Ir-ritorn ta’ immigranti illegali — standards u proċeduri komuni
SOMMARJU TA’:
Id-Direttiva 2008/115/KE — standards u proċeduri komuni għar-ritorn ta’ ċittadini mhux tal-UE li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment
X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?
- Hija għandha l-għan li tiżgura li l-Unjoni Ewropea (UE) jkollha politika ta’ ritorn effettiva u umana bħala element neċessarju ta’ politika tal-migrazzjoniy ġestita sew.
- Hija tistabbilixxi sett komuni ta’ regoli għar-ritorn ta’ ċittadini mhux tal-UE li ma jissodisfawx jew li ma għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet għad-dħul, għas-soġġorn jew għar-residenza fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru, tal-UE, u s-salvagwardji proċedurali relatati, filwaqt li tinkoraġġixxi r-ritorn volontarju tal-immigranti illegali.
PUNTI EWLENIN
Terminazzjoni ta’ soġġorn illegali
Is-soġġorn illegali jiġi tterminat permezz ta’ proċedura f’żewġ stadji:
1.
l-ewwel, “deċiżjoni ta’ ritorn” li tiftaħ perjodu ta’ “tluq volontarju”;
2.
u mbagħad, jekk ikun meħtieġ “ordni ta’ tneħħija”, possibbilment b’detenzjoni, li tintemm “b’espulsjoni”.
Deċiżjoni ta’ ritorn
- Sakemm ma jkunx hemm raġunijiet ta’ kompassjoni, umanitarji jew oħrajn biex ma jsirx dan, jew ikun hemm proċedura pendenti għat-tiġdid ta’ permess tar-residenza, Stat Membru jrid joħroġ deċiżjoni ta’ ritorn liċ-ċittadin mhux tal-UE li jkun qiegħed fit-territorju tiegħu illegalment.
- Jekk ċittadin mhux tal-UE jkollu permess ta’ residenza validu jew l-ekwivalenti minn Stat Membru ieħor, għandu jirritorna minnufih lejn dak il-pajjiż.
- Jekk Stat Membru ieħor jieħu lura ċittadin mhux tal-UE li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment skont ftehim bilaterali, dak il-pajjiż ikun responsabbli għall-ħruġ tad-deċiżjoni ta’ ritorn.
- Id-deċiżjoni ta’ ritorn tista’ tippermetti perjodu ta’ tluq volontarju ta’ bejn 7 u 30 jum għaċ-ċittadin li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment. F’ċerti ċirkostanzi, dan il-perjodu jista’ jiġi estiż; jista’ jiġi wkoll imqassar u saħansitra ma jingħatax, jiġifieri meta jkun hemm riskju li ċ-ċittadin mhux tal-UE li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment:
- se jaħrab u għalhekk ma jkunx disponibbli għar-ritorn;
- issottometta applikazzjoni frodulenti; jew
- ikun ta’ riskju għas-sigurtà pubblika/nazzjonali.
- Matul il-perjodu ta’ tluq volontarju, jistgħu jiġu imposti ċerti obbligi fuq iċ-ċittadin mhux tal-UE sabiex ma jkunux jistgħu jaħarbu.
- Tista’ tingħata projbizzjoni fuq id-dħul flimkien ma’ deċiżjoni ta’ ritorn meta ma jingħata l-ebda perjodu ta’ tluq volontarju jew meta ċ-ċittadin mhux tal-UE li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment ma jikkonformax mad-deċiżjoni ta’ ritorn. Id-durata tal-projbizzjoni fuq id-dħul tiġi stabbilita fuq bażi ta’ każ każ u jaf ma tkunx itwal minn 5 snin, sakemm iċ-ċittadin mhux tal-UE ma jkunx ta’ periklu għas-sigurtà pubblika/nazzjonali.
Tneħħija
Jekk ma jingħata ebda perjodu, jew jekk iċ-ċittadin mhux tal-UE ma jkunx ikkonforma mad-deċiżjoni ta’ ritorn fil-perjodu mogħti għar-ritorn volontarju, l-Istat Membru jeħtieġlu jimponi t-tneħħija tiegħu, ħlief f’ċirkostanzi partikolari fejn it-tneħħija tista’ tiġi posposta. It-tneħħija ta’ ċittadini mhux tal-UE jeħtiġilha tiġi posposta jekk tirriskja li tqiegħed fil-periklu l-ħajjiet tagħhom (il-prinċipju ta’ non-refoulement*) jew jekk id-deċiżjoni ta’ ritorn tkun ġiet sospiża b’mod temporanju.
Miżuri ta’ koerċizzjoni li huma proporzjonati u li ma jeċċedux il-forza raġjonevoli jistgħu jintużaw biss bħala l-aħħar rimedju biex jitneħħew ċittadini mhux tal-UE.
Detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħijiet
- Taħt ċerti kundizzjonijiet — u b’kunsiderazzjoni dovuta għal ċerti salvagwardji inkluż stħarriġ ġudizzjarju — l-Istati Membri jistgħu jżommu ċittadin mhux tal-UE matul il-proċedura ta’ ritorn jekk ikun hemm riskju li se jaħrab jew jevitaw/ifixkel il-preparazzjoni tar-ritorn jew tal-proċess ta’ tneħħija.
- Il-perjodu ta’ detenzjoni ma jistax ikun itwal minn 6 xhur.
- Għandhom jintużaw faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni, u jekk dan ma jkunx fattibbli, tintuża akkomodazzjoni tal-ħabs bi kwartieri separati.
Salvagwardji proċedurali
Id-Direttiva tistabbilixxi numru ta’ salvagwardji proċedurali:
- informazzjoni għaċ-ċittadin mhux tal-UE;
- id-dritt ta’ appell tagħhom;
- assistenza u rappreżentanza legali;
- assistenza lingwistika, jekk din tkun meħtieġa.
L-Istati Membri għandhom jirrispettaw ukoll id-dritt tal-unità tal-familja, jipprovdu edukazzjoni bażika lill-minuri u kura medika ta’ emerġenza u joqogħdu attenti għall-bżonnijiet speċjali tal-persuni vulnerabbli waqt ir-ritorn volontarju jew it-tneħħija tagħhom.
Minorenni mhux akkumpanjati
- Qabel jiddeċiedu li joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward ta’ minuri mhux akkumpanjat, trid tingħata assistenza minn korpi xierqa fl-aħjar interessi tal-wild. Qabel ma Stat Membru jneħħi minuri mhux akkumpanjat mit-territorju tiegħu, għandu jiżgura li jiġu rritornati lil membru tal-familja tiegħu jew lil tutur magħżul jew li faċilitajiet ta’ akkoljenza xierqa fil-pajjiż tar-ritorn ikunu disponibbli.
- Id-Direttiva tfittex li tillimita d-detenzjoni ta’ minuri mhux akkumpanjati u familji u tistabbilixxi kundizzjonijiet ta’ detenzjoni xierqa.
Regoli ġenerali
Xi kategoriji ta’ ċittadini mhux tal-UE jistgħu jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, bħal dawk li jiġu arrestati b’rabta ma’ qsim illegali tal-fruntieri. L-Istati Membri madankollu, għandhom jiżguraw li t-trattament u l-livell ta’ protezzjoni ta’ dawk in-nies jissodisfaw, bħala minimu, ir-regoli tal-UE dwar il-miżuri ta’ koerċizzjoni, it-tneħħija, il-kura tas-saħħa u d-detenzjoni. Fil-każijiet kollha, l-Istati Membri għandhom:
- jiżguraw li kull ritorn ta’ ċittadini mhux tal-UE ma jpoġġihomx f’periklu;
- iqisu l-aħjar interessi tal-minuri, tal-ħajja tal-familja u tas-saħħa tal-persuna kkonċernata.
Għal-liema pajjiżi tapplika d-Direttiva?
Id-Direttiva tapplika għall-Istati Membri kollha, minbarra l-Irlanda, u għall-pajjiżi taż -żona Schengen mhux tal-UE li ġejjin: l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera.
Atti ta’ implimentazzjoni u oħrajn relatati
- Il-Kummissjoni Ewropea għandha tirrapporta kull 3 snin dwar l-applikazzjoni tad-direttiva fl-Istati Membri u, jekk xieraq, tipproponi emendi.
- Ir-Regolament (UE) 2016/1953 jistabbilixxi dokument tal-ivvjaġġar Ewropew uniformi għar-ritorn ta’ ċittadini mhux tal-UE li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn). Dan id-dokument huwa validu għal vjaġġ wieħed biss sal-ħin tal-wasla fil-pajjiż tar-ritorn taċ-ċittadin mhux tal-UE soġġett għal deċiżjoni ta’ ritorn maħruġa minn Stat Membru.
- Fl-2017, il-Kummissjoni ppubblikat ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2017/432 għall-Istati Membri dwar ir-ritorni aktar effettivi fl-implimentazzjoni tad-direttiva, kif ukoll ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2017/2338 li tistabbilixxi “manwal ta’ ritorn” komuni li għandu jintuża mill-Istati Membri meta jkunu qed iwettqu l-kompiti relatati mar-ritorn. Hija pproponiet ukoll miżuri ġodda dwar il-politika ta’ ritorn fil-forma ta’ pjan ta’ azzjoni mġedded dwar ir-ritorn u sett ta’ rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri.
- Fl-2023, il-Kummissjoni adottat:
- dokument ta’ politika intitolat “Lejn strateġija operazzjonali għal ritorni aktar effettivi” u l-anness, tiegħu, il-kontribut tal-Kummissjoni għall-proċess tal-iżvilupp tal-istrateġija operazzjonali għal prospetti aktar effettivi stabbiliti fil-patt il-ġdid dwar il-migrazzjoni u l-asil;
- Ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2023/682 dwar ir-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn u t-tħaffif tar-ritorn għandha l-għan li tħaffef il-proċess ta’ ritorn billi tinkoraġġixxi lill-Istat Membru responsabbli mir-ritorn ta’ ċittadin mhux tal-UE li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment biex jirrikonoxxi b’mod reċiproku kwalunkwe deċiżjoni ta’ ritorn li nħarġet qabel lill-istess persuna minn Stat Membru ieħor, sakemm l-effett ta’ dik id-deċiżjoni ta’ ritorn ma ġiex sospiż.
MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLI?
Ir-regoli fid-direttiva kellhom jiġu trasposti fil-liġi nazzjonali sal-24 ta’ Diċembru 2010, ħlief għar-regoli dwar l-assistenza u/jew ir-rappreżentazzjoni legali mingħajr ħlas, li għaliha l-iskadenza kienet l-24 ta’ Diċembru 2011.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
Refoulement. L-att ta’ l-isfurzar tar-refuġjati jew ta’ persuni li qed ifittxu l-ażil li jirritornaw lejn pajjiż fejn aktarx se jiffaċċjaw persekuzzjoni.
DOKUMENT PRINĊIPALI
Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, pp. 98–107).
DOKUMENTI RELATATI
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/682 tas-16 ta’ Marzu 2023 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn u t-tħaffif tar-ritorni waqt l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 86, 24.3.2023, pp. 58–64).
Dokument ta’ politika: Lejn strateġija operattiva għal ritorni aktar effettivi (COM(2023) 45 final, 24.1.2023).
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil (COM(2020) 609 final, 23.9.2020).
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2338 tas-16 ta’ Novembru 2017 li tistabbilixxi “Manwal dwar ir-Ritorn” li għandu jintuża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta jkunu qed iwettqu l-kompiti relatati mar-ritorn (ĠU L 339, 19.12.2017, pp. 83–159).
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/432 tas-7 ta’ Marz 2017 u dwar ir-ritorni aktar effettivi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 66, 11.3.2017, pp. 15–21).
Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar politika aktar effettiva ta’ ritorn fl-Unjoni Ewropea — Pjan ta’ azzjoni mġedded (COM(2017) 200 final, 2.3.2017).
Ir-Regolament (UE) 2016/1953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubr 2016 u dwar l-istabbiliment ta’ dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, u li jħassar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat- 30 ta’ Novembru 1994 (ĠU L 311, 17.11.2016, pp. 13–19).
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika tar-Ritorn tal-UE (COM(2014) 199 final, 28.3.2014).
l-aħħar aġġornament 03.01.2024