EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Infurmar tal-impjegati dwar il-kundizzjoniijet tax-xogħol tagħhom

Fl-Unjoni Ewropea (UE), hemm rekwiżit ġenerali li kull impjegatur għandu jagħti lil impjegat dokument li jkun fih l-elementi essenzjali tal-kuntratt ta' impjieg jew tar-relazzjoni tal-impjieg.

ATT

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE tal-14 ta' Ottubru 1991 dwar l-obbligazzjoni ta' min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg.

SOMMARJU

Fl-Unjoni Ewropea (UE), hemm rekwiżit ġenerali li kull impjegatur għandu jagħti lil impjegat dokument li jkun fih l-elementi essenzjali tal-kuntratt ta' impjieg jew tar-relazzjoni tal-impjieg.

X'TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Tiżgura li l-impjegaturi jipprovdu lill-impjegati b'ċerta informazzjoni essenzjali, bħal:

  • l-identità tal-partijiet u l-post tax-xogħol;
  • in-natura tal-impjieg;
  • id-data tal-bidu tal-kuntratt u t-tul tiegħu;
  • l-ammont tal-paga;
  • is-sigħat normali tax-xogħol;
  • il-ftehimiet kollettivi li jirregolaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegat.

Id-Direttiva ma tapplikax għal impjegati b'kuntratt ta' inqas minn 1 xahar jew b'ġimgħa ta' xogħol ta' inqas minn 8 sigħat.

PUNTI EWLENIN

L-impjegatur għandu jagħti dokument lill-impjegat li jkun fih l-informazzjoni meħtieġa fi żmien xahrejn mill-bidu tal-impjieg.

Il-liġijiet nazzjonali ta' kull pajjiż tal-UE jiddeċiedu jekk jeżistix kuntratt ta' impjieg u jekk dan huwa minnu, x'inhuma t-termini ta' dak il-kuntratt. Id-definizzjoni tat-termini “impjegat”, “kuntratt” u “relazzjoni ta' impjieg” titħalla għaldaqstant f'idejn il-leġislazzjoni nazzjonali.

Meta impjegatur ikun jeħtieġ li impjegat jaħdem f'pajjiż tal-UE differenti (“impjegat espatrijat”), huwa għandu jagħti lill-impjegat id-dokument li jkun fih l-informazzjoni meħtieġa qabel it-tluq. Dak id-dokument għandu jistabbilixxi ċerta informazzjoni addizzjonali, bħall-munita tal-pagament u t-tul tal-impjieg. Dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx meta t-tul tal-impjieg barra jkun ta' xahar wieħed jew inqas.

L-impjegatur għandu jagħti dokument bil-miktub lill-impjegat fi żmien xahar minn kwalunkwe bidla fiċ-ċirkustanzi.

Id-Direttiva ma timpedixxix lill-pajjiżi tal-UE milli jintroduċu liġijiet li huma aktar favorevoli għall-impjegat.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Mit-30 ta' Ġunju 1993.

SFOND

Forom ġodda ta' xogħol wasslu għal żieda fin-numru ta' tipi ta' relazzjoni ta' impjieg. Id-direttiva għandha l-għan li tipprovdi lill-impjegati bi protezzjoni mtejba sabiex tiġi evitata insikurezza fir-rigward tat-termini tar-relazzjoni ta' impjieg u sabiex tinħoloq aktar trasparenza fis-suq tax-xogħol.

Għal aktar tagħrif, ara s-sit elettroniku tal-ġustizzja elettronika Ewropea fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

Direttiva 91/533/KEE

28.10.1991

30.6.1993

ĠU L 288 tat-18.10.1991, pp. 32-35

ATTI RELATATI

Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/51/UE tat-28 ta' Jannar 2014 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar ix-xogħol diċenti għall-ħaddiema domestiċi, 2011, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (il-Konvenzjoni Nru 189) (ĠU L 32, 1.2.2014, pp. 32-32).

l-aħħar aġġornament 23.07.2015

Top