EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Politika industrijali integrata għall-era ta’ globalizzazzjoni

L-industrija hija fil-qalba tal-mudell ta’ tkabbir il-ġdid għall-ekonomija tal-UE kif ġie stipulat fl-Istrateġija Ewropa 2020. Għaldaqstant, din il-komunikazzjoni tipproponi approċċ ġdid għall-politika industrijali li sejjer isaħħaħ il-kompetittività tal-UE, jipprovdi tkabbir u impjiegi, u jippermetti li ssir it-tranżizzjoni għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.

ATT

Komunikazzjoni tat-28 ta’ Novembru 2010 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni Il-Kompetittività u s-Sostenibilità fix-Xena Prinċipali (COM (2010) 614 finali - mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

SOMMARJU

Din il-komunikazzjoni tipproponi approċċ ġdid għall-politika industrijali, billi tqiegħed fil-qalba l-kompetittività u s-sostenibilità tal-industrija tal-Unjoni Ewropea (UE). Għal dan il-għan, huwa importanti li wieħed jikkunsidra l-politika industrijali fis-sens usa’ tagħha, inklużi dawk il-politiki li jħallu impatt fuq l-ispejjeż, il-prezz u l-kompetittività innovattiva tal-industrija u s-setturi individwali, iżda anki billi jiġu kkunsidrati l-effetti tal-kompetittività tal-inizjattivi politiċi kollha l-oħrajn li jista’ jkollhom influwenza importanti fuq l-ispejjeż, il-prezz u l-kompetittività innovattiva. Dan ma jinkludix biss il-politiki tas-suq uniku u tal-kummerċ, iżda anki l-politiki tat-trasport, tal-enerġija, tal-ambjent jew tal-protezzjoni soċjali u tal-konsumaturi.

L-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni lejn il-politika industrijali huwa kkaratterizzat minn dan li ġej:

  • jibqa’ jiġi applikat approċċ imfassal b’mod speċifiku għas-setturi kollha u, fl-istess ħin, jiġu kkoordinati r-risponsi politiċi Ewropej hekk kif gradwalment qed jgħib il-kunċett ta’ setturi nazzjonali fil-kuntest tal-globalizzazzjoni;
  • jiġu kkunsidrati kemm il-valur sħiħ kif ukoll il-katina tal-provvista, mill-aċċess għall-enerġija u l-materja prima għas-servizz ta’ wara l-bejgħ u r-riċiklaġġ tal-materjali. Hekk kif ċerti partijiet ta’ din il-katina jaqgħu barra mill-UE, l-industriji kollha jrid ikollhom rifless ta’ globalizzazzjoni;
  • rapportar regolari mill-Kummissjoni dwar il-kompetittività u l-politiki u l-prestazzjoni industrijali tal-UE u tal-pajjiżi tal-UE.

Il-politiki tal-UE jridu jaħdmu kollha flimkien fl-istess direzzjoni sabiex jipprovdu l-aħjar kundizzjonijiet ta' qafas għall-industrija fl-Ewropa. Għaldaqstant, fi ħdan il-qafas tal-proċess ta’ valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni żviluppat verifika tal-kompetittività, jiġifieri, kunsiderazzjoni speċjali tal-kompetittività industrijali li għandha tiġi applikata fl-oqsma politiċi kollha. B’mod parallel, huma proposti verifiki speċifiċi tal-rendiment sabiex jiġi żgurat li l-effett kumulattiv tal-leġiżlazzjoni eżistenti ma jkunx ta’ piż għall-industrjia.

L-innovazzjoni hija xprun ewlieni għall-produttività, l-effiċjenza miżjuda fl-użu tal-enerġija u tal-materjali, il-prestazzjoni mtejba tal-prodotti u s-servizzi u l-ġenerazzjoni ta’ swieq ġodda. Politika tal-innovazzjoni industrijali ġdida sejra tkun qed tħeġġeġ l-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni mħeffa tal-prodotti u s-servizzi, u tiżgura li d-ditti tal-UE jkunu minn ta’ quddiem fis-suq globali, u b’hekk tiżdied il-kompetittività tagħhom. Teknoloġiji implimentattivi ewlenin jistgħu jipprovdu l-pedament għal firxa ta’ proċessi u prodotti u servizzi ġodda, inkluż l-iżvilupp ta’ industriji ġodda fil-ġejjieni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li jiġu promossi ulterjorment l-iskjerament u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ teknoloġiji ewlenin ta’ appoġġ.

Il-modernizzazzjoni tal-bażi tal-ħiliet tal-Ewropa sejra tappoġġja l-bażi industrijali tal-Ewropa billi ttejjeb il-funzjonament tas-swieq tax-xogħol tal-UE u tiżgura li l-forza tax-xogħol tal-UE jkollha l-ħiliet xierqa. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni sejra tħeġġeġ l-iffurmar ta’ netwerking tal-parteċipanti relevanti sabiex jaqsmu t-tagħrif u l-aħjar prattiki bejn il-pajjiżi tal-UE u jipproponu prinċipji ta’ gwida dwar il-kundizzjonijiet qafas għall-ħolqien tal-impjiegi.

Sabiex jinkisbu l-aqwa benefiċċji tal-globalizzazzjoni, il-Kummissjoni sejra tiżviluppa inizjattivi regolatorji internazzjonali bil-għan li tiżviluppa regoli u standards kompatibbli fuq livell globali u sejra tipprova tikseb integrazzjoni ekonomika aktar mill-qrib mal-pajjiżi ġirien tal-UE billi testendi l-benefiċċji tas-suq uniku Ewropew f’oqsma magħżula permezz tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Din il-komunikazzjoni tagħraf anki l-isfidi li l-SMEs iħabbtu wiċċhom magħhom meta jsiru internazzjonali; fi tmiem l-2011, ġiet imnedija strateġija għall-internalizzazzjoni tal-SMEs. Il-forniment tat-tagħrif xieraq u appoġġ supplementari lill-SMEs fis-swieq barra l-UE huwa fost il-prijoritajiet ewlenin.

Din il-komunikazzjoni tirrikonoxxi li l-industrija tal-UE trid tħaffef it-tranżizzjoni tagħha għal ekonomija b’livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u l-enerġija, li tista’ twassal għal tnaqqis fl-ispejjeż u impatt iżgħar fuq l-ambjent. Fl-20 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea nediet il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi li jipprovdi qafas sabiex tinkiseb il-firda ambizzjuża tal-użu tal-karbonju u tar-riżorsi mit-tkabbir ekonomiku. B’konformità mal-pjan direzzjonali tal-UE għal ekonomija b’livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju sal-2050, il-Kummissjoni sejra tiżviluppa strateġiji u politiki industrijali u settorjali fit-tul meħtieġa sabiex jassistu t-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u l-enerġija.

Il-komunikazzjoni teħtieġ governanza aktar effettiva tal-politika industrijali b’koordinazzjoni u kooperazzjoni akbar bejn il-pajjiżi tal-UE. Il-Komunikazzjoni tal-2011 Industrial Policy: Reinforce Competitiveness tal-14 ta’ Ottubru 2011 issegwi dan l-aspett tal-politika.

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Industrija Ewropea Aktar B’saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku Aġġornament tal-Komunikazzjoni dwar il-Politika Industrijali [ COM (2012) 582 final tal-10.10.2012 - mhux ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali].

Din il-komunikazzjoni tenfasizza l-ħtieġa li jiżdied l-investiment f'teknoloġiji ġodda sabiex l-Ewropa tingħata vantaġġ kompetittiv fir-rivoluzzjoni industrijali l-ġdida. Tistabbilixxi mira ta' 20% bħala s-sehem tal-manifattura tal-PDG tal-UE sal-2020. Biex tintlaħaq din il-mira, il-Kummissjoni tipproponi fokus konġunt, mal-pajjiżi membri tal-UE u l-industrija fuq l-investiment u l-innovazzjoni fuq 6 linji ta' azzjoni prijoritarji: teknoloġija avvanzata fil-manifattura, teknoloġiji implimentattivi ewlenin, prodotti fuq bażi bio, politika sostenibbli dwar l-industrija u l-kostruzzjoni u l-materja prima, vetturi nodfa, grids intelliġenti. Se jkun hemm task forces li sejrin jidderieġu t-triq għal kull linja ta' azzjoni.

Tisħaq ukoll fuq il-ħtieġa li jkun hemm kundizzjonijiet tas-suq aħjar: aċċess imtejjeb għas-suq intern, kif ukoll għas-swieq internazzjonali jgħin fl-irkupru tat-tkabbir ekonomiku. Azzjonijiet imbassra jinkludu t-tħaddin tal-intraprenditorija, użu akbar tal-istandardizzazzjoni, il-protezzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, it-titjib tal-aċċess għall-materja prima, aċċess aħjar għall-finanzi u l-kapital u investiment akbar fil-kapital uman.

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew [ COM(2014) 14 final tat-22.1.2014 - mhux ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali].

Din il-komunikazzjoni tisħaq fuq l-importanza tal-industrija li tiżgura l-felħan ekonomiku. Minħabba li fis-sajf 2013, il-kontribuzzjoni tal-manifattura għall-PDG tal-UE waqgħet għal 15.1%, hija tenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tal-Ewropa.

Dan jista' jintlaħaq b'diversi modi fosthom:

  • l-iżviluppar tal-infrastrutturi neċessarji;
  • li jiġi offrut qafas regolatorju ssimplifikat sabiex jiġu mħeġġin l-intraprenditorija u l-innovazzjoni;
  • integrazzjoni aħjar tas-swieq kapitali;
  • taħriġ fil-ħiliet;
  • enerġija affordabbli u materja prima;
  • l-integrazzjoni progressiva tad-ditti, b'mod speċjali SMEs, fil-ktajjen tal-valur globali, u
  • aktar self għal proġetti innovattivi u industrijali.

L-aħħar aġġornament: 17.06.2014

Top