EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Valutazzjoni tal-effetti tal-proġetti fuq l-ambjent (VIA)

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 2011/92/UE dwar il-valutazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Magħruf bħala d-Direttiva VIA, id-direttiva għandha l-għan li tiżgura:

  • livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali;
  • kunsiderazzjonijiet ambjentali huma integrati fil-preparazzjoni u l-awtorizzazzjoni tal-proġetti.

Dan l-għan jinkiseb billi jiġi żgurat li titwettaq valutazzjoni ambjentali ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati ​​elenkati fl-Annessi I u II tad-direttiva (ajruporti, installazzjonijiet nukleari, ferroviji, toroq, installazzjonijiet għar-rimi tal-iskart, impjanti tat-trattament tal-ilma mormi, eċċ.).

Id-Direttiva VIA tapplika għal firxa wiesgħa ta’ proġetti pubbliċi u privati.

PUNTI EWLENIN

Id-Direttiva 2011/92/UE tiddefinixxi l-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali (VIA) li jiżgura li l-proġetti li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent jiġu soġġetti għal valutazzjoni, qabel l-awtorizzazzjoni tagħhom.

Il-leġiżlazzjoni emendatorja (id-Direttiva 2014/52/UE) ġiet adottata fl-2014. F’konformità mal-ispinta għal regolamentazzjoni aktar intelliġenti, hija:

  • tgħin biex tnaqqas il-piż amministrattiv;
  • ittejjeb il-livell ta’ protezzjoni ambjentali biex tippermetti deċiżjonijiet tan-negozju aktar sodi, iktar prevedibbli u sostenibbli fuq investimenti pubbliċi u privati;
  • tqis it-theddid u l-isfidi li ħarġu minn meta r-regoli oriġinali daħlu fis-seħħ 30 sena ilu. Dan ifisser li tingħata aktar attenzjoni lil aspetti bħall-effiċjenza tar-riżorsi, il-bidla fil-klima u l-prevenzjoni tad-diżastri, li issa huma riflessi aħjar fil-proċess ta’ valutazzjoni.

L-emendi ewlenin huma:

  • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jissimplifikaw il-proċeduri differenti tagħhom ta’ valutazzjoni ambjentali.
  • Ġew introdotti skedi ta’ żmien għall-istadji differenti tal-valutazzjonijiet ambjentali.
  • Il-proċedura ta’ skrinjar, li tiddetermina jekk hijiex meħtieġa VIA, hija simplifikata.
  • Id-deċiżjonijiet għandhom ikunu debitament motivati fid-dawl tal-kriterji aġġornati ta’ skrinjar.
  • Ir-rapporti tal-VIA għandhom ikunu jinftiehmu aħjar għall-pubbliku, speċjalment fir-rigward tal-valutazzjonijiet tal-istat attwali tal-ambjent u alternattivi għall-proġett inkwistjoni.
  • Il-kwalità u l-kontenut tar-rapporti huma mtejba. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ukoll jippruvaw l-oġġettività tagħhom biex jevitaw konflitti ta’ interess.
  • Ir-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tal-kunsens għall-iżvilupp* għandhom ikunu ċari u aktar trasparenti għall-pubbliku.
  • Jekk il-proġetti jinvolvu effetti negattivi sinifikanti fuq l-ambjent, l-iżviluppaturi huma obbligati li jevitaw, jipprevjenu jew inaqqsu dawk l-effetti. Dawn il-proġetti għandhom jiġu mmonitorjati.

Il-proċess tal-VIA

Il-proċess tal-VIA jopera kif ġej:

  • l-iżviluppatur tal-proġett jista’ jitlob lill-awtorità kompetenti biex tispeċifika dak li għandu jkun kopert mill-informazzjoni tal-VIA li għandha tiġi pprovduta (stadju tad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni);
  • l-iżviluppatur għandu jipprovdi informazzjoni dwar l-impatt ambjentali (fil-forma ta’ rapport tal-VIA abbozzat skont l-Anness IV tad-direttiva);
  • l-awtoritajiet ambjentali u l-pubbliku, kif ukoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali (kif ukoll kwalunkwe pajjiżi tal-UE li huma affettwati) għandhom ikunu infurmati u kkonsultati;
  • l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li tqis ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet; din id-deċiżjoni tinkludi wkoll konklużjoni raġunata dwar l-effetti sinifikanti tal-proġett;
  • l-awtorità tinforma lill-pubbliku bid-deċiżjoni tagħha;
  • Il-pubbliku jista’ jikkontesta d-deċiżjoni quddiem il-qrati.

Konsultazzjonijiet pubbliċi

Il-konsultazzjoni mal-pubbliku hija karatteristika ewlenija tal-proċess tal-VIA. Biex tkun żgurata parteċipazzjoni pubblika effettiva, ir-rapport tal-VIA u informazzjoni oħra għandhom jiġu pprovduti kmieni kemm jista’ jkun. Dan jista’ jsir b’mod elettroniku, b’avviżi pubbliċi, twaħħil ta’ avviżi jew permezz tal-gazzetti lokali.

Responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali

L-awtoritajiet għandhom jiddeċiedu fi żmien raġonevoli jekk japprovawx il-proġett jew le. Għandhom jagħmlu disponibbli lill-pubbliku, kif ukoll lill-korpi ambjentali, lokali u reġjonali, il-kontenut ta’ deċiżjoni pożittiva, inklużi r-raġunijiet ewlenin għall-approvazzjoni tagħhom u kwalunkwe kondizzjonijiet ambjentali jew kondizzjonijiet oħra li huma jorbtu magħhom. Jekk jirrifjutaw il-kunsens għall-iżvilupp, għandhom jispjegaw għaliex.

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jistabbilixxu kundizzjonijiet aktar stretti u jiffissaw penali għal kwalunkwe ksur.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Id-Direttiva 2011/92/UE ilha tapplika mis- 17 ta’ Frar 2012. Din tikkodifika 4 direttivi preċedenti (85/337/KEE, 97/11/KE, 2003/35/KE and 2009/31/KE) li l-ewwel waħda saret liġi fil-pajjiżi tal-UE fit-3 ta’ Lulju 1988.

L-emenda tad-Direttiva 2014/52/UE ilha tapplika mill-25 ta’ April 2014 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sas- 16 ta’ Mejju 2017.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Deċiżjoni tal-kunsens għall-iżvilupp: deċiżjoni mill-awtoritajiet kompetenti biex japprovaw proġett.

DOKUMENT EWLIENI

Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-valutazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (kodifikazzjoni) (ĠU L 26, 28.1.2012, pp. 1-21)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2011/92/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss

l-aħħar aġġornament 23.07.2018

Top