EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-istudju u l-ġestoni tal-ħsejjes ambjentali

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 2002/49/KE li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Id-Direttiva dwar il-Ħsejjes Ambjentali (DIA) għandha l-għan li:

  • tipprovdi bażi komuni għall-ġlieda kontra l-effetti ta’ ħsara tal-esponiment għall-ħsejjes ambjentali* madwar l-UE;
  • gradwalment tintroduċi miżuri
    • li jistabbilixxu indikaturi komuni tal-ħsejjes* sabiex jitkejjel l-esponiment fit-tul tal-bnedmin għal ħsejjes ambjentali matul il-ġurnata u disturbi fl-irqad
    • li jobbligaw pajjiżi tal-UE biex ifasslu mapep strateġiċi tal-ħsejjes* biex iservu bħala bażi għal pjanijiet ta’ azzjoni* biex jipprevjenu u jnaqqsu l-ħsejjes
    • li jimplimentaw il-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali
    • għall-informazzjoni u konsultazzjoni pubblika, speċjalment dwar il-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali.

PUNTI EWLENIN

Id-direttiva tfittex li tikkontrolla l-ħsejjes:

  • f’żoni mibnija;
  • f’parks pubbliċi jew f’żoni oħrajn kwieti f’żoni urbani;
  • f’żoni kwieti fil-kampanja aperta;
  • ħdejn skejjel, sptarijiet u bini u żoni oħra sensittivi għall-ħsejjes.

Ma tapplikax għal ħsejjes:

  • maħluqa mill-persuna esposta nnifisha, jew mill-ġirien;
  • minn attivitajiet domestiċi;
  • fil-postijiet tax-xogħol;
  • ġewwa mezzi tat-trasport; u
  • minn attivitajiet militari f’żoni tal-militar.

Indikaturi tal-ħsejjes u l-metodi tal-valutazzjoni tagħhom

  • Jintużaw 2 indikaturi għall-kompliazzjoni ta’ mapep strateġiċi tal-ħsejjes:
    • Lden huwa indikatur tal-livell globali tal-ħsejjes matul il-ġurnata, filgħaxija u l-lejl li jintuża biex jiddeskrivi l-inkonvenjenza maħluqa mill-esponiment għall-ħsejjes;
    • Lnight huwa indikatur tal-livell tal-ħoss matul il-lejl użat biex jiddeskrivi disturbi fl-irqad.

    l-valuri tagħhom huma definiti bl-użu tal-metodi ta’ valutazzjoni komuni stabbiliti fl-Anness II għad-direttiva.

  • Il-Kummissjoni Ewropea kellha tistabbilixxi dawn il-metodi komuni ta’ valutazzjoni. Sakemm sar dan, il-pajjiżi tal-UE segħu jużaw il-metodi tagħhom, diment li jikkonformaw mal-Anness II.
  • Indikaturi oħrajn jistgħu jintużaw għal ippjanar akustiku u ż-żonar tal-ħsejjes u fil-każijiet speċjali elenkati fl-Anness I.
  • Relazzjonijiet ta’ doża-effett* tiġi introdotta fl-Anness III b’reviżjonijiet futuri għad-direttiva biex tkun tista’ ssir valutazzjoni tal-effett tal-ħsejjes fuq il-popolazzjonijiet.
  • Sat-18 ta’ Lulju 2005, il-pajjiżi tal-UE kellhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe valur ta’ limitu relevanti fis-seħħ jew li jkun qed jiġi ppreparat, espress f’termini ta’ Lden u Lnight u, fejn xieraq, Lday (indikatur tal-ħoss tal-jum) u Lnight (indikatur tal-ħoss tal-lejl) għal:
    • ħoss tat-traffiku tat-triq;
    • ħoss tat-traffiku tal-ajru;
    • ħoss tat-traffiku bil-ferrovija; u
    • ħoss industrijali.

Immappjar strateġiku tal-ħsejjes

  • Mapep strateġiċi tal-ħsejjes għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet minimi stabbiliti fl-Anness IV.
  • Il-pajjiżi tal-UE kellhom:
    • jinfurmaw lill-pubbliku dwar il-korpi responsabbli biex jagħmlu u japprovaw mapep strateġiċi tal-ħsejjes sat-18 ta’ Lulju 2005;
    • jinfurmaw lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2005 dwar
      • it-toroq maġġuri li jkollhom aktar minn 6 miljun passaġġ ta’ vetturi fis-sena
      • ferroviji li jkollhom aktar minn 60 000 passaġġ ta’ ferroviji fis-sena
      • ajruporti maġġuri u
      • rħula u bliet b’aktar minn 250 000 abitant;
    • jagħmlu u japprovaw mapep strateġiċi tal-ħsejjes li juru s-sitwazzjoni matul is-sena preċedenti qrib dawn l-infrastrutturi, bliet u rħula sat-30 ta’ Ġunju 2007;
    • jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-irħula u l-bliet kollha b’aktar minn 100 000 abitant u dwar it-toroq maġġuri kollha u l-ferroviji maġġuri kollha fit-territorji tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2008;
    • jagħmlu u japprovaw mapep strateġiċi tal-ħsejjes li juru s-sitwazzjoni fis-sena preċedenti għal dawk il-bliet u rħula, toroq u ferroviji sat-30 ta’ Ġunju 2012.
  • Mapep tal-ħsejjes għandhom jiġu riveduti jekk meħtieġ, kull 5 snin.

Pjanijiet ta’ azzjoni

  • Pjanijiet ta’ azzjoni għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet minimi stabbiliti fl-Anness V.
  • Il-miżuri fi ħdan il-pjanijiet għandhom:
    • jindirizzaw il-prijoritajiet identifikati bl-eċċess ta’ kwalunkwe valur limitanti relevanti jew bi kriterji oħrajn magħżula mill-pajjiżi tal-UE; u
    • japplikaw partikolarment għaż-żoni l-aktar importanti kif stabbilit bl-immappjar strateġiku.
  • Il-pajjiżi tal-UE kellhom:
    • jinfurmaw lill-pubbliku dwar il-korpi responsabbli għat-tfassil u għall-approvazzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni sat-18 ta’ Lulju 2005;
    • ifasslu pjanijiet:
      • sat-18 ta’ Lulju 2008, għal
        • toroq maġġuri li jkollhom aktar minn 6 miljun passaġġ ta’ vetturi fis-sena
        • ferroviji li jkollhom aktar minn 60 000 passaġġ ta’ ferroviji fis-sena
        • ajruporti maġġuri u
        • rħula u bliet b’aktar minn 250 000 abitant;
      • sat-18 ta’ Lulju 2013, għall-irħula u l-bliet maġġuri kollha, ajruporti maġġuri kollha, toroq maġġuri u ferroviji maġġuri.
  • Pjanijiet ta’ azzjoni għandhom jiġu riveduti meta jseħħ żvilupp maġġuri li jaffettwa s-sitwazzjoni eżistenti tal-ħsejjes, u mill-anqas darba kull 5 snin wara d-data ta’ approvazzjoni ta’ dawk il-pjanijiet, skont ir-Regolament emendatorju (UE) 2019/1010.

Informazzjoni pubblika

Pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li:

  • il-pubbliku jiġi kkonsultat u li r-riżultati jitqiesu qabel jiġu approvati l-pjanijiet ta’ azzjoni;
  • mapep strateġiċi tal-ħsejjes u l-pjanijiet ta’ azzjoni huma disponibbli u mqassma lill-pubbliku skont l-Annessi IV u V u r-regoli tal-UE dwar l-aċċess pubbliku għal informazzjoni dwar l-ambjent;
  • il-Kummissjoni tirċievi l-informazzjoni mill-mapep strateġiċi tal-ħsejjes u minn sommarji tal-pjanijiet ta’ azzjoni fi żmien 6 xhur mid-dati stabbiliti f’Artikoli 7 (Immappjar strateġiku tal-ħsejjes) u 8 (Pjanijiet ta’ azzjoni), kif imsemmi fl-Anness VI. Il-Kummissjoni, megħjuna mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, għandha tiżviluppa mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni diġitali, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni.

Mapep tal-ħsejjes u pjanijiet ta’ azzjoni tal-pajjiżi tal-UE jistgħu wkoll jiġu kkonsultati fis-sistema ReportNet tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. Skont ir-regolament emendatorju (UE) 2019/1010, ReportNet hija “repożitorju ta’ data”, sistema tal-informazzjoni li jkun fiha informazzjoni dwar ħsejjes ambjentali u data disponibbli mill-pajjiżi tal-UE.

Rapport

Kull 5 snin, il-Kummissjoni tissottometti rapport dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mit-18 ta’ Lulju 2002 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sat-18 ta’ Lulju 2004.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Ħsejjes ambjentali: ħsejjes mhux mitluba jew ta’ ħsara fl-apert maħluqa mill-attivitajiet tal-bniedem, inklużi l-ħsejjes emessi minn mezzi tat-trasport, traffiku tat-triq, traffiku tal-ferroviji, traffiku tal-arju, u minn siti tal-attività industrijali, bħalma huma definiti fid-Direttiva 96/61/KE.
Indikatur tal-ħsejjes: skala fiżika biex tiddeskrivi ħsejjes ambjentali, li jkollhom relazzjoni mal-effett ta’ ħsara.
Mapep strateġiċi tal-ħsejjes: mapep iddisinjati biex jeżaminaw l-esponiment għall-ħsejjes globali f’żoni partikolari li jkunu ġejjin minn sorsi ta’ ħsejjes differenti jew għal tbassir globali għal dawk iż-żoni.
Pjanijiet ta’ azzjoni: pjanijiet iddisinjati għall-ġestjoni ta’ suġġetti u effetti tal-ħsejjes, inkluż it-tnaqqis tal-ħoss meta jkun meħtieġ.
Ir-relazzjoni doża-effett: ir-relazzjoni bejn il-valur ta’ indikatur tal-ħoss u effett ta’ ħsara.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Ġunju 2002 li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali (ĠU L 189, 18.7.2002, pp. 12-25)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2002/49/KE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħsejjes Ambjentali skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2002/49/KE (COM(2017) 151 finali, 30.3.2017)

Ir-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (verżjoni kodifikata) (ĠU L 126, 21.5.2009, pp. 13-22)

Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, pp. 26-32)

l-aħħar aġġornament 19.09.2019

Top