EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R2231

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/2231 tat-2 ta' Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jaddotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà 16 u 38 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

OJ L 317, 3.12.2015, p. 19–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/10/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R1803

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/2231/oj

3.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 317/19


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2231

tat-2 ta' Diċembru 2015

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jaddotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà 16 u 38

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabbiltà (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta' Ottubru 2008 ġew adottati.

(2)

Fit-12 ta' Mejju 2014, il-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB) ħareġ emendi għall-IAS 16 Proprjetà, Impjant u Tagħmir u l-IAS 38 Assi Intanġibbli intitolat Kjarifika ta' Metodi Aċċettabbli ta' Deprezzament u Amortizzazzjoni. Minħabba prattiki diverġenti, jeħtieġ li jiġi ċċarat, jekk huwiex xieraq li jintużaw metodi msejsa fuq id-dħul sabiex jiġi kkalkulat id-deprezzament jew l-ammortizzament ta' assi.

(3)

Il-konsultazzjoni mal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju tikkonferma li l-emendi għall-IAS 16 u l-IAS 38 jissodisfaw il-kriterji għall-adozzjoni stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(4)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabbiltà,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1126/2008 huwa emendat kif ġej:

(a)

L-Istandard Internazzzjonali ta' Kontabbiltà (IAS) 16 Proprjetà, Impjant u Tagħmir huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(b)

L-IAS 38 Assi Intanġibbli huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kull kumpanija tapplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1, sa mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda fl-1 ta' Jannar 2016 jew wara.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Diċembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta' Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1)


ANNESS

Kjarifika tal-Metodi Aċċettabbli ta' Deprezzament u Amortizzament

(Emendi għall-IAS 16 u IAS 38)

Emendi għal IAS 16 Properjetà, Impjant u Tagħmir

Il-paragrafu 56 huwa emendat u jiżdiedu l-paragrafi 62 A u 81I. Il-paragrafi 60-62 mhumiex emendati iżda huma inklużi hawnhekk għal referenza faċli.

Ammont deprezzabbli u perijodu ta' deprezzament

56.

Il-benefiċċji ekonomiċi futuri li jkunu jinsabu f'assi huma kkunsmati minn entità prinċipalment bl-użu tiegħu. Madankollu, fatturi oħrajn, bħal meta joħrog mill-użu teknikament jew kummerċjalment u t-tqagħbir waqt li assi ma jkunx qed jintuża, spiss iwasslu għal tnaqqis fil-benefiċċji ekonomiċi li setgħu jinkisbu mill-assi. Minħabba f'hekk, jitqiesu l-fatturi kollha li ġejjin biex tiġi stabbilita l-ħajja tal-utilità ta' assi:

(a)

(c)

obsolexxenza teknika jew kummerċjali minħabba bidliet jew titjib fil-produzzjoni, jew minħabba bidla fid-domanda tas-suq għall-prodott jew servizz mogħti mill-assi. It-tnaqqis futur mistenni fil-prezz tal-bejgħ ta' oġġett li kien prodott bl-użu ta' assi jista' jindika l-istennija tal-obsolexxenza teknika jew kummerċjali tal-assi, li, min-naħa tagħha, tista' tirrifletti tnaqqis tal-benefiċċji ekonomiċi futuri li jinsabu fl-assi.

Metodu ta' deprezzament

60.

Il-metodu ta' deprezzament użat għandu jirrefletti l-mod ta' kif il-benefiċċji ekonomiċi futuri tal-assi huma mistennija li jiġu kkunsmati mill-entità.

61.

Il-metodu ta' deprezzament applikat għal assi għandu jiġi rivedut mill-inqas fit-tmiem ta' kull sena finanzjarja u, jekk kien hemm bidla sinifikanti fit-tendenza mistennija ta' konsum tal-benefiċċji ekonomiċi futuri li jinsabu fl-assi, il-metodu għandu jinbidel biex jirrifletti t-tendenza mibdula. Din il-bidla għandha titniżżel fil-kontijiet bħala bidla fl-istima tal-kontabilità skont l-IAS 8.

62.

Jistgħu jintużaw varjetà ta' metodi ta' deprezzament biex jiġi allokat l-ammont deprezzabbli ta' assi fuq bażi sistematika matul il-ħajja utli. Dawn il-metodi jinkludu l-metodu tal-linja dritta, il-metodu tal-bilanċ ridott u l-metodu tal-unitajiet tal-produzzjoni. Id-deprezzament tal-linja dritta jirriżulta f'debitu kostanti matul il-ħajja tal-utilità jekk il-valur residwu tal-assi ma jinbidilx. Il-metodu ta' bilanċ ridott jirriżulta f'debitu li jonqos matul il-ħajja tal-utilità. Il-metodu ta' unitajiet ta' produzzjoni jwassal għal debitu bbażat fuq l-użu jew il-produzzjoni mistennija. L-entità tagħżel il-metodu li jirrifletti l-aktar mill-qrib il-format mistenni tal-konsum tal-benefiċċji ekonomiċi futuri li jinsabu fl-assi. Dak il-metodu jiġi applikat b'mod konsistenti minn perijodu għal perijodu ħlief jekk ikun hemm bidla fil-format mistenni tal-konsum ta' dawn il-benefiċċji ekonomiċi futuri.

62A

Metodu ta' deprezzament li huwa bbażat fuq id-dħul li huwa ġġenerat minn attività li tinkludi l-użu ta' assi mhuwiex xieraq. Id-dħul iġġenerat minn attività li tinkludi l-użu ta' assi ġeneralment jirrifletti fatturi oħra minbarra konsum tal-benefiċċji ekonomiċi tal-assi. Pereżempju, id-dħul huwa affettwat minn inputs u proċessi oħrajn, attivitajiet ta' bejgħ u l-bidliet fil-volumi ta' bejgħ u prezzijiet. Il-komponent tal-prezz ta' dħul jista' jiġi affettwat mill-inflazzjoni, li ma għandu l-ebda influwenza fuq il-mod li bih l-assi jiġi kkunsmat.

DATA EFFETTIVA

81I

Kjarifika ta' Metodi Aċċettabbli ta' Deprezzament u Amortizzazzjoni (Emendi għall-IAS 16 u l-IAS 38), maħruġa f'Mejju 2014, emendat il-paragrafu 56 u paragrafu 62 A miżjud. Entità għandha tapplika dawk l-emendi b'mod prospettiv għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2016 jew wara. Hija permessa applikazzjoni iktar kmieni. Jekk entità tapplika dawk l-emendi għal perjodu aktar kmieni, hija għandha tiżvela dak il-fatt.

Emendi għal IAS 38 Assi Intanġibbli

Il-paragrafu 92 huwa emendat. Fil-paragrafu 98, il-frażi “metodu ta' unità ta' produzzjoni” kienet emendata għal “metodu ta' unitajiet ta' produzzjoni”. Il-paragrafi 98 A–98C u 130J huma miżjuda. Il-paragrafu 97 mhuwiex emendat iżda huwa inkluż hawnhekk għal referenza faċli.

TUL TA' ŻMIEN TA' UTILITÀ

92.

Minħabba l-istorja ta' bidliet ta' malajr fit-teknoloġija, software tal-kompjuter u bosta oħrajn, assi intanġibbli huma suxxettibbli li joħorġu mill-użu mil-lat teknoloġiku. Għalhekk, ta' spiss ikun il-każ li l-ħajja utli tagħhom tkun qasira. It-tnaqqis futur mistenni fil-prezz tal-bejgħ ta' oġġett li kien prodott bl-użu ta' assi intanġibbli jista' jindika l-istennija tal-obsolexxenza teknika jew kummerċjali tal-assi, li, min-naħa tagħha, tista' tirrifletti tnaqqis tal-benefiċċji ekonomiċi futuri li jinsabu fl-assi.

Perjodu ta' amortizzament u metodu tal-amortizzament

97.

L-ammont li jiġi ddeprezzat ta' assi intanġibbli bi żmien tal-utilità definit għandu jiġi allokat fuq bażi sistematika matul iż-żmien tal-utilità. L-amortizzament jibda meta assi jkun disponibbli għall-użu, i.e. meta jkun fil-lok u fil-kondizzjoni meħtieġa biex ikun jista' jitħaddem bil-mod intenzjonat mill-maniġment. L-amortizzament għandu jieqaf fid-data meta l-assi jiġi kklassifikat bħala li hu miżmum għall-bejgħ ((jew inkluż fi grupp tad-disponiment li hu kklassifikat bħala miżmum għall-bejgħ) b'konformità mal-IFRS 5, jew id-data meta l-assi jiġi derikonoxxut, skont liema minnhom tiġi l-ewwel. Il-metodu ta' amortizzament użat għandu jirrefletti l-format ta' kif il-benefiċċji ekonomiċi futuri tal-assi huma mistennija li jiġu kkunsmati mill-entità. Jekk dak il-format ma jkunx jista' jiġi stabbilit b'mod affidabbli, għandu jintuża l-metodu tal-linja dritta. L-ammont ta' amortizzament għal kull perijodu għandu jiġi rikonoxxut fi profitt jew f'telf ħlief jekk xi Standard ieħor ikun jippermetti jew jeħtieġ li jiġi inkluż fl-ammont miżmum fil-kotba ta' assi ieħor.

98.

Tista' tintuża varjetà ta' metodi tal-amortizzament biex talloka l-ammont li jiġi ddeprezzat ta' assi fuq bażi sistematika fuq il-ħajja utli tiegħu. Dawn il-metodi jinkludu l-metodu tal-linja dritta, il-metodu tal-bilanċ ridott u l-metodu tal-unità tal-produzzjoni. Il-metodu użat jintgħażel fuq il-bażi tad-disinn mistenni tal-konsum tal-benefiċċji ekonomiċi futuri mistennija inklużi fl-assi u huwa applikat b'mod konsistenti minn perjodu għal perjodu, sakemm ikun hemm bidla fid-disinn mistenni tal-konsum ta' dawk il-benefiċċji ekonomiċi futuri.

98A

Teżisti preżunzjoni konfutabbli li metodu ta' amortizzament li huwa bbażat fuq id-dħul iġġenerat minn attività li tinkludi l-użu ta' assi intanġibbli mhux xieraq. Id-dħul iġġenerat minn attività li tinkludi l-użu ta' assi intanġibbli ġeneralment jirrifletti fatturi oħra li mhumiex direttament relatati mal-konsum tal-benefiċċji ekonomiċi tal-assi. Pereżempju, id-dħul huwa affettwat minn inputs u proċessi oħrajn, attivitajiet ta' bejgħ u l-bidliet fil-volumi ta' bejgħ u prezzijiet. Il-komponent tal-prezz ta' dħul jista' jiġi affettwat mill-inflazzjoni, li ma għandu l-ebda influwenza fuq il-mod li bih l-assi jiġi kkunsmat. Din il-preżunzjoni tista' tiġi ssormontata biss f'ċirkostanzi limitati:

(a)

li fihom l-assi intanġibbli huwa espress bħala miżura ta' dħul, kif deskritt fil-paragrafu 98C; jew

(b)

meta jista' jintwera li d-dħul u l-konsum tal-benefiċċji ekonomiċi tal-assi intanġibbli huma kkorrelatati ħafna.

98B

Fl-għażla ta' metodu ta' amortizzament adattat skont il-paragrafu 98, entità tista' tiddetermina l-fattur predominanti ta' limitazzjoni li huwa inerenti f'assi intanġibbli. Pereżempju, kuntratt li jistabbilixxi d-drittijiet tal-entità matul l-użu tiegħu ta' assi intanġibbli jista' jispeċifika l-użu tal-assi intanġibbli bħala numru prestabbilit ta' snin (jiġifieri żmien), bħala numru ta' unitajiet prodotti jew bħala l-ammont totali tad-dħul iffissat li jiġi ġġenerat. Identifikazzjoni ta' fattur limitanti predominanti bħal dan jista' jservi bħala punt tat-tluq għall-identifikazzjoni ta' bażi xierqa ta' amortizzament, iżda tista' tiġi applikata bażi oħra jekk tirrifletti aktar mill-qrib il-mudell mistenni tal-konsum ta' benefiċċji ekonomiċi.

98C

Fiċ-ċirkustanzi li fihom fattur limitanti predominanti li huwa inerenti f'assi intanġibbli huwa l-kisba ta' dħul minimu, dħul li jkun iġġenerat jista' jkun bażi xierqa għal amortizzazzjoni. Pereżempju, entità tista' takkwista konċessjoni biex tesplora u tiġbor id-deheb minn minjiera tad-deheb. L-iskadenza tal-kuntratt tista' tkun ibbażata fuq ammont fiss ta' dħul totali li jkun iġġenerat mill-estrazzjoni (pereżempju, kuntratt jista' jippermetti l-estrazzjoni tad-deheb mill-minjiera sad-dħul totali kumulattiv minn bejgħ ta' deheb jilħaq CU2 biljun) u mhux abbażi tal-ħin jew fuq l-ammont ta' deheb estratta. F'eżempju ieħor, id-dritt li wieħed jopera triq b'pedaġġ jista' jkun ibbażat fuq ammont totali fiss ta' dħul li jiġi ġġenerat minn pedaġġi kumulattivi ċċarġjati (pereżempju, kuntratt jista' jippermetti l-operat ta' triq b'pedaġġ sakemm l-ammont kumulattiv ta' pedaġġi iġġenerat mill-operazzjoni tat-triq jilħaq CU100 miljun). Fil-każ fejn id-dħul ġie stabbilit bħala fattur limitanti predominanti fil-kuntratt għall-użu tal-assi intanġibbli, id-dħul li għandu jiġi ġġenerat jista' jkun bażi xierqa għal amortizzazzjoni tal-assi intanġibbli, sakemm il-kuntratt jispeċifika ammont totali fiss ta' dħul biex jiġu ġġenerati li fuqhom l-amortizzazzjoni għandha tiġi determinata.

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U DATA EFFETTIVA

130J

Kjarifika ta' Metodi Aċċettabbli ta' Deprezzament u Amortizzazzjoni (Emendi għall-IAS 16 u l-IAS 38), maħruġa f'Mejju 2014, emendat paragrafi 92 u 98 żiedet il-paragrafu 98 A–98C. Entità għandha tapplika dawk l-emendi b'mod prospettiv għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2016 jew wara. Hija permessa applikazzjoni iktar kmieni. Jekk entità tapplika dawk l-emendi għal perjodu aktar kmieni, hija għandha tiżvela dak il-fatt.


Top