EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

It-tnaqqis tat-tniġġis mill-vetturi ħfief bil-mutur

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 — l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali fir-rigward tal-emissjonijiet (Euro 5 u Euro 6) u l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi

X’INHU L-GĦAN TA’ DAN IR-REGOLAMENT?

Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007:

  • jistabbilixxi regoli armonizzati għall-approvazzjoni tat-tip ta’ emissjonijiet ta’ karozzi u vetturi kummerċjali ħfief, magħrufa kollettivament bħala vetturi light-duty;
  • ikopri s-sostituzzjoni, it-tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis*, u jistabbilixxi regoli għall-approvazzjoni tat-tip tagħhom;
  • ġie emendat diversi drabi, l-aktar reċenti bir-Regolament (UE) 2018/858.

Ir-Regolament (UE) 2018/858:

  • ibiddel ir-regoli dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi tal-UE;
  • jintroduċi metodi ta’ ttestjar aktar robusti fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa; u
  • iħassar id-Direttiva 2007/46/KE dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-UE għall-vetturi mill-31 ta’ Awwissu 2020.

PUNTI EWLENIN

Il-leġiżlazzjoni tapplika għal vetturi light-duty ta’ inqas minn 2.6 tunnellati.

Il-manifatturi għandhom:

  • jiddisinjaw, jibnu u jarmaw komponenti sabiex il-vettura tikkonforma mal-leġiżlazzjoni;
  • jagħtu prova li l-vetturi l-ġodda kollha u t-tagħmir il-ġdid għall-kontroll tat-tniġġis jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni u jistgħu jissodisfaw il-limiti tal-emissjonijiet matul il-ħajja normali ta’ vettura taħt kundizzjonijiet normali ta’ użu fit-triq;
  • jiżguraw li t-tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis jista’ jservi għal 160 000 km;
  • l-emissjonijiet tal-vetturi jistgħu jiġu kkontrollati wara 5 snin jew 100 000 km, skont liema jiġi l-ewwel;
  • jipprovdu lix-xerrejja b’ċifri ta’ emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju u tal-konsum tal-fjuwil;
  • ma jużawx apparat ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet, ħlief taħt kundizzjonijiet stretti — bħal biex il-magna tiġi protetta minn ħsara jew aċċident;
  • (sal-1 ta’ Settembru 2020) jagħmlu disponibbli fuq is-siti web l-aċċess mhux ristrett u standardizzat għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi għal garaxxijiet indipendenti. Dan għandu jinkludi affarijiet bħal manwali tal-manutenzjoni u manwali tekniċi. Dawn jistgħu jitolbu ħlas raġonevoli. Fl-1 ta’ Settembru 2020 dawn ir-rekwiżiti huma sostitwiti minn dawk fir-Regolament (UE) 2018/858.

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom:

  • jagħtu approvazzjoni tat-tip* tal-UE lil vetturi ġodda li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni;
  • jirrifjutaw li jagħtu approvazzjoni lil vetturi li ma jissodisfawx l-istandards tal-emissjonijiet, sal-iskadenzi awtorizzati relatati ma’ kull kategorija ta’ vettura;
  • jippermettu r-reġistrazzjoni ta’ vetturi li jikkonformaw ma’ dan ir-regolament;
  • jipprojbixxu l-bejgħ jew l-installazzjoni tat-tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis li ma jissodisfax l-istandards tal-UE;
  • jiżguraw li jeżistu pieni għall-manifatturi li jiffalsifikaw id-dikjarazzjonijiet jew ir-riżultati, iżommu d-data, jew jagħmlu użu minn apparat ta’ manipulazzjoni.

Il-Kummissjoni żżomm il-proċeduri, it-testijiet, ir-rekwiżiti u l-limiti ta’ emissjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni taħt reviżjoni regolari u taġġornahom b’mod regolari f’leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ir-regolament ilu japplika mit-3 ta’ Jannar 2009.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis: mekkaniżmu jew tagħmir li jneħħi s-sustanzi niġġiesa, minn dħaħen tal-egżost tal-karozzi pereżempju, li nkella jistgħu jiġu rilaxxati fl-atmosfera.
Approvazzjoni tat-tip: il-proċedura li permezz tagħha prodott huwa ċċertifikat li jissodisfa sett minimu ta’ rekwiżiti regolatorji u tekniċi.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU L 171, 29.6.2007, pp. 1-16)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 715/2007 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU L 151, 14.6.2018, pp. 1-218)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 tal-1 ta’ Ġunju 2017 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1230/2012 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 (ĠU L 175, 7.7.2017, pp. 1-643)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 263, 9.10.2007, pp. 1-160)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 08.10.2019

Top