EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fl-UEM

X’INHU L-GĦAN TAR-RIŻOLUZZJONI?

  • Din turi l-impenn formali tal-Kunsill Ewropew biex jirrispetta d-dispożizzjonijiet tat-Trattat f’termini tas-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politiki ekonomiċi.
  • Din issaħħaħ ukoll il-koordinazzjoni fil-prattika, kemm bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) li għandhom l-istess munita unika (fost affarijiet oħra bl-istabbiliment ta’ Grupp tal-Euro informali) kif ukoll bejn dawn il-pajjiżi u dawk li mhux qed jipparteċipaw.

PUNTI EWLENIN

  • Il-pajjiżi fiż-żona tal-euro se jkollhom l-istess politika monetarja unika u rata tal-kambju unika, waqt li l-aspetti l-oħra tal-politika ekonomika se jibqgħu kwistjonijiet nazzjonali. Sa fejn żviluppi ekonomiċi nazzjonali jinfluwenzaw kundizzjonijiet monetarji fiż-żona tal-euro, se jkunu meħtieġa sorveljanza u koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi fost il-pajjiżi fiż-żona tal-euro.
  • Il-pajjiżi kollha tal-UE, inkluż dawk li baqgħu barra miż-żona tal-euro (id-Danimarka, l-Iżvezja u r-Renju Unit (1)) iridu jiġu inklużi fil-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi, peress li dawn kollha jipparteċipaw fis-suq uniku u jistgħu wkoll jipparteċipaw fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju.
  • It-titjib fis-sorveljanza u l-koordinazzjoni jenħtieġ li jkopri l-oqsma li ġejjin:
    • żviluppi makroekonomiċi fil-pajjiżi tal-UE u l-iżvilupp tar-rata tal-kambju għall-euro;
    • pożizzjonijiet u politiki baġitarji;
    • politiki strutturali fis-swieq tax-xogħol, tal-prodotti u tas-servizzi, kif ukoll tendenzi tal-ispejjeż u tal-prezzijiet.
  • Il-koordinazzjoni għandha taderixxi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà .
  • Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-unjoni ekonomika u monetarja (UEM), il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi jenħtieġ li jipprovdu aktar linji gwida konkreti u speċifiċi għall-pajjiż u li jiffukaw aktar fuq il-miżuri biex jitjieb il-potenzjal tat-tkabbir u biex jinħolqu l-impjiegi.
  • Il-pajjiżi tal-UE jenħtieġ li jimpenjaw irwieħhom għal skambju komprensiv u mgħaġġel tal-informazzjoni dwar żviluppi ekonomiċi u intenzjonijiet politiċi b’impatt transkonfinali, anki jekk ma jkunx hemm theddida ta’ deterjorament fis-sitwazzjoni baġitarja. Min-naħa tiegħu, il-Kunsill jista’ juri aktar inizjattiva lejn l-indirizzar ta’ rakkomandazzjonijiet lil pajjiżi li l-politiki ekonomiċi tagħhom mhumiex konsistenti mal-linji gwida ġenerali.
  • Il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECOFIN) jokkupa l-pożizzjoni deċiżiva fiċ-ċentru tal-proċess tal-koordinazzjoni ekonomika u tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Kull meta jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ interess komuni, dawn jiġu diskussi mill-ministri tal-pajjiżi kollha tal-UE. Madankollu, il-ministri tal-pajjiżi li qed jipparteċipaw fiż-żona tal-euro jistgħu jiltaqgħu b’mod informali bejniethom biex jiddiskutu kwistjonijiet marbuta mar-responsabbiltajiet speċifiċi kondiviżi tagħhom għall-munita unika (din il-formazzjoni ta’ ministri normalment tiltaqa’ l-ġurnata qabel il-laqgħa tal-Kunsill ECOFIN).
  • Peress li l-Kunsill irid jimmonitorja l-iżvilupp tar-rata tal-kambju tal-euro, huwa importanti li dan ikun jista’ jiskambja l-fehmiet u l-informazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). F’ċirkostanzi eċċezzjonali, dan jista’ jifformula linji gwida ġenerali għal politika tar-rata tal-kambju fir-rigward tal-muniti mhux tal-UE. Dawn iridu jirrispettaw l-indipendenza tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) u jkunu konsistenti mal-objettiv primarju tas-SEBĊ, li hu li tinżamm stabbiltà fil-prezzijiet.
  • Il-Kunsill jenħtieġ li jiddeċiedi dwar il-pożizzjoni tal-UE dwar kwistjonijiet ta’ rilevanza partikolari għall-UEM, b’rabta ma’ kemm relazzjonijiet bilaterali ma’ pajjiżi mhux tal-UE kif ukoll proċedimenti f’organizzazzjonijiet internazzjonali jew f’raggruppamenti internazzjonali informali. Il-pajjiżi fiż-żona tal-euro biss se jipparteċipaw fil-voti.
  • Il-Kunsill u l-Bank Ċentrali Ewropew se jirrappreżentaw lill-UE fil-livell internazzjonali f’konformità mal-allokazzjoni tas-setgħat stabbiliti fit-Trattat. Dwar l-elementi ta’ politika ekonomika minbarra l-politika monetarja u dik dwar ir-rati tal-kambju, il-pajjiżi tal-UE jenħtieġ li jkomplu jippreżentaw il-politiki tagħhom barra l-qafas Komunitarju, filwaqt li jitqies bis-sħiħ l-interess tal-UE.
  • Ir-rappreżentazzjoni f’organizzazzjonijiet internazzjonali jenħtieġ li tqis dawk ir-regoli tal-organizzazzjonijiet. Pereżempju, il-pajjiżi biss jistgħu jkunu membri tal-Fond Monetarju Internazzjonali.
  • Fid-dawl tal-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet stabbiliti fit-Trattat, l-iżvilupp ekonomiku armonjuż tal-UE se jeħtieġ djalogu kontinwu bejn il-Kunsill u l-BĊE, li jinvolvi l-Kummissjoni Ewropea u r-rispett lejn l-aspetti kollha tal-indipendenza tas-SEBĊ.
  • Il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju se jipprovdi l-qafas li fih jista’ jitħejja u jinkiseb id-djalogu fil-livell uffiċjali għoli.

DOKUMENT EWLIENI

Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tat-13 ta’ Diċembru 1997 dwar il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fi stadju 3 tal-UEM u dwar l-Artikoli tat-Trattat 109 u 109b tat-Trattat tal-KE (ĠU C 35, 2.2.1998, p. 1–4)

l-aħħar aġġornament 21.02.2017



(1) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.

Top