EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-iżgurar ta’ kontrolli xierqa fuq l-ikel u l-għalf tal-annimali

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Ir-Regolament għandu l-għan li jiżgura li fl-Unjoni Ewropea (UE) jiġu rrispettati standards għoljin fl-ikel tal-bniedem u fl-għalf tal-annimali. Isiru kontrolli uffiċjali biex ikun verifikat li d-diversi biċċiet ta’ leġiżlazzjoni qed ikunu implimentati bis-sħiħ.

Ir-Regolament jimla l-lakuni fil-leġiżlazzjoni eżistenti billi jorganizza mill-ġdid il-kontrolli uffiċjali sabiex dawn jiġu integrati fl-istadji kollha tal-produzzjoni u fis-setturi kollha. Dan jistabbilixxi r-responsabbiltajiet kemm tal-ispetturi nazzjonali kif ukoll tal-ispetturi tal-UE. Dan għandu l-għan li jipprevjeni, jelimina jew inaqqas għal livelli aċċettabbli r-riskji għall-bnedmin u għall-annimali, li jiggarantixxi prattiki ġusti fil-kummerċ tal-ikel u tal-għalf u li jipproteġi lill-pubbliku.

PUNTI EWLENIN

  • L-awtoritajiet nazzjonali għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali, b’mod regolari u mingħajr twissija, abbażi ta’ kwalunkwe riskju identifikat, rekord ta’ konformità preċedenti tal-proprjetarju ta’ negozju u kwalunkwe tagħrif li jista’ jindika nuqqas ta’ konformità.
  • Il-kontrolli jistgħu jsiru fi kwalunkwe stadju tal-produzzjoni, tal-ipproċessar jew tad-distribuzzjoni.
  • Kull gvern tal-UE għandu jaħtar awtorità nazzjonali sabiex tkun responsabbli għall-effettività u l-indipendenza tal-kontrolli.
  • Il-gvernijiet għandhom jiżguraw li jkunu disponibbli finanzi adegwati sabiex jipprovdu r-riżorsi tal-persunal neċessarji u riżorsi oħrajn meħtieġa.
  • Il-pjanijiet ta’ kontinġenza nazzjonali għandhom ikunu fis-seħħ u operabbli f’każ li tinqala’ emerġenza u jekk jinstab li l-ikel jew l-għalf jikkawża riskju serju għall-bnedmin jew għall-annimali.
  • Il-pjanijiet ta’ kontroll nazzjonali multiannwali fihom dettalji ġenerali dwar l-istruttura u l-organizzazzjoni tas-sistemi ta’ kontroll fis-seħħ. Dawn jiġu rrapportati kull sena lill-Kummissjoni.
  • Il-pubbliku ġenerali għandu jkollu aċċess għal tagħrif dwar il-kontrolli mwettqa, apparti minn dak kopert mis-segretezza professjonali, bħal materjal kunfidenzjali u dejta personali.
  • Jiġu nnominati laboratorji speċifiċi sabiex janalizzaw il-kampjuni meħuda matul il-kontrolli.
  • Il-kontrolli japplikaw ukoll għall-importazzjonijiet tal-ikel u tal-għalf fl-UE.
  • Il-Kummissjoni Ewropea twettaq verifiki ġenerali u speċifiċi fil-pajjiżi tal-UE bil-għan li tivverifika li l-pjanijiet ta’ kontroll nazzjonali multiannwali qegħdin jiġu implimentati.
  • Ir-Regolament (UE) Nru 652/2014 jipprevedi fondi mill-baġit tal-UE li jgħinu sabiex ikopru l-ispejjeż imġarrba mill-awtoritajiet nazzjonali, minn pajjiżi terzi u minn organizzazzjonijiet internazzjonali. Is-somma għall-2014-2020 hija ta’ € 1 891 936 000.

Tħassir

Ir-Regolament huwa mħassar u sostitwit bir-Regolament (UE) 2017/625 (ara s-sommarjuInfurzar tar-regoli tal-UE għall-katina agroalimentari) mill-14 ta’ Diċembru 2019.

MINN META JIBDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-20 ta’ Mejju 2004.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, mar-regoli dwar s-saħħa ta’ l-annimali u l-welfare ta’ l-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1-141)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 882/2004 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 19.06.2015

Top