EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0912

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 912/2013 tat- 23 ta’ Settembru 2013 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 452/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-produzzjoni u l-iżvilupp tal-istatistika dwar l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja, fir-rigward ta’ statistika fuq sistemi edukattivi u ta’ taħriġ Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 252, 24.9.2013, p. 5–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/912/oj

24.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/5


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 912/2013

tat-23 ta’ Settembru 2013

li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 452/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-produzzjoni u l-iżvilupp tal-istatistika dwar l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja, fir-rigward ta’ statistika fuq sistemi edukattivi u ta’ taħriġ

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 452/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 t’April 2008 dwar il-produzzjoni u l-iżvilupp tal-istatistika dwar l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja (1), u partikolarment l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 452/2008 jistabbilixxi qafas komuni għall-produzzjoni sistematika tal-istatistika Ewropea fil-qasam tal-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja fi tliet dominji speċifikati li għandhom jiġu implimentati b’azzjonijiet statistiċi.

(2)

Hu meħtieġ li jiġu adottati miżuri għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet statistiċi individwali għall-produzzjoni ta’ statistika dwar is-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ kif koperti mid-Dominju 1 fir-Regolament (KE) Nru 452/2008.

(3)

Meta jipproduċu u jxerrdu l-istatistika Ewropea dwar sistemi edukattivi u ta’ taħriġ, l-awtoritajiet nazzjonali u tal-Unjoni tal-istatistika għandhom iqisu l-prinċipji stipulati fil-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea approvat mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika f’Settembru 2011.

(4)

Il-miżuri ta’ implimentazzjoni għall-produzzjoni tal-istatistika dwar sistemi edukattivi u ta’ taħriġ għandhom jikkunsidraw il-piż potenzjali fuq l-istituzzjonijiet edukattivi u l-individwi u tal-aħħar ftehim bejn l-Istitut għall-Istatistika tal-Unesco (UIS - Unesco Institute for Statistics), l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD - Organisation for Economic Co-operation and Development) u l-Kummissjoni (Eurostat) dwar kunċetti, definizzjonijiet, proċessar tad-dejta, perjodiċità u dati tal-iskadenza għat-trażmissjoni tar-riżultati.

(5)

L-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (Unesco) irrevediet il-verżjoni tal-Istandard Internazzjonali għall-Klassifikazzjoni tal-Edukazzjoni (ISCED - International Standard Classification of Education) li ntużat sa issa (ISCED 1997) bl-għan li tkun żgurata il-konsistenza mal-iżviluppi fil-politiki u l-istrutturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

(6)

Il-komparabbiltà internazzjonali tal-istatistika tal-edukazzjoni teħtieġ li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jużaw klassifikazzjonijiet tal-edukazzjoni li huma kompatibbli mal-verżjoni riveduta tal-Klassifikazzjoni Standard Internazzjonali tal-Edukazzjoni ISCED 2011 (minn hawn ’il quddiem “ISCED 2011”), kif adottata mill-Istati Membri tal-Unesco fis-36 Konferenza Ġenerali f’Novembru 2011.

(7)

Il-ġbir tad-dejta minn sorsi amministrattivi u oħrajn dwar il-mobbiltà tal-istudenti f’kull ċiklu ta’ studju għandu jitjieb, sabiex jiġi mmonitorjat il-progress u identifikati l-isfidi, kif ukoll biex ikun hemm kontribut għat-tfassil ta’ politika bbażata fuq l-evidenza.

(8)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 88/2011 tat-2 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 452/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-produzzjoni u l-iżvilupp tal-istatistika dwar l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja, fir-rigward ta’ statistika fuq sistemi edukattivi u ta’ taħriġ (2), għandu jiġi rrevokat.

(9)

Il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 452/2008 fir-rigward tal-ġbir, it-trażmissjoni u l-ipproċessar tad-dejta statistika fid-Dominju 1 dwar is-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ.

Artikolu 2

Suġġetti koperti u l-karatteristiċi tagħhom

L-għażla u l-ispeċifikazzjoni tas-suġġetti li għandhom jiġu koperti mid-Dominju 1 dwar is-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ, kif ukoll il-lista dettaljata tal-karatteristiċi tagħhom u ta’ kif jiġu mqassma, għandhom ikunu kif stabbiliti fl-Anness I.

Artikolu 3

Perjodi ta’ referenza u trażmissjoni tar-riżultati

1.   Dejta dwar ir-reġistrazzjonijiet, l-parteċipanti u l-persunal għandhom jirreferu għas-sena skolastika/akkademika kif definita fuq livell nazzjonali (sena t/t + 1). Id-dejta annwali fuq ir-reġistrazzjonijiet, il-parteċipanti u l-persunal għandha tiġi trażmessa lill-Kummissjoni (Eurostat) annwalment sat-30 ta’ Novembru fis-sena t + 2. L-ewwel trażmissjoni tad-dejta f’Settembru 2014 għandha tirreferi għas-sena skolastika/akkademika 2012/2013 kif definit fil-livell nazzjonali.

2.   Il-gradwati għandhom jirreferu għas-sena skolastika/akkademika kif definita fil-livell nazzjonali (sena t/t + 1) jew għas-sena kalendarja (sena t + 1). Id-dejta annwali dwar il-gradwati għandha tiġi trażmessa lill-Kummissjoni (Eurostat) annwalment sat-30 ta’ Novembru fis-sena t + 2.

3.   L-ewwel trażmissjoni ta’ dejta dwar il-gradwati (minbarra dejta dwar il-gradwati li kellhom soġġorn ta’ “mobbiltà tal-kreditu” matul iċ-ċiklu ta’ studju) għandha tiġi ppreżentata f’Novembru 2014 u għandha tirreferi għas-sena skolastika/akkademika 2012/2013 kif definita fil- livell nazzjonali jew għas-sena kalendarja 2013.

4.   L-ewwel trażmissjoni ta’ dejta dwar il-gradwati li kellhom soġġorn ta’ “mobbiltà tal-kreditu” matul iċ-ċiklu ta’ studju għandha tiġi ppreżentata f’Novembru 2017 u għandha tirreferi għas-sena skolastika/akkademika 2015/2016 kif definit fuq livell nazzjonali jew għas-sena kalendarja 2016.

5.   Studenti/gradwati mobbli, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, għandhom ikunu definiti skont il-pajjiż tal-oriġini tagħhom (preferenza lil edukazzjoni preċedenti, vs. residenza, vs ċittadinanza). Qabel l-2016, id-dejta dwar ‘studenti/gradwati mobbli’ għandha tingħata bl-użu tad-definizzjoni nazzjonali ta’ “pajjiż tal-oriġini”. Mill-2016, id-definizzjoni ta’ pajjiż tal-oriġini li għandha tintuża hija tal-pajjiż fejn id-diploma sekondarja superjuri ingħatat jew bl-aħjar stima nazzjonali.

6.   Id-dejta tan-nefqa edukattiva għandha tirreferi għas-sena finanzjarja tal-Istat Membru kif definit fil-livell nazzjonali (sena t). Id-dejta annwali dwar in-nefqa fuq l-edukazzjoni u n-numru ta’ studenti bil-kopertura aġġustata għall-istatistika dwar in-nefqa għall-edukazzjoni għandha tiġi trażmessa kull sena lill-Kummissjoni (Eurostat) sat-30 ta’ Novembru fis-sena t + 2. L-ewwel trażmissjoni tad-dejta f’Novembru 2014 għandha tirreferi għas-sena finanzjarja 2012.

Artikolu 4

Rekwiżiti tal-kwalità tad-dejta u kwadru tar-rappurtaġġ tal-kwalità

1.   Ir-rekwiżiti tal-kwalità tad-dejta u r-rapporti tal-kwalità standard dwar sistemi edukattivi u ta’ taħriġ għandhom ikunu kif stabbilit fl-Anness II.

2.   L-Istati Membri għandhom jittrażmettu kull sena lill-Kummissjoni (Eurostat) rapport tal-kwalità standard skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II. Ir-rapporti tal-kwalità standard għandhom jiġu trażmessi flimkien mall-immapjar integrat tal-ISCED tal-programmi nazzjonali u l-kwalifiki billi jintuża l-mudell ipprovdut mill-Kummissjoni (Eurostat).

L-ewwel rapport għandu jirreferi għas-sena tal-ġbir tad-dejta tal-2014 (sena skolastika/akkademika 2012/2013). Ir-rapport tal-kwalità li jikkonċerna l-perjodi ta’ referenza stabbiliti fl-Artikolu 3 għandhom jiġu trażmessi lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar fis-sena t + 3.

3.   L-Istati Membri għandhom jiksbu d-dejta meħtieġa bl-użu ta’ kombinazzjoni ta’ sorsi differenti bħal sondaġġi bbażati fuq il-kampjuni, sorsi tad-dejta amministrattivi jew sorsi oħra tad-dejta.

4.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-Kummissjoni (Eurostat) b’informazzjoni dwar il-metodi u l-kwalità tad-dejta mis-sorsi użati minbarra s-sondaġġi bbażati fuq kampjuni u s-sorsi tad-dejta amministrattivi kif imsemmija fil-paragrafu 3.

Artikolu 5

Revoka

Ir-Regolament (UE) Nru 88/2011 għandu jiġi revokat.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Settembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 145, 4.6.2008, p. 227.

(2)  ĠU L 29, 3.2.2011, p. 5.


ANNESS I

Suġġetti koperti, lista dettaljata tal-karatteristiċi u t-tqassim tagħhom

Dejta li għandha tiġi trażmessa mill-livell ISCED għandha tirreferi għall-ISCED 2011. Id-distinzjoni bejn l-orjentazzjonijiet akkademiċi u professjonali (ISCED 6 u 7 fil-livell ta’ figura 2 ta’ dettall), li ma kienx iddefinit b’mod preċiż f’ISCED 2011 kif adottata mill-Istati Membri tal-Unesco fis-36 Konferenza Ġenerali f’Novembru 2011, għandhom isiru skont il-linji gwida dettaljati għall-ġbir tad-dejta tal- Unesco/OECD/Eurostat dwar is-sistemi edukattivi.

Dejta li trid tintbagħat ”boqsma tal-edukazzjoni” għandha tirreferi għal “Manwal tal-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, verżjoni tal-1999” u għal klassifikazzjoni ‘ISCED fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ’ li jibda b’referenza għas-sena skolastika/akkademika ta’ wara l-adozzjoni tal-aħħar verżjoni riveduta ta’ din il-klassifikazzjoni.

Dejta dwar reġistrazzjonijiet

numru ta’ studenti reġistrati mill-livelli ISCED 0 sa 8 (ISCED 0 u 2 livell ta’ figura 2 ta’ dettall; ISCED 1: livell ta’ figura 1 ta’ dettall; ISCED 3 sa 7: livell ta’ figura 3 ta’ dettall; ISCED 8: livell ta’ figura 1 ta’ dettall), tip ta’ istituzzjoni (pubbliku, privat), intensità ta’ partiċipazzjoni (full-time, part-time. ekwivalenti għal full time) u sess. Trażmissjoni tad-dejta għal ISCED 01 mhux obbligatorja;

numru ta’ studenti reġistrati mill-livelli ISCED 0 sa 8 (ISCED 0 u 2 sa 5: livell ta’ figura 2 ta’ dettall; ISCED 1 u 6 sa 8: livell ta’ figura 1 ta’ dettall), sess u età. Trażmissjoni tad-dejta għal ISCED 01 mhux obbligatorja. Trażmissjoni tad-dejta għal ISCED 6 u 7 fil-livell ta’ figura 2 ta’ dettall mhux obbligatorja;

numru ta’ studenti reġistrati mill-livelli ISCED 3 sa 8 (livelli ISCED 3 u 4: vokazzjonali biss; ISCED 5: livell ta’ figura 2 ta’ dettall, livelli ISCED 6 sa 8: livell ta’ figura 1 ta’ dettall), qasam tal-edukazzjoni (3et livell ta’ dettall) u sess. Trażmissjoni tad-dejta għal ISCED 6 u 7 fil-livell ta’ figura 2 ta’ dettall huwa opzjonali;

In-numru ta’ studenti rreġistrati f’ “programmi kombinati bbażati fuq l-iskola u xogħol” minn livelli ISCED 3 sa 5, vokazzjonali biss, it-tip ta’ istituzzjoni (pubbliċi, privati), l-intensità tal-parteċipazzjoni (full-time, part-time, ekwivalenti għal full-time) u s-sess;

numru ta’ studenti reġistrati mill-livelli ISCED 0 sa 8 (ISCED 0 u 2 sa 5: livell ta’ figura 2 ta’ dettall; ISCED 1 u 6 sa 8: livell ta’ figura 1 ta’ dettall),reġjuni NUTS2 (1) u sess. Trażmissjoni tad-dejta għal ISCED 01 mhux obbligatorja;

numru ta’ studenti reġistrati fil-livelli ISCED 0 sa 8 aggregati, minn reġjuni NUTS2 (1) sess u età:

numru ta’ studenti reġistrati mill-livelli ISCED 1 sa 3 (ISCED 1 u 2: livell ta’ figura 1 ta’ dettall; ISCED 3: livell ta’ figura 2 ta’ dettall) u lingwa barranija moderna studjata;

numru ta’ studenti reġistrati mill-livelli ISCED 1 sa 3 (ISCED 1 u 2: livell ta’ figura 1 ta’ dettall; ISCED 3: livell ta’ figura 2 ta’ dettall) u nurmru ta’ lingwi barranin moderni studjati.

Dejta dwar il-parteċipanti

numru ta’ parteċipanti ġodda, mill-livelli ISCED 3 sa 8 (ISCED 3 sa 5: livell ta’ figura 2 ta’ dettall; ISCED 6 sa 8: livell ta’ figura 1 ta’ dettall), sess u età. Trażmissjoni tad-dejta għal ISCED 6 u 7 fil-livell ta’ figura 2 ta’ dettall mhux obbligatorja;

numru ta’ parteċipanti ġodda, mill-livelli ISCED 3 sa 8 (livelli ISCED 3 u 4: vokazzjonali biss; ISCED 5: livell ta’ figura 2 ta’ dettall; ISCED 6 sa 8: livell ta’ figura 1 ta’ dettall),sess u qasam tal-edukazzjoni (2ni livell ta’ dettall) u sess. Trażmissjoni tad-dejta għal ISCED 6 u 7 fil-livell ta’ figura 2 ta’ dettall huwa mhux obbligatorja.

Dejta dwar il-mobbiltà tal-istudenti

Numru ta’ studenti mobbli rreġistrati, minn livelli ISCED 5 sa 8 (livell ta’ figura 1 ta’ dettall), qasam tal-edukazzjoni (3et livell ta’ dettall) u s-sess;

numru ta’ studenti mobbli rreġistrati, minn livelli ISCED 5 sa 8 (livell ta’ figura 1 ta’ dettall), pajjiż tal-oriġini u sess;

numru ta’ gradwati mobbli rreġistrati, minn livelli ISCED 5 sa 8 (livell ta’ figura 1 ta’ dettall), pajjiż tal-oriġini u s-sess; Trażmissjoni tad-dejta għal ISCED 5 fil-livell ta’ figura 2 ta’ dettall huwa mhux obbligatorja;

numru ta’ gradwati li kellhom soġġorn ta’ ‘kreditu mobbli’ ta’ tul ta’ żmien minimu ta’ tliet xhur matul iċ-ċiklu tal-istudju, minn ISCED livelli 5 sa 8 (livell ta’ figura 1 ta’ dettall) u t-tip ta’ skema tal-mobbiltà (programmi tal-UE, programmi internazzjonali/nazzjonali, programmi oħra). Trażmissjoni tad-dejta għal ISCED 5 fil-livell ta’ figura 2 ta’ dettall mhux obbligatorja. Trażmissjoni tad-dejta għal aktar tqassim skont it-tip ta’ mobilità (il-perjodu ta’ studju, kollokazzjoni f’impjieg) mhux obbligatorja;

numru ta’ gradwati li kellhom soġġorn ta’ ‘kreditu mobbli’ ta’ tul ta’ żmien minimu ta’ tliet xhur matul iċ-ċiklu tal-istudju, minn ISCED livelli 5 sa 8 (livell ta’ figura 1 ta’ dettall) u pajjiż tad-destinazzjoni. Trażmissjoni tad-dejta għal ISCED 5 fil-livell ta’ figura 2 ta’ dettall mhux obbligatorja. Trażmissjoni tad-dejta għal aktar tqassim skont it-tip ta’ mobilità (il-perjodu ta’ studju, kollokazzjoni f’impjieg) mhux obbligatorja;

trażmissjoni tad-dejta mhux obbligatorja fuq numru ta’ gradwati li kellhom “kreditu mobbli” ta’ tul ta’ inqas minn tlett xuhur matul iċ-ċiklu tal-istudju, mill-livelli ISCED 5 sa 8 (ISCED 5: livell ta’ figura 2 ta’ dettall; ISCED 6 sa 8: livell ta’ figura 1 ta’ dettall), pajjiż tad-destinazzjoni u t-tip ta’ mobbiltà, kollokazzjoni f’impjieg).

Dejta dwar il-gradwati

numru ta’ gradwati, mill-livelli ISCED 3 sa 8 (ISCED 3 sa 7: livell ta’ figura 3 ta’ dettall; ISCED 8: livell ta’ figura 1 ta’ dettall), sess u età;

numru ta’ gradwati, mill-livelli ISCED 3 sa 8 (livelli ISCED 3 u 4: vokazzjonali biss; ISCED 5: livell ta’ figura 2 ta’ dettall; ISCED 6 sa 8: livell ta’ figura 1 ta’ dettall), qasam tal-edukazzjoni (3et livell ta’ dettall) u sess. Trażmissjoni tad-dejta għal ISCED 6 u 7 fil-livell ta’ figura 2 ta’ dettall huwa mhux obbligatorja.

Dejta dwar il-persunal

Dejta dwar l-għalliema tal-klassijiet għandhom jiġu pprovduti mill-livelli ISCED 0 sa 4 bit-tqassim li ġej: ISCED 0: livell ta’ figura 2 ta’ dettall; ISCED 1 u 2: livell ta’ figura 1 ta’ dettall; ISCED 3 u 4: livell ta’ figura 2 ta’ dettall; Dejta dwar l-persunal akkademiku għandhom ikunu provduti għal livelli ISCED 5 sa 8 aggregati. Trażmissjoni tad-dejta għal ISCED 01 mhux obbligatorja. Trażmissjoni tad-dejta għal livelli ISCED 5 sa 8 aggregati akkademiċi u livelli ISCED 5 sa 8 aggregati professjonali mhux obbligatorja;

numru ta’ għalliema tal-klassijiet (mill-livelli ISCED 0 sa 4) u l-persunal akkademiku, skont is-sess u l-grupp tal-età;

numru ta’ għalliema tal-klassijiet (mill-livelli ISCED 0 sa 4) u l-persunal akkademiku, skont it-tip ta’ istituzzjoni (pubbliċi, privati), l-istatus tax-xogħol (full-time, part-time, ekwivalenti għal full-time) u s-sess;

numru ta’ studenti reġistrati aġġustata mad-dejta tal-persunal tal-edukazzjoni, mill-livelli ISCED 0 sa 8 (livelli ISCED 0, 3 u 4: livell ta’ figura 2 ta’ dettall; ISCED 1 u 2: livell ta’ figura 1 ta’ dettall; ISCED 5 sa 8 aggregati), tip ta’ istituzzjoni (pubbliku, privat) u intensità ta’ partiċipazzjoni (full-time, part-time. ekwivalenti tal-full time). Trażmissjoni tad-dejta għal ISCED 01 mhux obbligatorja. Trażmissjoni tad-dejta għal livelli ISCED 5 sa 8 aggregati akkademiċi u livelli ISCED 5 sa 8 aggregati professjonali mhux obbligatorja;

trażmissjoni ta’ dejta mhux obbligatorja dwar l-għadd ta’ persunal maniġerjali fuq livell skolastiku mill-livelli ISCED 0 sa 3 (livell ta’ figura 1 ta’ dettall), l-istatus tax-xogħol (full-time, kors part-time ekwivalenti għal full-time) u s-sess.

Dejta dwar in-nefqa għall-edukazzjoni u n-numru ta’ studenti bil-kopertura aġġustata skont in-nefqa għall-edukazzjoni

Id-dejta dwar in-nefqa għall-edukazzjoni u l-għadd tal-istudenti bil-kopertura aġġustata għal-istatistika dwar in-nefqa għall-edukazzjoni, għandhom jiġu pprovduti għal livelli ISCED 0 sa 8 skont it-tqassim li ġej: ISCED 0: livell ta’ figura 2 ta’ dettall (livelli ISCED 01, mhux obbligatorja); ISCED 1 u ISCED 2: livell ta’ figura 1 ta’ dettall; ISCED 3-4 aggregata fil-livell ta’ figura 2 ta’ dettall (ġenerali, vokazzjonali); ISCED 5: livell ta’ figura 1 ta’ dettall; ISCED 6 sa 8 aggregati. Trażmissjoni tad-dejta għal livelli ISCED 5 sa 8 aggregati akkademiċi u livelli ISCED 5 sa 8 aggregati professjonali mhux obbligatorja. Għad-dejta kollha dwar in-nefqa għall-edukazzjoni, hemm tqassim fakultattiv tal-istituzzjonijiet privati ġo privat dipendenti fuq il-gvern u l-istituzzjonijiet privati indipendenti. Nefqa tal-R&D tapplika biss għal edukazzjoni terzjarja;

nefqa tal-edukazzjoni mill-livel ISCED, sors u tip tat-transazzjoni:

Sorsi tan-nefqa: in-nefqa tal-gvern (ċentrali, reġjonali u lokali), fondi minn aġenziji internazzjonali u sorsi oħra barranin, in-nefqa domestika u n-nefqa tal-entitajiet privati l-oħra;

It-tipi ta’ tranżazzjonijiet għall-infiq tal-gvern: infiq dirett mill-istituzzjonijiet pubbliċi, infiq dirett għall-istituzzjonijiet privati, infiq dirett totali għal kull tip ta’ istituzzjoni tal-edukazzjoni (minnhom: nefqa diretta speċifikat għal kapital, għal servizzi awżiljari u għall-attivitajiet R&D), trasferimenti għal gvernijiet reġjonali (netti), trasferimenti għal gvernijiet lokali (netti), boroż ta’ studju u għotjiet oħra lill-istudenti/unitajiet domestiċi, self lill-istudenti, trasferimenti u pagamenti lil entitajiet privati oħra;

Tipi ta’ tranżazzjonijiet għal fondi minn aġenziji internazzjonali u sorsi barranin oħra: pagamenti internazzjonali diretti għal kull tip ta’ istituzzjoni (minnhom: pagamenti għan-nefqa R&D), trasferimenti minn sorsi internazzjonali lil kull livelli tal-gvern; mhux obbligatorja: pagamenti internazzjonali direttament lill-istituzzjonijiet pubbliċi, pagamenti internazzjonali direttament lill-istituzzjonijiet privati, trasferimenti mis-sorsi internazzjonali lil gvern ċentrali, lil gvernijiet reġjonali, lil gvernijiet lokali;

Tipi ta’ tranżazzjonijiet għal nefqa tal-unitajiet domestiċi: pagamenti lill-istituzzjonijiet pubbliċi (netti), pagamenti lill-istituzzjonijiet privati (netti), pagamenti għall-prodotti u s-servizzi edukattivi minbarra servizzi lill-istituzzjonijiet edukattivi; mhux obbligatorja: pagamenti mħallsa lil servizzi awżiljari, pagamenti fuq oġġetti mitluba direttament u indirettament minn istituzzjonijiet edukattivi, pagamenti fuq oġġetti mhux direttament meħtieġa għall-parteċipazzjoni, pagamenti għal taħriġ privat

Tipi ta’ tranżazzjonijiet għal nefqa tal-entitajiet privati: pagamenti lill-istituzzjonijiet pubbliċi, pagamenti lill-istituzzjonijiet privati, pagamenti lil kull tip ta’ istituzzjoni (minnhom: pagamenti lill-entitajiet privati oħra għan nefqa tal-R&D), boroż ta’ studju u għotjiet oħra lil studenti jew unitajiet domestiċi, self lill-istudenti; mhux obbligatorja: pagamenti ta’ intrapriżi privati għal attivitajiet speċifikati edukattivi, tariffi mħallsa lil istituzzjonijiet għal servizzi anċillari;

nefqa tal-edukazzjoni mill-livell ISCED, kategorija tan-natura u r-riżors. Natura tan-nefqa: nefqa fl-istituzzjonijiet pubbliċi u l-infiq f’istituzzjonijiet privati. Kategoriji tar-riżorsi: nefqa kurrenti għall-kumpens tal-persunal, infiq kurrenti ieħor, in-nefqa kapitali, aġġustamenti għal bidliet fil-bilanċi tal-fond, in-nefqa għal servizzi anċillari, in-nefqa għall-attivitajiet R&D. Hemm tqassim mhux obbligatorju tan-nefqa kurrenti għall-kumpens tal-persunal: għalliema, pedagoġiċi oħra, amministrattivi, professjonali u staff ta’ sostenn, salarji, nefqa għall-irtirar, kumpens ieħor mhux b’salarju;

numru ta’ studenti bil-kopertura aġġustata għall-istatistika dwar in-nefqa għall-edukazzjoni mill-livell ISCED, it-tip ta’ istituzzjoni u l-intensità tal-parteċipazzjoni. Tipi ta’ istituzzjoni: istituzzjonijiet pubbliċi u l-istituzzjonijiet privati. Intensità tal-parteċipazzjoni: full-time, part-time, ekwivalenti għal full-time.


(1)  Livell NUTS 2 għall-pajjiżi kollha minbarra l-Ġermanja u r-Renju Unit (NUTS livell 1).


ANNESS II

Rekwiżiti tal-kwalità tad-dejta u standard tar-rappurtar dwar il-kwalità

Rekwiżiti tal-kwalità tad-dejta

Ir-rekwiżiti tal-kwalità tad-dejta għal dejta dwar sistemi edukattivi u ta’ taħriġ jirreferu għall-kriterji tar-rappurtaġġ tal-kwalità SSE (1) li tkopri rilevanza, prontezza u puntwalità, aċċessibbiltà u ċarezza, komparabbiltà, u koerenza.

Partikolarment, id-dejta għandha tikkonforma mad-definizzjonijiet u kunċetti kif imsemmija fil-linji gwida dettaljati għall-ġbir tad-dejta Unesco/OECD/Eurostat dwar sistemi edukattivi.

Rapport standard dwar il-kwalità tad-dejta

Kull sena, tlett xhur qabel id-data tal-iskadenza tat-trażmissjoni msemmija fl-Artikolu 4(2), il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tipprovdi lill-Istati Membri bir-rapport standard annwali dwar il-kwalità, li jkun parzjalment mimli minn qabel b’informazzjoni li huma diġà disponibbli lill-Kummissjoni (Eurostat). L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) bir-rapport dwar il-kwalità komplut imsemmi fl-Artikolu 4(2).

Ir-rapport standard dwar il-kwalità tad-dejta għandu jiddokumenta l-konformità mad-dimensjonijiet ta’ rilevanza, preċiżjoni, prontezza u puntwalità, aċċessibbiltà u ċarezza, komparabbiltà, u koerenza.

Partikolarment, ir-rapport dwar il-kwalità tad-dejta għandu jiddokumenta l-konformità mad-definizzjonijiet u l-kunċetti kif imsemmija fil-linji gwida dettaljati għall-ġbir tad-dejta Unesco/OECD/Eurostat dwar sistemi edukattivi.

Id-devjazzjonijiet mid-definizzjonijiet u l-kunċetti kif imsemmija fil-linji gwida dettaljati għall-ġbir tad-dejta Unesco/OECD/Eurostat dwar sistemi edukattivi għandhom ikunu dokumentati u spjegati u jekk possibbli, jiġu kwantifikati.

Partikolarment, l-Istati Membri għandhom jipprovdu deskrizzjoni tas-sorsi użati fil-livell tat-tabelli kif deskritt fl-Anness I u l-użu ta’ stimi u reviżjonijiet għandu jiġi identifikat b’mod ċar fil-livell tat-tabelli u t-tqassim.


(1)  Sistema Statistika Ewropea.


Top