EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Protezzjoni aħjar għall-vittmi fi proċeduri kriminali

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Direttiva 2012/29/UE – standards minimi dwar id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi ta' kriminalità

SOMMARJU

X'TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

  • Magħrufa bħala d-Direttiva dwar il-Vittmi, issaħħaħ il-miżuri nazzjonali eżistenti bi standards minimi mifruxin madwar l-UE kollha dwar id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità f'kull pajjiż tal-UE.
  • Il-vittmi għandu jkollhom id-dritt li:
    • jifhmu u jiġu mifhuma, matul kuntatt ma' awtorità (eż. b'lingwaġġ ċar u sempliċi),
    • jirċievu informazzjoni mill-ewwel kuntatt ma' awtorità,
    • jagħmlu ilment formali u jirċievu għarfien bil-miktub,
    • jiġu pprovduti b'servizzi ta' interpretazzjoni u traduzzjoni (għallinqas matul l-intervisti/interrogatorju tal-vittmi),
    • jirċievu informazzjoni dwar il-progress tal-każ,
    • jaċċessaw is-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi.

PUNTI EWLENIN

  • Il-miri ewlenin tagħha huma li tiżgura li l-vittmi tal-kriminalità jirċievu informazzjoni, appoġġ u protezzjoni xierqa u li jkunu jistgħu jipparteċipaw fi proċeduri kriminali kull fejn tkun seħħet il-ħsara fl-UE.
  • Kull pajjiż tal-UE għandu jiżgura li l-vittmi tal-kriminalità jiġu rikonoxxuti u ttrattati b'rispett, b'mod sensittiv u professjonali skont il-ħtiġijiet individwali tagħhom u mingħajr ebda diskriminazzjoni (eż. Abbażi tan-nazzjonalità, status ta' residenza, razza, reliġjon, età, sess, eċċ.).
  • Id-Direttiva tistabbilixxi l-istandards minimi għall-vittmi ta' kull delitt tkun xi tkun in-nazzjonalità tal-vittmi jew l-istatus ta' residenza tagħhom. Hekk kif jitwettaq delitt jew hekk kif jitwettqu proċeduri ta' kriminalità fl-UE, il-vittma għandha tingħata d-drittijiet stabbiliti mid-Direttiva dwar il-Vittmi. Skont id-Direttiva, il-membri tal-familja tal-vittmi mejtin jitqiesu bħala vittmi huma stess.

Id-Direttiva tistabbilixxi d-drittijiet li ġejjin:

  • Dawn il-vittmi għandu jkollhom id-dritt li:
    • l-każ tagħhom jinstema' f'qorti,
    • ssir reviżjoni ta' deċiżjoni ta' qorti li ma ssirx prosekuzzjoni,
    • jkollhom l-ispejjeż rimborsati,
    • jirċievu għajnuna legali,
    • oġġetti misruqin mingħandhom jiġu rkuprati.
  • L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jimminimizzaw id-diffikultajiet iffaċċjati meta l-vittma tkun residenti ta' pajjiż tal-UE differenti minn dak fejn tkun twettqet l-offiża.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Daħlet fis-seħħ fil-15 ta' Novembru 2012. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha f'liġi nazzjonali sas-16 ta' Novembru 2015.

SFOND

Id-Direttiva tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-vittmi fi proċeduri kriminali (2001/220/ĠAI).

  • Għal aktar informazzjoni ara “Vittmi” fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea.

ATT

Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU L 315, 14.11.2012, pp. 57–73)

l-aħħar aġġornament 15.02.2016

Top