EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016BP2161

Riżoluzzjoni (UE, Euratom) 2016/2161 tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Ottubru 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2014

OJ L 333, 8.12.2016, p. 68–69 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2016/2161/oj

8.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 333/68


RIŻOLUZZJONI (UE, Euratom) 2016/2161 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tas-27 ta' Ottubru 2016

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2014

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2014,

wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0275/2016),

A.

billi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (“l-Impriża Konġunta”) ġiet stabbilita f'Marzu 2007 għal perjodu ta' 35 sena;

B.

billi l-membri tal-Impriża Konġunta huma l-Euratom, irrappreżentata mill-Kummissjoni, l-Istati Membri tal-Euratom, u pajjiżi terzi li kkonkludew ftehimiet ta' kooperazzjoni mal-Euratom fil-qasam tal-fużjoni nukleari kontrollata;

C.

billi l-Impriża Konġunta bdiet taħdem b'mod awtonomu f'Marzu 2008;

1.

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2014 (“ir-rapport tal-Qorti”), iddikjarat li l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta' Diċembru 2014 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi ta' flusha għas-sena li kienet għadha kif intemmet, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tar-regoli finanzjarji tagħha;

2.

Jieħu nota tal-fatt li l-baġit 2014 finali disponibbli għall-implimentazzjoni kien jinkludi approprjazzjonijiet ta' impenn li jammontaw għal EUR 1 168 800 000 u approprjazzjonijiet ta' pagament li jammontaw għal EUR 567 600 000; ir-rati ta' użu għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u dawk ta' pagament kienu ta' 100 % u 88,5 % rispettivament; jinnota, madankollu, li r-rata ta' implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta' pagament fir-rigward tal-baġit 2014 inizjali kienet ta' 73 %;

3.

Jinnota li, minħabba l-isfidi li l-Proġett ITER qiegħed jiffaċċja bħalissa, id-Direttur Ġenerali l-ġdid tal-Organizzazzjoni ITER ippreżenta pjan ta' azzjoni lill-Kunsill tal-ITER b'miżuri speċifiċi biex jiġu indirizzati r-restrizzjonijiet prinċipali li bħalissa qed jaffettwaw l-iżvilupp tal-Proġett ITER; jinnota, barra minn hekk, li, fir-rigward tal-Impriża Konġunta, l-aġent direttur il-ġdid tagħha pprepara pjan ta' azzjoni għall-Impriża Konġunta, li fil-biċċa l-kbira jappoġġa l-pjan ta' azzjoni tal-Organizzazzjoni ITER; jirrikonoxxi li l-aġent direttur tal-Impriża Konġunta ppreżenta l-pjan ta' azzjoni lill-Bord ta' Tmexxija tal-Impriża Konġunta f'Marzu 2015, meta l-pjan ġie approvat kompletament, u li l-pjan ta' azzjoni tal-Impriża Konġunta jikkomplementa l-pjan ta' azzjoni tal-Organizzazzjoni ITER f'għadd ta' aspetti u jidentifika aktar titjib fl-operazzjonijiet proprji tal-Impriża Konġunta; josserva li, fiż-żmien tal-awditjar, il-miżuri prattiċi għall-implimentazzjoni taż-żewġ pjanijiet ta' azzjoni kienu għadhom qed jiġu stabbiliti; jinnota, barra minn hekk, li minn Marzu 2015, dawk il-pjanijiet ta' azzjoni ġew implimentati u segwiti mill-qrib mill-Organizzazzjoni ITER u mill-Impriża Konġunta, u li huwa mistenni li jwasslu għal titjib; jappella sabiex jiġi ppreżentat rapport fi żmien debitu dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-pjanijiet ta' azzjoni;

4.

Jilqa' l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill tal-ITER tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2016, li jikkonfermaw li l-Proġett ITER issa miexi fit-triq it-tajba, b'tali mod li se jippermetti proposta soda, realistika u dettaljata għall-iskeda u l-ispejjeż assoċjati għall-Ewwel Plażma, li japprovaw l-Iskeda Integrata aġġornata għall-Proġett ITER, li tidentifika Diċembru 2025 bħala d-data tal-Ewwel Plażma, li jindikaw li l-kisba b'suċċess tal-miri kollha tal-proġett sa issa, fid-data skedata jew qabel iż-żmien, bħala indikatur pożittiv tal-kapaċità kollettiva tal-Organizzazzjoni ITER u tal-Aġenziji Nazzjonali li jkomplu jwettqu l-Iskeda Integrata aġġornata, u li jissottolinjaw li l-evidenza ta' żieda fl-effikaċja tat-teħid tad-deċiżjonijiet, fehim aħjar tar-riskji, u rigorożità fil-konformità mal-impenji toffri bażi ġdida għall-fiduċja li l-Proġett ITER se jżomm il-momentum pożittiv attwali tiegħu;

5.

Jilqa' l-pożizzjoni tal-Kunsill tal-ITER li enfasi qawwija fuq l-elementi fundamentali permezz tal-Ewwel Plażma għandha tnaqqas ir-riskji tal-Proġett ITER b'mod effikaċi u li l-Iskeda Integrata aġġornata tirrappreżenta l-aħjar triq 'il quddiem li tista' tinkiseb b'mod tekniku għall-Ewwel Plażma, li se timmarka t-tlestija tal-fażijiet ewlenin tal-armar u t-tqegħid ta' Tokamak u l-faċilitajiet ta' appoġġ;

6.

Jinnota li l-miri stabbiliti mill-Kunsill tal-ITER fil-laqgħa tiegħu tat-18 u d-19 ta' Novembru 2015 huma ferm avvanzati u li erba' mis-sitt miri attribwiti għall-Fużjoni għall-Enerġija (“F4E”) għall-2016 diġà ntlaħqu;

7.

Jinnota li l-kwistjoni tal-kera tal-bini tal-Impriża Konġunta ġiet solvuta, hekk kif il-Gvern Spanjol offra ftehim għal kera fit-tul tal-bini attwali u estensjoni tal-ispazju għall-uffiċċji attwali b'sular ieħor addizzjonali; josserva, f'dan ir-rigward, li l-Bord ta' Tmexxija tal-Impriża Konġunta, fil-laqgħa tiegħu tad-29 u t-30 ta' Ġunju 2016, ħa nota tal-konklużjoni tal-ftehim għal kera fit-tul għall-uffiċċji tal-F4E bejn ir-Renju ta' Spanja u s-sid tal-bini u approva l-pjanijiet għar-rinnovament tal-ispazju għall-uffiċċji allokat lill-Impriża Konġunta;

8.

Jieħu nota tal-implimentazzjoni parzjali tar-Regolamenti tal-Persunal u jħeġġeġ lill-Impriża Konġunta tkompli timplimenta r-regolamenti li għad fadal; jieħu nota pożittiva tal-fatt li mill-1 ta' Jannar 2016, ir-Regolament Finanzjarju l-ġdid u r-Regoli ta' Implimentazzjoni l-ġodda tal-Impriża Konġunta se jidħlu fis-seħħ; jirrikonoxxi li l-Impriża Konġunta stabbiliet definizzjoni operattiva tal-ambitu ta' fużjoni/nonfużjoni, li tiffaċilita l-istabbiliment tal-ambitu tal-użu esklussiv tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali li jinħolqu mill-kuntratti.


Top