EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0238

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/238 tal- 10 ta' Frar 2015 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għal bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tas-Seychelles għall-ilmijiet u r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar tal-Majott, taħt il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni Ewropea

OJ L 40, 16.2.2015, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/238/oj

Related international agreement

16.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 40/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/238

tal-10 ta' Frar 2015

dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għal bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tas-Seychelles għall-ilmijiet u r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar tal-Majott, taħt il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) u 218(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Fil-11 ta' Lulju 2012, il-Kunsill Ewropew adotta d-Deċiżjoni 2012/419/UE (1) li temenda, b'effett mill-1 ta' Jannar 2014, l-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni Ewropea. Minn dik id-data, il-Majott waqfet milli jkollha l-istatus ta' pajjiż u territorju extra-Ewropew u saret ikollha l-istatus ta' reġjun ultraperifiku tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(2)

Il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja, f'isem l-Unjoni, ftehim mar-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess, għal bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika tas-Seychelles, għall-ilmijiet u r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar tal-Unjoni fiż-żona ekonomika esklussiva 'l barra mill-kosta tal-Majott.

(3)

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għall-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tas-Seychelles għall-ilmijiet u r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar tal-Majott, taħt il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni Ewropea (“il-Ftehim”) ġie ffirmat skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/331/UE (2) u huwa applikat b'mod provviżorju mill-20 ta' Mejju 2014.

(4)

Il-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt responsabbli mis-sorveljanza tal-applikazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, skont il-Ftehim, il-Kumitat Konġunt jista' japprova ċerti modifiki għal dan il-Ftehim. Bl-iskop li jiġu implimentati dawn il-modifiki, huwa xieraq li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa biex tapprovahom skont proċedura ssimplifikata.

(5)

Sabiex l-awtoritajiet fil-Majott jimplimentaw ir-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) mid-data li fiha l-Majott issir reġjun ultraperifiku, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti qafas amministrattiv xieraq, attivitajiet ta' kontroll u l-infrastruttura fiżika, u li jsir provvediment għat-tiswir ta' kapaċità adegwata. Dan se jassisti fir-rigward tar-rekwiżit ta' konformità ma' obbligi ta' rappurtar internazzjonali tal-Unjoni.

(6)

Għandhom jiġu provduti lill-awtoritajiet tas-sajd tal-Majott il-mezzi finanzjarji neċessarji permezz tat-tariffi li jitħallsu mis-sidien tal-bastimenti direttament lill-Majott. Tali soluzzjoni hija aktar xierqa billi żviluppat relazzjoni qawwija bejn il-flotta tas-Seychelles u l-Komunità lokali fir-reġjun ultraperifiku ta' Franza tal-Majott. Il-flotta tas-sajd li ttajjar il-bandiera tas-Seychelles operat fl-ilmijiet tal-Majott għal diversi snin permezz ta' arranġament bejn il-Majott u s-sidien tal-bastimenti, fejn is-sidien tal-bastimenti ħallsu tariffa tal-liċenzja lill-Majott biex jistadu f'ilmijietha. Biex tinżamm din il-kontinwità tal-operazzjonijiet tas-sajd u l-benefiċċji sussegwenti għall-Majott, huwa xieraq li l-ħlasijiet kollha relatati ma' awtorizzazzjonijiet u qabdiet taħt dan il-Ftehim jibbenefikaw direttament lill-komunità lokali fil-Majott.

(7)

Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għall-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tas-Seychelles għall-ilmijiet u r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar tal-Majott, taħt il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni Ewropea huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni (3).

Artikolu 2

1.   Franza hija b'dan awtorizzata li tiġbor, għall-kont tar-reġjun ultraperifiku tagħha, il-Majott, il-pagamenti relatati mal-awtorizzazzjonijiet u l-qabdiet u tariffi oħra dovuti minn operaturi ta' bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tas-Seychelles b'konsiderazzjoni tal-għoti ta' aċċess għall-ilmijiet u r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fl-ilmijiet tal-Unjoni 'l barra mill-kosta tal-Majott skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III, Taqsima 1, paragrafi 8 u 9 u t-Taqsima 2 tal-Anness tal-Ftehim. Dawk l-introjti għandhom jintużaw minn Franza għall-istabbiliment ta' qafas amministrattiv adegwat, attivitajiet ta' kontroll, infrastruttura fiżika u l-provvediment ta' tiswir ta' kapaċità adegwata sabiex l-amministrazzjoni fil-Majott tissodisfa r-rekwiżiti tas-PKS.

2.   Franza għandha tipprovdi d-dettalji ta' dak il-kont bankarju lill-Kummissjoni.

3.   Fl-aħħar ta' kull sena ta' implimentazzjoni tal-Ftehim, Franza għandha tibgħat lill-Kummissjoni rapport dettaljat dwar il-pagamenti li jsiru mill-bastimenti awtorizzati li jistadu u dwar l-utilizzazzjoni ta' dawk il-pagamenti.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill għandu jagħti, f'isem l-Unjoni, in-notifika prevista fl-Artikolu 19 tal-Ftehim (4).

Artikolu 4

Soġġett għad-dispożizzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbliti fl-Anness, il-Kummissjoni Ewropea hija b'dan mogħtija s-setgħa biex tapprova, f'isem l-Unjoni, il-modifiki magħmulin fil-Ftehim fil-Kumitat Konġunt.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Frar 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

E. RINKĒVIČS


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2012/419/UE tal-11 ta' Lulju 2012 li temenda l-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 204, 31.7.2012, p. 131).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/331/UE tal-14 ta' April 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għall-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tas-Seychelles għall-ilmijiet u r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar tal-Majott, taħt il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 167, 6.6.2014, p. 1).

(3)  Il-Ftehim ġie ppubblikat fil-ĠU L 167, 6.6.2014, p. 4 flimkien mad-Deċiżjoni dwar l-iffirmar.

(4)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


ANNESS

Ambitu tal-għoti tas-setgħa u l-proċedura għall-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt

1.

Il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tinnegozja mar-Repubblika tas-Seychelles u tiftiehem, fejn ikun xieraq u sakemm tkun konformi mal-paragrafu 3 ta' dan l-Anness, taqbel mal-modifiki tal-Ftehim fir-rigward tal-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)

rivalutazzjoni u aġġustament tal-opportunitajiet tas-sajd b'konformità mal-Artikolu 9 tal-Ftehim;

(b)

reviżjoni tad-dispożizzjonijiet tekniċi tal-Ftehim u tal-Anness, inkluża reviżjoni tar-regoli tekniċi dwar il-VMS skont il-punt 10 tal-Appendiċi 6 tal-Anness tal-Ftehim.

2.

Fil-Kumitat Konġunt stabbilit taħt l-Artikolu 8 tal-Ftehim, il-Kummissjoni għandha:

(a)

taġixxi f'konformità mal-għanijiet tal-Unjoni fi ħdan il-qafas tal-PKS;

(b)

tkun konformi mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad- 19 ta' Marzu 2012 dwar Komunikazzjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd;

(c)

tippromwovi pożizzjonijiet li huma konsistenti mar-regoli rilevanti adottati mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd.

3.

Meta deċiżjoni dwar il-modifiki għall-Ftehim imsemmija fil-paragrafu 1 hija prevista li tiġi adottata waqt Laqgħa tal-Kumitat Konġunt, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex il-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f'isem l-Unjoni, tieħu kont tal-informazzjoni l-aktar reċenti dwar l-istatistika, dik bijoloġika u informazzjoni rilevanti oħra mibgħuta lill-Kummissjoni Ewropea.

Għal dan il-għan u abbażi ta' dik l-informazzjoni, dokument preparatorju li jistabbilixxi d-dettalji tal-pożizzjoni prevista tal-Unjoni għandu jintbagħat mis-servizzi tal-Kummissjoni, fi żmien suffiċjenti qabel il-Laqgħa rilevanti tal-Kumitat Konġunt, lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu għall-kunsiderazzjoni u l-approvazzjoni.

Jekk, matul laqgħat ulterjuri, inkluż dawk fuq il-post, ikun impossibbli li jintlaħaq qbil sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tieħu kont ta' elementi ġodda, il-kwistjoni għandha tiġi rreferuta lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu.

Il-Kummissjoni hija mistiedna tieħu l-passi meħtieġa, fi żmien debitu, bħala segwitu għad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, inkluż, fejn adegwat, tippubblika d-deċiżjoni rilevanti f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tippreżenta kwalunkwe proposta meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni.


Top