EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Pjan SET għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju

Bħala parti mill-istrateġija tagħha biex tiżviluppa ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, l-Unjoni Ewropea (UE) stabbilixxiet għaliha nnifisha miri għall-klima u l-enerġija għall-2020. It-teknoloġija tista’ taqdi rwol ewlieni biex jintlaħqu dawk l-objettivi. Il-Pjan SET huwa l-pilastru teknoloġiku tal-politika tal-enerġija u tal-klima tal-UE.

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni L-Investiment fl-Iżvilupp ta’ Teknoloġiji b’livell baxx ta’ Karbonju (SET-Plan) (KUMM(2009) 519 finali tas-7 ta’ Ottubru 2009).

SOMMARJU

X’JAGĦMEL IL-PJAN?

Il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija (Pjan SET) għandu l-għan li jagħti spinta lill-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju sal-2020. Dan jippromwovi l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE, il-kumpaniji u l-istituzzjonijiet tar-riċerka, li bil-ġbir flimkien tal-ħiliet u l-faċilitajiet jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż. Jgħin ukoll fil-finanzjament ta' proġetti.

PUNTI EWLENIN

  • Jeżistu inizjattivi industrijali Ewropej għal diversi forom ta’ enerġija. Il-perċentwal ta’ elettriku li jistgħu jipproduċu sal-2020 huwa mogħti fil-parentesi: riħ (20 %), solari (15 %), bijoenerġija (14 %).
  • L-Inizjattiva Ewropea dwar in-netwerk tal-elettriku hija mfassla sabiex tippermetti li 50 % tan-netwerks fl-Ewropa jintegraw l-enerġiji rinnovabbli u jlaqqgħu l-provvista mad-domanda b’mod effettiv sal-2020.
  • L-inizjattiva tal-qbid u l-ħżin tal-karbonju għandha l-għan li tagħmel it-teknoloġiji involuti kummerċjalment vijabbli.
  • L-Inizjattiva għall-enerġija mill-fissjoni nukleari sostenibbli qed tfittex li jkollha l-ewwel prototipi tal-Ġenerazzjoni IV joperaw sal-2020.
  • L-inizjattiva għall-effiċjenza fl-enerġija għandha tiżgura li 25 sa 30 belt“intelliġenti” (jiġifieri bliet li jużaw teknoloġiji diġitali li jippermettulhom joffru servizzi pubbliċi aħjar għaċ-ċittadini, użu aħjar tar-riżorsi b’inqas impatt fuq l-ambjent), jieħdu rwol ta’ tmexxija fil-bidla lejn futur b’livell baxx ta’ karbonju.
  • L-Alleanza Ewropea għar-Riċerka dwar l-Enerġija tippromwovi kooperazzjoni kkoordinata bejn l-istituti tar-riċerka nazzjonali fuq programmi konġunti. Din hija akkumpanjata minn azzjonijiet biex jinħolqu poli tax-xjenza u tar-riċerka.
  • Il-Kummissjoni qed tinvestiga għażliet oħra ta’ teknoloġija bħall-enerġija rinnovabbli lil hinn mix-xtut (bħall-enerġija mir-riħ, mill-marea, ġeneraturi, eċċ.), il-ħażna tal-enerġija, it-tisħin u t-tkessiħ rinnovabbli. Fil-qasam nukleari, qed tindirizza sfidi ta’ estensjoni tal-ħajja ta’ faċilitajiet u r-rimi ta’ skart nukleari.
  • L-UE qed tikkoopera attivament ma’ ħafna mill-imsieħba internazzjonali tagħha, pereżempju l-Forum Strateġiku għall-Kooperazzjoni Internazzjonali dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija.

Għal aktar informazzjoni ara l-websajt tal-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija.

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: It-Teknoloġiji u l-Innovazzjoni fil-qasam tal-Enerġija (COM(2013) 253 final tat-2.5.2013).

l-aħħar aġġornament 05.08.2015

Top