EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0239

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/239 tal- 10 ta' Frar 2015 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe

OJ L 40, 16.2.2015, p. 4–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/239/oj

Related international agreement

16.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 40/4


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/239

tal-10 ta' Frar 2015

dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43 flimkien mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) u l-Artikolu 218(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Fit-23 ta' Lulju 2007, il-Kunsill approva l-Ftehim ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta' São Tomé e Príncipe u l-Komunità Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim ta' Sħubija”) billi adotta r-Regolament (KE) Nru 894/2007 (1).

(2)

L-applikazzjoni tal-aħħar Protokoll (2) li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta' Sħubija skadiet fit-12 ta' Mejju 2014.

(3)

L-Unjoni nnegozjat Protokoll ġdid mar-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe, għal perjodu ta' erba' snin, li jagħti lill-bastimenti tal-Unjoni opportunitajiet ta' sajd fl-ilmijiet li fuqhom ir-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe għandha s-sovranità jew il-ġurisdizzjoni fir-rigward tas-sajd.

(4)

Dan il-Protokoll ġdid ġie ffirmat f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/334/UE (3) u għandu jiġi applikat provviżorjament mid-data tal-iffirmar tiegħu.

(5)

Il-Protokoll il-ġdid għandu jiġi approvat.

(6)

Il-Ftehim ta' Sħubija jistabbilixxi Kumitat Konġunt inkarigat li jissorvelja l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim. Barra minn hekk, f'konformità mal-Protokoll, il-Kumitat Konġunt jista' japprova ċerti modifiki għall-Protokoll. Bl-iskop tal-faċilitazzjoni tal-approvazzjoni ta' dawn il-modifiki, huwa xieraq li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa, taħt kondizzjonijiet speċifiċi, biex tapprovahom skont proċedura simplifikata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Protokoll”) huwa approvat f'isem l-Unjoni (4).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jagħti, f'isem l-Unjoni, in-notifika prevista fl-Artikolu 15 tal-Protokoll (5).

Artikolu 3

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet u l-kondizzjonijiet stipulati fl-Anness, il-Kummissjoni hija b'dan mogħtija s-setgħa li tapprova, f'isem l-Unjoni, il-modifiki li jsiru lill-Protokoll fil-Kumitat Konġunt.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Frar 2015.

Mill-Kunsill

Il-President

E. RINKĒVIČS


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 894/2007 tat-23 ta' Lulju 2007 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta' São Tomé e Príncipe u l-Komunità Ewropea (ĠU L 205, 7.8.2007, p. 35).

(2)  Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe (ĠU L 136, 24.5.2011, p. 5).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/334/UE tad-19 ta' Mejju 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti bil-Ftehim ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 1).

(4)  Il-Protokoll ġie ppubblikat fil-ĠU L 168, 7.6.2014, p. 3 flimkien mad-Deċiżjoni dwar l-iffirmar.

(5)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


ANNESS

L-ambitu tas-setgħat mogħtija u l-proċedura għall-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt

1.

Il-Kummissjoni hija awtorizzata li tinnegozja mar-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Principe u, meta jixraq u suġġett għall-konformità mal-paragrafu 3 ta' dan l-Anness, tapprova l-modifiki għall-Protokoll fir-rigward tal-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)

deċiżjoni dwar il-modalitajiet tal-appoġġ settorjali f'konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll;

(b)

adattament tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kondizzjonijiet tal-attivitajiet tas-sajd u l-modalitajiet tal-applikazzjoni tal-Protokoll u tal-Annessi f'konformità mal-Artikolu 5(2) tal-Protokoll.

2.

Fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim tas-Sħubija fis-Settur tas-Sajd, l-Unjoni għandha:

(a)

taġixxi f'konformità mal-objettivi li għandha l-Unjoni fi ħdan il-qafas tal-Politika Komuni tas-Sajd,

(b)

tkun konformi mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2012 dwar il-Komunikazzjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd,

(c)

tippromwovi pożizzjonijiet li huma konsistenti mar-regoli rilevanti adottati mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd.

3.

Meta deċiżjoni dwar il-modifiki għall-Protokoll msemmija fil-paragrafu 1 hija prevista li tiġi adottata waqt laqgħa tal-Kumitat Konġunt, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex il-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f'isem l-Unjoni tieħu kont tal-informazzjoni l-aktar reċenti dwar l-istatistika, dik bijoloġika u informazzjoni rilevanti oħra mibgħuta lill-Kummissjoni.

Għal dan il-għan u abbażi ta' dik l-informazzjoni, dokument preparatorju li jistabbilixxi d-dettalji tal-pożizzjoni prevista tal-Unjoni għandu jintbagħat mis-servizzi tal-Kummissjoni, fi żmien suffiċjenti qabel il-laqgħa rilevanti tal-Kumitat Konġunt, lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu għall-kunsiderazzjoni u l-approvazzjoni.

Il-pożizzjoni prevista tal-Unjoni fid-dokument preparatorju għandha titqies li ntlaħaq qbil dwarha, sakemm numru ta' Stati Membri ekwivalenti għal minoranza li timblokka ma joġġezzjonax waqt laqgħa tal-korp preparatorju tal-Kunsill jew fi żmien 20 ġurnata minn meta jkun wasal id-dokument preparatorju, skont liema data tinżerta l-ewwel. Fil-każ ta' oġġezzjoni, il-kwistjoni għandha tintbagħat lill-Kunsill.

Jekk, matul laqgħat ulterjuri, inkluż dawk fuq il-post, ikun impossibbli li jintlaħaq qbil sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tieħu kont ta' elementi ġodda, il-kwistjoni għandha tiġi rreferuta lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu.

Il-Kummissjoni hija mistiedna tieħu l-passi meħtieġa, fi żmien debitu, bħala segwitu għad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, inkluż li, fejn ikun il-każ, tippubblika d-deċiżjoni rilevanti f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tippreżenta kwalunkwe proposta meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dik id-deċiżjoni.


Top