EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0249

Regolament (UE) Nru 249/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Frar 2014 li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 827/2004 li jipprojbixxi l-importazzjoni tat-tonn alalunga mill-Atlantiku (Thunnus obesus) li joriġina fil-Bolivja, il-Kambodja, il-Ginea Ekwatorjali, Ġeorġja u Sjerra Leone u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1036/2001

OJ L 84, 20.3.2014, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/249/oj

20.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/4


REGOLAMENT (UE) Nru 249/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Frar 2014

li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 827/2004 li jipprojbixxi l-importazzjoni tat-tonn alalunga mill-Atlantiku (Thunnus obesus) li joriġina fil-Bolivja, il-Kambodja, il-Ginea Ekwatorjali, Ġeorġja u Sjerra Leone u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1036/2001

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea ilha parti kontraenti għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (il-Konvenzjoni ICCAT) mill-14 ta’ Novembru 1997, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 86/238/KEE (2).

(2)

Il-Konvenzjoni ICCAT tipprovdi qafas għall-kooperazzjoni reġjonali fil-konservazzjoni u l-ġestjoni tat-tonn u l-ispeċijiet li jixbħu t-tonn fl-Oċean Atlantiku u l-ibħra li jmissu miegħu. Il-Konvenzjoni ICCAT stabbilixxiet Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) li tadotta miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni. Dawk il-miżuri jorbtu lill-partijiet kontraenti.

(3)

Fl-1998, l-ICCAT adottat ir-Riżoluzzjoni 98-18 dwar il-qabdiet ta’ tonn mhux rapportati u mhux regolati minn bastimenti ta’ skala kbira li jużaw il-konzijiet fiż-żona ta’ Konservazzjoni. Dik ir-Riżoluzzjoni stabbiliet proċeduri biex jiġu identifikati pajjiżi li l-bastimenti tagħhom kienu stadu għat-tonn u għal speċijiet li jixbħu t-tonn b’mod li naqqas l-effettività tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni tal-ICCAT. Din speċifikat ukoll miżuri li għandhom jittieħdu, li jinkludu, jekk meħtieġ, miżuri restrittivi tal-kummerċ mhux diskriminatorji, biex ma jkunx permess li l-bastimenti ta’ dawk il-pajjiżi jkomplu prattiki bħal dawn ta’ sajd.

(4)

Wara l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 98-18, l-ICCAT identifikat il-Bolivja, il-Kambodja, il-Ginea Ekwatorjali, il-Ġeorġja u Sjerra Leone bħala pajjiżi li l-bastimenti tagħhom jistadu għat-tonn għajnu kbira tal-Atlantiku (Thunnus obesus) b’mod li jnaqqsu l-effettività tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni. ICCAT issostanzjat dawn il-konklużjonijiet b’data dwar il-qabdiet, il-kummerċ u l-attivitajiet tal-bastimenti.

(5)

B’konsegwenza ta’ dan, l-ICCAT irrakkomandat li l-partijiet kontraenti jieħdu l-miżuri xierqa, konsistenti mad-dispożizzjonijiet tar-riżoluzzjoni tagħha 98-18, biex tipprojbixxu l-importazzjoni tat-tonn għajnu kbira tal-Atlantiku u l-prodotti tiegħu fi kwalunkwe forma minn dawk il-pajjiżi.

(6)

Fl-2004, l-importazzjonijiet tat-tonn għajnu kbira tal-Atlantiku li joriġina fil-Bolivja, il-Kambodja, il-Ginea Ekwatorjali, il-Ġeorġja u s-Sjerra Leone fl-Unjoni kienu pprojbiti mir-Regolament (KE) Nru 827/2004 (3).

(7)

Fl-14-il laqgħa speċjali fl-2004, l-ICCAT għarfet l-isforzi magħmula mill-Kambodja, il-Ginea Ekwatorjali u Sjerra Leone biex jindirizzaw it-tħassib tagħha u adottat rakkomandazzjonijiet biex tneħħi miżuri li jirrestrinġu l-kummerċ fil-konfront ta’ dawk it-tliet pajjiżi f’dak li għandu x’jaqsam mat-tonn għajnu kbira tal-Atlantiku u l-prodotti tiegħu.

(8)

B’konsegwenza ta’ dan, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 919/2005 (4) emenda ir-Regolament (KE) Nru 827/2004 biex titneħħa l-projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet tat-tonn għajnu kbira tal-Atlantiku u l-prodotti tiegħu mill-Kambodja, il-Ginea Ekwatorjali u s-Sjerra Leone lejn l-Unjoni. Wara dik l-emenda, ir-Regolament (KE) Nru 827/2004 jipprojbixxi biss tali importazzjonijiet mill-Bolivja u l-Ġeorġja.

(9)

Fit-22 laqgħa annwali regolari tagħha fl-2011, l-ICCAT għarfet l-azzjonijiet meħuda mill-Bolivja u l-Ġeorġja u adottat ir-Rakkomandazzjoni 11-19 li tneħħil-projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet tat-tonn għajnu kbira tal-Atlantiku u l-prodotti tiegħu li kienu baqgħu japplikaw għal dawk iż-żewġ pajjiżi.

(10)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 827/2004 għandu jiġi mħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 827/2004 huwa mħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Frar 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Frar 2014 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2014.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 86/238/KEE tad-9 ta’ Ġunju 1986 dwar l-adeżjoni tal-Komunità mal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku, kif emendata bil-Protokoll mehmuż mal-Att Finali tal-Konferenza tal-Plenipotenzjari tal-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni ffirmata f’Pariġi fl-10 ta’ Lulju 1984 (ĠU L 162, 18.6.1986, p. 33).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 827/2004 tas-26 ta’ April 2004 li jipprojbixxi l-importazzjoni tat-tonn alalunga mill-Atlantiku (Thunnus obesus) li joriġina fil-Bolivja, Kambodja, Ginea Ekwatorjali, Ġorġja u Sierra Leone u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1036/2001 (ĠU L 127, 29.4.2004, p. 21).

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 919/2005 tat-13 ta’ Ġunju 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 827/2004 fir-rigward tal-projbizzjoni tat-tonn alalunga mpurtat mill-Kambodja, Ginea Ekwatorjali u s-Sierra Leone, u jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 826/2004 li jwaqqaf l-importazzjoni tat-tonn blue-fin mill-Ginea Ekwatorjali u s-Sierra Leone u r-Regolament (KE) Nru 828/2004 li jipprojbixxi l-importazzjoni tal-pixxispad mis-Sierra Leone (ĠU L 156, 18.6.2005, p. 1).


Top