EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1469

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1469 tal-11 ta' Awwissu 2017 li jistabbilixxi format ta' preżentazzjoni standardizzat għad-dokument ta' informazzjoni dwar il-prodotti tal-assigurazzjoni (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/5544

OJ L 209, 12.8.2017, p. 19–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1469/oj

12.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 209/19


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1469

tal-11 ta' Awwissu 2017

li jistabbilixxi format ta' preżentazzjoni standardizzat għad-dokument ta' informazzjoni dwar il-prodotti tal-assigurazzjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 20(9) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2016/97 tobbliga manifatturi ta' prodotti ta' assigurazzjoni mhux tal-ħajja, kif elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), ifasslu dokument ta' informazzjoni standardizzat dwar il-prodotti tal-assigurazzjoni sabiex il-konsumaturi jiġu pprovduti bl-informazzjoni meħtieġa dwar il-prodotti ta' assigurazzjoni mhux tal-ħajja kif elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2009/138/KE, sabiex il-konsumatur ikun jista' jieħu deċiżjoni informata.

(2)

L-Artikolu 20(8) tad-Direttiva (UE) 2016/97 jispeċifika liema informazzjoni jenħtieġ li tiġi inkluża fid-dokument ta' informazzjoni dwar il-prodotti tal-assigurazzjoni.

(3)

Sabiex il-konsumaturi jiġu pprovduti b'informazzjoni dwar il-prodott li tkun tista' tinqara, tinftiehem u tiġi mqabbla faċilment, jenħtieġ li jintużaw disinn, struttura u format komuni meta l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 20(8) tad-Direttiva (UE) 2016/97 tiġi ppreżentata fid-dokument ta' informazzjoni standarizzat dwar il-prodotti ta' assigurazzjoni msemmi fl-Artikolu 20(5) ta' din id-Direttiva, inkluż bl-użu ta' ikoni u simboli. Bl-istess mod, l-informazzjoni dwar is-supplimentazzjonijiet (add-ons) u l-koperturi fakultattivi, jekk ikun hemm, ma għandhiex tiġi preċeduta b'tikks, slaleb jew punti esklamattivi u l-informazzjoni li trid tiġi inkluża fid-dokument ta' informazzjoni dwar il-prodotti tal-assigurazzjoni għandha tokkupa normalment żewġ naħat ta' karta A4, iżda fl-ebda każ ma għandha taqbeż tliet naħat ta' karta A4.

(4)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni li ġie ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA).

(5)

F'konformità mal-Artikolu 20(9) tad-Direttiva (UE) 2016/97, l-EIOPA wettqet ittestjar tal-konsumaturi tad-dokument tal-informazzjoni standardizzat dwar il-prodotti tal-assigurazzjoni u kkonsultat l-awtoritajiet nazzjonali. L-EIOPA wettqet ukoll konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implementazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tas-Settur tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Isem u logo tal-kumpanija tal-manifattur

1.   L-isem tal-manifattur tal-prodott ta' assigurazzjoni mhux tal-ħajja, l-Istat Membru fejn hu rreġistrat dak il-manifattur, l-istatus regolatorju tiegħu u, meta jkun rilevanti, in-numru ta' awtorizzazzjoni tiegħu għandu jiġi eżattament wara t-titolu “dokument ta' informazzjoni dwar il-prodotti tal-assigurazzjoni” li jinsab fuq nett fl-ewwel paġna.

2.   Il-manifattur jista' jdaħħal il-logo tal-kumpanija tiegħu fin-naħa tal-lemin tat-titolu.

Artikolu 2

Referenza għal informazzjoni prekuntrattwali u kuntrattwali

Id-dokument ta' informazzjoni dwar il-prodotti tal-assigurazzjoni għandu jiddikjara b'mod prominenti li l-informazzjoni prekuntrattwali u kuntrattwali kompluta dwar il-prodott ta' assigurazzjoni mhux tal-ħajja tiġi pprovduta lill-konsumatur f'dokumenti oħrajn. Din id-dikjarazzjoni għandha titqiegħed immedjatament wara l-isem tal-manifattur tal-prodott ta' assigurazzjoni mhux tal-ħajja.

Artikolu 3

Tul

Id-dokument ta' informazzjoni dwar il-prodotti tal-assigurazzjoni għandu jokkupa żewġ naħat ta' karta ta' daqs A4 meta stampat. B'mod eċċezzjonali, jekk hemm bżonn ta' aktar spazju, id-dokument ta' informazzjoni dwar il-prodotti tal-assigurazzjoni jista' jokkupa massimu ta' tliet naħat ta' folja daqs A4 meta jkun stampat. Meta manifattur juża tliet naħat ta' karta ta' daqs A4, huwa għandu, jekk jintalab mill-awtorità kompetenti, ikun kapaċi juri li kellu bżonn aktar spazju.

Artikolu 4

Preżentazzjoni u ordni tal-kontenut

1.   L-informazzjoni tad-dokument ta' informazzjoni dwar il-prodotti ta' assigurazzjoni elenkata fl-Artikolu 20(8) tad-Direttiva (UE) 2016/97 għandha tiġi ppreżentata f'taqsimiet differenti u f'konformità mal-istruttura, it-tqassim tal-paġna, l-intestaturi u s-sekwenza, kif stabbiliti fil-format ta' preżentazzjoni standardizzata fl-Anness ta dan ir-Regolament, bl-użu ta' daqs ta' tipa li jkollha għoli x ta' mill-anqas 1,2 mm.

2.   It-tul tat-taqsimiet jista' jvarja, skont l-ammont ta' informazzjoni li trid tiġi inkluża f'kull taqsima. L-informazzjoni dwar is-supplimentazzjonijiet u l-koperturi fakultattivi ma għandhiex tiġi preċeduta b'tikks, slaleb jew marki esklamattivi.

3.   Meta dan id-dokument ta' informazzjoni dwar il-prodott ta' assigurazzjoni jiġi ppreżentat permezz ta' mezz durabbli li ma jkunx karta, id-daqs tal-komponenti fit-tqassim tal-paġna jista' jinbidel, dment li t-tqassim tal-paġna, l-intestaturi u s-sekwenza tal-format tal-preżentazzjoni standardizzat, kif ukoll il-prominenza u d-daqs tal-elementi differenti, jinżammu.

4.   Meta d-dimensjonijiet ta' mezz durabbli ħlief karta jkunu tali li ma jkunx fattibbli li t-tqassim tal-paġna juża żewġ kolonni, tista' tintuża preżentazzjoni li tuża kolonna waħda, dment li s-segwenza tat-taqsimiet tkun kif ġej:

(a)

“Din x'tip ta' assigurazzjoni hi?”

(b)

“X'qed jiġi assigurat?”

(c)

“X'mhuwiex assigurat?”

(d)

“Hemm xi restrizzjonijiet fuq il-kopertura?”

(e)

“Fejn jien kopert?”

(f)

“X'inhuma l-obbligi tiegħi?”

(g)

“Meta u kif inħallas?”

(h)

“Meta tibda u meta tispiċċa l-kopertura?”

(i)

“Kif nikkanċella l-kuntratt?”.

5.   L-użu ta' strumenti diġitali, inkluż layering u pop-ups għandu jkun permess, dment li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 20(8) tad-Direttiva (UE) 2016/97 tkun ipprovduta fil-parti prinċipali tad-dokument ta' informazzjoni dwar il-prodotti ta' assigurazzjoni u li l-użu ta' strumenti bħal dawn ma jfixkilx l-attenzjoni tal-konsumatur mill-kontenut tad-dokument prinċipali.

L-informazzjoni pprovduta mil-layering u l-pop-ups ma għandhiex tinkludi marketing jew materjal pubbliċitarju.

Artikolu 5

Lingwaġġ sempliċi

Id-dokument ta' informazzjoni dwar il-prodotti tal-assgurazzjoni għandu jiġi abozzat b'lingwaġġ sempliċi, li jiffaċilita lill-konsumatur jifhem il-kontenut ta' dak id-dokument, u għandu jiffoka fuq informazzjoni ta' importanza ewlenija li l-konsumatur ikun jenħtieġ sabiex jagħmel deċiżjoni informata. Il-kliem tekniku għandu jiġi evitat.

Artikolu 6

Intestaturi u l-informazzjoni ta' taħthom

1.   It-taqsimiet tad-dokument ta' informazzjoni dwar il-prodott tal-assigurazzjoni għandu jkollhom l-intestaturi li ġejjin u l-informazzjoni li ġejja taħthom:

(a)

l-informazzjoni dwar it-tip ta' assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 20(8) tad-Direttiva (UE) 2016/97 għandha tiġi inkluża taħt l-intestatura “Din x'tip ta' assigurazzjoni hi?”, fil-parti ta' fuq tad-dokument;

(b)

l-informazzjoni dwar ir-riskji ewlenin assigurati msemmija fl-Artikolu 20(8) tad-Direttiva (UE) 2016/97 għandha tiġi inkluża taħt l-intestatura “X'qed jiġi assigurat?”. Kull biċċa informazzjoni elenkata fit-taqsima għanda tiġi preċeduta minn simbolu ta' “tikk” ħadra;

(c)

l-informazzjoni dwar is-somma assigurata msemmija fl-Artikolu 20(8)(b) tad-Direttiva (UE) 2016/97 għandha tiġi inkluża taħt l-intestatura “X'qed jiġi assigurat?”;

(d)

l-informazzjoni dwar il-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku, fejn applikabbli, imsemmija fl-Artikolu 20(8)(b) tad-Direttiva (UE) 2016/97 għandha tiġi inkluża taħt l-intestatura “Fejn jien kopert?”. Kull biċċa informazzjoni elenkata f'din it-taqsima għandha tiġi preċeduta b'simbolu ta' “tikk” blu.

(e)

l-informazzjoni dwar is-sommarju tar-riskji esklużi msemmija fl-Artikolu 20(8)(b) tad-Direttiva (UE) 2016/97 għandha tiġi inkluża taħt l-intestatura “X'mhuwiex assigurat?”. Kull biċċa informazzjoni f'din it-taqsima għandha tiġi preċeduta minn simbolu aħmar “X”;

(f)

l-informazzjoni dwar l-esklużjonijiet ewlenin imsemmija fl-Artikolu 20(8) tad-Direttiva (UE) 2016/97 għandha tiġi inkluża taħt l-intestatura “Hemm xi restrizzjonijiet fuq il-kopertura?”. Kull biċċa informazzjoni elenkata f'din it-taqsima għandha tiġi preċeduta minn simbolu ta' marka esklamattiva oranġjo;

(g)

l-informazzjoni dwar l-obbligi rilevanti msemmija fil-punti (e), (f) u (g) tal-Artikolu 20(8) tad-Direttiva (UE) 2016/97 għandha tiġi inkluża taħt l-intestatura “X'inhuma l-obbligi tiegħi?”;

(h)

l-informazzjoni dwar il-mezzi u t-tul ta żmien ta' pagament ta' primjums imsemmija fl-Artikolu 20(8)(c) tad-Direttiva (UE) 2016/97 għandha tiġi inkluża taħt l-intestatura “Meta u kif inħallas?”;

(i)

l-informazzjoni dwar il-perjodu tal-kuntratt imsemmija fl-Artikolu 20(8)(h) tad-Direttiva (UE) 2016/97 għandha tiġi inkluża taħt l-intestatura “Meta tibda u meta tispiċċa l-kopertura?”;

(j)

l-informazzjoni dwar il-mezzi biex jispiċċa l-kuntratt imsemmijin fl-Artikolu 20(8)(i) tad-Direttiva (UE) 2016/97 għandha tiġi inkluża taħt l-intestatura “Kif nikkanċella l-kuntratt?”.

2.   L-użu ta' subintestaturi huwa permess, fejn huwa meħtieġ.

Artikolu 7

Użu ta' ikoni

1.   Fil-bidu ta' kull taqsima, wieħed għandu jsib ikona li tirrappreżenta viżwalment l-intestatura, kif ġej:

(a)

l-informazzjoni dwar ir-riskji ewlenin assigurati msemmija fl-Artikolu 20(8)(b) tad-Direttiva (UE) 2016/97 għandha tkun preċeduta minn ikona forma ta' umbrella, b'kulur abjad fuq sfond aħdar jew aħdar fuq sfond abjad;

(b)

l-informazzjoni dwar l-ambitu ġeografiku tal-kopertura tal-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 20(8)(b) tad-Direttiva (UE) 2016/97 għandha tkun preċeduta minn ikona forma ta' globu kulur abjad fuq sfond blu jew blu fuq sfond abjad;

(c)

l-informazzjoni dwar ir-riskji esklużi msemmija fl-Artikolu 20(8)(b) tad-Direttiva (UE) 2016/97 għandha tkun preċeduta minn ikona ta' “X” fi trijangolu kulur abjad fuq sfond aħmar jew aħmar fuq sfond abjad;

(d)

l-informazzjoni dwar l-esklużjonijiet ewlenin imsemmija fl-Artikolu 20(8)(d) tad-Direttiva (UE) 2016/97 għandha tkun preċeduta minn punt esklamattiv (“!”) fi trijangolu kulur abjad fuq sfond oranġjo jew oranġjo fuq sfond abjad;

(e)

l-informazzjoni dwar l-obbligi fil-bidu tal-kuntratt, matul il-perjodu tal-kuntratt u fil-każ li ssir pretensjoni, imsemmija fil-punti (e), (f) u (g) ta' 20(8) tad-Direttiva (UE) 2016/97, rispettivament, għandha tkun preċeduta minn ikona ta' teħid bl-idejn ta' kulur abjad fuq sfond aħdar jew aħdar fuq sfond abjad;

(f)

l-informazzjoni dwar il-mezzi u t-tul ta' żmien tal-pagamenti msemmija fl-Artikolu 20(8)(c) tad-Direttiva (UE) 2016/97 għandha tkun preċeduta minn ikona forma ta' muniti ta' kulur abjad fuq sfond isfar jew isfar fuq sfond abjad;

(g)

l-informazzjoni dwar il-perjodu tal-kuntratt imsemmija fl-Artikolu 20(8)(h) tad-Direttiva (UE) 2016/97 għandha tkun preċeduta minn ikona forma ta' arloġġ tar-ramel ta' kulur abjad fuq sfond blu jew blu fuq sfond abjad;

(h)

l-informazzjoni dwar il-mezz biex jispiċċa l-kuntratt imsemmija fl-Artikolu 20(8)(i) tad-Direttiva (UE) 2016/97 għandha tkun preċeduta minn ikona forma ta' pala tal-id miftuħa li tinsab fuq tarka ta' kulur abjad fuq sfond iswed, jew iswed fuq sfond abjad.

2.   L-ikoni kollha għandhom jintwerew b'mod konsistenti mal-format ta' preżentazzjoni standardizzata fl-Anness.

3.   L-ikoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 jistgħu jiġu ppreżentati bl-iswed u bl-abjad meta d-dokument ta' informazzjoni dwar il-prodotti ta' assigurazzjoni jkun stampat jew fotokopjat bl-iswed u l-abjad.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Awwissu 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 26, 2.2.2016, p. 19.

(2)  Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).


ANNESS

Image


Top