Kummissjoni tista’ toħroġ opinjoni mhux vinkolanti dwar l-abbozz ta’ permess għall-ħażna sabiex tiżgura l-konsistenza fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tad-Direttiva madwar l-UE kollha, sabiex b’hekk tissaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku fis-CCS. Ladarba jinħareġ il-permess, l-awtorità kompetenti tirrevedi l-permess 5 snin wara l-ħruġ tiegħu u kull 10 snin minn hemm ’il quddiem.

Ma jistgħux jiżdiedu skart ieħor jew materja oħra mas-siti għall-ħażna tas- CO2 għall-fini tar-rimi tal-iskart. Ir-riżultati tal-monitoraġġ tas-CO2 mill-operaturi tas-sit għandhom jiġu kkomunikati lill-awtorità kompetenti darba fis-sena. Sadanittant, il-pjan ta’ monitoraġġ għandu jiġi aġġornat mill-operatur tas-sit kull 5 snin u jiġi approvat mill-awtorità kompetenti. F’każ ta’ tnixxija, għandha tittieħed azzjoni immedjata mill-operatur tas-sit (jew mill-awtorità kompetenti jekk l-operatur tas-sit jonqos milli jagħmel dan) skont il-pjan ta’ miżuri korrettivi approvat mill-awtorità kompetenti bħala parti mill-permess għall-ħażna.

Is-siti għall-ħażna jingħalqu jekk issir talba sostanzjata u jekk il-kundizzjonijiet iddikjarati fil-permess ma jiġux issodisfati mill-operatur tas-sit, jew jekk l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li tagħlaq is-sit wara l-irtirar tal-permess. Ladarba s-sit jingħalaq, l-operatur jibqa’ responsabbli għalih sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għat-trasferiment tar-responsabbiltà (primarjament il-kundizzjoni li s-CO2 jinħażen kompletament u b’mod permanenti).

MINN META BDIET TAPPLIKA?

Mill-25 ta’ Ġunju 2009. Hija emendat id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006).

SFOND

Din id-Direttiva hija parti mill-pakkett dwar il-klima u l-enerġija 2020 tal-UE, li ġie adottat f’April 2009.

TERMINI EWLENIN

Il-qbid u l-ħażna tal-karbonju (CCS) tirreferi għall-proċess li permezz tiegħu jinqabad, jiġi kkompressat u ttrasportat is-CO2 minn sorsi kbar bħal impjanti tal-enerġija u mbagħad jiġi injettat f’siti għall-ħażna ġeoloġika, li jkunu saffi taħt l-art, ġeneralment fil-fond, ta’ blat poruż mgħotti bi blat impermeabbli, b’tali mod li jiġi żgurat li s-CO2 ma jnixxix fl-atmosfera.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Direttiva 2009/31/KE

25.6.2009

25.6.2011

ĠU L 140 tal-5.6.2009, p. 114-135

ATTI RELATATI

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/31/KE dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju (COM(2014) 99 final tal-25.2.2014).

L-aħħar aġġornament: 26.03.2015

Top