EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-Linji gwida dwar akkordji ta’ kooperazzjoni orizzontali

 

SOMMARJU TA’:

Linji Gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-akkordji dwar kooperazzjoni orizzontali

X’INHU L-GĦAN TAL-LINJI GWIDA?

Dawn il-linji gwida huma mfassla biex jgħinu lill-kumpaniji jiddeterminaw każ b’każ jekk l-akkordji ta’ kooperazzjoni tagħhom humiex kompatibbli mar-regoli tal-kompetizzjoni billi jipprovdu qafas għall-valutazzjoni skont l-Artikoli 101 (1) u (3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (ara s-sommarju).

PUNTI EWLENIN

Il-kooperazzjoni tkun ta’ “natura orizzontali” jekk akkordju jew prattika miftiehma jkunu konklużi bejn kompetituri attwali jew potenzjali. Dawn il-linji gwida jkopru wkoll akkordji ta’ kooperazzjoni orizzontali bejn dawk li mhumiex kompetituri, pereżempju bejn żewġ kumpaniji li huma attivi fl-istess swieq ta’ prodotti iżda fi swieq ġeografiċi differenti mingħajr ma jkunu kompetituri potenzjali.

Ħafna drabi, il-kooperazzjoni orizzontali tista’ twassal għal benefiċċji ekonomiċi sostanzjali fejn hija mezz ta’ kondiviżjoni tar-riskju, iffrankar tal-ispejjeż, żieda fl-investimenti, akkomunament tal-konoxxenza, titjib fil-kwalità u l-varjetà tal-prodott u tnedija aktar mgħaġġla tal-innovazzjoni. Madankollu, il-kooperazzjoni orizzontali tista’ twassal għal problemi ta’ kompetizzjoni fejn tikkawża effetti negattivi fuq is-suq fir-rigward tal-prezzijiet, il-produzzjoni, l-innovazzjoni jew il-varjetà u l-kwalità tal-prodotti.

Dawn il-linji gwida jipprovdu qafas analitiku għall-aktar tipi komuni ta’ akkordji ta’ kooperazzjoni orizzontali bil-għan li tiġi ddeterminata l-kompatibbiltà tagħhom mal-Artikolu 101 tat-TFUE.

Dawn japplikaw biss għall-aktar tipi komuni ta’ kooperazzjoni:

  • akkordji ta’ riċerka u żvilupp (R & Ż),
  • akkordji ta’ produzzjoni,
  • akkordji ta’ xiri,
  • akkordji ta’ kummerċjalizzazzjoni,
  • akkordji ta’ standardizzazzjoni, u
  • skambju ta’ informazzjoni.

Akkordji li jsiru bejn kumpaniji f’livell differenti tal-katina tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni (akkordji vertikali) huma, fil-prinċipju, ittrattati fir-Regolament (UE) Nru 330/2010, ir-“regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija ” dwar restrizzjonijiet vertikali (ara s-sommarju), u l-linji gwida dwar restrizzjonijiet vertikali (ara s-sommarju). Madankollu, sakemm jiġu konklużi akkordji vertikali bejn il-kompetituri, dawn għandhom jiġu vvalutati skont il-prinċipji applikabbli għal akkordji orizzontali. Fejn l-akkordji orizzontali jirriżultaw f’konċentrazzjoni, japplika r-Regolament (KE) Nru 139/2004, ir-“regolament dwar l-għaqdiet” (ara s-sommarju).

Il-linji gwida jistabbilixxu l-kriterji għall-valutazzjoni tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101 tat-TFUE:

  • L-Artikolu 101(1) tat-TFUE jintuża biex jiġi vvalutat jekk akkordju li huwa kapaċi jaffettwa l-kummerċ bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għandux għan antikompetittiv jew effetti restrittivi attwali jew potenzjali fuq il-kompetizzjoni.
  • Jekk akkordju jirrestrinġi l-kompetizzjoni, l-Artikolu 101(3) tat-TFUE jiddetermina jekk il-benefiċċji prokompetittivi jegħlbux l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni.

Kriterji ta’ valutazzjoni skont l-Artikolu 101(1) tat-TFUE

L-Artikolu 101(1) tat-TFUE jipprojbixxi akkordji li għandhom bħala l-għan jew l-effett tagħhom ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Għall-finijiet ta’ dawn il-linji gwida, ir-“restrizzjoni tal-kompetizzjoni” tinkludi l-prevenzjoni u t-tfixkil tal-kompetizzjoni. Jekk akkordju jkollu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, jiġifieri li min-natura tiegħu stess ikollu l-potenzjal li jirrestrinġi l-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101(1) tat-TFUE, allura ma jkunx meħtieġ li jiġu eżaminati l-effetti attwali jew potenzjali tal-akkordju.

Jekk, madankollu, akkordju ta’ kooperazzjoni orizzontali ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni skont l-għan, iridu jiġu analizzati l-effetti attwali u potenzjali sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx effetti restrittivi sinifikanti fuq il-kompetizzjoni.

Sabiex ikun hemm effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101(1) tat-TFUE, l-akkordju jrid ikollu, jew ikun probabbli li jkollu, impatt negattiv sinifikanti fuq tal-anqas wieħed mill-parametri tal-kompetizzjoni fis-suq, bħall-prezz, il-produzzjoni, il-kwalità u l-varjetà tal-prodott, jew l-innovazzjoni. Valutazzjoni ta’ effetti restrittivi bħal din trid issir fir-rigward tal-kuntest legali u ekonomiku attwali li fih isseħħ il-kompetizzjoni fin-nuqqas tal-akkordju.

In-natura ta’ akkordju għandha x’taqsam ma’ fatturi bħall-qasam u l-objettiv tal-kooperazzjoni, ir-relazzjoni kompetittiva bejn il-partijiet u l-punt sa fejn jikkombinaw l-attivitajiet tagħhom. Dawn il-fatturi jiddeterminaw liema tipi ta’ tħassib possibbli dwar il-kompetizzjoni jista’ jinqala’.

L-akkordji ta’ kooperazzjoni orizzontali jistgħu jillimitaw il-kompetizzjoni b’diversi modi. Pereżempju, akkordji ta’ produzzjoni jistgħu jwasslu għal limitazzjoni diretta tal-kompetizzjoni fejn il-partijiet inaqqsu l-produzzjoni. It-tħassib ewlieni dwar il-kompetizzjoni li għandu x’jaqsam ma’ akkordji ta’ kummerċjalizzazzjoni huwa l-iffissar tal-prezzijiet.

Is-setgħa fis-suq hija l-kapaċità li b’mod redditizju l-prezzijiet jinżammu ’l fuq mil-livelli kompetittivi għal perjodu ta’ żmien jew li b’mod redditizju l-produzzjoni tinżamm f’termini ta’ kwantità, kwalità u varjetà tal-prodott, jew innovazzjoni taħt il-livelli kompetittivi għal perjodu ta’ żmien. Is-setgħa fis-suq xi kultant tista’ tirriżulta minn kompetizzjoni mnaqqsa bejn il-partijiet.

Il-punt tat-tluq għall-analiżi tas-setgħa fis-suq huwa l-pożizzjoni tal-partijiet fis-swieq affettwati mill-kooperazzjoni. Biex titwettaq din l-analiżi, is-suq(swieq) rilevanti jridu jiġu definiti, bl-użu tal-avviż tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti (ara s-sommarju), u s-sehem fis-suq kombinat tal-partijiet irid jiġi kkalkulat. Jekk is-sehem fis-suq kombinat ikun baxx, il-kooperazzjoni orizzontali x’aktarx ma tipproduċix effetti restrittivi. Minħabba l-varjetà ta’ akkordji ta’ kooperazzjoni u l-effetti differenti li dawn jistgħu jikkawżaw f’sitwazzjonijiet tas-suq differenti, huwa impossibbli li jiġi indikat limitu ġenerali tas-sehem fis-suq li ’l fuq minnu tista’ tiġi preżunta setgħa fis-suq suffiċjenti sabiex tikkawża effetti restrittivi.

Skont il-pożizzjoni tas-suq tal-partijiet u l-konċentrazzjoni fis-suq, għandhom jiġu kkunsidrati fatturi oħra, bħal:

  • l-istabbiltà tal-ishma fis-suq maż-żmien;
  • ostakli għad-dħul;
  • il-probabbiltà tad-dħul fis-suq; u
  • s-setgħa ta’ kontrobilanċ tax-xerrejja/tal-fornituri.

Kriterji ta’ valutazzjoni skont l-Artikolu 101(3) tat-TFUE

Fejn tkun ġiet ippruvata restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101(1), l-Artikolu 101(3) jista’ jiġi invokat bħala difiża. Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ara s-sommarju) ipoġġi l-oneru tal-prova fuq l-impriża li tinvoka l-benefiċċju ta’ din id-dispożizzjoni. Hemm erba’ kundizzjonijiet kumulattivi li jridu jiġu ssodisfati biex l-akkordji ta’ kooperazzjoni jiġu eżentati:

  • l-akkordju restrittiv għandu jwassal għal benefiċċji ekonomiċi, bħal titjib fil-produzzjoni jew id-distribuzzjoni ta’ prodotti jew il-promozzjoni ta’ progress tekniku jew ekonomiku, jiġifieri kisbiet fl-effiċjenza;
  • ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu indispensabbli għall-kisba tal-kisbiet fl-effiċjenza;
  • il-konsumaturi għandhom jirċievu sehem ġust tal-kisbiet fl-effiċjenza li jirriżultaw miksuba permezz ta’ restrizzjonijiet indispensabbli;
  • l-akkordju għandu joffri lill-partijiet l-ebda eliminazzjoni possibbli tal-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali tal-prodotti inkwistjoni.

Fejn dawn l-erba’ kriterji jiġu ssodisfati, il-kisbiet fl-effiċjenza ġġenerati minn akkordju jistgħu jitqiesu li jikkumpensaw għar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni ġġenerati minnu.

Skambju ta’ informazzjoni

Il-linji gwida jipprovdu prinċipji ġenerali dwar il-valutazzjoni kompetittiva tal-iskambju ta’ informazzjoni, inkluża l-valutazzjoni skont l-Artikoli 101(1) u 101(3) tat-TFUE, li huma applikabbli għat-tipi kollha ta’ akkordji ta’ kooperazzjoni orizzontali li jinkludu l-iskambju ta’ informazzjoni.

L-iskambju ta’ informazzjoni jieħu diversi forom, bħad-data kondiviża direttament bejn il-kompetituri, id-data kondiviża indirettament permezz ta’ aġenzija komuni jew parti terza, jew id-data kondiviża permezz tal-fornituri jew il-bejjiegħa bl-imnut tal-kumpaniji. L-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-kumpaniji, pereżempju billi jgħin lill-kumpaniji jiffrankaw l-ispejjeż billi jnaqqsu l-inventarji tagħhom, kif ukoll direttament għall-konsumaturi, pereżempju billi jnaqqsu l-ispejjeż tat-tiftix tagħhom u jtejbu l-għażla. Madankollu, f’ċerti sitwazzjonijiet jista’ jwassal ukoll għal restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni meta jippermetti lill-kumpaniji jkunu konxji mill-istrateġiji tas-suq tal-kompetituri tagħhom. Il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni fost il-kompetituri tista’ tikkostitwixxi akkordju, prattika miftiehma jew deċiżjoni bl-għan li jiġu ffissati l-prezzijiet jew il-kwantitajiet. Tali tipi ta’ skambju ta’ informazzjoni normalment jiġu kkunsidrati u mmultati bħala kartelli.

Barra mill-qasam tal-kartelli, l-iskambju ta’ informazzjoni jitqies biss li jirrestrinġi l-kompetizzjoni skont l-għan fejn il-kompetituri jiskambjaw informazzjoni individwalizzata dwar prezzijiet jew kwantitajiet futuri maħsuba. L-iskambji tat-tipi l-oħra kollha ta’ informazzjoni, inklużi l-prezzijiet attwali, mhux se jiġu ttrattati bħala restrizzjonijiet skont l-għan u se jiġu vvalutati fir-rigward tal-effetti restrittivi tagħhom fuq il-kompetizzjoni.

Tipi ta’ akkordji ta’ kooperazzjoni

Il-linji gwida jiddefinixxu wkoll il-karatteristiċi ta’ ċerti tipi ta’ akkordji ta’ kooperazzjoni u japplikaw il-qafas ta’ valutazzjoni skont l-Artikoli 101(1) u 101(3) tat-TFUE deskritt hawn fuq għal kull wieħed mit-tipi ta’ akkordji li ġejjin:

  • Akkordji ta’ R&Ż,
  • akkordji ta’ produzzjoni,
  • akkordji ta’ xiri,
  • akkordji ta’ kummerċjalizzazzjoni,
  • akkordji ta’ standardizzazzjoni.

MINN META JAPPLIKAW IL-LINJI GWIDA?

Dawn ilhom japplikaw mill-14 ta’ Jannar 2011.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji Gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-akkordji dwar kooperazzjoni orizzontali (ĠU C 11, 14.1.2011, pp. 1-72)

Rettifika għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji Gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-akkordji dwar kooperazzjoni orizzontali (ĠU C 33, 2.2.2011, p. 20)

DOKUMENTI RELATATI

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — It-Tielet Parti — Politika u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu VII — Regoli komuni fuq il-kompetizzjoni, fuq it-tassazzjoni u l-approssimazzjoni tal-liġijiet — Kapitolu 1 — Regoli li jirregolaw il-kompetizzjoni — Taqsima 1 — Regoli li japplikaw għal impriżi — Artikolu 101 (ex Artikolu 81 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 88-89)

Avviż mill-Kummissjoni — Linji Gwida dwar Restrizzjonijiet Vertikali (SEG(2010) 411 final, 10.5.2010)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 tal-20 ta’ April 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU L 102, 23.4.2010, pp. 1-7)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, pp. 1-22)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, pp. 1-25)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Att tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità (ĠU C 372, 9.12.1997, pp. 5-13)

l-aħħar aġġornament 03.12.2020

Top