EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016Q0812(01)

Emenda tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja

OJ L 217, 12.8.2016, p. 69–70 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/proc_rules/2016/812(1)/oj

12.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 217/69


EMENDA TAR-REGOLI TAL-PROĊEDURA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari s-sitt paragrafu tal-Artikolu 253 tiegħu,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u b'mod partikolari l-Artikolu 106a(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 63 tiegħu,

Wara li kkunsidrat li, b'riżultat tad-dħul fis-seħħ tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fl-1 ta' Lulju 2015, għandha tiġi inkluża, fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, dispożizzjoni li tippermetti lil din tal-aħħar tittratta b'mod adatt, fil-kuntest tal-appelli ppreżentati quddiemha, l-informazzjoni jew l-annessi li jkunu ġew prodotti minn parti prinċipali quddiem il-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 105(1) jew (2) tar-Regoli tal-Proċedura ta' dik il-qorti u li, minħabba n-natura kunfidenzjali tagħhom, ma jkunux ġew ikkomunikati lill-parti prinċipali l-oħra,

Bl-approvazzjoni tal-Kunsill mogħtija fis-6 ta' Lulju 2016,

TADOTTA L-EMENDA SEGWENTI GĦAR-REGOLI TAL-PROĊEDURA TAGĦHA:

Artikolu 1

L-artikolu segwenti huwa miżjud fil-Kapitolu VIII tat-Titolu V tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Settembru 2012 (1):

“Artikolu 190a

Trattament tal-informazzjoni jew tal-annessi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali taħt l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha

1.   Fil-każ li jiġi ppreżentat appell minn deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali adottata fil-kuntest ta' proċedura li matulha informazzjoni jew annessi jkunu ġew prodotti minn parti prinċipali taħt l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u ma jkunux ġew ikkomunikati lill-parti prinċipali l-oħra, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali għandu jqiegħed din l-informazzjoni jew dawn l-annessi għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kundizzjonijiet previsti fid-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 11 tal-imsemmi artikolu.

2.   L-informazzjoni jew l-annessi msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx jiġu kkomunikati lill-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

3.   Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li d-dettalji kunfidenzjali li jinsabu fl-informazzjoni jew fl-annessi msemmija fil-paragrafu 1 ma jiġux żvelati, la fid-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza u lanqas, jekk ikun il-każ, fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali.

4.   L-informazzjoni jew l-annessi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jingħataw lura lill-parti li tkun ipproduċiethom quddiem il-Qorti Ġenerali hekk kif tiġi nnotifikata d-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm il-kawża ma tintbagħatx lura quddiem il-Qorti Ġenerali. F'dan il-każ tal-aħħar, l-informazzjoni jew l-annessi kkonċernati għandhom jerġgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-kundizzjonijiet previsti fid-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 5.

5.   Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistabbilixxi, permezz ta' deċiżjoni, ir-regoli ta' sigurtà għall-finijiet tal-protezzjoni tal-informazzjoni jew tal-annessi msemmija fil-paragrafu 1. Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.”

Artikolu 2

1.   Din l-emenda għar-Regoli tal-Proċedura, li hija awtentika fil-lingwi msemmija fl-Artikolu 36 tal-imsemmija Regoli, għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha.

2.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 190a ma għandhomx japplikaw qabel id-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 190a(5).

Magħmul fil-Lussemburgu, id-19 ta' Lulju 2016.

 


(1)  ĠU L 265, 29.9.2012, p. 1, kif emendati fit-18 ta' Ġunju 2013 (ĠU L 173, 26.6.2013, p. 65).


Top