EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0898

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/898 tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-awtorizzazzjoni ta' preparazzjoni tal-batterju Bacillus licheniformis (ATCC 53757) u tal-proteażi tiegħu (EC 3.4.21.19) bħala addittiv fl-għalf għat-tiġieġ tas-simna, għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd u għall-ispeċijiet minuri ta' tjur tas-simna u dawk imrobbija għall-bajd u għall-għasafar għat-tiżjin (detentur tal-awtorizzazzjoni Novus Europe S.A./N.V.) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2016/3370

OJ L 152, 9.6.2016, p. 11–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 16/03/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/898/oj

9.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 152/11


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/898

tat-8 ta' Ġunju 2016

dwar l-awtorizzazzjoni ta' preparazzjoni tal-batterju Bacillus licheniformis (ATCC 53757) u tal-proteażi tiegħu (EC 3.4.21.19) bħala addittiv fl-għalf għat-tiġieġ tas-simna, għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd u għall-ispeċijiet minuri ta' tjur tas-simna u dawk imrobbija għall-bajd u għall-għasafar għat-tiżjin (detentur tal-awtorizzazzjoni Novus Europe S.A./N.V.)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni tal-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti tat-tali awtorizzazzjoni.

(2)

Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta' preparazzjoni tal-batterju Bacillus licheniformis (ATCC 53757) u tal-proteażi tiegħu (EC 3.4.21.19). Ma' din l-applikazzjoni ntbagħtu wkoll id-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

Dik l-applikazzjoni għandha x'taqsam mal-awtorizzazzjoni ta' preparazzjoni tal-batterju Bacillus licheniformis (ATCC 53757) u tal-proteażi tiegħu (EC 3.4.21.19) bħala addittiv fl-għalf għat-tiġieġ tas-simna, għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd u għall-ispeċijiet minuri ta' tjur tas-simna u sa meta jibdew ibidu u għall-għasafar għat-tiżjin li għandha tiġi kklassifikata fil-kategorija tal-addittivi “addittivi żootekniċi”.

(4)

Fl-opinjoni tagħha tal-11 ta' Marzu 2015 (2), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) waslet għall-konklużjoni li, bil-kundizzjonijiet proposti tal-użu tagħha, il-preparazzjoni tal-batterju Bacillus licheniformis (ATCC 53757) u tal-proteażi tiegħu (EC 3.4.21.19) ma għandhiex effetti ħżiena la fuq saħħet l-annimali, la fuq saħħet il-bniedem u lanqas fuq l-ambjent, u li, fid-doża rrakkomandata, din taf tkun effikaċi fil-proporzjon tal-għalf maż-żieda fil-piż għat-tiġieġ tas-simna, iżda biss meta tingħata dieta b'inqas proteini. Hija tqis ukoll li din il-konklużjoni tista' tiġi estiża għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd, għall-ispeċijiet minuri ta' tjur tas-simna u dawk imrobbija għall-bajd u għall-għasafar għat-tiżjin. L-Awtorità ma tqisx li hemm bżonn ta' rekwiżiti speċifiċi ta' monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq. Hija vverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu tal-analiżi tal-addittiv tal-għalf fl-għalf li ressaq il-Laboratorju ta' Referenza mwaqqaf bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(5)

Il-valutazzjoni tal-preparazzjoni tal-batterju Bacillus licheniformis (ATCC 53757) u tal-proteażi tiegħu (EC 3.4.21.19) turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 huma ssodisfati. Għaldaqstant, l-użu ta' din il-preparazzjoni għandu jiġi awtorizzat, kif speċifikat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-preparazzjoni speċifikata fl-Anness, li taqa' taħt il-kategorija tal-addittivi “addittivi żootekniċi” u l-grupp funzjonali “addittivi żootekniċi oħrajn”, hija awtorizzata bħala addittiv fl-għalf tal-annimali bil-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak l-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  EFSA Journal 2015;13(3):4055.


ANNESS

Numru ta' identifikazzjoni tal-addittiv

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħrajn

Tmiem il-perjodu ta' awtorizzazzjoni

CFU/unitajiet tas-sustanza attiva/kg ta' għalf sħiħ b'kontenut ta' umdità ta' 12 %

Kategorija tal-addittivi żootekniċi. Grupp funzjonali: addittivi żootekniċi oħrajn (titjib fil-prestazzjoni żooteknika)

4d12

Novus Europe S.A./N.V.

Il-batterju Bacillus licheniformis ATCC 53757 u l-proteażi tiegħu EC 3.4.21.19

Kompożizzjoni tal-addittiv

Preparazzjoni tal-batterju Bacillus licheniformis (ATCC 53757) u tal-proteażi tiegħu EC 3.4.21.19, li fiha għadd minimu ta':

Bacillus licheniformis (ATCC 53757) ta'

1 × 109 CFU għal kull gramma tal-addittiv

proteażi ta' 6 × 105 U għal kull gramma tal-addittiv (1)

Għamla solida

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Spori vijabbli tal-batterju Bacillus licheniformis (ATCC 53757) u tal-proteażi tiegħu EC 3.4.21.19

Metodu analitiku  (2)

Identifikazzjoni u enumerazzjoni tal-batterju Bacillus licheniformis ATCC 53757 fl-addittiv tal-għalf, fit-taħlitiet lesti minn qabel u fl-għalf

Identifikazzjoni: Elettroforeżi bil-Ġell f'Kamp Pulsat (PFGE)

Enumerazzjoni: Il-metodu tat-tifrix bl-użu tat-tryptone soya agar — EN 15784

Kwantifikazzjoni tal-proteażi fl-addittiv tal-għalf, fit-taħlitiet lesti minn qabel u fl-għalf:

Metodu kolorimetriku li jkejjel il-paranitroanilina (pNA) li r-reazzjoni enzimatika tal-proteażi fuq is-substrat ta' suċċinil-ala-ala-pro-fe-pNA tirrilaxxa f'37 °C

Tiġieġ tas-simna u tiġieġ imrobbija għall-bajd

Speċijiet minuri ta' tjur tas-simna u dawk imrobbija għall-bajd

Għasafar għat-tiżjin

5 × 108CFU

Bacillus licheniformis

3 × 105U proteażi

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tat-taħlita lesta minn qabel, indika t-temperatura tal-ħżin, iż-żmien tal-ħżin u l-istabbiltà waqt it-tgerbib.

2.

Id-doża minima rrakkomandata hija ta' 500 mg ta' addittiv għal kull kilogramm ta' għalf komplut.

3.

Għall-utenti tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel f'negozju tal-għalf, għandhom jiġu stabbiliti l-proċeduri operattivi u l-miżuri organizzattivi x-xierqa sabiex jindirizzaw il-perikli marbutin mal-inalazzjoni, mal-kuntatt mal-ġilda jew mal-kuntatt mal-għajnejn. Fejn l-esponiment tal-ġilda, tal-għajnejn jew tan-nifs għall-prodotti ma jkunx jista' jitnaqqas għal livell aċċettabbli b'dawn il-miżuri u b'dawn il-proċeduri, l-addittiv u t-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jintużaw flimkien ma' tagħmir personali protettiv xieraq.

4.

L-użu huwa permess f'għalf li jkun fih il-koċċidjostati awtorizzati li ġejjin: id-diklażuril, in-nikarbażin, id-dekokinat, is-sodju tas-semduramiċina, il-lażaloċid-sodju, is-sodju tal-monensina, il-kloridrat tar-robenidina, il-maduramiċina tal-ammonju, in-narasin jew is-sodju tas-salinomiċina.

5.

Użu rrakkomandat f'razzjonijiet b'inqas proteini.

Id-29 ta' Ġunju 2026


(1)  1 U huwa l-ammont ta' proteażi li jillibera mikromolu wieħed ta' paranitroanilina (pNA) mis-substrat ta' suċċinil-ala-ala-pro-fe-pNA (C30H36N6O9) kull minuta b'pH ta' 8,0 u f'37 °C.

(2)  Id-dettalji dwar il-metodi analitiċi jinsabu fl-indirizz tal-Laboratorju ta' Referenza li ġej: https://ec.europa.eu/jrc/en/eurl/feed-additives/evaluation-reports


Top