EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-Impriża Konġunta tal-UE għall-Enerġija mill-Fużjoni (F4E)

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tagħtiha vantaġġi

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

  • Id-Deċiżjoni 2007/198/Euratom tistabbilixxi l-Fużjoni għall-Enerġija (F4E), impriża konġunta tal-Unjoni Ewropea (UE) li hija responsabbli, b’mod partikolari, għall-kontribuzzjoni tal-UE għall-proġett ITER, esperiment internazzjonali fuq skala kbira stabbilita biex turi l-vijabilità tal-enerġija tal-fużjoni bħala sors ġdid tal-enerġija.
  • Fl-2021, id-Deċiżjoni li temenda (Euratom) 2021/281 iggarantixxiet il-kontribuzzjoni tal-iffinanzjar Ewropew tal-proġett ITER matul il-qafas finanzjarju pluriennali tal-2021–2027.

PUNTI EWLENIN

Għanijiet

Dawn huma:

Minbarra l-attivitajiet l-oħrajn tagħha, il-kompiti ewlenin tal-F4E huma:

  • li tipprovdi l-materjal, ir-riżorsi finanzjarji u umani lill-Organizzazzjoni ITER;
  • li tikkoordina attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp xjentifiku u teknoloġiku u ta’ żvilupp fil-qasam tal-fużjoni;
  • li taġixxi bħala interfaċċa mal-organizzazzjoni ITER.

Baġit

Il-kontribuzzjoni tal-Euratom għall-F4E għall-perjodu bejn l-2021–2027 hija stabbilita għal EUR 5,614-il miljun.

Struttura

F4E għandha personalità ġuridika u għandha l-istruttura li ġejja.

Responsabbiltà u ġurisdizzjoni

  • Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-F4E hija rregolata mill-kuntratt inkwistjoni u l-liġi applikabbli għalih.
  • Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE għandha ġuriżdizzjoni f’azzjonijiet u f’appelli kontra l-F4E.

Valutazzjoni u komunikazzjoni

  • Id-Deċiżjoni li Temenda (Euratom) 2021/281 teħtieġ valutazzjonijiet regolari u f’waqthom tal-implimentazzjoni tagħha biex jiddaħħlu fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Ladarba tkun disponibbli biżżejjed informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-perjodu 2021–2027, il-Kummissjoni Ewropea għandha twettaq valutazzjoni interim sal-2024 l-aktar tard u tittrażmetti l-konklużjonijiet tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni.
  • Riċevituri tal-finanzjament tal-Komunità huma meħtieġa jirrikonoxxu l-oriġini ta’ dawk il-fondi u jiżguraw il-viżibilità tal-finanzjament, b’mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata li hija koerenti, effettiva u proporzjonata lil udjenzi multipli, inkluż lill-midja u lill-pubbliku.
  • Il-Kummissjoni se timplimenta wkoll azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni relatati ma’ din id-deċiżjoni, inkluż ir-riżultati miksuba.

MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Ilha tapplika mid-19 ta’ April 2007.

SFOND

  • Ir-riċerka Ewropea dwar l-enerġija tal-fużjoni ilha għaddejja 40 sena. Il-proġett Konġunt Ewropew Torus, stabbilit fl-1978, ikkontribwixxa għal riċerka avvanzata fil-qasam tal-enerġija mill-fużjoni. Minn nofs it-tmeninijiet, l-iżvilupp tal-proġett tal-ITER irrappreżenta stadju ġdid fil-qasam tal-fużjoni, b’dejjem aktar sħab internazzjonali li jingħaqdu mal-proġett minn żmien għal żmien. Ix-xogħol tad-disinn kunċettwali beda fl-1988, u d-disinn finali għall-faċilità tal-ITER ġie approvat fl-2001. L-għażla tal-post ħadet ħafna żmien. Il-kostruzzjoni tal-kumpless tal-ITER, f’Cadarache fin-nofsinhar ta’ Franza, qiegħda titlesta bħalissa u l-assemblaġġ tat-tokamak* beda fl-2020.
  • Għal iktar informazzjoni, ara:

TERMINI PRINĊIPALI

Tokamak. Tagħmir fil-forma ta’ doughnut, li jissejjaħ ukoll torus, għall-produzzjoni tal-fużjoni nukleari li jinvolvi l-ħażna u t-tisħin ta’ plażma tal-gass permezz ta’ kurrent elettriku u kamp manjetiku.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom tas-27 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tagħtiha vantaġġi (ĠUL 90, 30.3.2007, pp. 58–72).

Emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni 2007/198/Euratom ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha biss valur dokumentarju.

l-aħħar aġġornament 16.12.2021

Top