EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32013D0640
2013/640/EU: Commission Implementing Decision of 7 November 2013 on setting up the European Advanced Translational Research Infrastructure in Medicine as a European Research Infrastructure Consortium (EATRIS ERIC)
2013/640/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas- 7 ta’ Novembru 2013 dwar it-twaqqif ta’ Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka Traslazzjonali Avvanzata fil-Mediċina bħala Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (EATRIS ERIC)
2013/640/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas- 7 ta’ Novembru 2013 dwar it-twaqqif ta’ Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka Traslazzjonali Avvanzata fil-Mediċina bħala Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (EATRIS ERIC)
OJ L 298, 8.11.2013, p. 38–47
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
8.11.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 298/38 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-7 ta’ Novembru 2013
dwar it-twaqqif ta’ Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka Traslazzjonali Avvanzata fil-Mediċina bħala Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (EATRIS ERIC)
(2013/640/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta’ Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1)(a) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika tal-Finlandja talbu l-Kummissjoni tistabbilixxi Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka Traslazzjonali Avvanzata fil-Mediċina bħala Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (EATRIS ERIC). Ir-Repubblika ta’ Franza u r-Renju ta’ Spanja se jipparteċipaw inizjalment fl-EATRIS ERIC bħala Osservaturi. |
(2) |
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ntgħażlu mir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika ta’ Franza, ir-Repubblika Taljana u r-Repubblika tal-Finlandja bħala l-Istat Membru ospitanti tal-EATRIS ERIC. |
(3) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka għall-Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka Traslazzjonali Avvanzata fil-Mediċina bl-isem EATRIS ERIC huwa hawn stabbilit.
2. L-Istatuti tal-EATRIS ERIC huma stabbiliti fl-Anness. Dawn l-Istatuti għandhom jinżammu aġġornati u jkunu disponibbli għall-pubbliku fuq il-websajt tal-EATRIS ERIC u fis-sede statutorja tiegħu.
3. L-elementi essenzjali tal-Istatuti EATRIS ERIC li l-emendi tagħhom għandhom jirrikjedu approvazzjoni mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009, huma previsti fl-Artikoli 1, 2, 18, 20, 21, 22, 23, 24, 25, 28 u 29.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Novembru 2013.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
ANNESS
L-ISTATUTI TAL-EATRIS ERIC
IL-MEMBRI,
filwaqt li jirrikonoxxu r-rwol importanti taċ-ċentri nazzjonali u l-kapaċitajiet għar-riċerka traslazzjonali tagħhom kif organizzati permezz tal-infrastruttura tal-EATRIS ERIC;
Filwaqt li għandhom l-għan li jtejbu r-riċerka bijomedika traslazzjonali billi jiżviluppaw infrastruttura Ewropea ta’ riċerka traslazzjonali avvanzata ta’ faċilitajiet prekliniċi u kliniċi ewlenin u ta’ għarfien espert traslazzjonali neċessarji biex jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ strateġiji preventivi, dijanostiċi u terapewtiċi ta’ riċerka bijomedika u l-iżvilupp biex in-nies tingħatalha kura tas-saħħa aħjar;
Filwaqt li għandhom l-għan li jipprovdu aċċess għal infrastruttura Ewropea ta’ riċerka traslazzjonali avvanzata bil-għan li jinkiseb impatt sinifikanti fuq il-kura tas-saħħa u jagħtu kontribut sinifikanti lill-iżvilupp ta’ għodod u teknoloġiji li jixprunaw ix-xjenza traslazzjonali;
Filwaqt li jirrikonoxxu u jelaboraw ir-riżultati tal-proġett tal-Fażi Preparatorja tal-EATRIS, iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea u l-progress li sar matul il-Fażi ta’ Tranżizzjoni tal-EATRIS;
Jiddeċiedu li jitlobu lill-Kummissjoni Ewropea li tistabbilixxi l-Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka Traslazzjonali Avvanzata fil-Mediċina bħala Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (EATRIS ERIC) — bħala riżultat tal-Fażi ta’ Tranżizzjoni tal-EATRIS;
QABLU DWAR ID-DISPOŻIZZJONIJIET LI ĠEJJIN
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Isem, sede u lingwa ta’ ħidma
1. Għandu jkun hemm Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka mifruxa msejħa “l-Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka Traslazzjonali Avvanzata fil-Mediċina”, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “EATRIS”.
2. L-isem tal-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) — l-Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka Traslazzjonali Avvanzata fil-Mediċina għandu jkun “EATRIS ERIC”.
3. L-EATRIS ERIC għandu jkollu s-sede statutorju tiegħu f’Amsterdam, fil-Pajjiżi l-Baxxi.
4. Il-lingwa ta’ ħidma tal-EATRIS ERIC għandha tkun l-Ingliż.
Artikolu 2
Kompiti u attivitajiet
1. L-EATRIS ERIC għandu jmexxi ‘l quddiem ir-riċerka fil-mediċina traslazzjonali.
2. L-EATRIS ERIC għandu jimpenja ruħu biex jorganizza u jiffaċilita l-governanza u l-koordinazzjoni li hija meħtieġa biex tiġi stabbilita u titħaddem l-infrastruttura tar-riċerka tal-EATRIS.
3. L-infrastruttura ta’ riċerka tal-EATRIS għandu jikkollega istituti Ewropej ta’ riċerka ewlenin li jiddedikaw parti mill-kapaċitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp tagħhom lill-EATRIS ERIC biex jikkondividu l-informazzjoni, l-għodod u l-għarfien relatati mar-riċerka fil-mediċina traslazzjonali u b’mod partikolari dwar dan li ġej:
(a) |
bijoloġika u terapiji avvanzati, bħalma huma terapiji tal-ġene u taċ-ċelloli u l-mediċina riġenerattiva; |
(b) |
bijomarkaturi; |
(c) |
molekuli żgħar; |
(d) |
immaġni molekulari u traċċaturi; |
(e) |
vaċċini. |
KAPITOLU II
MEMBRI
Artikolu 3
Sħubija u rappreżentanza
1. L-EATRIS ERIC għandu jkollu għall-inqas tliet Stati Membri bħala Membri; organizzazzjonijiet statali u intergovernattivi biss jistgħu jsiru Membri u jkollhom id-drittijiet tal-vot.
2. Kull Membru għandu jaħtar wieħed jew żewġ rappreżentanti fil-Bord tal-Gvernaturi. Żewġ rappreżentanti flimkien għandu jkollhom vot wieħed.
3. Il-Membri u r-rappreżentanti tagħhom huma elenkati fl-Appendiċi 1. L-Istati li ressqu l-applikazzjoni li titlob it-twaqqif tal-EATRIS ERIC lill-Kummissjoni Ewropea minn hawn ‘il quddiem jissejħu Membri Fundaturi.
Artikolu 4
Adeżjoni ta’ membri ġodda
1. L-applikanti għas-Sħubija għandhom jissottomettu applikazzjoni bil-miktub lill-President tal-Bord tal-Gvernaturi filwaqt li jiddeskrivu l-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom u kontribuzzjonijiet oħra lill-kompiti u l-attivitajiet tal-EATRIS ERIC u kif ser jissodisfaw l-obbligi tagħhom.
2. L-adeżjoni ta’ Membri ġodda għandha tkun soġġetta għall-approvazzjoni tal-Bord tal-Gvernaturi.
Artikolu 5
Irtirar ta’ membru u terminazzjoni tas-sħubija
1. L-ebda Membru ma jista’ jirtira fl-ewwel ħames snin tat-twaqqif tal-EATRIS ERIC, sakemm is-Sħubija ma tkunx saret għal perjodu iqsar speċifikat.
2. Wara l-ewwel ħames snin tat-twaqqif tal-EATRIS ERIC, Membru jista’ jirtira sakemm it-talba titressaq għal dan l-għan 12-il xahar bil-quddiem. L-irtirar jista’ jsir effettiv biss fl-aħħar ta’ sena finanzjarja u wara li l-Membru ritirat ma jkunx issodisfa l-obbligi tiegħu.
3. B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, Membru jista’ jirtira matul l-ewwel ħames snin jekk il-Bord tal-Gvernaturi jiddeċiedi li jgħolli l-limiti tal-kontribuzzjoni finanzjarja annwali kif speċifikat fil-punti (e) u (f) tal-Appendiċi 2. Membru li jkun jixtieq jirtira għandu jitlob l-irtirar fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni tal-proposta li żżid il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali. L-irtirar jista’ jsir effettiv biss fl-aħħar tas-sena finanzjarja sakemm il-Membru li qed jirtira jkun issodisfa l-obbligi tiegħu.
4. Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jkollu s-setgħa li jittermina Sħubija fil-każijiet li ġejjin:
(a) |
il-Membru jkun kiser b’mod serju waħda jew aktar mill-obbligi skont dawn l-Istatuti; |
(b) |
il-Membru jkun naqas milli jirregola tali ksur f’perjodu ta’ sitt xhur minn meta jiġi notifikat. |
Qabel ma tiġi adottata deċiżjoni, il-Membru jiġi mistieden mill-Bord tal-Gvernaturi biex jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu dwar id-deċiżjoni li tkun ġiet proposta b’rabta mat-terminazzjoni..
5. Il-membri li jirtiraw jew li tiġi terminata s-sħubija tagħhom ma għandux ikollhom dritt għal restituzzjoni jew rimborż ta’ xi kontribuzzjoni li tkun saret u lanqas id-dritt li jagħmlu pretensjoni tal-assi tal-EATRIS ERIC.
Artikolu 6
Drittijiet u obbligi tal-Membri
1. Id-drittijiet tal-Membri għandhom jinkludu:
(a) |
id-dritt li jattendu u jivvotaw fil-Bord tal-Gvernaturi; |
(b) |
id-dritt li jipparteċipaw fl-iżvilupp ta’ strateġiji, politiki, proċeduri dwar teħid ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-EATRIS ERIC; |
(c) |
id-dritt tal-komunità tar-riċerka tal-konsorzju li tipparteċipa fl-attivitajiet tal-EATRIS ERIC; |
(d) |
id-dritt tal-komunità tar-riċerka tal-konsorzju li jkollha aċċess għal appoġġ mill-EATRIS ERIC u li dan l-appoġġ jaslilha. |
2. Kull Membru għandu:
(a) |
jħallas kontribuzzjoni finanzjarja annwali kif deċiża mill-Bord tal-Gvernaturi; |
(b) |
jagħti b’setgħa lir-rappreżentanti tiegħu l-awtorità sħiħa biex jivvotaw b’vot uniku fuq il-kwistjonijiet kollha mqajma waqt laqgħa tal-Bord tal-Gvernaturi; |
(c) |
joħloq ċentru nazzjonali jew konsorzju għall-infrastruttura bl-għan li jiġu sodisfatti l-obbligi li joħorġu minn dawn l-Istatuti; |
(d) |
jaħtar Direttur Nazzjonali wieħed biex jirrappreżentah fuq il-Bord tad-Diretturi Nazzjonali; |
(e) |
jipprovdi l-infrastruttura teknika neċessarja biex l-aċċess isir possibbli; |
(f) |
jippromwovi l-adozzjoni tas-servizzi tal-EATRIS ERIC fost riċerkaturi fil-pajjiż stess, u jiġbor ir-rispons u r-rekwiżiti tal-utenti; |
(g) |
isostni ċentri fil-pajjiż stess li jesprimu x-xewqa tagħhom li jissieħbu fl-infrastruttura nazzjonali ta’ Stat Membru li jipparteċipa fl-infrastruttura tal-EATRIS ERIC. |
3. Barra l-kontribuzzjoni finanzjarja annwali tista’ ssir kontribuzzjoni mill-Membri, individwalment jew b’mod konġunt, f’kooperazzjoni ma’ Membri, Osservaturi jew partijiet terzi oħra. Tali kontribuzzjonijiet, fi flus jew in natura, ikunu suġġetti għall-approvazzjoni tal-Bord tal-Gvernaturi.
4. L-EATRIS ERIC għandu jidħol fi ftehim maċ-ċentri nazzjonali sabiex ikunu stabbiliti t-termini u l-kondizzjonijiet li skonthom iċ-ċentri nazzjonali jistgħu jissieħbu fl-infrastruttura tal-EATRIS ERIC u jintrabtu mal-kompiti u l-attivitajiet stipulati fl-Artikolu 2. Id-Direttur Nazzjonali għandu juża l-aqwa sforzi tiegħu biex jikkoordina l-interazzjoni taċ-ċentri nazzjonali tiegħu mal-EATRIS ERIC.
KAPITOLU III
OSSERVATURI
Artikolu 7
Status ta’ osservatur
1. L-organizzazzjonijiet statali u integovernattivi li jixtiequ li jikkontribwixxu għall-EATRIS ERIC, iżda li għad mhumiex f’pożizzjoni li jissieħbu bħala Membri, jistgħu japplikaw għal status ta’ Osservatur.
2. L-osservaturi ikunu aderiti għall-massimu ta’ tliet snin, sakemm ma jiġix deċiż terminu ieħor mill-Bord tal-Gvernaturi.
3. Applikazzjonijiet għal status ta’ Osservatur għandhom isiru bil-miktub lill-President tal-Bord tal-Gvernaturi u għandhom jistabbilixxu kif l-applikant għandu l-intenzjoni li jikkontribwixxi għall-kompiti u l-attivitajiet tal-EATRIS ERIC.
4. L-adeżjoni tal-Osservaturi għandha tkun soġġetta għall-approvazzjoni tal-Bord tal-Gvernaturi.
Artikolu 8
Irtirar ta’ osservatur u terminazzjoni ta’ status ta’ osservatur
1. L-osservaturi jistgħu jirtiraw fl-aħħar ta’ sena finanzjarja sakemm dawn ikunu bagħtu talba minn tagħhom sitt xhur bil-quddiem.
2. Qabel ma jiġi aċċettat l-irtirar ta’ Osservatur, għandhom jiġu ssodisfati l-obbligi finanzjarji u obbligi oħrajn.
3. Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jkollu s-setgħa li jittermina status ta’ Osservatur fil-każijiet li ġejjin:
(a) |
l-Osservatur ikun kiser b’mod serju waħda jew aktar mill-obbligi skont dawn l-Istatuti; |
(b) |
l-Osservatur ikun naqas milli jirregola tali ksur f’perjodu ta’ sitt xhur minn meta jiġi notifikat. |
Qabel ma tiġi adottata deċiżjoni, il-Membru jiġi mistieden mill-Bord tal-Gvernaturi biex jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu dwar id-deċiżjoni li tkun ġiet proposta b’rabta mat-terminazzjoni.
4. L-Osservaturi li jirtiraw jew li tiġi terminata s-sħubija tagħhom ma għandux ikollhom dritt għal restituzzjoni jew rimborż ta’ xi kontribuzzjoni li tkun saret u lanqas id-dritt li jagħmlu pretensjoni tal-assi tal-EATRIS ERIC.
Artikolu 9
Drittijiet u obbligi ta’ Osservatur
1. Id-drittijiet tal-Osservaturi għandhom jinkludu:
(a) |
id-dritt li jattendu l-laqgħa tal-Bord tal-Gvernaturi mingħajr dritt għall-vot; |
(b) |
id-dritt tal-komunità tar-riċerka tagħhom li tipparteċipa fl-attivitajiet tal-EATRIS ERIC; |
(c) |
id-dritt tal-komunità tar-riċerka tagħhom li jkollha aċċess għall-EATRIS ERIC u li jirċievu appoġġ mingħandu. |
2. Kull Osservatur għandu:
(a) |
jaħtar wieħed jew żewġ rappreżentanti fil-Bord tal-Gvernaturi; |
(b) |
iħallas kontribuzzjoni finanzjarja annwali kif deċiża mill-Bord tal-Gvernaturi; |
(c) |
jistabbilixxi l-kontribuzzjoni tiegħu skont il-kompiti u l-attivitajiet tal-EATRIS ERIC stipulati fl-Artikolu 2. |
3. Barra l-kontribuzzjoni finanzjarja annwali lill-EATRIS ERIC, tista’ ssir kontribuzzjoni mill-Osservaturi, individwalment jew b’mod konġunt f’kooperazzjoni ma’ Membri, Osservaturi jew partijiet terzi oħra. Tali kontribuzzjonijiet, fi flus jew in natura, għandhom ikunu suġġetti għall-approvazzjoni tal-Bord tal-Gvernaturi.
4. Osservatur għandu jagħti l-poter lir-rappreżentant(i) tiegħu biex iwettqu l-obbligi msemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 9(2).
5. L-EATRIS ERIC għandu jidħol fi ftehim ta’ Osservatur mal-Osservatur sabiex jiġu stipulati t-termini u l-kundizzjonijiet li skonthom għandhom jiġu ssodisfati l-obbligi jew il-kontribuzzjoni li trid issir.
KAPITOLU IV
IL-GOVERNANZA TAL-EATRIS ERIC
Artikolu 10
Governanza u ġestjoni
L-istruttura tal-governanza tal-EATRISERIC għandha tkun magħmula mill-korpi li ġejjin:
(a) |
il-Bord tal-Gvernaturi; |
(b) |
il-Bord Eżekuttiv. |
Artikolu 11
Bord tal-Gvernaturi
1. Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jkun l-ogħla korp governattiv u assolut tal-EATRIS ERIC b’kull setgħa li jieħu d-deċiżjonijiet. Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jiltaqa’ mill-inqas darba f’sena u għandu jkun responsabbli skont id-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-Istatuti għad-direzzjoni u s-sorveljanza ġenerali tal-EATRIS ERIC.
2. L-Istati Membri għandu jkollhom b’mod konġunt bejniethom il-maġġoranza tal-voti.
3. Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jeleġġi fost il-membri tiegħu President u viċi president għal terminu ta’ sentejn. Il-President u l-viċi president jistgħu jiġu rieletti. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-President għandu jippresiedi l-laqgħat kollha tal-Bord tal-Gvernaturi u għandu jkun assistit mill-viċi president.
4. Il-Bord tal-Gvernaturi għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex jilħqu kunsens fuq id-deċiżjonijiet kollha. Jekk ma jintlaħaqx kunsens, maġġoranza sempliċi tal-voti mitfugħa għandha tkun biżżejjed sabiex tittieħed deċiżjoni, minbarra d-deċiżjonijiet msemmija fil-paragrafi 5, 6 u 7.
5. Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jiddeċiedi b’maġġoranza ta’ mill-inqas żewġ terzi tal-voti tal-Membri dwar deċiżjonijiet li:
(a) |
jaddottaw jew ibiddlu l-istrateġiji għall-iżvilupp tal-EATRIS ERIC; |
(b) |
jaħtru, jissospendu jew ikeċċu d-Direttur tal-Finanzi u d-Direttur Xjentifiku wara konsultazzjoni mal-Bord tad-Diretturi Nazzjonali; |
(c) |
jistabbilixxu Korpi Sussidjarji minbarra l-Korpi Permanenti; |
(d) |
jaddottaw jew ibiddlu l-Ordnijiet Permanenti li jiddeskrivu l-mandat u jispeċifikaw l-attivitajiet tal-Bord Eżekuttiv u tal-Korpi Sussidjarji; |
(e) |
jadottaw u jemendaw il-programm annwali ta’ ħidma u l-baġit annwali. |
6. Id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Gvernaturi biex jitterminaw Sħubija jew l-istatus ta’ Osservatur għandhom bżonn maġġoranza ta’ mill-inqas tliet kwarti tal-voti tal-Membri.
7. Membru li t-terminazzjoni tas-sħubija tiegħu tkun se tittieħed deċiżjoni dwarha ma għandu jkollu l-ebda vot f’dik id-deċiżjoni.
8. Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jiddeċiedi b’unanimità tal-Membri, u ma jitqisux l-astensjonijiet, dwar deċiżjonijiet li:
(a) |
jemendaw l-istatuti, ħlief għall-Appendiċi 1; |
(b) |
iżarmaw l-EATRIS ERIC. |
Sakemm ma jkunx maqbul mod ieħor, il-membri għandhom ikunu infurmati dwar il-kliem eżatt tal-emendi tal-Istatuti u tal-Appendiċi 2 mill-inqas tliet xhur qabel ma jintalab vot fuq dawk l-emendi.
9. Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jiltaqa’ u jiddeċiedi b’mod validu biss jekk ikun preżenti, inkella rappreżentat, kworum ta’ żewġ terzi tal-membri kollha tal-EATRIS ERIC.
10. Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jadotta Regoli ta’ Proċedura għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istatuti.
Artikolu 12
Bord Eżekuttiv
1. Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-EATRIS ERIC u biex isostni l-Bord tal-Gvernaturi. Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun responsabbli biss għall-Bord tal-Gvernaturi.
2. Il-Bord Eżekuttiv għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu kif stabbilit mill-Bord tal-Gvernaturi u għandu jipprepara l-proċeduri interni tiegħu ta’ organizzazzjoni, il-laqgħat u l-mod kif id-Direttur tal-Finanzi u d-Direttur Xjentifiku għandhom jaħdmu flimkien fejn jidħlu r-Regoli ta’ Proċedura, li jkunu jridu jitressqu għall-approvazzjoni mill-Bord tal-Gvernaturi.
3. Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun magħmul mid-Direttur tal-Finanzi u mid-Direttur Xjentifiku.
4. Id-Direttur tal-Finanzi ikun ir-rappreżentant legali tal-EATRIS ERIC, jirrappreżenta l-EATRIS ERIC f’kull litigazzjoni u jkun responsabbli għat-tmexxija operattiva (ta’ kuljum) tal-EATRIS ERIC.
5. Id-Direttur Xjentifiku tal-EATRIS ERIC għandu jkun responsabbli għall-iżvilupp xjentifiku strateġiku u għall-kwistjonijiet operazzjonali xjentifiċi kollha tal-EATRIS ERIC.
6. Id-Diretturi tal-Bord Eżekuttiv jistgħu jservu għal sa ħames snin, perjodu li jiġi deċiż mill-Bord tal-Gvernaturi. Wara t-terminu inizjali, il-Bord tal-Gvernaturi għandu jiddeċiedi fuq kwalunkwe estensjoni li jista’ jkun hemm. Il-proċeduri għall-għażla u l-ħatra tad-Diretturi għandhom jiġu stabbiliti fir-Regoli ta’ Proċedura adottati mill-Bord tal-Gvernaturi.
Artikolu 13
Uffiċċju ta’ koordinazzjoni u appoġġ tal-EATRIS ERIC
1. L-Uffiċċju ta’ koordinazzjoni u appoġġ tal-EATRIS ERIC għandu jkun l-uffiċċju tal-ġestjoni ċentrali u tal-operat ta’ kuljum tal-EATRIS ERIC u għandu jassisti l-Bord tal-Gvernaturi. Għandu jiġi ġestit mid-Direttur tal-Finanzi f’konsultazzjoni mad-Direttur Xjentifiku, u l-istaff tiegħu jiġi impjegat bl-istess mod.
2. L-Uffiċċju ta’ Koordinazzjoni u Appoġġ tal-EATRIS ERIC ikun fil-bini tal-EATRIS ERIC li jinsab fis-sede statutorja tiegħu.
KAPITOLU V
KORPI SUSSIDJARJI
Artikolu 14
Korpi sussidjarji
1. L-EATRIS ERIC għandu jkollu dawn il-Korpi Sussidjarji:
(a) |
il-Bord tad-Diretturi Nazzjonali; |
(b) |
il-Bord Konsultattiv Xjentifiku. |
2. Il-Bord tal-Gvernaturi jista’ jistabbilixxi Korpi Sussidjarji oħra jekk jinħass il-bżonn għat-tħaddim tal-EATRIS ERIC.
Artikolu 15
Bord tad-Diretturi Nazzjonali
1. Il-Bord Nazzjonali tad-Diretturi għandu jissorvelja l-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji approvati mill-Bord tal-Gvernaturi. Il-Bord tad-Diretturi Nazzjonali għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe attivitajiet xjentifiċi nazzjonali relatati mal-EATRIS ERIC u għandu jżomm il-koerenza u l-konsistenza fl-EATRIS ERIC u l-kollaborazzjoni bejn il-membri.
2. Il-Bord tad-Diretturi Nazzjonali għandu jkun magħmul mid-Diretturi Nazzjonali maħtura mill-Membri.
3. Il-membri tal-Bord tad-Diretturi Nazzjonali għandhom jeleġġu minn fost il-membri tiegħu President u Viċi President għal terminu ta’ sentejn b’possibilità ta’ elezzjoni mill-ġdid f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fir-Regoli ta’ Proċedura.
4. Il-Bord tad-Diretturi Nazzjonali għandu jipproponi r-Regoli ta’ Proċedura u jadottahom wara l-approvazzjoni mill-Bord tal-Gvernaturi għall-proċeduri operazzjonali interni tiegħu.
5. Il-Bord tad-Diretturi Nazzjonali għandu jwettaq l-attivitajiet kif determinat mill-Bord tal-Gvernaturi fl-Ordnijiet Permanenti.
6. Il-Bord tad-Diretturi Nazzjonali għandu jagħżel il-membri tal-Bord Xjentifiku Konsultattiv suġġett għall-approvazzjoni mill-Bord tal-Gvernaturi.
Artikolu 16
Bord Xjentifiku Konsultattiv
1. Il-Bord Xjentifiku Konsultattiv għandu jkun magħmul minn xjentisti indipendenti u rikonoxxuti internazzjonalment involuti fir-riċerka traslazzjonali bijomedika li jaġixxu fit-titolu personali u l-esperjenza strateġika tagħhom.
2. Il-Bord Xjentifiku Konsultattiv għandu joffri pariri meta jintalab dan mill-Bord tal-Gvernaturi u jista’ jiġi kkonsultat mill-Bord Eżekuttiv u mill-Bord tad-Diretturi Nazzjonali fuq il-materji xjentifikament u teknoloġikament kollha rilevanti li jinkludu kwistjonijiet dwar l-aġenda tar-riċerka, l-istrateġiji xjentifiċi, il-kwistjonijiet etiċi u l-programm ta’ ħidma annwali tal-EATRIS ERIC.
KAPITOLU VI
FINANZI U RAPPURTAR
Artikolu 17
Prinċipji baġitarji u kontijiet
1. Is-sena finanzjarja tal-EATRIS ERIC tibda fl-1 ta’ Jannar u tispiċċa fil-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena.
2. Il-fondi tal-EATRIS ERIC għandhom jintużaw biss għall-iskopijiet kif stipulati f’dawn l-Istatuti.
3. L-elementi kollha ta’ dħul u nfiq tal-EATRIS ERIC għandhom ikunu inklużi fl-istimi mfassla għal kull sena finanzjarja u għandhom jintwerew fil-baġit annwali.
4. Il-kontijiet tal-EATRIS ERIC għandhom ikunu akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tas-sena finanzjarja. L-EATRIS ERIC għandu jipproduċi rapport annwali tal-attività li jiddeskrivi, b’mod partikolari, l-aspetti xjentifiċi, operazzjonali u finanzjarji tal-attivitajiet tiegħu. Ir-rapport għandu jkun approvat mill-Bord tal-Gvernaturi u trażmess lill-Kummissjoni Ewropea u lill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti fi żmien sitt xhur mit-tmiem tas-sena finanzjarja korrispondenti. Dan ir-rapport għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’mod sħiħ jew parzjali.
5. L-EATRIS ERIC għandu jkun soġġett għar-rekwiżiti tal-liġi u regolamenti applikabbli fir-rigward tal-preparazzjoni, l-iffajlar, l-awditjar u l-pubblikazzjoni tal-kontijiet.
6. L-EATRIS ERIC għandu jiżgura li l-approprjazzjonijiet jintużaw skont il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja soda.
Artikolu 18
Responsabbiltà
1. L-EATRIS ERIC għandu jkun responsabbli għad-dejn tiegħu.
2. L-obbligazzjoni finanzjarja tal-Membri rigward id-dejn tal-ERIC għandha tkun limitata għall-kontribuzzjoni finanzjarja annwali ta’ kull membru individwali.
3. L-EATRIS ERIC għandu jieħu assigurazzjoni xierqa biex ikopri r-riskji speċifiċi għall-bini u t-tħaddim tal-EATRIS ERIC.
KAPITOLU VII
POLITIKI
Artikolu 19
Ftehimiet ma’ partijiet terzi
F’każijiet fejn l-EATRIS ERIC iqis li jkun ta’ benefiċċju, dan jista’ jidħol fi ftehim ma’ partijiet terzi.
Artikolu 20
Politika dwar drittijiet tal-proprjetà intellettwali
1. It-terminu proprjetà intellettwali għandu jfisser proprjetà intellettwali kif definit fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li Tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali ffirmata fl-14 ta’ Lulju 1967.
2. Il-Bord tad-Diretturi Nazzjonali għandu jipprevedi prinċipji komuni u l-politiki għall-Proprjetà Intellettwali kif stabbiliti fir-Regoli ta’ Proċedura. Dawk il-prinċipji u politiki komuni għandhom jiġu approvati mill-Bord tal-Gvernaturi.
3. Il-Bord tad-Diretturi Nazzjonali jista’ jirrakkomanda ftehimiet ma’ ċentri nazzjonali u ma’ konsorzji ta’ infrastruttura fi ħdan l-infrastruttura tar-riċerka tal-EATRIS sabiex jiġi żgurat li dawn l-entitajiet kif ukoll partijiet terzi jkollhom aċċess għall-għarfien xjentifiku tal-infrastruttura tar-riċerka EATRIS.
Artikolu 21
Politika ta’ aċċess
1. Bħala regola ġenerali, l-EATRIS ERIC għandu jiżgura aċċess miftuħ għas-servizzi u l-infrastrutturi li jappoġġaw u jippromowovu l-eċċellenza fir-riċerka traslazzjonali kif ukoll kultura ta’ “l-aħjar prattiċi” permezz ta’ attivitajiet ta’ taħriġ.
2. L-EATRIS ERIC għandu jipprovdi gwida għall-utenti tal-infrastruttura tal-EATRIS biex jiżgura bl-aħjar mod li r-riċerka li tkun saret permezz tar-riżorsi tal-infrastruttura tal-EATRIS tirrikonoxxi u tirrispetta konformità ma’ kwalunkwe proprjetà, privatezza personali, drittijiet etiċi ta’ protezzjoni u ta’ sid id-dejta kif ukoll mal-obbligi ta’ segretezza u kunfidenzjalità kif definiti fir-Regoli ta’ Proċedura, hekk li jkompli jiġi żgurat li l-utenti jikkonformaw mat-termini u l-kundizzjonijiet tal-aċċess, l-arranġamenti ta’ sigurtà għall-ħżin intern u t-trattament tal-materjali (bijo) u t-trattament tal-informazzjoni tal-istituzzjonijiet tar-riċerka li jipparteċipaw fl-infrastruttura tal-EATRIS.
3. Il-kriterji u l-proċeduri li jipprevedu jew jirrestrinġu l-aċċess għad-dejta u l-għodod tal-infrastruttura tal-EATRIS ERIC għandhom jiġu definiti fir-Regoli ta’ Proċedura u deċiżi mill-Bord tal-Gvernaturi wara parir mill-Bord tad-Diretturi Nazzjonali u l-Bord Xjentifiku Konsultattiv.
Artikolu 22
Politika ta’ evalwazzjoni xjentifika
1. L-EATRIS ERIC għandu jipprovdi aċċess għall-infrastruttura traslazzjonali tiegħu għal proġetti li jkollhom l-akbar potenzjal li jħallu impatt sinifikanti fuq il-kura tas-saħħa jew kontribut sinifikanti lill-iżvilupp tal-għodod u t-teknoloġiji li jixprunaw ix-xjenza traslazzjonali.
2. Il-proċess tal-evalwazzjoni xjentifika tal-proġetti li qed jitolbu l-aċċess għall-infrastruttura tal-EATRIS ERIC għandu jqis il-merti xjentifiċi, il-bżonnijiet mediċi li ma jintlaħqux, l-eliġibbiltà u l-potenzjal translazzjonali, u għandu jkun ibbażat fuq il-trasparenza, il-ġustizzja u l-imparzjalità. Dak il-proċess għandu jiġi approvat mill-Bord tal-Gvernaturi u stabbilit fir-Regoli ta’ Proċedura.
3. L-evalwazzjoni xjentifika tal-proġetti fl-infrastruttura tal-EATRIS ERIC għandha tikkunsidra l-merti xjentifiċi, il-bżonnijiet mediċi li ma jintlaħqux u l-potenzjal traslazzjonali abbażi tat-trasparenza, il-ġustizzja u l-imparzjalità u għandha tkompli tiġi elaborata mill-Bord tal-Gvernaturi u stabbilita fir-Regoli ta’ Proċedura.
Artikolu 23
Politika ta’ disseminazzjoni
1. L-EATRIS ERIC għandu jieħu l-azzjonijiet kollha xierqa sabiex jippromwovi l-infrastruttura u l-użu tiegħu fir-riċerka u l-edukazzjoni.
2. L-EATRIS ERIC għandu jippromwovi t-tixrid u l-kondiviżjoni tar-riżultati miksuba mill-attivitajiet tar-riċerka nazzjonali u internazzjonali.
3. Mingħajr ħsara għal kwalunkwe drittijiet tal-proprjetà, l-EATRIS ERIC għandu jitlob lill-utenti tiegħu jippubblikaw ir-riżultati tar-riċerka tagħhom u jagħmlu r-riżultati tagħhom disponibbli permezz tal-EATRIS ERIC.
4. Il-politika ta’ disseminazzjoni għandha tiddeskrivi d-diversi gruppi ta’ mira, u l-EATRIS ERIC għandu juża diversi mezzi biex jilħaq l-udjenzi fil-mira, bħal pereżempju portal tal-Internet, fuljetti, workshops, preżenza fil-konferenzi, artikli f’ġurnali u gazzetti ta’ kuljum.
Artikolu 24
Politika tal-impjiegi
L-EATRIS ERIC għandu jagħmel ħiltu biex jagħżel l-aħjar kandidat abbażi mhux diskriminatorja, irrispettivament mill-isfond, in-nazzjonalità, ir-reliġjon jew is-sess, li tirrifletti l-kontribuzzjonijiet magħmula mill-Membri.
Artikolu 25
Politika ta’ akkwist
1. L-EATRIS ERIC għandu jittratta lill-kandidati u l-persuni li jitfgħu offerta għall-akkwist pubbliku b’mod ugwali u mhux diskriminatorju, indipendentement jekk humiex ibbażati fl-Unjoni Ewropea jew le. Il-politika dwar l-akkwist tal-EATRIS ERIC għandha tirrispetta l-prinċipji ta’ trasparenza, nondiskriminazzjoni u kompetizzjoni. Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jadotta Regoli ta’ Proċedura li jistabbilixxu regoli dettaljati dwar il-proċeduri u l-kriterji b’rabta mal-akkwist.
2. Il-Bord tad-Diretturi ikun responsabbli għall-akkwist kollu li jsir mill-EATRIS ERIC. L-offerti kollha għandhom ikunu ppubblikati fuq is-sit elettroniku tal-EATRIS ERIC u fit-territorji tal-Membri u l-Osservaturi. Għal ammonti ta’ akkwist akbar minn EUR 200 000, l-EATRIS ERIC għandu jsegwi d-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (1). Id-deċiżjoni li tagħti d-dritt tal-akkwist għandha tkun ippubblikata u għandha tinkludi ġustifikazzjoni sħiħa.
Artikolu 26
Eżenzjoni ta’ taxxa
1. L-eżenzjonijiet mit-taxxa bbażati fuq l-Artikolu 143(1)(g) u l-Artikolu 151(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (2) u skont l-Artikoli 50 u 51 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 (3) għandhom ikunu limitati għat-taxxa fuq il-valur miżjud għal tali oġġetti u servizzi li huma għall-użu uffiċjali mill-EATRIS ERIC, jeċċedu l-valur ta’ EUR 250, u huma mħallsa kompletament u prokurati mill-EATRIS ERIC. L-akkwist li jsir mill-Membri individwali ma għandux jibbenefika minn dawn l-eżenzjonijiet. Mingħajr ħsara għall-paragrafi 2 u 3 ma għandu japplika l-ebda limitu ieħor.
2. L-eżenzjonijiet tat-taxxa għandhom japplikaw fuq attivitajiet mhux ekonomiċi, u mhux fuq attivitajiet ekonomiċi.
3. L-eżenzjonijiet mit-taxxa għandhom jiġu applikati għall-prodotti u s-servizzi għall-operazzjonijiet xjentifiċi, tekniċi u amministrattivi li jitwettqu mill-EATRIS ERIC skont il-kompiti prinċipali tiegħu. Dawn għandhom jinkludu wkoll l-ispejjeż għall-konferenzi, il-workshops u l-laqgħat marbuta direttament mal-attivitajiet uffiċjali tal-EATRIS ERIC. Madankollu l-ispejjeż għall-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni ma għandhomx ikunu koperti minn eżenzjonijiet mit-taxxa.
Artikolu 27
Politika dwar id-dejta
Il-Bord Eżekuttiv għandu jissottometti lill-Bord tal-Gvernaturi, għall-approvazzjoni, Regoli ta’ Proċedura dwar il-politika tad-dejta rigward l-utenti tal-infrastruttura tal-EATRIS ERIC, taċ-ċentri nazzjonali u partijiet terzi bħal universitajiet, istituti tar-riċerka u l-industrija, bir-rispett dovut għal-liċenzji eżistenti.
KAPITOLU VIII
DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IT-TUL TA’ ŻMIEN, L-ISTRALĊ, IT-TILWIM, U T-TWAQQIF
Artikolu 28
Tul
It-tul ta’ żmien tal-EATRIS ERIC għandu jkun indefinit.
Artikolu 29
Stralċ
1. L-istralċ ta’ EATRIS ERIC għandu jiġi deċiż mill-Bord tal-Gvernaturi.
2. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tkun innotifikata fi żmien 10 ijiem kalendarji mid-deċiżjoni tal-istralċ tal-EATRIS ERIC.
3. L-assi li jibqgħu wara l-ħlas tad-dejn tal-EATRIS ERIC għandhom jitqassmu bejn il-membri skont il-kontribuzzjoni annwali akkumulata tagħhom lill-EATRIS ERIC.
4. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tkun innotifikata fi żmien 10 ijiem kalendarji mill-proċedura tal-istralċ.
Artikolu 30
Lingwa u disponibbiltà tal-Istatuti
1. Dawn l-Istatuti għandhom jinżammu aġġornati u magħmula disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-ERIC u fis-sede statutorja tiegħu.
2. Dawn l-Istatuti għandhom jitqiesu awtentiċi f’kull verżjoni lingwistika uffiċjali tal-Membri elenkati fl-Appendiċi 1. Dawn l-Istatuti għandhom jitqiesu awtentiċi wkoll fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali tal-Istati Membri mhux elenkati fl-Appendiċi 1. L-ebda verżjoni lingwistika ma għandha tipprevali.
3. Meta, f’każ ta’ emendi f’dawn l-Istatuti li ma ma jkunux jeħtieġu Deċiżjoni tal-Kummissjoni, fil-Ġurnal Uffiċjali ma jkunux previsti verżjonijiet lingwistiċi, dawn għandhom jiġu pprovduti mill- Uffiċċju ta’ koordinazzjoni u appoġġ tal-EATRIS ERIC.
Artikolu 31
Dispożizzjonijiet ta’ twaqqif
1. Għandha tissejjaħ laqgħa kostituzzjonali tal-Bord tal-Gvernaturi mill-pajjiż ospitanti kemm jista’ jkun malajr iżda mhux aktar tard minn 45 jum kalendarju wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li twaqqaf l-EATRIS ERIC. Mingħajr ħsara għall-paragrafu 2, l-ebda deċiżjonijiet ma għandhom jittieħdu mill-Bord tal-Gvernaturi qabel ma jkunu ssieħbu mill-inqas ħames Membri fl-EATRIS ERIC.
2. Il-pajjiż ospitanti għandu jinnotifika lill-Membri Fundaturi bi kwalunkwe azzjoni legali urġenti speċifika li teħtieġ li tittieħed f’isem l-EATRIS ERIC qabel ma ssir il-laqgħa kostituzzjonali. Sakemm Membru Fundatur ma joġġezzjonax fi żmien 5 ijiem tax-xogħol wara li jiġi nnotifikat, l-azzjoni legali titwettaq minn persuna awtorizzata mill-istat ospitanti.
3. Hekk kif jitwaqqaf l-EATRIS ERIC, l-entitajiet tiegħu għandhom jaġixxu skont l-Ordnijiet Permanenti u r-Regoli ta’ Proċedura kif approvati mill-Bord tal-Gvernaturi tal-EATRIS matul il-fażi ta’ tranżizzjoni tal-EATRIS.
(1) ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.
(2) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
Appendiċi 1
Lista tal-membri, l-osservaturi u l-entitajiet li jirrappreżentawhom
Membri |
Entità rappreżentanti |
Ir-Renju tad-Danimarka |
Aġenzija Daniża għax-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni (DASTI) |
Ir-Repubblika Taljana |
Istituto Superiore di Sanità- ISS |
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi |
ZonMW |
Ir-Repubblika Ċeka |
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isports (MEYS) |
Ir-Repubblika tal-Estonja |
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni u r-Riċerka tar-Repubblika tal-Estonja (MER EE) |
Ir-Repubblika tal-Finlandja |
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni l-Kultura |
Osservaturi |
Entità rappreżentanti |
Ir-Repubblika Franċiża |
Commissariat à l’Energie Atomique et aux Energies Alternatives (CEA) |
Ir-Renju ta’ Spanja |
Instituto de Salud “Carlos III” (ISCIII) |
Appendiċi 2
Kontribuzzjoni finanzjarja annwali
Impenn finanzjarju għall-ewwel ħames snin
Għall-perjodu inizjali ta’ ħames snin wara t-twaqqif tal-EATRIS ERIC il-prinċipji għall-impenn finanzjarju għandhom ikunu kif ġej:
(a) |
l-impenn inizjali għall-Membri Fundaturi jkun ta’ ħames snin (l-ebda impenn inizjali għall-Osservaturi); |
(b) |
il-Membri Fundaturi jistgħu jiffirmaw għal inqas minn ħames snin soġġetti għal 25 % żieda fil-kontribuzzjoni annwali; iż-żejjed jintradd lura jekk il-Membru jagħmel il-ħames snin; |
(c) |
il-kontribuzzjoni finanzjarja inizjali għall-ewwel sena tal-EATRIS ERIC hija bbażata fuq il-baġit ta’ ħames snin maqbul, u teskludi kwalunkwe sors ta’ introjtu inċert (eż. l-introjtu mill-onorarji tal-utent) u minimu ta’ ħames Membri Fundaturi; |
(d) |
il-Pajjiżi l-Baxxi se jħallsu kontribuzzjoni addizzjonali bħala ospitanti ta’ EUR 500 000 fl-2013, l-2014 u l-2015. Wara l-2015 l-Pajjiżi l-Baxxi se jħallsu kontribuzzjoni addizzjonali bħala ospitatni ta’ EUR 50 000; |
(e) |
l-ebda Membru Fundatur li jkun għamel ħames snin ma jħallas aktar minn EUR 140 000 fis-sena (limitu massimu); |
(f) |
il-kontribuzzjoni minima tas-sħubija ma tkunx inqas minn EUR 50 000 fis-sena, irrispettivament min-numru ta’ Membri u irrispettivament minn kwalunkwe introjtu ġġenerat mill-EATRIS ERIC (limitu minimu); |
(g) |
il-kontribuzzjoni finanzjarja għat-tieni sena tal-EATRIS ERIC hija bbażata fuq il-baġit ta’ ħames snin maqbul bit-tnaqqis tar-riżultat nett mid-dħul fl-ewwel sena tal-EATRIS ERIC. Il-kontribuzzjoni finanzjarja għat-tielet sena tal-EATRIS ERIC hija bbażata fuq il-baġit ta’ ħames snin maqbul bit-tnaqqis tar-riżultat nett mid-dħul fit-tieni sena tal-EATRIS ERIC, eċċ.; |
(h) |
Membru ġdid jibda fil-livell tal-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ dak li jkun ħallas Membru Fundatur fl-ewwel sena tal-EATRIS ERIC flimkien ma’ 25 %. Wara l-ewwel sena tal-adeżjoni, dan iħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja stabbilita għat-tieni sena tal-EATRIS ERIC, eċċ. Jekk il-Membru l-ġdid ilesti t-terminu ta’ ħames snin, iż-żejjed jintradd lura. |
(i) |
Osservaturi Fundaturi ma’ istituti li ma jipparteċipawx fl-attivitajiet kollha tal-EATRIS u li ma jkunux qed jipprovdu servizzi jħallsu 25 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja annwali ta’ dik li jħallsu l-Membri Fundaturi; Osservatur Fundatur ma’ istituti li jipparteċipaw fl-attivitajiet kollha tal-EATRIS billi, fost l-oħrajn, ikunu qed jipprovdu servizzi, għandhom iħallsu l-istess kontribuzzjoni finanzjarja annwali bħal ta’ Membru Fundatur. |
(j) |
Osservatur Fundatur li jħallas 25 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja annwali u li jsir Membru, jibda fl-istess livell ta’ kontribuzzjoni finanzjarja li titħallas minn Membru Fundatur fl-ewwel sena tal-EATRIS ERIC. Wara l-ewwel sena tal-adeżjoni, dan iħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja stabbilita għat-tieni sena tal-EATRIS ERIC, eċċ. Jekk jagħmel ħames snin sħaħ, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Osservatur tintradd lura; |
(k) |
Osservatur ġdid jibda b’25 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ dak li jħallas Membru Fundatur fl-ewwel sena tal-EATRIS ERIC. Fl-ewwel sentejn tal-adeżjoni tiegħu, hu jħallas 25 % ta’ dak li kieku jħallas fit-tieni sena tal-EATRIS ERIC, eċċ.; |
(l) |
Jekk Osservatur ġdid isir Membru, dan iħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja li kieku kien iħallas bħala Membru Fundatur fl-ewwel sena tal-EATRIS ERIC; wara l-ewwel sena tal-adeżjoni dan iħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja stabbilita għat-tieni sena tal-EATRIS ERIC, eċċ.; jekk il-Membru l-ġdid jagħmel terminu sħiħ ta’ ħames snin, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Osservatur tintradd lura; |
(m) |
jekk Membri jew Osservaturi ġodda jissieħbu jew jekk Osservatur isir Membru, il-kontribuzzjoni finanzjarja tiġi kalkulatata mill-ġdid għall-Membri u l-Osservaturi kollha; |
(n) |
fil-każijiet kollha msemmija fil-punti minn (a) sa (m), il-25 % kontribuzzjoni finanzjarja żejda għandha tinżamm fir-riżerva. |