EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-post tax-Xogħol (ACSH)

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Deċiżjoni (2003/C 218/01) li tistabbilixxi Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

Din tistabbilixxi Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, korp konsultattiv tripartitiku li l-mandat tiegħu huwa li jassisti lill-Kummissjoni Ewropea fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet meħuda fil-qasam tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol u li jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem.

PUNTI EWLENIN

Il-kumitat, stabbilit biex jissimplifika l-proċess ta’ konsultazzjoni fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, ikopri s-setturi pubbliċi u privati kollha tal-ekonomija. Il-kompiti ewlenin tiegħu jikkonsistu:

  • fl-għoti ta’ opinjonijiet dwar l-inizjattivi tal-Unjoni Ewropea (UE) fil-qasam tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol (leġiżlazzjoni ġdida, programmi tal-UE, eċċ.);
  • fil-kontribut proattiv biex jiġu identifikati l-prijoritajiet fil-livell tal-UE u jiġu stabbiliti l-istrateġiji ta’ politika rilevanti;
  • fl-inkoraġġiment ta’ skambji ta’ fehmiet u esperjenza (interfaċċja bejn il-livell nazzjonali u dak tal-UE).

Il-kumitat huwa magħmul minn tliet membri sħaħ minn kull pajjiż tal-UE:

  • rappreżentant tal-gvern wieħed,
  • rappreżentant ta’ trade unions u
  • rappreżentant wieħed tal-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, maħtura mill-Kunsill għal terminu ta’ 3 snin.

3 gruppi ta’ interess huma stabbiliti b’mod korrispondenti fi ħdan il-kumitat. Kull grupp ta’ interess jagħżel wieħed mill-membri tiegħu biex ikun il-kelliem u jaħtar koordinatur.

Il-kumitat huwa ppresedut minn Direttur-Ġenerali responsabbli għall-politika soċjali fil-Kummissjoni. Dan jiltaqa’ darbtejn fis-sena f’sessjoni plenarja. Il-Kummissjoni (id-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni) tipprovdi servizzi segretarjali għall-kumitat.

Il-modus operandi tal-kumitat huwa rregolat mir-regoli ta’ proċedura (RP) tiegħu, li l-kumitat adotta fit-18 ta’ Novembru 2004 fuq il-bażi ta’ opinjoni favorevoli tal-Kummissjoni.

Ir-RP jiddefinixxu wkoll il-proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li għandhom jiġu segwiti għall-adozzjoni ta’ kwalunkwe pożizzjoni uffiċjali mill-kumitat. Il-proċeduri possibbli huma:

  • il-proċedura ordinarja ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, applikata f’laqgħat plenarji. F’dan il-kuntest, opinjoni jew deċiżjoni tista’:
    • jew tiġi adottata b’mod unanimu, meta l-kelliema tat-tliet gruppi ta’ interess jesprimu qbil komplut dwar il-kwistjoni li qed tiġi diskussa,
    • jew tiġi adottata minn maġġoranza assoluta ta’ voti, jekk ma jintlaħaqx ftehim unanimu;
  • il-proċedura rapida għat-teħid ta’ deċiżjonijiet, applikata permezz ta’ proċedura bil-miktub (maġġoranza assoluta meħtieġa).

L-opinjonijiet adottati mill-kumitat ma humiex vinkolanti fuq il-Kummissjoni.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mill-1 ta' Jannar 2004.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2003 li tistabbilixxi Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (2003/C 218/01) (ĠU C 218, 13.9.2003, p. 1–4)

DOKUMENTI RELATATI

Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-Abbozz tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (COM(2004) 756 finali, 17.11.2004)

l-aħħar aġġornament 30.11.2016

Top