EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Miżuri għall-kontroll tad-deni klassiku tal-majjali

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 2001/89/KE — miżuri għall-kontroll u l-eradikazzjoni tad-deni klassiku tal-majjali

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Għandha l-għan li tintroduċi miżuri biex tikkontrolla u teqred id-deni klassiku tal-majjali, marda kontaġġjuża ħafna u fatali fil-majjali, abbażi ta’ skoperta minnufih, l-iżolament u l-qtil.

PUNTI EWLENIN

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li t-tifqigħat tad-deni klassiku tal-majjali suspettati u konfermati jiġu nnotifikati lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti u li jinbdew investigazzjonijiet.

Tifqigħat suspettati

Meta jkun hemm suspett ta’ tifqigħa, trid issir investigazzjoni immedjata. Jekk tifqigħa ma tistax tiġi eliminata, l-impriża għandha titqiegħed taħt sorveljanza uffiċjali u:

  • il-majjali kollha għandhom jiġu iżolati, elenkati bħala morda, mejta jew x’aktarx li huma infettati, u ebda minnhom ma jkun jista’ jidħol jew joħroġ;
  • l-ebda karkassa, prodott tal-majjal jew materjal ieħor, bħal għodod, li jista’ jittrażmetti d-deni tal-majjali ma jista’ jitneħħa minn hemm mingħajr awtorizzazzjoni uffiċjali;
  • l-ebda moviment mhux awtorizzat ta’ persuni jew vetturi lejn jew mill-impriża mhu permess;
  • kull dħul jew ħruġ għandu jiġi ddiżinfettat, kif ukoll il-vetturi kollha qabel jitilqu.

Tifqigħat ikkonfermati

Meta d-deni tal-majjali jiġi ikkonfermat uffiċjalment f’impriża, japplikaw dawn il-miżuri addizzjonali li ġejjin:

  • il-majjali kollha għandhom jinqatlu mingħajr dewmien;
  • għandhom jittieħdu kampjuni biex wieħed jifhem kif qed tiżviluppa l-marda;
  • il-karkassi għandhom jiġu pproċessati taħt superviżjoni uffiċjali;
  • laħam li jista’ jkun jorġina minn majjali infettati li jkunu nqatlu qabel it-teħid ta’ dawn il-miżuri u kwalunkwe semen, bajd u embrijun għandu jiġi intraċċat u meqrud kull fejn ikun possibbli;
  • sustanzi u materjali kkontaminati għandhom jiġu ttrattati jew meqruda;
  • bini affettwat għandu jiġi diżinfettat jew trattat.

Żona ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza

  • Immedjatament wara tifqigħa kkonfermata, l-awtoritajiet għandhom jistabbilixxu żona ta’ protezzjoni ta’ mill-inqas 3 km madwar l-impriża kkonċernata, f’żona ta’ sorveljanza ta’ 10 km, u l-miżuri li ġejjin japplikaw:
    • il-moviment tal-majjali huwa pprojbit, b’xi eċċezzjonijiet;
    • il-vetturi u t-tagħmir għandhom jitnaddfu, jiġu ddiżinfettati u ttrattati;
    • ebda annimal domestiku ieħor ma jkun jista’ jidħol jew jitlaq mingħajr awtorizzazzjoni (fiż-żona ta’ sorveljanza, dan japplika matul l-ewwel sebat ijiem);
    • majjali mejta jew morda għandhom jiġu nnotifikati immedjatament;
    • il-majjali ma jistgħux jiddaħħlu jew jinħarġu għal 30 ġurnata (fiż-żona ta’ sorveljanza, 21 ġurnata) wara t-tindif u d-diżinfettar, u wara dan jistgħu jitħallew jittieħdu għall-qatla jew għall-ipproċessar;
    • semen, bajd u embrijuni għandhom jiġu iżolati;
    • kull min jidħol jew joħroġ għandu josserva l-miżuri xierqa tal-iġjene.
  • Jekk ikun hemm tifqigħa f’biċċerija jew f’mezz ta’ trasport, l-annimali possibbilment infettati għandhom jinqatlu. Annimali ġodda m’għandhomx jitħallew jidħlu għal 24 siegħa wara d-diżinfettar filwaqt li l-karkassi, il-ġewwieni u l-iskart mill-annimali possibbilment ikkontaminati għandhom jiġu pproċessati taħt superviżjoni uffiċjali.

Ħnieżer selvaġġi*

  • F’tifqigħa kkonfermata f’majjali selvaġġi, gruppi ta’ esperti nazzjonali jiddeterminaw iż-żona infettata u l-azzjoni li għandha tittieħed. L-impriżi tal-majjali fiż-żona għandhom jitqiegħdu taħt sorveljanza u l-majjali għandhom jinżammu iżolati mill-majjali selvaġġi.
  • Il-pajjiżi tal-UE jeħtiġilhom jissottomettu pjanijiet ta’ eradikazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea fi żmien 90 jum, li jinkludu gwida għall-kaċċaturi u l-metodi għar-rimi tal-karkassi. Rapport tal-progress ta’ kull sitt xhur imur għand il-Kummissjoni u l-pajjiżi l-oħra tal-UE.

Tilqim

It-tilqim normalment huwa pprojbit, iżda l-pajjiżi jistgħu jissottomettu pjanijiet ta’ emerġenza lill-Kummissjoni.

Pjanijiet ta’ kontinġenza

Kull pajjiż tal-UE għandu jfassal pjan ta’ kontinġenza fl-eventwalità ta’ tifqigħa tad-deni klassiku tal-majjali, u għandu jkun jista’ jattiva ċentru nazzjonali għall-kontroll tal-marda meta sseħħ tifqigħa.

Skart tal-catering

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li l-iskart mill-fornituri tal-ikel ma jiġix mitmugħ lill-majjali.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

  • Ilha tapplika mill-1 ta’ Diċembru 2001. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-31 ta’ Ottubru 2002.
  • Din id-direttiva ġiet revokata bir-Regolament (UE) 2016/429, li se jidħol fis-seħħ fil-21 ta’ April 2021.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Ħnieżer selvaġġi: majjali mhux miżmuma jew imrobbija f’impriża.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/89/KE tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-miżuri tal-Komunità għall-kontroll tal-marda tal-infafet vesikolari (deni klassiku) tal-majjali (ĠU L 316, 1.12.2001, pp. 5-35)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2001/89/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/19/KE tat-22 ta’ Diċembru 2006 li tapprova l-pjanijiet ta’ kontinġenza għall-kontroll tad-deni klassiku tal-majjali skont id-Direttiva tal-Kunsill 2001/89/KE (ĠU L 7, 12.1.2007, pp. 38-40)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/106/KE tal-1 ta’ Frar 2002 li tapprova Manwal Djanjostiku li jwaqqaf proċeduri djanjostiċi, metodi tal-kampjunar u kriterji għall-istima tat-testijiet fil-laboratorju għall-konferma tad-deni klassiku tal-majjali (ĠU L 39, 9.2.2002, pp. 71-88)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 06.11.2017

Top