EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-kwalità tal-ilma għall-għawm

 

SOMMARJU TA’

Id-Direttiva 2006/7/KE dwar l-immaniġġjar tal-kwalità tal-ilma għall-għawm

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Id-Direttiva dwar l-Ilma għall-Għawm tfittex li tiżgura li

  • tiġi mmonitorjata l-kwalità tal-ilma għall-għawm;
  • jiġu introdotti miżuri ta’ ġestjoni mtejba; u
  • l-informazzjoni ssir disponibbli għall-pubbliku.

PUNTI EWLENIN

  • L-Unjoni Ewropea (UE) hija impenjata biex tipproteġi l-kwalità tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. Għalhekk, din id-Direttiva ssaħħaħ ir-regoli li jiggarantixxu l-kwalità tal-ilma għall-għawm. Din tissupplimenta d-Direttiva 2000/60/KE (ara s-sommarju) dwar il-protezzjoni u l-immaniġġjar tal-ilma.
  • Id-Direttiva ma tapplikax għall-pixxini jew għall-pixxini tal-ispas, jew għall-ilmijiet magħluqa, maħluqa b’mod artifiċjali, li jiġu soġġetti għal trattamenti jew li jintużaw għal għanijiet terapewtiċi.

Il-monitoraġġ tal-ilma għall-għawm

  • Kull sena, il-pajjiżi tal-UE għandhom jidentifikaw l-ilmijiet għall-għawm fit-territorju tagħhom u jiddefinixxu t-tul tal-istaġun tal-għawm.
  • Dawn għandhom jistabbilixxu l-monitoraġġ tal-post li l-aktar jintuża mill-għawwiema jew fejn hemm l-akbar riskju ta’ tniġġis. Il-monitoraġġ għandu jsir permezz ta’ kampjunar:
    • tal-inqas 4 kampjuni, inkluż 1 qabel il-bidu tal-istaġun tal-għawm;
    • 3 kampjuni biss jekk l-istaġun tal-għawm ma jaqbiżx 8 ġimgħat jew jekk ir-reġjun ikun soġġett għal restrizzjonijiet ġeografiċi speċjali biss.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jikkomunikaw ir-riżultati tal-monitoraġġ tagħhom lill-Kummissjoni Ewropea b’deskrizzjoni tal-miżuri tal-immaniġġjar tal-kwalità tal-ilma. Il-monitoraġġ jista’ jiġi sospiż b’mod eċċezzjonali ladarba l-Kummissjoni tkun ġiet infurmata.

Id-determinazzjoni tal-kwalità tal-ilma għall-għawm

  • Il-kwalità tal-ilma tiġi vvalutata abbażi ta’ data mikrobijoloġika definita f’konformità mal-parametri stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva. Il-klassifikazzjoni tal-ilmijiet ta’ kwalità ħażina, suffiċjenti, tajba jew eċċellenti tiġi stabbilita f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva.
  • Skont id-Direttiva, sal-aħħar tal-istaġun tal-għawm tal-2015, l-ilmijiet għall-għawm kollha fl-UE kellhom ikunu tal-inqas ta’ kwalità suffiċjenti. Barra minn hekk, il-pajjiżi tal-UE għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex itejbu n-numru ta’ ilmijiet għall-għawm ta’ kwalità tajba jew eċċellenti.
  • Jekk il-kwalità tkun ħażina, il-pajjiżi tal-UE għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji biex jimmaniġġjaw u jeliminaw it-tniġġis, u biex jipproteġu u jinfurmaw lill-għawwiema.

Il-profil tal-ilma għall-għawm

  • Id-Direttiva tipprevedi profili għal kull ilma għall-għawm. Dawn jistgħu jkopru sit individwali wieħed jew aktar minn ilma għall-għawm wieħed kontigwu. B’mod partikolari, dawn jinkludu valutazzjoni ta’:
    • il-karatteristiċi fiżiċi, ġeografiċi u idroloġiċi tal-ilma għall-għawm u ta’ ilmijiet oħra tal-wiċċ fil-magħqad tal-ilma;
    • it-tniġġis u s-sorsi tiegħu;
    • il-miżuri ta’ mmaniġġjar.
  • Il-profili tal-ilma għall-għawm għandom jiġu rieżaminati u aġġornati skont kif previst fl-Anness III tad-Direttiva.

Miżuri eċċezzjonali

  • Il-pajjiżi tal-UE għandom jadottaw miżuri eċċezzjonali jekk sitwazzjonijiet mhux mistennija jiddeterjoraw il-kwalità tal-ilmijiet jew jirrappreżentaw riskju għas-saħħa tal-għawwiema.
  • Għandu jiġi implimentat ukoll monitoraġġ xieraq jekk ikun hemm riskju ta’ proliferazzjoni tal-alka. Għalhekk, l-awtoritajiet responsabbli għandhom:
    • jieħdu miżuri ta’ mmaniġġjar u jipprovdu informazzjoni immedjatament jekk ikun hemm proliferazzjoni ta’ ċjanobatterji (jew “alka kaħlanija”);
    • jivvalutaw ir-riskji tas-saħħa jekk ikun hemm proliferazzjoni ta’ makroalga u/jew fitoplankton tal-baħar.

Ilmijiet transkonfinali

Jekk baċin tax-xmara jkun jestendi fuq diversi territorji, il-pajjiżi tal-UE għandhom jiskambjaw informazzjoni u jieħdu azzjoni konġunta.

Informazzjoni lill-pubbliku

  • L-awtoritajiet nazzjonali għandhom iħallu lill-pubbliku jikseb informazzjoni u jipparteċipa fl-immaniġġjar tal-kwalità tal-ilma. Għalhekk, iċ-ċittadini jistgħu jgħaddu suġġerimenti, kummenti jew ilmenti. Dawn jistgħu wkoll jipparteċipaw fl-istabbiliment, fir-rieżami u fl-aġġornament ta’ listi tal-kwalità tal-ilma.
  • Barra minn hekk, il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li l-informazzjoni adegwata tinxtered b’mod attiv u li din tkun disponibbli faċilment matul l-istaġun tal-għawm. B’mod partikolari, dan jittratta:
    • il-klassifikazzjoni tal-ilma, projbizzjonijiet jew pariri kontra l-għawm;
    • deskrizzjoni ġenerali tal-ilma b’lingwaġġ mhux tekniku;
    • deskrizzjoni tan-natura u durata tat-tniġġis.
  • Id-Direttiva 2013/64/UE temenda d-Direttiva 2006/7/KE wara l-emendar tal-istatus ta’ Mayotte fir-rigward tal-UE. Franza hija l-unika destinatarja.
  • Id-Direttiva 2006/7/KE ħassret u ssostitwiet id-Direttiva 76/160/KEE fil-31 ta’ Diċembru 2014.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mill-24 ta’ Marzu 2006 u kellha ssir liġi fl-Istati Membri sal-24 ta’ Marzu 2008.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2006/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2006 dwar l-immaniġġjar tal-kwalità tal-ilma għall-għawm u li tħassar id-Direttiva 76/160/KEE (ĠU L 64,4.3.2006, pp. 37-51)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2006/7/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1583 tal-1 ta’ Settembru 2017 li tispeċifika, skont id-Direttiva 2006/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil, EN ISO 17994:2014 bħala l-istandard dwar l-ekwivalenza ta’ metodi mikrobijoloġiċi (ĠU L 239, 19.9.2017, pp. 34-35)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/321/UE tas-27 ta’ Mejju 2011 tistabbilixxi, skont id-Direttiva 2006/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, simbolu sabiex il-pubbliku jkun infurmat dwar il-klassifikazzjoni tal-ilma għall-għawm u kwalunkwe projbizzjoni tal-għawm jew parir kontra l-għawm (ĠU L 143, 31.5.2011, pp. 38-40)

l-aħħar aġġornament 26.08.2021

Top