EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0714

2012/714/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 21 ta’ Novembru 2012 li tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Litwanja fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali

OJ L 323, 22.11.2012, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 19 Volume 013 P. 288 - 289

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/714/oj

22.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 323/18


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta’ Novembru 2012

li tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Litwanja fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali

(2012/714/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 328(1) u 331(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/405/UE tat-12 ta’ Lulju 2010 li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi li tapplika għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (2),

Wara li kkunsidrat in-notifika mil-Litwanja tal-intenzjoni tagħha li tipparteċipa fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill iddeċieda li jawtorizza kooperazzjoni msaħħa bejn il-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, l-Awstrija, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali.

(2)

Fl-20 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 1259/2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi li tapplika għad-divorzju u għas-separazzjoni legali.

(3)

Il-Litwanja nnotifikat l-intenzjoni tagħha li tipparteċipa f’koperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali b’ittra datata l-25 ta’ Mejju 2012, li l-Kummissjoni irreġistrat li rċeviet fid-19 ta’ Ġunju 2012.

(4)

Il-Kummissjoni tinnota li d-Deċiżjoni 2010/405/UE ma tippreskrivi ebda kundizzjonijiet partikolari tal-parteċipazzjoni f’koperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali u li l-parteċipazzjoni tal-Litwanja għandha ssaħħaħ il-benefiċċji ta’ din il-kooperazzjoni msaħħa.

(5)

Il-parteċipazzjoni tal-Litwanja fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali għandha għalhekk tiġi kkonfermata.

(6)

Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri tranżitorji għal-Litwanja meħtieġa fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010.

(7)

Ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010 għandu jidħol fis-seħħ fil-Litwanja fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Parteċipazzjoni tal-Litwanja f’koperazzjoni msaħħa

1.   Il-parteċipazzjoni tal-Litwanja f”kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali awtorizzata permezz tad-Deċiżjoni 2010/405/UE hija kkonfermata.

2.   Ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010 għandu japplika għal-Litwanja skont din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Informazzjoni li għandha tingħata mil-Litwanja

Mit-22 ta' Awwissu 2013 il-Litwanja għandha tikkomunika lill-Kummissjoni id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħha, jekk ikun hemm, dwar:

(a)

ir-rekwiżiti formali applikabbli għall-ftehimiet dwar l-għażla tal-liġi applikabbli skont l-Artikolu 7(2) sa (4) tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010; u

(b)

il-possibbiltà li tinħatar il-liġi applikabbli skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010.

Artikolu 3

Dispożizzjonijiet tranżitorji għal-Litwanja

1.   Ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010 għandu japplika għal-Litwanja biss fir-rigward tal-proċeduri legali mibdija kif ukoll għall-ftehimiet tat-tip imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010 konklużi mit-22 ta' Mejju 2014.

Madankollu, għandu jingħata effett ukoll għal-Litwanja għal ftehim dwar l-għażla tal-liġi applikabbli, konkluża qabel it-22 ta' Mejju 2014, sakemm tkun konformi mal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010.

2.   Ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010 għandu jkun għal-Litwanja bla ħsara għall-ftehimiet dwar l-għażla tal-liġi applikabbli konkluża skont il-liġi tal-Istat Membru li quddiem il-qorti tiegħu jinġieb il-każ qabel it-22 ta' Mejju 2014.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010 fil-Litwanja

Ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010 għandu jidħol fis-seħħ fil-Litwanja fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010 għandu japplika għal-Litwanja mit-22 ta' Mejju 2014.

Artikolu 5

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Novembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 189, 22.7.2010, p. 12.

(2)  ĠU L 343, 29.12.2010, p. 10.


Top