EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0703

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/703 tat-30 ta' April 2015 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk għar-Regoli dwar l-Interoperabbiltà u l-Iskambju ta' Dejta (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2015/2823

OJ L 113, 1.5.2015, p. 13–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/703/oj

1.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 113/13


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/703

tat-30 ta' April 2015

li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk għar-Regoli dwar l-Interoperabbiltà u l-Iskambju ta' Dejta

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta' trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 6(11) tiegħu;

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 jiddefinixxi diversi kompiti għan-Netwerk Ewropew tal-Operaturi tas-Sistema ta' trażmissjoni tal-Gass (“ENTSO tal-Gass”) u għall-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija stabbilita permezz tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (l-“Aġenzija”). Fost dawn insibu l-iżvilupp ta' Kodiċijiet tan-Netwerks Ewropej fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 8(6) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 li għandhom jiġu applikati mill-operaturi kollha tas-sistema ta' trażmissjoni tal-gass.

(2)

Sabiex jitħeġġu u jiġu ffaċilitati l-kummerċ u t-trażmissjoni effiċjenti tal-gass fis-sistemi tat-trażmissjoni tal-gass fl-Unjoni, u għalhekk biex tikber l-integrazzjoni tas-suq intern, għandu jiġi stabbilit kodiċi tan-netwerk għar-regoli dwar l-interoperabbiltà u l-iskambju ta' dejta kif imsemmi fl-Artikolu 8(6)(e) u (d) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, fuq il-bażi ta' abbozz żviluppat mill-ENTSO tal-Gass u rrakkomandat mill-Aġenzija u skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009.

(3)

In-nuqqas ta' armonizzazzjoni f'oqsma tekniċi, operattivi u ta' komunikazzjoni jista' joħloq ostakli għall-fluss ħieles ta' gass fl-Unjoni, u b'hekk itellef l-integrazzjoni tas-suq. L-interoperabbiltà u r-regoli dwar l-iskambju ta' dejta tal-Unjoni għandhom jippermettu l-armonizzazzjoni meħtieġa f'dawk l-oqsma, u għalhekk iwasslu għal integrazzjoni effettiva tas-suq. Għal dak il-għan u sabiex jiffaċilita l-kooperazzjoni kummerċjali u operattiva bejn l-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni, dan ir-Regolament għandu jindirizza ftehimiet ta' interkonnessjoni, unitajiet, kwalità tal-gass, għoti ta' riħa u skambju ta' dejta. Għandu jipprovdi regoli u proċeduri biex jilħaq livell xieraq ta' armonizzazzjoni lejn kummerċ u trasport effiċjenti tal-gass bejn sistemi tat-trażmissjoni tal-gass fl-Unjoni.

(4)

L-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom isaħħu t-trasparenza kif ukoll il-kooperazzjoni bejniethom meta d-differenzi fil-prattiki tal-kwalità tal-gass u tal-għoti ta' riħa fuq kull naħa ta' punt ta' interkonnessjoni jistgħu joħolqu ostaklu għall-integrazzjoni tas-suq tal-gass. L-obbligi previsti f'dan ir-Regolament b'mod partikolari rigward il-kwalità tal-gass u l-għoti ta' riħa huma mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri.

(5)

Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament relatati mal-kwalità tal-gass għandhom jipprovdu soluzzjonijiet effettivi mingħajr preġudizzju għall-adozzjoni ta' standard fl-Ewropa għall-gass b'valur kalorifiku għoli kif qed jiġi żviluppat mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (is-CEN) skont il-proċess ta' standardizzazzjoni taħt il-mandat M/400.

(6)

Ir-regoli dwar l-interoperabbiltà ffissati fl-Artikoli 13, 17 u 18 jimmiraw li jiżguraw l-integrazzjoni fis-suq kif preskritt mill-Artikolu 8(7) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 u għandhom kamp ta' applikazzjoni usa' minn sempliċiment punti ta' interkonnessjoni.

(7)

L-Artikolu 13 ta' dan ir-Regolament ma jaffettwax l-unitajiet jew il-kundizzjonijiet ta' referenza użati mill-Istati Membri għall-finijiet tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/142/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Il-partijiet ikkonċernati jistgħu jużaw it-tabella ta' konverżjoni fl-Anness b'konformità mal-EN ISO 13443 “Gass Naturali –Kundizzjonijiet ta' referenza standard”.

(8)

Il-Kapitolu V ta' dan ir-Regolament għandu jiżgura l-livell xieraq ta' armonizzazzjoni tal-iskambju ta' dejta għall-appoġġ tal-ikkompletar u l-funzjonament tas-suq intern tal-gass Ewropew, is-sigurtà tal-provvista u l-aċċess xieraq u sikur għall-informazzjoni, l-iffaċilitar ta' attivitajiet ta' trażmissjoni transfruntiera.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 51 tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(10)

Skont l-Artikolu 8(8) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 l-ENTSO tal-Gass għandu jimmonitorja u janalizza l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u jirrapporta s-sejbiet tiegħu lill-Aġenzija biex b'hekk din tal-aħħar tkun tista' twettaq il-kompiti tagħha skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi kodiċi tan-netwerk li jistipula regoli dwar l-interoperabbiltà u l-iskambju ta' dejta kif ukoll regoli armonizzati għat-tħaddim tas-sistemi tat-trażmissjoni tal-gass.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika f'punti ta' interkonnessjoni. Fir-rigward tal-pubblikazzjoni tad-dejta, l-Artikolu 13 għandu japplika għall-punti rilevanti definiti fil-paragrafu 3.2 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2009. Minbarra l-punti ta' interkonnessjoni, l-Artikolu 17 għandu japplika għal punti oħra fuq in-netwerk tat-trażmissjoni fejn titkejjel il-kwalità tal-gass. L-Artikolu 18 għandu japplika għas-sistemi tat-trażmissjoni. Dan ir-Regolament jista' japplika wkoll f'punti ta' dħul minn pajjiżi terzi u punti ta' ħruġ lejhom, soġġett għad-deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal punti ta' interkonnessjoni bejn l-Istati Membri sakemm wieħed minn dawn l-Istati Membri jkollu deroga fuq il-bażi tal-Artikolu 49 tad-Direttiva 2009/73/KE, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Istati Membri rispettivi.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 984/2013 (5), l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 312/2014 (6) kif ukoll fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73/KE. Barra minn hekk, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“avveniment eċċezzjonali” tfisser kwalunkwe avveniment mhux ippjanat li ma jistax jiġi raġonevolment ikkontrollat jew evitat u li jista' jikkawża, għal perjodu limitat, tnaqqis fil-kapaċità, li jaffettwa l-kwantità jew il-kwalità tal-gass f'punt ta' interkonnessjoni partikolari, b'konsegwenzi possibbli fuq interazzjonijiet bejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni kif ukoll bejn l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni u l-utenti tan-netwerk;

(b)

“operatur tal-bidu tas-sistema ta' trażmissjoni” tfisser l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni li jibda l-proċess ta' tqabbil billi jibgħat id-dejta neċessarja lill-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni ta' tqabbil;

(c)

“regola inqas” tfisser li, f'każ ta' kwantitajiet ipproċessati differenti fuq kwalunkwe naħa ta' punt ta' interkonnessjoni, il-kwantità kkonfermata se tkun ugwali għall-inqas waħda miż-żewġ kwantitajiet ipproċessati.

(d)

“proċess ta' tqabbil” huwa l-proċess ta' tqabbil u allinjament ta' kwantitajiet ipproċessati ta' gass għall-utenti tan-netwerk fuq iż-żewġ naħat ta' punt speċifiku ta' interkonnessjoni, li jirriżulta fi kwantitajiet ikkonfermati għall-utenti tan-netwerk;

(e)

“operatur ta' sistema ta' trażmissjoni ta' tqabbil” tfisser l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni li jwettaq il-proċess ta' tqabbil u jibgħat ir-riżultat tal-proċess ta' tqabbil lill-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni tal-bidu;

(f)

“kwantità mkejla” tfisser il-kwantità tal-gass li, skont it-tagħmir tal-kejl mill-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni, ikun għadda fiżikament minn punt ta' interkonnessjoni għal kull perjodu ta' żmien;

(g)

“kont ta' bbilanċjar operattiv” tfisser kont bejn operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni, li għandu jintuża għall-immaniġġjar ta' differenzi fit-tmexxija f'punt ta' interkonnessjoni sabiex jissimplifika l-kontabilità tal-gass għal utenti tan-netwerk involuti fil-punt ta' interkonnessjoni;

(h)

“kwantità pproċessata” tfisser il-kwantità ta' gass iddeterminata mill-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni tal-bidu u mill-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni tat-tqabbil, li tqis in-nomina tal-utent tan-netwerk jew in-nomina mill-ġdid u d-dispożizzjonijiet kuntrattwali kif iddefiniti taħt il-kuntratt tat-trasport rilevanti u li tintuża bħala l-bażi għall-proċess ta' tqabbil;

(i)

“differenza fit-tmexxija” tfisser id-differenza bejn il-kwantità ta' gass li l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni kienu skedaw li jgħaddi u l-kwantità mkejla għal punt ta' interkonnessjoni;

KAPITOLU II

FTEHIMIET TA' INTERKONNESSJONI

Artikolu 3

Dispożizzjonijiet ġenerali

L-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jiżguraw li mill-inqas it-termini u l-kundizzjonijiet li ġejjin, imniżżla fid-dettall fl-Artikoli 6 sa 12, ikunu koperti minn ftehim ta' interkonnessjoni fir-rigward ta' kull punt ta' interkonnessjoni:

(a)

regoli għall-kontroll tal-fluss;

(b)

prinċipji ta' kejl għall-kwantitajiet u l-kwalità tal-gass;

(c)

regoli għall-proċess ta' tqabbil;

(d)

regoli għall-allokazzjoni ta' kwantitajiet tal-gass;

(e)

proċeduri ta' komunikazzjoni fil-każ ta' avvenimenti eċċezzjonali;

(f)

soluzzjoni ta' tilwim li jirriżultaw minn ftehimiet ta' interkonnessjoni;

(g)

proċess ta' emenda għall-ftehim ta' interkonnessjoni.

Artikolu 4

Obbligu ta' informazzjoni

1.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jidentifikaw l-informazzjoni li tinsab fil-ftehimiet ta' interkonnessjoni li jaffettwaw direttament lill-utenti tan-netwerk, u għandhom jinfurmawhom dwar dan.

2.   Qabel ma jikkonkludu jew jemendaw ftehim ta' interkonnessjoni li jkun fih ir-regoli msemmija fl-Artikolu 3(c), (d) u (e), l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jistiednu lill-utenti tan-netwerk biex jikkummentaw dwar it-test propost ta' dawk ir-regoli mill-inqas xahrejn qabel ma l-ftehim jiġi konkluż jew emendat. L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jikkunsidraw il-kummenti tal-utenti tan-netwerk meta jikkonkludu jew jemendaw il-ftehim ta' interkonnessjoni tagħhom.

3.   It-termini obbligatorji tal-ftehimiet ta' interkonnessjoni elenkati fl-Artikolu 3 jew kull emenda tagħhom konkluża wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu kkomunikati mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni lill-awtorità regolatorja nazzjonali tagħhom u lill-ENTSO tal-Gass fi żmien għaxart ijiem wara l-konklużjoni jew l-emenda tal-ftehim. L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jikkomunikaw ukoll ftehimiet ta' interkonnessjoni fuq talba tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru fi żmien għaxart ijiem.

Artikolu 5

Mudell ta' ftehim ta' interkonnessjoni

1.   Sat-30 ta' Ġunju 2015, l-ENTSO tal-Gass għandu jiżviluppa u jippubblika abbozz ta' mudell ta' ftehim ta' interkonnessjoni li jkopri t-termini u l-kundizzjonijiet ta' inadempjenza stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 10.

2.   Kull awtorità regolatorja nazzjonali tista' tipprovdi opinjoni dwar il-konformità tal-mudell mal-liġi nazzjonali lill-Aġenzija sal-31 ta' Awwissu 2015. L-Aġenzija, filwaqt li tikkunsidra b'mod xieraq l-opinjonijiet tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, għandha mbagħad tipprovdi l-opinjoni tagħha fuq il-mudell tal-ENTSO tal-Gass sal-31 ta' Ottubru 2015. Wara li jqis l-opinjoni mogħtija mill-Aġenzija, l-ENTSO tal-Gass għandu jippubblika l-mudell finali fuq il-websajt tiegħu sal-31 ta' Diċembru 2015.

3.   Jekk l-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni ma jaqblux fuq wieħed jew aktar mit-termini u kundizzjonijiet li huma stipulati fl-Artikoli 6 sa 10 fil-ftehim ta' interkonnessjoni tagħhom skont l-Artikolu 3, għandhom jikkonkludu ftehim ta' interkonnessjoni fuq il-bażi tal-mudell tal-ENTSO tal-Gass fir-rigward ta' kull terminu li jonqsu milli jiftehmu dwaru.

Artikolu 6

Regoli għall-kontroll tal-fluss

1.   Fir-rigward tal-kontroll tal-fluss, l-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom:

(a)

jiżguraw li r-regoli jkunu stabbiliti biex jiffaċilitaw fluss tal-gass li jista' jiġi kkontrollat, preċiż, prevedibbli u effiċjenti fil-punt ta' interkonnessjoni;

(b)

jiżguraw li r-regoli jiġu stabbiliti għat-tmexxija tal-fluss tal-gass fil-punt ta' interkonnessjoni u biex jiġu minimizzati d-devjazzjonijiet mill-fluss skont il-proċess ta' tqabbil;

(c)

jaħtru operatur tas-sistema ta' trażmissjoni li huwa responsabbli għat-tmexxija tal-fluss tal-gass fil-punt ta' interkonnessjoni. Jekk l-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni ma jaqblux fuq din il-ħatra, l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni li jopera t-tagħmir tal-kontroll tal-fluss għandu, b'kooperazzjoni mal-operatur(i) tas-sistema ta' trażmissjoni l-ieħor/l-oħrajn, ikun responsabbli għat-tmexxija tal-fluss tal-gass fil-punt ta' interkonnessjoni.

2.   Sabiex imexxu l-fluss tal-gass, l-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jiddeċiedu fuq il-kwantità u d-direzzjoni tal-fluss tal-gass għal kull punt ta' interkonnessjoni u għal kull siegħa tal-ġurnata ta' gass.

L-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni maħtur skont il-punt (c) tal-paragrafu 1 għandu jkun responsabbli għat-tmexxija tal-fluss tal-gass fil-punt ta' interkonnessjoni, sakemm ikun hemm konformità mal-obbligi kuntrattwali rigward pressjoni mill-operaturi kontigwi kollha tas-sistemi tat-trażmissjoni:

(a)

fuq livell ta' preċiżjoni suffiċjenti biex jimminimizza d-differenza fit-tmexxija; u

(b)

fuq livell ta' stabbiltà f'konformità mal-użu effiċjenti tan-netwerks tat-trażmissjoni tal-gass.

3.   Il-kwantità u d-direzzjoni tal-fluss tal-gass deċiżi mill-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jirriflettu:

(a)

ir-riżultat tal-proċess tat-tqabbil;

(b)

il-korrezzjoni operattiva tal-kont tal-ibbilanċjar;

(c)

kwalunkwe arranġament tal-kontroll tal-fluss effiċjenti bejn l-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni għall-finijiet ta' ramp-up, ramp-down, fluss minimu, qsim tal-fluss fil-punt ta' interkonnessjoni virtwali jekk hemm, u/jew swiċċ ta' direzzjoni tal-fluss jew kosteffiċjenza operattiva;

(d)

kull arranġament li jimmaniġġja r-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ transfruntier minħabba d-differenzi fil-kwalità tal-gass skont l-Artikolu 15 u/jew il-prattiki ta' għoti ta' riħa skont l-Artikolu 19.

4.   Operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jista' jiddeċiedi li jbiddel il-kwantità tal-gass jew id-direzzjoni tal-fluss tal-gass jew it-tnejn li huma, jekk dan ikun meħtieġ, sabiex:

(a)

jikkonforma mad-dispożizzjonijiet stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni tas-sikurezza applikabbli għall-punt ta' interkonnessjoni;

(b)

jikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fil-Pjanijiet ta' Emerġenza u l-Pjanijiet ta' Azzjoni Preventiva żviluppati skont ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7);

(c)

jirreaġixxi f'każ li s-sistema tal-operatur tkun affettwata minn każ eċċezzjonali.

Artikolu 7

Prinċipji tal-kejl għall-kwantità u l-kwalità tal-gass

1.   Fir-rigward tal-prinċipji tal-kejl għall-volum, l-enerġija u l-kwalità tal-gass, l-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jiżguraw li:

(a)

jiġu stabbiliti d-dettalji tal-istandards tal-kejl applikabbli fil-punt ta' interkonnessjoni;

(b)

jiġi identifikat l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni responsabbli għall-installazzjoni, it-tħaddim u l-manutenzjoni tat-tagħmir tal-kejl. Dan l-operatur għandu jkollu l-obbligu li jagħmel l-informazzjoni u d-dejta dwar il-kejl tal-flussi tal-gass fil-punt ta' interkonnessjoni disponibbli għall-operatur(i) l-ieħor/l-oħrajn kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni fil-ħin u bil-frekwenza speċifikata.

2.   L-installazzjoni, it-tħaddim u l-manutenzjoni tat-tagħmir tal-kejl f'punt ta' interkonnessjoni għandhom jikkunsidraw ir-rekwiżiti tekniċi imposti minn regolamenti nazzjonali fuq l-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni.

3.   L-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jaqblu dwar prinċipji ta' kejl li għandhom mill-inqas jinkludu:

(a)

deskrizzjoni tal-istazzjon tal-kejl inkluż tagħmir ta' kejl u analiżi li għandu jintuża u dettalji ta' kwalunkwe tagħmir sekondarju li jista' jintuża f'każ ta' ħsara;

(b)

il-parametri tal-kwalità tal-gass u l-volum u l-enerġija li għandhom jitkejlu, kif ukoll il-firxa u l-iżball massimu permissibbli jew il-marġni tal-inċertezza li fih għandu jopera t-tagħmir tal-kejl, il-frekwenza tal-kejl, b'liema unitajiet u skont liema standards il-kejl għandu jsir kif ukoll kwalunkwe fattur ta' konverżjoni użat;

(c)

il-proċeduri u l-metodi li għandhom jintużaw biex jikkalkulaw dawk il-parametri li mhumiex imkejla direttament;

(d)

deskrizzjoni tal-metodu ta' kalkolu fir-rigward tal-iżball massimu permissibbli jew inċertezza fid-determinazzjoni tal-enerġija ttrasportata;

(e)

deskrizzjoni tal-proċess ta' validazzjoni tad-dejta fl-użu għall-parametri mkejla;

(f)

l-arranġamenti tal-validazzjoni tal-kejl u l-assigurazzjoni tal-kwalità, inklużi l-proċeduri ta' verifika u aġġustament li għandhom jiġu miftiehma bejn l-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni;

(g)

il-mod kif id-dejta, inklużi l-frekwenza u l-kontenut, hija pprovduta fost l-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni rigward il-parametri mkejla;

(h)

il-lista speċifika ta' sinjali u allarmi li għandha tiġi pprovduta mill-operatur(i) kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni li jopera(w) l-apparat tal-kejl għall-operatur(i) l-ieħor/l-oħrajn tas-sistema ta' trażmissjoni;

(i)

il-metodu ta' determinazzjoni ta' korrezzjoni għal kejl u kwalunkwe proċedura sussegwenti li jistgħu jkunu meħtieġa f'sitwazzjoni temporanja fejn it-tagħmir tal-kejl jinstab li qed jagħmel żball jew kien ħa żball (jew qari ta' inqas jew qari ta' iktar barra mill-firxa definita ta' inċertezza tiegħu). Dan l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni għandu jieħu azzjoni xierqa biex itemm din is-sitwazzjoni.

(j)

regoli li għandhom japplikaw bejn l-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni fil-każ ta' ħsara fl-apparat tal-kejl;

(k)

regoli li għandhom japplikaw bejn l-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni għal:

(i)

aċċess għall-faċilità tal-kejl;

(ii)

verifiki addizzjonali tal-faċilità tal-kejl;

(iii)

modifika tal-faċilità tal-kejl;

(iv)

attendenza matul ix-xogħol ta' kalibrazzjoni u manutenzjoni fil-faċilità tal-kejl.

4.   Jekk l-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni ma jissodisfawx l-obbligi tagħhom previsti fil-paragrafi 1 u 3:

(a)

l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni fil-kontroll tat-tagħmir tal-kejl għandu jkun responsabbli għall-installazzjoni, it-tħaddim u l-manutenzjoni ta' tagħmir bħal dan u biex tipprovdi lill-operatur l-ieħor tas-sistema ta' trażmissjoni dejta dwar il-kejl tal-flussi tal-gass fil-punt ta' interkonnessjoni fil-ħin;

(b)

l-istandard Ewropew EN1776 “Provvista tal-Gass — Stazzjonijiet tal-Kejl tal-Gass Naturali — Rekwiżiti Funzjonali” għandu japplika fil-verżjoni applikabbli dak iż-żmien.

Artikolu 8

Regoli għall-proċess ta' tqabbil

1.   Fir-rigward tal-proċess ta' tqabbil, l-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jistabbilixxu:

(a)

ir-regoli li jagħtu dettalji dwar il-proċess ta' tqabbil b'kunsiderazzjoni tal-arranġamenti tan-nomina ta' kuljum kull siegħa fejn rilevanti;

(b)

ir-regoli li jirregolaw il-komunikazzjoni u l-ipproċessar tad-dejta rilevanti fost l-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni biex jiġu kkalkulati l-kwantitajiet ipproċessati u kkonfermati l-kwantitajiet tal-gass għall-utenti tan-netwerk u l-kwantità tal-gass li għandu jiġi skedat għall-fluss fil-punt(i) tal-interkonnessjoni.

2.   In-nomini u n-nomini mill-ġdid għandhom jiġu amministrati permezz ta' dawn li ġejjin:

(a)

l-applikazzjoni ta regola ta' tqabbil għandha twassal għal kwantitajiet ikkonfermati identiċi għal kull par ta' utenti tan-netwerk fiż-żewġ naħat tal-punt ta' interkonnessjoni meta kwantitajiet ipproċessati ma jkunux allinjati;

(b)

l-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni jistgħu jiftehmu li jżommu jew jimplimentaw regola ta' tqabbil għajr ir-regola inqas, sakemm din ir-regola tkun ippubblikata u l-utenti tan-netwerk ikunu mistiedna biex jikkummentaw dwar ir-regola tat-tqabbil proposta f'perjodu ta' żmien ta' mhux inqas minn xahrejn wara l-pubblikazzjoni tar-regola ta' tqabbil;

(c)

l-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jispeċifikaw ir-rwoli rispettivi tagħhom fil-proċess ta' tqabbil billi jindikaw jekk dawn humiex l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni tal-bidu jew tat-tqabbil;

(d)

l-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jispeċifikaw l-iskeda ta' żmien applikabbli għall-proċess ta' tqabbil fiċ-ċiklu tan-nomina jew tan-nomina mill-ġdid, peress li l-proċess kollu ta' tqabbil ma għandux idum iktar minn sagħtejn wara l-bidu taċ-ċiklu tan-nomina jew tan-nomina mill-ġdid, u għandhom iqisu:

(i)

id-dejta li għandha tiġi skambjata bejn l-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni biex ikunu jistgħu jinfurmaw lill-utenti tan-netwerk dwar il-kwantitajiet ikkonfermati tagħhom qabel it-tmiem taċ-ċiklu tan-nomina jew tan-nomina mill-ġdid, inkluż bħala minimu d-dejta msemmija fil-paragrafu 4(b).

(ii)

il-proċess ta' skambju ta' dejta ddefinit fil-punt (i) hawn fuq għandu jippermetti lill-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni jwettqu l-passi kollha ta' kalkolu u ta' komunikazzjoni b'mod preċiż u fil-ħin.

3.   Meta jipproċessaw in-nomini għal punt ta' interkonnessjoni, l-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jiżguraw li l-fluss tal-gass fuq iż-żewġ naħat tal-punt ta' interkonnessjoni jkun ikkalkulat fuq bażi konsistenti filwaqt li jitqies kwalunkwe tnaqqis temporanju tal-kapaċità minħabba xi wieħed mill-elementi msemmija fl-Artikolu 6(4) fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat tal-punt ta' interkonnessjoni.

4.   Kull ftehim ta' interkonnessjoni għandu jispeċifika fid-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-iskambju ta' dejta għall-proċess ta' tqabbil:

(a)

l-użu ta' skambju ta' dejta bejn l-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni għall-proċess tat-tqabbil;

(b)

l-informazzjoni armonizzata li tinsab fl-iskambju ta' dejta għall-proċess tat-tqabbil li għandu jkun fiha mill-inqas dan li ġej:

(i)

identifikazzjoni tal-punt ta' interkonnessjoni;

(ii)

identifikazzjoni tal-utent tan-netwerk jew jekk applikabbli l-identifikazzjoni tal-portafoll tiegħu;

(iii)

identifikazzjoni tal-parti li twassal jew tirċievi l-gass mill-utent tan-netwerk jew jekk applikabbli l-identifikazzjoni tal-portafoll tagħha;

(iv)

il-ħin tal-bidu u tat-tmiem tal-fluss tal-gass li għalih isir it-tqabbil;

(v)

jum tal-gass;

(vi)

kwantitajiet ipproċessati u kkonfermati;

(vii)

direzzjoni tal-fluss tal-gass.

5.   Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni fil-ftehim ta' interkonnessjoni tagħhom, għandu japplika dan li ġej:

(a)

l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jużaw ir-regola inqas. L-applikazzjoni tar-regola inqas bħala r-regola prestabbilita tista' tkun limitata biss f'każ li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet tal-punt 2.2.3.1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 u l-applikazzjoni tagħha tipprevjeni l-offerta ta' kapaċità kostanti mill-proċeduri għall-amministrazzjoni ta' konġestjoni;

(b)

l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni li jikkontrolla t-tagħmir tal-kontroll tal-fluss għandu jkun l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni tat-tqabbil;

(c)

l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom iwettqu l-proċess ta' tqabbil fil-passi sekwenzjali li ġejjin:

(i)

jikkalkula u jibgħat kwantitajiet ipproċessati tal-gass mill-operatur tal-bidu tas-sistema ta' trażmissjoni fi żmien ħamsa u erbgħin minuta mill-bidu taċ-ċiklu tan-nomina jew tan-nomina mill-ġdid;

(ii)

jikkalkula u jibgħat kwantitajiet ikkonfermati tal-gass mill-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni ta' tqabbil fi żmien disgħin minuta mill-bidu taċ-ċiklu tan-nomina jew tan-nomina mill-ġdid;

(iii)

jibgħat kwantitajiet ikkonfermati ta' gass lil utenti tan-netwerk u jiskeda l-fluss tal-gass fil-punt ta' interkonnessjoni mill-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni sa sagħtejn wara l-bidu taċ-ċiklu tan-nomina jew tan-nomina mill-ġdid. Dawn il-passi sekwenzjali għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-regola għall-ħinijiet minimi ewlenin ta' interruzzjoni msemmija fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 984/2013 u fil-paragrafu 2(d) ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 9

Regoli għall-allokazzjoni tal-kwantitajiet tal-gass

1.   Fir-rigward tal-allokazzjoni tal-kwantitajiet tal-gass, l-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jistabbilixxu regoli li jiżguraw konsistenza bejn il-kwantitajiet allokati fuq iż-żewġ naħat tal-punt ta' interkonnessjoni.

2.   Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor fil-ftehim ta' interkonnessjoni, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jużaw kont ta' bbilanċjar operattiv. L-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni li jikkontrolla t-tagħmir tal-kejl għandu jikkalkula mill-ġdid il-kont tal-ibbilanċjar operattiv bi kwantitajiet ivvalidati u jikkomunikah lill-operatur(i) kontigwu/kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni.

3.   Meta japplika kont tal-ibbilanċjar operazzjonali:

(a)

id-differenza fit-tmexxija għandha tkun allokata lil kont ta' bbilanċjar operattiv tal-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni u l-allokazzjonijiet li għandhom jiġu pprovduti minn kull operatur kontigwu tas-sistema ta' trażmissjoni lill-utenti tan-netwerk rispettivi tagħhom għandhom ikunu ugwali għall-kwantitajiet ikkonfermati;

(b)

l-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom iżommu bilanċ operattiv tal-kont tal-ibbilanċjar li jkun kemm jista' jkun qrib iż-żero;

(c)

il-limiti tal-kont tal-ibbilanċjar operattiv għandhom iqisu l-karatteristiċi speċifiċi ta' kull punt ta' interkonnessjoni u/jew tan-netwerks ta' trażmissjoni interkonnessi, b'mod partikolari:

(i)

karatteristiċi fiżiċi tal-punt ta' interkonnessjoni;

(ii)

il-kapaċità tal-linepack ta' kull netwerk ta' trażmissjoni;

(iii)

il-kapaċitajiet tekniċi totali fil-punt ta' interkonnessjoni;

(iv)

id-dinamika tal-fluss tal-gass fin-netwerks ta' trażmissjoni interkonnessi.

Meta jintlaħqu l-limiti definiti tal-kont tal-ibbilanċjar operattiv, l-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni jistgħu jaqblu li jestendu dawk il-limiti sabiex jipprovdu allokazzjonijiet għall-utenti tan-netwerk li jkunu ugwali għall-kwantitajiet ikkonfermati tagħhom jew inkella jallokaw kwantitajiet lill-utenti tan-netwerk ibbażati proporzjonalment fuq il-kwantità mkejla.

4.   L-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni jistgħu jiftiehmu li jżommu jew jimplimentaw regola ta' allokazzjoni differenti mill-kont tal-ibbilanċjar operattiv, sakemm din ir-regola tiġi ppubblikata u l-utenti tan-netwerk jiġu mistiedna biex jikkummentaw fuq ir-regola ta' allokazzjoni proposta fi żmien ta' mill-inqas xahrejn wara l-pubblikazzjoni tar-regola ta' allokazzjoni.

Artikolu 10

Proċeduri ta' komunikazzjoni f'każ ta' avvenimenti eċċezzjonali

1.   L-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti proċeduri ta' komunikazzjoni li jiffaċilitaw komunikazzjoni rapida u simultanja f'każijiet ta' avvenimenti eċċezzjonali. Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-komunikazzjoni bejn l-operaturi tas-sistema ta' tranżmissjoni involuti għandha ssir permezz ta' komunikazzjoni orali bl-Ingliż għall-informazzjoni, segwita minn konferma elettronika bil-miktub.

2.   L-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni milqut minn avveniment eċċezzjonali għandu jintalab, mill-inqas, li jinforma lill-utenti tan-netwerk tiegħu fir-rigward tal-punti (b) u (c) ta' dan il-paragrafu jekk hemm impatt potenzjali fuq il-kwantitajiet ikkonfermati tagħhom u l-operatur jew l-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni fir-rigward tal-punti (a) u (c) ta' dan il-paragrafu, dwar tali avvenimenti eċċezzjonali u li jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar:

(a)

l-impatt possibbli fuq il-kwantitajiet u l-kwalità tal-gass li jista' jinġarr mill-punt ta' interkonnessjoni;

(b)

l-impatt possibbli fuq il-kwantitajiet ikkonfermati għall-utenti tan-netwerk attivi fil-punt(i) ta' interkonnessjoni kkonċernati;

(c)

it-tmiem mistenni u reali tal-avveniment eċċezzjonali.

3.   Dan l-Artikolu japplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u l-atti ta' implimentazzjoni tiegħu.

Artikolu 11

Soluzzjoni ta' tilwim dwar Ftehimiet ta' Interkonnessjoni

1.   L-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jagħmlu sforz biex isolvu amikevolment kwalunkwe tilwim li jinqala' minħabba l-ftehim ta' interkonnessjoni jew b'rabta miegħu u jispeċifikaw mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim għal tilwim li ma jkunx jista' jiġi solvut b'mod amikevoli.

Il-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim għandu jispeċifika mill-inqas:

(a)

il-liġi applikabbli u

(b)

il-qorti ta' ġurisdizzjoni jew it-termini u kundizzjonijiet tal-ħatra ta' esperti jew fil-qafas ta' forum istituzzjonali jew fuq bażi ad hoc, li jistgħu jinkludu l-arbitraġġ.

Meta l-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim ikun arbitraġġ, għandha tapplika l-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta' Deċiżjonijiet ta' Arbitraġġ Barranin.

2.   Fin-nuqqas ta' ftehim dwar il-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim, għandhom japplikaw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 (9) u r-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

Artikolu 12

Proċess ta' emenda

1.   L-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jistabbilixxu proċess ta' emenda trasparenti u ddettaljat dwar il-ftehim ta' interkonnessjoni tagħhom li jrid jiġi skattat permezz ta' avviż bil-miktub ta' wieħed mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni.

2.   Jekk l-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni ma jaslux għal ftehim fuq il-proċess ta' emenda, jistgħu jużaw il-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim żviluppati skont l-Artikolu 11.

KAPITOLU III

UNITAJIET

Artikolu 13

Sett ta' unitajiet komuni

1.   Kull operatur tas-sistema ta' trażmissjoni għandu juża sett ta' unitajiet komuni ddefiniti f'dan l-Artikolu għal kwalunkwe skambju ta' dejta u pubblikazzjoni ta' dejta marbuta mar-Regolament (KE) Nru 715/2009.

2.   Għall-parametri ta' pressjoni, temperatura, volum, valur kalorifiku gross, enerġija, u indiċi-Wobbe l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jużaw:

(a)

pressjoni: bar

(b)

temperatura: °C (grad Celsius)

(c)

volum: m3

(d)

valur kalorifiku gross (GCV): kWh/m3

(e)

enerġija: kWh (ibbażata fuq GCV)

(f)

indiċi-Wobbe: kWh/m3 (ibbażata fuq GCV)

Għall-pressjoni, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jindikaw jekk din tirreferix għal pressjoni assoluta (bar (a)) jew pressjoni tal-gejġ (bar (g)).

Il-kundizzjonijiet ta' referenza għall-volum għandhom ikunu 0 °C u 1,01325 bar(a). Għal GCV, l-enerġija u l-indiċi-Wobbe, it-temperatura ta' referenza ta' kombustjoni prestabbilita għandha tkun ta' 25 °C.

Kull meta l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jikkomunikaw id-dejta dwar il-volum, il-GCV, l-enerġija u l-indiċi Wobbe, dawn għandhom jispeċifikaw taħt liema kundizzjonijiet ta' referenza dawn il-valuri ġew ikkalkolati.

3.   F'każijiet fejn Stat Membru wieħed huwa konness ma' Stat Membru wieħed ieħor biss, l-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni u l-partijiet li jikkomunikaw magħhom, jistgħu jaqblu li jkomplu jużaw kundizzjonijiet ta' referenza oħra għall-iskambju ta' dejta b'rabta mar-Regolament (KE) Nru 715/2009, soġġett għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom.

Artikolu 14

Unitajiet addizzjonali

L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u l-partijiet li jikkomunikaw magħhom b'rabta mar-Regolament (KE) Nru 715/2009 jistgħu jiftiehmu li jużaw, minbarra s-sett komuni ta' unitajiet, unitajiet addizzjonali jew kundizzjonijiet ta' referenza għall-iskambju ta' dejta jew il-pubblikazzjoni tad-dejta. F'tali sitwazzjoni, il-konverżjoni bejn il-kundizzjonijiet ta' referenza għandha ssir fuq il-bażi tal-kompożizzjoni attwali tal-gass. Jekk id-dejta rilevanti dwar il-kompożizzjoni tal-gass ma tkunx disponibbli, il-fatturi ta' konverżjoni użati għandhom ikunu konsistenti mal-Anness abbażi tal-EN ISO 13443 “Gass naturali — Kundizzjonijiet ta' referenza standard” fil-verżjoni applikabbli dak iż-żmien.

KAPITOLU IV

KWALITÀ TAL-GASS U GĦOTI TA' RIĦA

Artikolu 15

Ġestjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ transfruntier minħabba differenzi fil-kwalità tal-gass

1.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jikkooperaw biex jevitaw restrizzjonijiet fuq kummerċ transfruntier minħabba differenzi fil-kwalità tal-gass. Dawn l-azzjonijiet, mibdija u mwettqa mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fl-operazzjonijiet standard tagħhom, jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, it-tpartit u t-taħlit.

2.   Meta restrizzjoni fuq il-kummerċ transfruntier minħabba differenzi fil-kwalità tal-gass ma tistax tiġi evitata mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni kkonċernati u tkun rikonoxxuta mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, dawk l-awtoritajiet jistgħu jeħtieġu li l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jwettqu l-azzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (e) wara xulxin, fi żmien tnax-il xahar:

(a)

jikkooperaw u jiżviluppaw għażliet teknikament fattibbli, mingħajr ma jibdlu l-ispeċifikazzjonijiet tal-kwalità tal-gass, li jistgħu jinkludu impenji ta' fluss u trattament tal-gass, sabiex titneħħa r-restrizzjoni rikonoxxuta;

(b)

iwettqu flimkien analiżi kost-benefiċċju dwar l-għażliet teknikament fattibbli biex jiddefinixxu soluzzjonijiet ekonomikament effiċjenti li għandhom jispeċifikaw l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji fost il-kategoriji tal-partijiet affettwati;

(c)

jipproduċu stima tal-ħin ta' implimentazzjoni għal kull għażla potenzjali;

(d)

iwettqu konsultazzjoni pubblika dwar soluzzjonijiet fattibbli identifikati u jqisu r-riżultati tal-konsultazzjoni;

(e)

jissottomettu proposta konġunta għat-tneħħija tar-restrizzjoni rikonoxxuta, inkluża l-iskeda ta' żmien għall-implimentazzjoni, ibbażata fuq l-analiżi kostbenefiċċju u r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rispettivi tagħhom għall-approvazzjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-oħra ta' kull Stat Membru involut għall-informazzjoni.

Meta l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni kkonċernati ma jilħqux ftehim dwar soluzzjoni, kull operatur tas-sistema ta' trażmissjoni għandu jinforma minnufih lill-awtorità regolatorja nazzjonali tiegħu.

3.   Qabel ma tadotta deċiżjoni skont il-punt (e) tal-paragrafu 2, kull awtorità regolatorja nazzjonali għandha tikkonsulta lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri kkonċernati. Fl-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha, kull awtorità regolatorja nazzjonali għandha tikkunsidra l-opinjoni tal-awtoritajiet nazzjonali regolatorji kontigwi sabiex ikun hemm deċiżjoni ikkoordinata bbażata fuq ftehim reċiproku.

Artikolu 16

Monitoraġġ għal żmien qasir tal-kwalità tal-gass — pubblikazzjoni tad-dejta

L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jippubblikaw fuq il-websajt tagħhom għal kull punt ta' interkonnessjoni, bi frekwenza ta' mill-inqas darba kull siegħa matul jum tal-gass, l-indiċi-Wobbe u l-valur kalorifiku gross għall-gass li jidħol direttament fin-netwerks ta' trażmissjoni tagħhom fil-punti ta' interkonnessjoni fiżika kollha. L-ENTSO tal-Gass għandu jippubblika fuq il-pjattaforma ċentrali tiegħu għall-Unjoni kollha, stabbilita skont il-punt 3.1.1(1)(h) tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, ħolqa għall-informazzjoni rilevanti fuq il-websajts tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni.

Artikolu 17

Għoti ta' informazzjoni dwar il-varjazzjoni fil-kwalità tal-gass għal żmien qasir

1.   Minbarra l-punti ta' interkonnessjoni, dan l-Artikolu għandu japplika għal punti oħra fuq in-netwerks ta' trażmissjoni fejn titkejjel il-kwalità tal-gass.

2.   Operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jista' jagħżel parti waħda jew diversi partijiet minn dawn li ġejjin biex jirċievu informazzjoni dwar il-varjazzjoni fil-kwalità tal-gass:

(a)

il-klijenti finali direttament konnessi man-netwerk tal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni, li l-proċessi operattivi tagħhom huma milquta ħażin mit-tibdil fil-kwalità tal-gass jew utent tan-netwerk li jaġixxi f'isem klijent finali li l-proċessi operattivi tiegħu huma milquta ħażin mit-tibdil fil-kwalità tal-gass, fejn arranġament kuntrattwali dirett bejn operatur tas-sistema ta' trażmissjoni u l-klijenti finali tiegħu direttament konnessi, ma jkunx previst mir-regoli nazzjonali;

(b)

operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni konnessi direttament man-netwerk tal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni, bi klijenti finali konnessi li l-proċessi operattivi tagħhom ikunu affettwati ħażin minn bidliet fil-kwalità tal-gass;

(c)

operaturi tas-sistema ta' ħażna konnessi direttament man-netwerk tal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni, li l-proċessi operattivi tiegħu jkunu affettwati ħażin mill-bidliet fil-kwalità tal-gass.

3.   Kull operatur tas-sistema ta' trażmissjoni għandu:

(a)

jiddefinixxi u jżomm lista ta' partijiet intitolati biex jirċievu informazzjoni indikattiva tal-kwalità tal-gass;

(b)

jikkoopera mal-partijiet identifikati fil-lista ta' hawn fuq sabiex jevalwa:

(i)

l-informazzjoni rilevanti dwar parametri tal-kwalità tal-gass li għandhom jingħataw;

(ii)

il-frekwenza tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta;

(iii)

il-ħin prinċipali;

(iv)

il-metodu ta' komunikazzjoni.

4.   Il-paragrafu 3 ma għandu jimponi ebda obbligu fuq l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni biex jinstallaw tagħmir addizzjonali ta' kejl jew previżjoni, sakemm ma jkunx meħtieġ mod ieħor mill-awtorità regolatorja nazzjonali. L-informazzjoni taħt il-paragrafu 3(b)(i) ta' dan l-Artikolu għandha tiġi pprovduta bħala l-aħjar stima tal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni f'punt partikolari u għall-użu intern ta' min jirċievi l-informazzjoni.

Artikolu 18

Monitoraġġ fit-tul fuq il-kwalità tal-gass fis-sistemi ta' trażmissjoni

1.   L-ENTSO tal-Gass għandu jippubblika kull sentejn prospett ta' monitoraġġ fit-tul tal-kwalità tal-gass għas-sistemi ta' trażmissjoni sabiex jidentifika t-tendenzi potenzjali tal-parametri tal-kwalità tal-gass u l-varjabbiltà potenzjali rispettiva fl-għaxar snin li ġejjin. L-ewwel prospett ta' monitoraġġ fit-tul tal-kwalità tal-gass għandu jiġi ppubblikat flimkien mal-Pjan ta' Għaxar Snin għall-Iżvilupp tan-Netwerk tal-2017.

2.   Il-prospettiva għandha tkun ibbażata fuq l-inputs miġbura fil-qafas tal-kooperazzjoni reġjonali stabbilita fl-ENTSO tal-Gass skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009.

3.   Il-prospettivi tal-monitoraġġ fit-tul tal-kwalità tal-gass għandhom ikopru mill-inqas l-indiċi-Wobbe u l-valur kalorifiku gross. Jistgħu jiġu inklużi parametri addizzjonali tal-kwalità tal-gass wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati msemmija fil-paragrafu 8.

4.   Il-prospettiva tal-monitoraġġ fit-tul tal-kwalità tal-gass għandha tidentifika sorsi ta' forniment potenzjali minn perspettiva tal-kwalità tal-gass.

5.   Sabiex jiġu definiti l-valuri ta' referenza tal-parametri tal-kwalità tal-gass għas-sorsi ta' provvista rispettivi li għandhom jintużaw fil-prospettiva, għandha ssir analiżi tas-snin ta' qabel. Tali dejta tista' tiġi ssostitwita minn inputs ta' partijiet interessati li jirriżultaw mill-proċess ta' impenn tal-partijiet interessati msemmi fil-paragrafu 8.

6.   Għal kull parametru tal-kwalità tal-gass ikkunsidrat u kull reġjun, l-analiżi għandha tirriżulta f'firxa li fiha il-parametru jkun mistenni jevolvi.

7.   Il-prospettiva tal-monitoraġġ fit-tul tal-kwalità tal-gass għandha tkun konsistenti u allinjata mal-Pjan ta' Għaxar Snin għall-Iżvilupp tan-Netwerk tal-ENTSO tal-Gass fl-Unjoni kollha li qed jiġi ppreparat fl-istess ħin.

8.   Il-proċess ta' konsultazzjoni tal-partijiet interessati użat għall-Pjan ta' Għaxar Snin għall-Iżvilupp tan-Netwerk fl-Unjoni għandu jiġi esstiż biex jinkludi l-kwalità tal-gass bħala oġġett. Permezz ta' dan il-proċess, il-partijiet interessati jkunu mistiedna biex jipprovdu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-evoluzzjoni tal-parametri tal-kwalità tal-gass tal-provvisti lill-ENSTO tal-Gass.

Artikolu 19

Ġestjoni tar-restrizzjonijiet tal-kummerċ transfruntier minħabba differenzi fil-prattiki tal-għoti ta' riħa

1.   Meta restrizzjoni għall-kummerċ transfruntier minħabba differenzi fil-prattiki tal-għoti ta' riħa ma tkunx tista' tiġi evitata mill-operaturi kkonċernati tas-sistema ta' trażmissjoni u dan ikun rikonoxxut mill-awtoritajiet nazzjonali, l-awtoritajiet jistgħu jeħtieġu li l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni kkonċernati jilħqu ftehim fi żmien sitt xhur, li jista' jinkludi tpartit u impenji tal-fluss, sabiex isolvu kwalunkwe restrizzjoni rikonoxxuta. L-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni kkonċernati għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet nazzjonali rispettivi tagħhom bil-ftehim għall-approvazzjoni.

2.   Meta ma jkunx jista' jintlaħaq ftehim bejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni kkonċernati wara l-perjodu ta' sitt xhur imsemmi fil-paragrafu 1 jew meta l-awtoritajiet nazzjonali jaqblu li l-ftehim propost mill-operaturi kontigwi tas-sistema ta' trażmissjoni kkonċernati ma jkunx effettiv biżżejjed biex ineħħi r-restrizzjoni, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni kkonċernati, b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, għandhom, fit-tnax-il xahar li jsegwu, jiddefinixxu pjan dettaljat li jistipula l-iktar metodu kosteffettiv biex titneħħa restrizzjoni rikonoxxuta fil-punt speċifiku ta' interkonnessjoni transfruntiera.

3.   Għall-finijiet tat-twettiq tal-obbligi skont il-paragrafu 2, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni kkonċernati għandhom f'sekwenza:

(a)

jiżviluppaw għażliet biex ineħħu r-restrizzjoni billi jidentifikaw u jivvalutaw:

(i)

konverżjoni lejn fluss fiżiku transfruntier ta' gass mingħajr riħa;

(ii)

il-fluss fiżiku potenzjali tal-gass mogħti riħa fin-netwerk ta' trażmissjoni mingħajr riħa jew parti minnu u sistemi downstream interkonnessi;

(iii)

livell aċċettabbli ta' għoti ta' riħa għall-fluss tal-gass fiżiku transfruntier.

(b)

iwettqu b'mod konġunt analiżi ta' kost-benefiċċju fuq l-għażliet teknikament fattibbli biex jiddefinixxu soluzzjonijiet ekonomikament effiċjenti. Dik l-analiżi għandha:

(i)

tqis il-livell ta' sikurezza;

(ii)

tinkludi informazzjoni dwar il-volumi pproġettati ta' gass li għandu jiġi trasportat u d-dettalji tal-ispejjeż ta' investiment fl-infrastruttura neċessarji;

(iii)

tispeċifika l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji bejn il-kategoriji tal-partijiet affettwati;

(c)

jipproduċu stima tal-ħin ta' implimentazzjoni għal kull għażla potenzjali;

(d)

iwettqu konsultazzjoni pubblika u jqisu r-riżultati ta' tali konsultazzjoni;

(e)

jissottomettu s-soluzzjonijiet fattibbli inkluż il-mekkaniżmu ta' rkupru tal-ispejjeż u l-ħin ta' implimentazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali għall-approvazzjoni.

Ladarba tkun approvata soluzzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali, dik is-soluzzjoni għandha tiġi implimentata skont il-qafas ta' żmien previst fil-punt (e).

4.   Jekk l-awtoritajiet nazzjonali ma japprovaw l-ebda soluzzjoni ppreżentata taħt il-punt (e) tal-paragrafu 3 fi żmien 6 xhur mill-preżentazzjoni tagħha jew jekk l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni kkonċernati jonqsu milli jipproponu soluzzjoni fi żmien il-qafas ta' 12-il xahar tal-paragrafu 2, għandha tiġi implimentata bidla lejn il-fluss fiżiku transfruntier ta' gass mingħajr riħa, f'perjodu ta' żmien approvat mill-awtoritajiet nazzjonali, iżda li ma jaqbiżx l-erba' snin. Wara bidla teknika sħiħa lejn gass mingħajr riħa, l-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni għandhom jaċċettaw livelli teknikament inevitabbli ta' tnaqqis suċċessiv tal-ammonti residwi ta' rwejjaħ fil-flussi transfruntiera.

KAPITOLU V

SKAMBJU TA' DEJTA

Artikolu 20

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu, “kontropartijiet” tfisser utenti tan-netwerk attivi:

(a)

fil-punti ta' interkonnessjoni; jew

(b)

kemm fil-punti ta' interkonnessjoni kif ukoll fil-punti kummerċjali virtwali.

2.   Ir-rekwiżiti dwar l-iskambju ta' dejta previsti fil-punt 2.2 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 984/2013, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 312/2014, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1227/2011 u dan ir-Regolament bejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni lill-kontropartijiet tagħhom, għandhom jiġu ssodisfati permezz ta' soluzzjonijiet tal-iskambju ta' dejta komuni stabbiliti fl-Artikolu 21.

Artikolu 21

Soluzzjonijiet tal-iskambju ta' dejta komuni

1.   Skont ir-rekwiżiti tal-iskambju ta' dejta skont l-Artikolu 20(2), jista' jiġi implimentat u użat wieħed jew aktar minn dawn it-tipi ta' skambju ta' dejta:

(a)   skambju ta' dejta bbażat fuq dokument: id-dejta hija miġbura ġo fajl u skambjata awtomatikament bejn is-sistemi rispettivi tal-IT;

(b)   skambju ta' dejta integrat: id-dejta tiġi skambjata bejn żewġ applikazzjonijiet direttament fuq is-sistemi rispettivi tal-IT;

(c)   skambju ta' dejta interattiv: id-dejta tiġi skambjata b'mod interattiv permezz ta' applikazzjoni tal-web permezz ta' brawżer.

2.   Is-soluzzjonijiet tal-iskambju ta' dejta komuni għandhom jinkludu l-protokoll, il-format tad-dejta u n-netwerk. Is-soluzzjonijiet komuni li ġejjin tal-iskambju ta' dejta għandhom jintużaw għal kull wieħed mit-tipi ta' skambju ta' dejta elenkati fil-paragrafu 1:

(a)

Għall-iskambju ta' dejta bbażat fuq dokument:

(i)

protokoll: AS4;

(ii)

format tad-dejta: Edig@s-XML, jew format ekwivalenti tad-dejta li jiżgura livell identiku ta' interoperabbiltà. L-ENTSO tal-Gass għandu jippubblika tali format tad-dejta ekwivalenti.

(b)

Għall-iskambju ta' dejta integrat:

(i)

protokoll: HTTP/S-SOAP;

(ii)

format tad-dejta: Edig@s-XML, jew format ekwivalenti tad-dejta li jiżgura livell identiku ta' interoperabbiltà. L-ENTSO tal-Gass għandu jippubblika tali format tad-dejta ekwivalenti.

(c)

Għall-skambju ta' dejta interattiv, il-protokoll għandu jkun HTTP/S.

Għat-tipi kollha ta' skambju ta' dejta stabbiliti fil-punti (a) sa (c), in-netwerk għandu jkun l-Internet.

3.   Meta tiġi identifikata ħtieġa potenzjali biex tinbidel is-soluzzjoni tal-iskambju ta' dejta komuni, l-ENTSO tal-Gass, fuq inizjattiva tiegħu stess jew it-talba tal-ACER, għandu jevalwa s-soluzzjonijiet tekniċi rilevanti u jipproduċi analiżi tal-kost-benefiċċju tal-bidla/bidliet potenzjali li jkunu meħtieġa, inkluża l-analiżi tar-raġunijiet li jagħmlu pass teknoloġiku evoluzzjonari meħtieġ. Konsultazzjoni pubblika li tinvolvi l-partijiet interessati kollha għandha ssir mill-ENTSO tal-Gass inkluża l-preżentazzjoni tar-riżultat tal-evalwazzjoni u l-proposta(i) bbażata(i) fuq l-analiżi tal-kost-benefiċċju mwettqa.

Meta emenda għas-soluzzjonijiet tal-iskambju ta' dejta komuni titqies li hija meħtieġa, l-ENTSO tal-Gass għandu jissottometti proposta lil ACER skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009.

Artikolu 22

Sigurtà u disponibbiltà tas-sistema tal-iskambju ta' dejta

1.   Kull operatur tas-sistema ta' trażmissjoni u kull kontroparti għandhom ikunu responsabbli biex jiżguraw li jittieħdu l-miżuri ta' sigurtà adegwati. B'mod partikolari għandhom:

(a)

jiżguraw il-katina ta' komunikazzjoni sabiex tipprovdi komunikazzjonijiet siguri u affidabbli, inkluża l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità permezz tal-kodifikazzjoni, l-integrità u l-awtentiċità bil-firma tal-mittent u n-nuqqas ta' rifjut permezz ta' konferma ffirmata;

(b)

jimplimentaw miżuri ta' sigurtà xierqa sabiex jipprevjenu aċċess mhux awtorizzat tal-infrastruttura tal-IT tagħhom;

(c)

jinnotifikaw lill-partijiet l-oħra li jikkomunikaw magħom, mingħajr dewmien rigward kwalunkwe aċċess mhux awtorizzat li jkun sar jew seta' sar fis-sistema tagħhom stess.

2.   Kull operatur tas-sistema ta' trażmissjoni għandu jkun responsabbli biex jiżgura d-disponibbiltà tas-sistema tiegħu stess u għandu:

(a)

jieħu l-miżuri xierqa biex jimpedixxi li punt wieħed ta' ħsara jikkawża nuqqas ta' disponibbiltà tas-sistema ta' skambju ta' dejta, inkluż sal-konnessjoni(jiet) tan-netwerk mal-fornitur(i) tas-servizz tal-Internet;

(b)

jiksbu s-servizzi xierqa u appoġġ mill-fornitur(i) tas-servizz tal-Internet tiegħu;

(c)

iżomm kemm jista' jkun baxxi l-perjodi ta' interruzzjoni fis-servizz, bħala konsegwenza ta' manutenzjoni ppjanata tal-IT, u jinforma lill-kontropartijiet tiegħu, qabel in-nuqqas ta' disponibbiltà ppjanat.

Artikolu 23

Implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet tal-iskambju ta' dejta komuni

1.   Skont ir-rekwiżiti tal-iskambju ta' dejta skont l-Artikolu 20(2), l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jipprovdu u jużaw is-soluzzjonijiet tal-iskambju ta' dejta komuni definiti fl-Artikolu 21.

2.   Meta s-soluzzjonijiet tal-iskambju ta' dejta bejn operatur tas-sistema ta' trażmissjoni u l-kontropartijiet ikkonċernati jkunu fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u sakemm is-soluzzjonijiet tal-iskambju ta' dejta eżistenti jkunu kompatibbli mal-Artikolu 22 u mar-rekwiżiti tal-iskambju ta' dejta skont l-Artikolu 20(2), is-soluzzjonijiet tal-iskambju ta' dejta eżistenti jistgħu jkomplu japplikaw wara konsultazzjoni mal-utenti tan-netwerk u soġġetti għall-approvazzjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali tal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni.

Artikolu 24

Proċess ta' żvilupp għall-għodod operattivi tan-netwerk komuni

1.   Għal kull rekwiżit tal-iskambju ta' dejta skont l-Artikolu 20(2), l-ENTSO tal-Gass għandu jiżviluppa għodda operattiva tan-netwerk komuni skont l-Artikolu 8(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 u għandu jippubblikaha fuq il-websajt tiegħu. L-għodda operattiva tan-netwerk komuni għandha tispeċifika s-soluzzjoni tal-iskambju ta' dejta komuni rilevanti għar-rekwiżit tal-iskambju ta' dejta rispettiv. L-għodda operattiva tan-netwerk komuni tista' tinkludi wkoll speċifikazzjonijiet tar-rekwiżiti tan-negozju, ġestjoni ta' rilaxx u linji gwida għall-implimentazzjoni.

2.   L-ENTSO tal-Gass għandu jistabbilixxi proċess trasparenti għall-iżvilupp tal-għodod operattivi tan-netwerk komuni kollha. L-ENTSO tal-Gass għandu jmexxi konsultazzjoni għal kull għodda operattiva tan-netwerk komuni.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 25

Monitoraġġ tal-implimentazzjoni

1.   Sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru 2016, l-ENTSO tal-Gass għandu jimmonitorja u janalizza kif l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni implimentaw il-Kapitoli II sa V ta' dan ir-Regolament skont l-obbligi ta' monitoraġġ u rappurtar tiegħu skont l-Artikolu 8(8) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 u għandu jissottometti lill-Aġenzija l-informazzjoni kollha meħtieġa li tippermetti lill-Aġenzija tikkonforma mal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009.

2.   Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Lulju 2016, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jikkomunikaw lill-ENTSO tal-Gass l-informazzjoni kollha meħtieġa li tippermetti lill-ENTSO tal-Gass jikkonforma mal-obbligi tiegħu taħt il-paragrafu 1.

Artikolu 26

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta' Mejju 2016 mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' April 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1).

(3)  Id-Direttiva 2009/142/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 rigward tagħmir li juża l-gass (ĠU L 330, 16.12.2009, p. 10).

(4)  Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 984/2013 tal-14 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk dwar il-Mekkaniżmi ta' Allokazzjoni tal-Kapaċità fis-Sistemi ta' Trażmissjoni tal-Gass u li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 273, 15.10.2013, p. 5).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 312/2014 tas-26 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk dwar l-Ibbilanċjar tal-Gass tan-Netwerks ta' Trażmissjoni (ĠU L 91, 27.3.2014, p. 15).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar miżuri li jissalvagwardaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 1)

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 1)

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6).


ANNESS

Il-fatturi ta' konverżjoni bejn il-kundizzjonijiet ta' referenza

Temperatura ta' referenza f'°C(kombustjoni, volum)

25/20 sa 25/0

25/20 sa 15/15

25/20 sa 0/0

25/0 sa 15/15

25/0 sa 0/0

15/15 sa 0/0

Valur kalorifiku superjuri reali abbażi tal-volum

1,0738

1,0185

1,0766

0,9486

1,0026

1,0570

Valur kalorifiku inferjuri reali abbażi tal-volum

1,0738

1,0176

1,0741

0,9477

1,0003

1,0555

Indiċi Wobble Reali

1,0736

1,0185

1,0764

0,9487

1,0026

1,0569

Sors: EN ISO 13443 “Gass naturali — Kundizzjonijiet standard ta' referenza”


Top