EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0301

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/301 tas-17 ta' Frar 2017 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel

OJ L 43, 21.2.2017, p. 225–230 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2018

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/301/oj

21.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 43/225


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/301

tas-17 ta' Frar 2017

li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-7 ta' Diċembru 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/2274 (1) li taħtar lis-Sur Ángel LOSADA FERNÁNDEZ bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għas-Saħel. Il-mandat tar-RSUE ser jiskadi fit-28 ta' Frar 2017.

(2)

Jenħtieġ li l-mandat tar-RSUE jiġi estiż għal perijodu ieħor ta' 16-il xahar.

(3)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

1.   Il-mandat tas-Sur Ángel LOSADA FERNÁNDEZ bħala r-RSUE għas-Saħel huwa estiż sat-30 ta' Ġunju 2018. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jintemm qabel, abbażi ta' proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ).

2.   Għall-finijiet tal-mandat tar-RSUE, is-Saħel huwa definit li jinkludi l-fokus primarju tal-Istrateġija tal-UE għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel (“l-Istrateġija”) u l-Pjan ta' Azzjoni Reġjonali (“il-PAR”) tagħha, jiġifieri l-Burkina Faso, iċ-Chad, il-Mali, il-Mauritania u n-Niġer. Għal kwistjonijiet b'implikazzjonijiet reġjonali aktar estensivi, ir-RSUE għandu jfittex kuntatti mal-pajjiżi tal-Baċir tal-Lag Chad u pajjiżi oħrajn u entitajiet reġjonali jew internazzjonali lil hinn mis-Saħel, inkluż il-Magreb, l-Afrika tal-Punent u l-Golf tal-Guinea, kif adatt.

Artikolu 2

Objettivi tal-politika

1.   Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettiv tal-politika tal-Unjoni b'rabta mas-Saħel li jsir kontribut attiv għall-isforzi reġjonali u internazzjonali biex jinkisbu paċi, sigurtà u żvilupp dejjiema fir-reġjun. Barra minn hekk, ir-RSUE għandu jimmira li jsaħħaħ il-kwalità, l-intensità u l-impatt tal-involviment multidimensjonali tal-Unjoni fis-Saħel.

2.   Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-isforzi kollha tal-Unjoni fir-reġjun, b'mod partikolari fil-qasam politiku, ta' sigurtà u ta' żvilupp, inkluż l-Istrateġija u l-PAR tagħha, u għall-koordinazzjoni tal-istrumenti rilevanti kollha għall-azzjonijiet tal-Unjoni.

3.   Għandha tingħata prijorità lill-Mali u lill-istabbilizzazzjoni tiegħu fit-tul u lid-dimensjonijiet reġjonali tal-konflitt, f'koordinazzjoni mad-delegazzjoni tal-UE u partijiet interessati rilevanti oħrajn, inklużi Stati Membri, il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE).

4.   L-objettivi tal-politika tal-Unjoni għandu jkollhom l-għan li, permezz tal-użu koordinat u effettiv tal-istrumenti kollha tagħha, jippromwovu r-ritorn tal-Mali u tal-poplu tiegħu lejn triq ta' paċi, rikonċiljazzjoni, sigurtà u żvilupp.

5.   Għandha tingħata attenzjoni xierqa għal li jingħata kontribut għat-tisħiħ tal-isforzi ta' koordinazzjoni bejn il-pajjiżi tas-Saħel fl-oqsma tas-sigurtà u l-iżvilupp, b'mod partikolari tal-G5 Saħel.

Artikolu 3

Mandat

1.   Sabiex jinkisbu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni b'rabta mas-Saħel, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

jikkontribwixxi b'mod attiv għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-PAR tagħha u għall-koordinazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-approċċ komprensiv tal-Unjoni lejn il-kriżi reġjonali, bl-għan li jsaħħaħ il-koerenza u l-effettività globali tal-attivitajiet tal-Unjoni fis-Saħel;

(b)

ifittex kuntatti mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fir-reġjun, il-gvernijiet, l-organizzazzjonijiet reġjonali, b'mod partikolari l-G5 Saħel, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, is-soċjetà ċivili u d-dijaspori, inkluż mal-pajjiżi kollha tal-Magreb u l-Baċir tal-Lag Chad, bl-għan li jippromwovi l-objettivi tal-Unjoni u jikkontribwixxi għal intendiment aħjar tar-rwol tal-Unjoni fis-Saħel;

(c)

jirrappreżenta u jippromwovi l-interessi u l-viżibbiltà tal-Unjoni f'fora reġjonali u internazzjonali rilevanti, inkluż il-parteċipazzjoni fil-Comité de Suivi tal-Ftehim ta' Paċi tal-Mali, u jiffaċilita azzjoni tal-Unjoni kompensiva u kkoordinata bis-sħiħ fir-reġjun permezz tal-istrumenti rilevanti kollha, inklużi l-assistenza għall-iżvilupp, l-attivitajiet tal-Istati Membru u l-appoġġ mill-Unjoni għall-immaniġġar tal-kriżijiet u l-prevenzjoni tal-konflitti permezz tal-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati ta' Mali (EUTM Mali), il-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali) u l-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger);

(d)

iżomm kooperazzjoni mill-qrib man-Nazzjonijiet Uniti (NU), b'mod partikolari mar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għall-Afrika tal-Punent u s-Saħel, ir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali u l-Kap tal-Missjoni Multidimensjonali Integrata tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni fil-Mali (MINUSMA), l-Unjoni Afrikana (UA), b'mod partikolari r-Rappreżentant Għoli tal-UA għall-Mali u għas-Saħel, il-G5 Saħel, il-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent, il-Kummissjoni tal-Baċir tal-Lag Chad u partijiet ikkonċernati nazzjonali, reġjonali u internazzjonali ewlenin oħra, inklużi Mibgħuta Speċjali oħrajn għas-Saħel, kif ukoll mal-entitajiet rilevanti fiż-żona tal-Magreb;

(e)

isegwi mill-qrib id-dimensjoni reġjonali u dik transfruntiera tal-isfidi li jiffaċċja r-reġjun, inkluż it-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, il-kuntrabandu tal-armi, it-traffikar u l-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin tal-bnedmin, it-traffikar tad-drogi, il-flussi tar-refuġjati u tal-migrazzjoni u flussi finanzjarji relatati; f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ulterjuri tal-Istrateġija tal-UE Kontra t-Terroriżmu;

(f)

isegwi mill-qrib il-konsegwenzi umanitarji, politiċi, ta' sigurtà u ta' żvilupp ta' flussi ta' refuġjati u migrazzjoni fuq skala kbira u tal-flussi finanzjarji illeċiti relatati madwar ir-reġjun; fuq talba, jidħol fi djalogu dwar il-migrazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u jikkontribwixxi b'mod aktar ġenerali għall-politika tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni u r-refuġjati b'rabta mar-reġjun, f'konformità mal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sabiex iżid il-kooperazzjoni inkluż dwar ir-ritorn u r-riammissjoni; jaħdem mal-pajjiżi tas-Saħel biex isegwi l-azzjoni maqbula fis-Summit tal-Belt Valletta f'Novembru 2015, inkluż il-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Istabbiltà u li jindirizza l-għeruq ta' dak li jikkawża l-Migrazzjoni Irregolari, u l-Ispostament tal-Persuni fl-Afrika u b'rabta mal-Oqfsa ta' Sħubija;

(g)

iżomm kuntatti politiċi ta' livell għoli fuq bażi regolari mal-pajjiżi fir-reġjun milquta mit-terroriżmu u mill-kriminalità internazzjonali u biex ikun żgurat ir-rwol ewlieni tal-Unjoni fl-isforzi internazzjonali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità internazzjonali. Dan jinkludi l-isforzi tal-Unjoni biex issaħħaħ l-appoġġ tagħha għas-settur tas-sigurtà permezz tar-reġjonalizzazzjoni tal-missjonijiet tal-PSDK u appoġġ attiv għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet reġjonali, u biex tiżgura li l-għeruq ta' dak li jikkawża t-terroriżmu u l-kriminalità internazzjonali fis-Saħel jiġu indirizzati b'mod adegwat;

(h)

isegwi mill-qrib il-konsegwenzi politiċi, ta' sigurtà u ta' żvilupp tal-kriżijiet umanitarji fir-reġjun;

(i)

fir-rigward tal-Mali, jikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni tal-pajjiż, b'mod partikolari għar-ritorn sħiħ tan-normalità kostituzzjonali fit-territorju kollu u djalogu nazzjonali inklużiv u kredibbli fil-qafas ġenerali tal-Ftehim ta' Paċi tal-Mali. Dan jinkludi wkoll il-promozzjoni tal-bini tal-istituzzjonijiet, ir-riforma tas-settur tas-sigurtà u l-konsolidazzjoni tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni fit-tul u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-impunità fil-Mali, kif ukoll il-faċilitazzjoni ta' sforzi tal-Unjoni attivi u kkoordinati bis-sħiħ biex jiġi implimentat malajr il-Ftehim ta' Paċi tal-Mali;

(j)

jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun f'kooperazzjoni mar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż il-Linji Gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tfal u l-Konflitti Armati, kif ukoll dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra kull forma ta' diskriminazzjoni kontrihom, u l-politika tal-Unjoni dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, u jippromwovi l-inklużività u l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-proċess tal-bini tal-istat, f'konformità mar-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u riżoluzzjonijiet sussegwenti dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, inkluż ir-Riżoluzzjoni 2242 (2015). Il-kontribut ser jinkludi l-monitoraġġ u r-rapportar tal-iżviluppi, kif ukoll il-formulazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet f'dan ir-rigward u ż-żamma ta' kuntatti regolari mal-awtoritajiet rilevanti fil-Mali u fir-reġjun, l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-difensuri u l-osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun;

(k)

isegwi u jirrapporta dwar il-konformità ma' Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (UNSCRs), b'mod partikolari l-UNSCRs 2056 (2012), 2071 (2012), 2085 (2012), 2100 (2013) u 2295 (2016).

2.   Għall-finijiet tat-twettiq tal-mandat, ir-RSUE għandu, fost l-oħrajn:

(a)

jagħti parir u jirrapporta dwar il-formulazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE f'fora reġjonali u internazzjonali, kif meħtieġ, sabiex jippromovi u jsaħħaħ proattivament l-approċċ komprensiv tal-Unjoni lejn il-kriżi fis-Saħel;

(b)

iżomm ħarsa ġenerali fuq l-attivitajiet kollha tal-Unjoni u jiffaċilita l-koordinazzjoni sħiħa tagħhom, u jikkoopera mill-qrib mad-delegazzjonijiet rilevanti tal-Unjoni.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.

2.   Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta' kuntatt tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.

3.   Ir-RSUE għandu jaħdem f'koordinazzjoni mill-qrib mas-SEAE u d-dipartimenti rilevanti tiegħu, b'mod partikolari mad-Dipartiment għall-Afrika.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perijodu mill-1 ta' Marzu 2017 sat-30 ta' Ġunju 2018 għandu jkun ta' EUR 1 840 000.

2.   In-nefqa għandha tiġi amministrata f'konformità mal-proċeduri u r-regoli li japplikaw għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont lill-Kummissjoni għal kull nefqa.

Artikolu 6

Formazzjoni u kompożizzjoni tat-tim

1.   Fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni ta' tim. It-tim għandu jinkludi l-għarfien espert dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika u ta' sigurtà kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u l-Kummissjoni infurmati minnufih bil-kompożizzjoni tat-tim.

2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta' persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta' tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru li jibagħtu, mill-istituzzjoni tal-Unjoni li tibagħtu jew mis-SEAE rispettivament. Esperti ssekondati mill-Istati Membri mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mas-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati lir-RSUE.

3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa' taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru li jibagħtu, tal-istituzzjoni tal-Unjoni li tibagħtu jew tas-SEAE, rispettivmanet, u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

4.   Il-persunal tar-RSUE għandu jiġi kkolokat fid-dipartimenti rilevanti tas-SEAE jew tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni sabiex tiġi żgurata l-koerenza u l-konsistenza tal-attivitajiet rispettivi tagħhom.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u tal-persunal tiegħu

Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-persunal tar-RSUE għandhom jiġu miftiehma mal-pajjiżi ospitanti, kif meħtieġ. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ meħtieġ kollu għal dan il-għan.

Artikolu 8

Sigurtà tal-informazzjoni klassifikata tal-UE

Ir-RSUE u l-membri tat-tim tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi tas-sigurtà stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (2).

Artikolu 9

Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni, is-SEAE u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE jingħata aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

2.   Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun u/jew l-Istati Membri, kif xieraq, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Sigurtà

F'konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra mill-Unjoni f'kapaċità operazzjonali skont it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f'konformità mal-mandat tar-RSUE u abbażi tas-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ta' responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu li jaqa' taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b'mod partikolari billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku bbażat fuq gwida mis-SEAE, li jinkludi miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi, li jirregolaw il-ġestjoni tal-ispostamenti mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona ta' responsabbiltà, kif ukoll il-ġestjoni ta' inċidenti ta' sigurtà, u jipprevedi pjan ta' kontinġenza u evakwazzjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni jkun kopert b'assigurazzjoni ta' riskju għoli, kif meħtieġ mill-kundizzjonijiet fiż-żona ta' responsabbiltà;

(c)

jiżgura li l-membri kollha tat-tim tar-RSUE li ser jiġu skjerati barra mill-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew it-taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu, jew kif jaslu, fiż-żona ta' responsabbiltà, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati lil dik iż-żona mis-SEAE;

(d)

jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet miftiehma kollha li jsiru b'segwitu għal valutazzjonijiet regolari tas-sigurtà, u jipprovdi lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapport ta' progress u tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rappurtar

1.   Ir-RSUE għandu regolarment jipprovdi rapporti bil-miktub u bil-fomm lir-RGħ u lill-KPS. Ir-RSUE għandu jippreżenta wkoll rapport lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill, skont il-ħtieġa. Għandhom jiġu ċċirkolati rapporti regolari permezz tan-netwerk COREU. Ir-RSUE jista' jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin. F'konformità mal-Artikolu 36 tat-Trattat, ir-RSUE jista' jkun involut fl-għoti ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

2.   Ir-RSUE għandu jirrapporta dwar l-aħjar mod kif jinkisbu l-inizjattivi tal-Unjoni, bħall-kontribut tal-Unjoni għar-riformi, inkluż l-aspetti politiċi tal-proġetti ta' żvilupp rilevanti tal-Unjoni, f'koordinazzjoni mad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun.

Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Fil-qafas tal-Istrateġija u l-PAR tagħha, ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effettività tal-azzjoni politika u diplomatika tal-Unjoni u għandu jgħin biex jiżgura konsistenza fl-użu tal-istrumenti kollha tal-Unjoni u tal-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri, biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni.

2.   L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma' dawk tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u tal-Kummissjoni, kif ukoll dawk ta' RSUE oħrajn attivi fir-reġjun. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun b'aġġornamenti regolari ta' informazzjoni.

3.   Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tal-missjonijiet tal-Istati Membri u tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni rilevanti. Ir-RSUE, f'koordinazzjoni mill-qrib mad-delegazzjonijiet rilevanti tal-Unjoni, għandu jipprovdi lill-Kapijiet tal-Missjoni ta' EUCAP Sahel Niger u ta' EUCAP Sahel Mali u lill-Kmandant tal-Missjoni ta' EUTM Mali bi gwida politika lokali. Ir-RSUE, il-Kmandant tal-Missjoni ta' EUTM Mali u l-Kmandanti tal-Operazzjonijiet Ċivili ta' EUCAP Sahel Niger u ta' EUCAP Sahel Mali għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.

Artikolu 13

Assistenza b'rabta ma' talbiet

Ir-RSUE u l-persunal tar-RSUE għandhom jassistu fil-forniment ta' elementi b'rispons għal kwalunkwe talba u obbligu li jirriżultaw mill-mandati tar-RSUE preċedenti għas-Saħel, u għandhom jipprovdu assistenza amministrattiva u aċċess għall-fajls rilevanti għal dawn l-għanijiet.

Artikolu 14

Rieżami

L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħrajn mill-Unjoni lir-reġjun għandhom jinżammu taħt rieżami regolari. Ir-RSUE għandu jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapport ta' progress sat-30 ta' Settembru 2017 u rapport komprensiv dwar l-implementazzjoni tal-mandat sal-31 ta' Marzu 2018.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Frar 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

E. BARTOLO


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/2274 tas-7 ta' Diċembru 2015 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel (ĠU L 322, 8.12.2015, p. 44).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).


Top