EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0912

Regolament (UE) Nru 912/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Settembru 2010 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1321/2004 dwar l-istabbiliment ta’ strutturi għat-tmexxija tal-programmi Ewropej ta’ radjunavigazzjoni bis-satellita u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

OJ L 276, 20.10.2010, p. 11–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 055 P. 272 - 282

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Imħassar b' 32021R0696

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/912/oj

20.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 276/11


REGOLAMENT (UE) Nru 912/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Settembru 2010

li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1321/2004 dwar l-istabbiliment ta’ strutturi għat-tmexxija tal-programmi Ewropej ta’ radjunavigazzjoni bis-satellita u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 172 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura legislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-politika Ewropea ta’ radjunavigazzjoni bis-satellita hija bħalissa implimentata permezz tal-programmi EGNOS u Galileo (minn hawn 'il quddiem “il-programmi”).

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1321/2004 tat-12 ta’ Lulju 2004 dwar l-istabbiliment ta’ strutturi għat-tmexxija tal-programmi Ewropej ta’ radjunavigazzjoni bis-satellita (3), stabbilixxa aġenzija Komunitarja msejħa Awtorità ta’ Viġilanza Ewropea GNSS (minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”).

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar l-implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi Ewropej ta’ navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo) (4) jiddefinixxi l-qafas il-ġdid għall-governanza pubblika u l-finanzjament tal-programmi. Huwa jistabbilixxi l-prinċipju tad-diviżjoni stretta tar-responsabbiltajiet bejn l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, l-Awtorità u l-Aġenzija Spazjali Ewropea (minn hawn 'il quddiem “ESA”), u jagħti lill-Kummissjoni r-responsabbiltà tal-ġestjoni tal-programmi u jattribwilha l-kompiti mogħtija oriġinarjament lill-Awtorità. Huwa jistipula wkoll li l-Awtorità, fit-twettiq tal-kompiti fdati lilha, tiżgura li r-rwol tal-Kummissjoni bħala ġestur tal-programmi jkun rispettat u li l-Awtorità taġixxi f’konformità mal-linji gwida maħruġa mill-Kummissjoni.

(4)

Fir-Regolament (KE) Nru 683/2008, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill stiednu lill-Kummissjoni biex tressaq proposta sabiex l-istrutturi tat-tmexxija tal-programmi kif stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1321/2004 jiġu jaqblu formalment mar-rwoli l-ġodda tal-Kummissjoni u tal-Awtorità kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 683/2008.

(5)

Minħabba l-limitazzjoni tal-attività tagħha, l-Awtorità m’għandhiex tibqa’ tissejjaħ “Awtorità ta’ Viġilanza Ewropea GNSS” iżda “l-Aġenzija Ewropea GNSS” (minn hawn 'il quddiem “l-Aġenzija”). Madankollu, il-kontinwità tal-attivitajiet tal-Awtorità, inkluża l-kontinwità fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi, il-persunal u l-validità ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħuda, għandha tiġi żgurata taħt l-Aġenzija.

(6)

L-għanijiet u l-objettivi tar-Regolament (KE) Nru 1321/2004 għandhom ikunu aġġustati wkoll sabiex jirriflettu l-fatt li l-Aġenzija m’għadhiex responsabbli għall-ġestjoni tal-interessi pubbliċi relatati mal-programmi tas-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita Ewropea (GNSS) u għar-regolamentazzjoni ta’ tali programmi.

(7)

L-istatus legali tal-Awtorità għandu jkun tali li jippermettilha li taġixxi bħala persuna ġuridika fit-twettiq tal-kompiti tagħha.

(8)

Huwa importanti wkoll li jiġu mmodifikati l-kompiti tal-Aġenzija u, f’dan ir-rigward, li jiġi żgurat li l-kompiti tagħha jkunu definiti b’konformità ma’ dawk stipulati fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 683/2008, inkluża l-possibbiltà li l-Aġenzija twettaq attivitajiet oħrajn li jistgħu jiġu fdati lilha mill-Kummissjoni, sabiex tappoġġja lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-programmi. F’konformità mal-Artikolu 54(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), tali attivitajiet jistgħu jinkludu, per eżempju, segwitu tal-iżvilupp ta’ proċeduri ta’ koordinazzjoni u konsultazzjoni fi kwistjonijiet ta’ sigurtà, twettiq ta’ riċerka li tkun ta’ benefiċċju għall-iżvilupp u l-promozzjoni tal-programmi, u provvista ta’ appoġġ fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-proġett pilota tas-Servizz Pubbliku Regolat (PRS).

(9)

Fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, l-għanijiet tagħha u fit-twettiq tal-kompiti tagħha, l-Awtorità għandha tikkonforma b’mod partikolari mad-dispożizzjonijiet li japplikaw għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

(10)

Fil-kuntest tar-reviżjoni tagħha ta’ nofs it-terminu tal-programm Galileo ppjanata għall-2010 kif imsemmi fl-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 683/2008, il-Kummissjoni għandha wkoll tindirizza l-kwistjoni tal-governanza tal-programmi fil-fażi operattiva u ta’ esplojtazzjoni u r-rwol tal-Aġenzija f’dan il-kuntest.

(11)

Sabiex jiġi żgurat b’mod effettiv it-twettiq tal-kompiti tal-Awtorità, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom ikunu rappreżentati fuq Bord Amministrattiv fdat bis-setgħat meħtieġa sabiex jistabbilixxi l-baġit, jivverifika l-eżekuzzjoni tiegħu, jadotta r-regoli finanzjarji xierqa, jistabbilixxi proċeduri tax-xogħol trasparenti għat-teħid tad-deċiżjonijiet mill-Aġenzija, japprova l-programm tagħha ta’ xogħol u jaħtar id-Direttur Eżekuttiv.

(12)

Huwa xieraq ukoll li jiġi inkluż rappreżentant tal-Parlament Ewropew fil-Bord Amministrattiv bħala membru mingħajr dritt għall-vot, minħabba l-fatt li r-Regolament (KE) Nru 683/2008 enfasizza l-utilità tal-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni.

(13)

Sabiex jiġi żgurat li l-Aġenzija twettaq il-kompiti tagħha waqt li tirrispetta r-rwol tal-Kummissjoni bħala ġestur tal-programmi, u f’konformità mal-linji gwida maħruġa mill-Kummissjoni, huwa importanti wkoll li jiġi ddikjarat espliċitament li l-Aġenzija għandha titmexxa minn Direttur Eżekuttiv taħt is-sorveljanza tal-Bord Amministrattiv, f’konformità mal-linji gwida maħruġa lill-Aġenzija mill-Kummissjoni. Huwa importanti wkoll li jkun speċifikat li l-Kummissjoni għandu jkollha ħames rappreżentanti fuq il-Bord Amministrattiv u li d-deċiżjonijiet rigward għadd limitat ta’ kompiti tal-Bord Amministrattiv ma jistgħux jiġu adottati mingħajr il-vot favorevoli tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni.

(14)

Il-funzjonament mingħajr problemi tal-Aġenzija jitlob li d-Direttur Eżekuttiv tagħha jkun maħtur fuq il-bażi ta’ mertu u kapaċitajiet amministrattivi u ta’ tmexxija dokumentati, kif ukoll kompetenza u esperjenza rilevanti, u li hu jaqdi d-dmirijiet tiegħu b’indipendenza u flessibilità totali fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-funzjonament intern tal-Aġenzija. Ħlief fir-rigward ta’ ċerti attivitajiet u miżuri relatati mal-akkreditazzjoni tas-sigurtà, id-Direttur Eżekuttiv għandu jipprepara u jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżgura li l-programm ta’ ħidma tal-Aġenzija jiġi kompletat kif jixraq, għandu jipprepara kull sena abbozz ta’ rapport ġenerali li għandu jiġi ppreżentat lill-Bord Amministrattiv, għandu jfassal abbozz ta’ dikjarazzjoni ta’ estimi ta’ dħul u nfiq tal-Aġenzija u jimplimenta l-baġit.

(15)

Il-Bord Amministrattiv għandu jingħata s-setgħa li jieħu kwalunkwe deċiżjoni li tista’ tiżgura li l-Aġenzija ikollha l-ħila twettaq il-kompiti tagħha bl-eċċezzjoni tal-kompiti ta’ akkreditazzjoni tas-sigurtà, li għandhom jiġu fdati f’idejn Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà għas-sistemi GNSS Ewropej (minn hawn 'il quddiem “il-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà”). Fir-rigward ta’ tali kompiti ta’ akkreditazzjoni il-Bord Amministrattiv għandu jkun responsabbli biss għall-kwistjonijiet ta’ riżorsi u ta’ baġit. Il-governanza tajba tal-programmi teħtieġ ukoll li l-kompiti tal-Bord Amministrattiv ikunu konformi mal-missjonijiet il-ġodda assenjati lill-Aġenzija skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 683/2008, speċjalment fir-rigward tal-operat taċ-ċentru ta’ sigurtà Galileo u l-istruzzjonijiet mogħtija f’konformità mal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/552/PESK tat-12 ta’ Lulju 2004 dwar aspetti tal-operazzjoni tas-sistema Ewropea tar-radjunavigazzjoni bis-satellita li jaffetwaw is-sigurtà tal-Unjoni Ewropea (6).

(16)

Il-proċeduri għall-ħatra ta’ min jokkupa kariga għandhom ikunu trasparenti.

(17)

Fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompiti fdati f’idejn l-Aġenzija, li jinkludu l-akkreditazzjoni tas-sigurtà, il-Kumitat Xjentifiku u Tekniku stabbilit skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1321/2004 għandu jitneħħa u l-Kumitat tas-Sigurtà u tas-Sikurezza tas-Sistema stabbilit skont l-Artikolu 10 ta’ dak ir-Regolament għandu jiġi sostitwit mill-Bord tal-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà, li jkun responsabbli għall-akkreditazzjoni tas-sigurtà u jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni. Ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ ir-“RGħ”) u l-ESA għandu jkollhom rwol ta’ osservatur fil-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà.

(18)

L-attivitajiet tal-akkreditazzjoni tas-sigurtà għandhom jitwettqu indipendentement mill-awtoritajiet responsabbli għall-ġestjoni tal-programmi, b’mod partikolari l-Kummissjoni, il-korpi l-oħra tal-Aġenzija, l-ESA, kif ukoll entitajiet oħra responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rigward is-sigurtà. Sabiex tiġi żgurata tali indipendenza, il-Bord tal-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà għandu jiġi stabbilit bħala l-awtorità ta’ akkreditazzjoni tas-sigurtà għas-sistemi GNSS Ewropej (minn hawn 'il quddiem “is-sistemi”) u għar-riċevituri li fihom it-teknoloġija tal-PRS. Huwa għandu jkun korp awtonomu li, fi ħdan l-Aġenzija, jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b’mod indipendenti u oġġettiv, fl-interess taċ-ċittadini.

(19)

Peress li l-Kummissjoni, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 683/2008 tmexxi l-aspetti kollha relatati mas-sistema tas-sigurtà, u biex jiġu żgurati governanza effiċjenti tal-aspetti tas-sigurtà u konformità mal-prinċipju ta’ diviżjoni stretta tar-responsabbiltajiet previst f’dak ir-Regolament, huwa essenzjali li l-attivitajiet tal-Bord tal-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà jkunu strettament limitati għall-attivitajiet tal-akkreditazzjoni tas-sigurtà tas-sistemi u li taħt l-ebda ċirkostanza ma jirkbu fuq il-kompiti fdati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 683/2008.

(20)

Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni skont il-proċeduri li jinvolvu l-Kumitat għall-Programmi tal-GNSS Ewropej mhuma se jaffettwaw bl-ebda mod ir-regoli eżistenti dwar kwistjonijiet baġitarji jew il-kompetenza speċifika tal-Istati Membri dwar kwisjonijiet ta’ sigurtà.

(21)

F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 683/2008, f’każijiet meta s-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tista’ tiġi affetwata bl-operazzjoni tas-sistemi, għandhom japplikaw il-proċeduri stipulati fl-Azzjoni Konġunta 2004/552/PESK. B’mod partikolari, fil-każ ta’ theddida għas-sigurtà tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li tirriżulta mill-operazzjoni jew l-użu tas-sistemi jew fil-każ ta’ theddida għall-operazzjoni tas-sistemi, partikolarment bħala riżultat ta’ kriżi internazzjonali, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi unanimament jista’ jiddeċiedi dwar l-istruzzjonijiet neċessarji li għandhom jingħataw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni. Kwalunkwe membru tal-Kunsill, ir-RGħ jew il-Kummissjoni jista’ jitlob diskussjoni tal-Kunsill sabiex ikun hemm qbil dwar tali istruzzjonijiet.

(22)

Fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, id-deċiżjonijiet dwar l-akkreditazzjoni tas-sigurtà, b’segwitu għall-proċess iddefinit fl-istrateġija għall-akkreditazzjoni tas-sigurtà, għandhom ikunu bbażati fuq deċiżjonijiet lokali dwar l-akkreditazzjoni tas-sigurtà meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali għall-akkreditazzjoni tas-sigurtà rispettivi tal-Istati Membri.

(23)

Sabiex iwettaq l-attivitajiet kollha tiegħu b’mod rapidu u effettiv, il-Bord tal-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà għandu jkun jista’ jistabbilixxi korpi sekondarji li jaġixxu fuq l-istruzzjonijiet tiegħu. Għaldaqstant għandu jistabbilixxi panel biex jassistih fil-preparazzjoni tad-deċiżjonijiet tiegħu u Awtorità tad-Distribuzzjoni Kriptografika, għall-ġestjoni u l-preparazzjoni ta’ kwsitjonijiet ta’ materjal kriptografiku, inkluża Unità dwar Kodiċi tat-Titjiriet ddedikata għal kodiċi operattivi tat-titjiriet għall-illanċjar, kif ukoll korpi oħrajn, jekk ikun neċessarju, biex jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi. Meta dan ikun qed isir, għandha tingħata kunsiderazzjoni speċjali fir-rigward tal-kontinwità neċessarja tal-ħidma f’dawk il-korpi.

(24)

Huwa importanti wkoll li l-attivitajiet tal-akkreditazzjoni tas-sigurtà jkunu kkoordinati mal-ħidma tal-awtoritajiet responsabbli mill-ġestjoni tal-programmi kif ukoll entitajiet oħra responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-sigurtà.

(25)

Minħabba n-natura speċifika u l-kumplessità tas-sistemi, huwa essenzjali li l-attivitajiet tal-akkreditazzjoni tas-sigurtà jitwettqu f’kuntest ta’ responsabbiltà kollettiva għas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri, billi jsiru sforzi biex jintlaħaq kunsens u billi jiġu involuti l-partijiet kollha b’interess fis-sigurtà, u għal monitoraġġ permanenti tar-riskju. Huwa wkoll imperattiv li l-attivitajiet tal-akkreditazzjoni teknika tas-sigurtà jiġu fdati f’idejn professjonisti, kwalifikati kif jistħoqq fil-qasam tas-sistemi kumplessi tal-akkreditazzjoni u b’livell adegwat ta’ awtorizzazzjoni tas-sigurtà.

(26)

Sabiex jiġi żgurat li l-Bord tal-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà jkun jista’ jwettaq il-kompiti tiegħu, għandu jkun previst ukoll li l-Istati Membri jfornu lil dak il-Bord bi kwalunkwe dokumentazzjoni meħtieġa, jagħtu aċċess għal informazzjoni klassifikata u għal kwalunkwe żona li tinsab fil-ġurisdizzjoni tagħhom lill-persuni awtorizzati, u li għandhom ikunu responsabbli fil-livell lokali għall-akkreditazzjoni tas-sigurtà ta’ żoni li jinsabu fit-territorju tagħhom.

(27)

Is-sistemi stabbiliti fil-qafas tal-programmi huma infrastrutturi li l-użu tagħhom jestendi ferm lil hinn mill-konfini nazzjonali tal-Istati Membri, u li huma infrastrutturi stabbiliti bħala netwerks trans-Ewropej f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 172 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, is-servizzi pprovduti permezz ta’ tali sistemi jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ networks trans-Ewropej fl-oqsma tal-infrastrutturi tat-trasport, tat-telekomunikazzjoni u tal-enerġija.

(28)

Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implikazzjonijiet baġitarji tal-finanzjament tal-Aġenzija għall-intestatura tan-nefqa kkonċernata. Abbażi tal-informazzjoni u mingħajr preġudizzju għall-proċedura legislattiva rilevanti, jeħtieġ li ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja jiksbu, fil-qafas tal-kooperazzjoni baġitarja, ftehim f’waqtu dwar l-iffinanzjar tal-Aġenzija. Il-proċedura tal-baġit tal-Unjoni hija applikabbli għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni li trid titħallas mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-verifika tal-kontijiet għandha ssir mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri skont it-Titolu VIII tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

(29)

L-Aġenzija għandha tapplika l-legislazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti u dwar il-protezzjoni tal-individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ informazzjoni personali. Għandha wkoll tkun konformi mal-prinċipji tas-sigurtà li japplikaw għall-Kunsill u għas-servizzi tal-Kummissjoni.

(30)

Għandu jkun possibbli għall-pajjiżi terzi li jipparteċipaw fl-Aġenzija, sakemm ikunu kkonkludew ftehim minn qabel mal-Unjoni f’dan ir-rigward, b’mod partikolari meta tali pajjiżi kienu involuti fil-fażijiet preċedenti tal-programm Galileo permezz tal-kontribut tagħhom għall-programm Galileosat tal-ESA.

(31)

Minħabba li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jistabbilixxi u jiżgura l-funzjonament ta’ aġenzija responsabbli, b’mod partikolari, għall-akkreditazzjoni tas-sigurtà tas-sistemi, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u, għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jeċċedix dak li hu neċessarju biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(32)

Peress li l-isem tal-Aġenzija ser jinbidel, ir-Regolament (KE) Nru 683/2008 għandu jiġi emendat kif meħtieġ.

(33)

Ir-Regolament (KE) Nru 1321/2004 ġie emendat preċedentement. Meta wieħed iqis l-emendi li qed jiġu introdotti issa, huwa xieraq, għal finijiet ta’ ċarezza, li jitħassar dak ir-Regolament u jiġi sostitwit b’Regolament ġdid,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, KOMPITI, KORPI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja, imsejħa l-Aġenzija Ewropea GNSS (minn hawn 'il quddiem “l-Aġenzija”).

Artikolu 2

Kompiti

Il-kompiti tal-Aġenzija għandhom ikunu kif stabbilit fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 683/2008.

Artikolu 3

Korpi

Il-korpi tal-Aġenzija għandhom ikunu l-Bord Amministrattiv, il-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà għas-sistemi tal-GNSS Ewropej u d-Direttur Eżekuttiv. Huma għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom f’konformità mal-linji gwida maħruġa mill-Kummissjoni kif stabbilit fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 683/2008.

Artikolu 4

Status legali, uffiċċji lokali

1.   L-Aġenzija għandha tkun korp tal-Unjoni. Hija għandu jkollha personalità ġuridika.

2.   F’kull wieħed mill-Istati Membri, l-Aġenzija għandu jkollha l-kapaċità ġuridika l-aktar estensiva li tingħata lill-persuni ġuridiċi taħt il-liġijiet tagħhom. Hija tista’, b’mod partikolari, takkwista jew tiddisponi minn proprjetà mobbli jew immobbli u tkun parti fi proċedimenti legali.

3.   L-Aġenzija tista’ tiddeċiedi li tistabbilixxi uffiċċji lokali fl-Istati Membri soġġett għall-kunsens tagħhom, jew f’pajjiżi terzi li jkunu qed jieħdu sehem fil-ħidma tal-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 23.

4.   Soġġett għall-Artikolu 11(9), l-Aġenzija għandha tkun rappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha.

Artikolu 5

Bord Amministrattiv

1.   B’dan huwa stabbilit Bord Amministrattiv sabiex iwettaq il-kompiti elenkati fl-Artikolu 6.

2.   Il-Bord Amministrattiv għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed maħtur minn kull Stat Membru, ħames rappreżentanti maħtura mill-Kummissjoni u rappreżentant wieħed mingħajr dritt għall-vot maħtur mill-Parlament Ewropew. It-tul tal-mandat tal-membri tal-Bord Amministrattiv għandu jkun ta’ ħames snin. Il-mandat jista’ jiġġedded għal massimu ta’ ħames snin. Rappreżentant tar-RGħ u rappreżentant tal-ESA għandhom jiġu mistiedna biex jattendu l-laqgħat tal-Bord Amministrattiv bħala osservaturi.

3.   Fejn ikun xieraq, il-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti minn pajjiżi terzi u l-kondizzjonijiet ta’ din għandhom ikunu stabbiliti fl-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 23.

4.   Il-Bord Amministrattiv għandu jeleġġi President u Deputat President minn fost il-membri tiegħu. Id-Deputat President għandu awtomatikament jieħu post il-President fejn il-President ma jitħalliex iwettaq dmirijietu. Il-mandat tal-President u tad-Deputat President għandu jkun ta’ sentejn u nofs, u jkun jista’ jiġġedded darba, u għandu jiskadi meta ma jibqgħux membri tal-Bord Amministrattiv.

5.   Il-laqgħat tal-Bord Amministrattiv għandhom jissejħu mill-President tiegħu.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu normalment jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet, sakemm il-President ma jiddeċidix mod ieħor.

Il-Bord Amministrattiv għandu jkollu laqgħa ordinarja darbtejn fis-sena. Barra minn hekk, hu għandu jiltaqa’ fuq l-inizjattiva tal-President tiegħu jew fuq it-talba ta’ mhux inqas minn terz tal-membri tiegħu.

Il-Bord Amministrattiv jista’ jistieden lil kwalunkwe persuna li l-opinjoni tagħha tista’ tkun ta’ interess sabiex tattendi l-laqgħat tiegħu bħala osservatur. Il-membri tal-Bord Amministrattiv jistgħu, soġġett għad-dispożizzjonijiet tar-regoli ta’ proċedura tiegħu, jiġu assistiti minn konsulenti jew esperti.

Is-segretarjat tal-Bord Amministrattiv għandu jkun ipprovdut mill-Aġenzija.

6.   Ħlief jekk ikun previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-Bord Amministrattiv għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu.

7.   Kull rappreżentant tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni għandu jkollu vot wieħed. Id-deċiżjonijiet ibbażati fuq l-Artikolu 6(b) u (e) m’għandhomx jiġu adottati mingħajr vot favorevoli tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni. Id-Direttur Eżekuttiv ma għandux jivvota.

Ir-regoli ta’ proċedura tal-Bord Amministrattiv għandhom jistabbilixxu arranġamenti iktar dettaljati tal-votazzjoni, b’mod partikolari l-kondizzjonijiet sabiex membru jaġixxi f’isem membru ieħor.

Artikolu 6

Kompiti tal-Bord Amministrattiv

Il-Bord Amministrattiv għandu jiżgura li l-Aġenzija twettaq il-ħidma fdata lilha, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, u għandu jieħu kwalunkwe deċiżjoni meħtieġa għal dan il-għan. Fir-rigward tal-kompiti tal-akkreditazzjoni tas-sigurtà u d-deċiżjonijiet previsti fil-Kapitolu III, il-Bord Amministrattiv għandu jkun responsabbli biss għal materji ta’ riżorsi u dawk baġitarji. Il-Bord Amministrattiv għandu wkoll:

(a)

jaħtar id-Direttur Eżekuttiv skont l-Artikolu 7(2);

(b)

jadotta, sal-15 ta’ Novembru ta’ kull sena, u wara li jirċievi l-opinjoni tal-Kummissjoni, il-programm ta’ ħidma tal-Aġenzija għas-sena li jmiss;

(c)

iwettaq id-dmirijiet tiegħu b’konnessjoni mal-baġit tal-Aġenzija skont l-Artikoli 13 u 14;

(d)

jissorvelja l-operazzjoni taċ-ċentru ta’ sigurtà tal-Galileo, (minn hawn 'il quddiem iċ-“Ċentru ta’ Monitoraġġ tas-Sigurtà Galileo” jew il-“GSMC”) kif imsemmi fl-Artikolu 16(a)(ii) tar- Regolament (KE) Nru 683/2008;

(e)

jeżerċita awtorità dixxiplinarja fuq id-Direttur Eżekuttiv;

(f)

jadotta d-dispożizzjonijiet speċjali meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-Aġenzija, f’konformità mal-Artikolu 21;

(g)

jadotta r-rapport annwali dwar l-attivitajiet u l-prospetti tal-Aġenzija u jibagħtu, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju, lill-Istati Membri, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew; l-Aġenzija għandha tibgħat lill-awtorità baġitarja l-informazzjoni kollha rilevanti għar-riżultat tal-proċeduri ta’ valutazzjoni;

(h)

jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

Artikolu 7

Direttur Eżekuttiv

1.   L-Aġenzija għandha tiġi amministrata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha, li għandu jwettaq dmirijietu taħt is-sorveljanza tal-Bord Amministrattiv.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinħatar mill-Bord Amministrattiv, fuq il-bażi ta’ mertu u ħiliet amministrattivi u maniġerjali dokumentati, kif ukoll tal-kompetenza u l-esperjenza rilevanti, minn lista ta’ mhux inqas minn tliet kandidati proposti mill-Kummissjoni, wara proċedura ta’ kompetizzjoni miftuħa, wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ sejħa għal espressjonijiet ta’ interess fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u bnadi oħrajn. Il-Bord Amministrattiv għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu għall-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv b’maġġoranza ta’ tliet kwarti tal-membri tiegħu.

Il-Bord Amministrattiv għandu jkollu s-setgħa li jkeċċi lid-Direttur Eżekuttiv u għandu jadotta d-deċiżjoni tiegħu għal dak il-għan b’maġġoranza ta’ tliet kwarti tal-membri tiegħu.

Il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ta’ ħames snin. Din il-kariga tista’ tiġġedded darba għal perijodu ieħor ta’ ħames snin.

3.   Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu jitolbu lid-Direttur Eżekuttiv biex jippreżenta rapport dwar il-prestazzjoni tad-doveri tiegħu, u jagħmel dikjarazzjoni quddiem dawk l-istituzzjonijiet.

Artikolu 8

Kompiti tad-Direttur Eżekuttiv

Id-Direttur Eżekuttiv:

(a)

għandu jkun responsabbli li jirrappreżenta lill-Aġenzija, bl-eċċezzjoni tal-attivitajiet u d-deċiżjonijiet meħuda f’konformità mal-Kapitoli II u III, u għandu jkun responsabbli għall-ġestjoni tagħha;

(b)

għandu jħejji l-ħidma tal-Bord Amministrattiv. Huwa għandu jipparteċipa, mingħajr ma jkollu d-dritt tal-vot, fil-ħidma tal-Bord Amministrattiv;

(c)

għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Aġenzija taħt il-kontroll tal-Bord Amministrattiv;

(d)

għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa, inkluż l-adozzjoni ta’ struzzjonijiet amministrattivi interni u l-pubblikazzjoni ta’ avviżi, sabiex jiżgura li l-Aġenzija tiffunzjona f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(e)

għandu jfassal estimi tad-dħul u l-infiq tal-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 13, u għandu jimplimenta l-baġit f’konformità mal-Artikolu 14;

(f)

għandu jħejji abbozz ta’ rapport ġenerali kull sena u jippreżentah lill-Bord Amministrattiv;

(g)

għandu jiżgura li l-Aġenzija, bħala l-operatur tal-GSMC, tkun kapaċi tirrispondi għal struzzjonijiet previsti taħt l-Azzjoni Konġunta 2004/552/PESK;

(h)

għandu jiddefinixxi l-istruttura tal-organizzazzjoni tal-Aġenzija u jippreżentha lill-Bord Amministrattiv għall-approvazzjoni;

(i)

għandu jeżerċita, fir-rigward tal-persunal, is-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 18;

(j)

jista’ jadotta, wara l-approvazzjoni tal-Bord Amministrattiv, il-miżuri meħtieġa sabiex jistabbilixxi uffiċċji lokali fi Stati Membri f’konformità mal-Artikolu 4;

(k)

għandu jiżgura li jkunu provvduti s-segretarjat u r-riżorsi meħtieġa kollha għall-funzjonament xieraq tal-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà u għall-korpi stabbiliti taħt l-awtorità tiegħu msemmija fl-Artikolu 11(11).

KAPITOLU II

ASPETTI RELATATI MAS-SIGURITÀ TAL-UNJONI EWROPEA JEW TAL-ISTATI MEMBRI TAGĦHA

Artikolu 9

Azzjoni Konġunta

1.   F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 683/2008, kull meta s-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha tista’ tiġi affetwata bl-operazzjoni tas-sistemi, għandhom japplikaw il-proċeduri mniżżlin fl-Azzjoni Konġunta 2004/552/PESK.

2.   Id-deċiżjonijiet dwar l-akkreditazzjoni tas-sigurtà meħuda f’konformità mal-Kapitolu III, kif ukoll ir-riskji residwi identifikati, għandhom jiġu komunikati mill-Kummissjoni lill-Kunsill għall-informazzjoni.

KAPITOLU III

AKKREDITAZZJONI TAS-SIGURTÀ GĦAS-SISTEMI TAL-GNSS EWROPEJ

Artikolu 10

Prinċipji ġenerali

L-attivitajiet tal-akkreditazzjoni tas-sigurtà msemmija f’dan il-Kapitolu għandhom jitwettqu f’konformità mal-prinċipji li ġejjin:

(a)

l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet dwar l-akkreditazzjoni tas-sigurtà jittieħdu f’kuntest ta’ responsabbiltà kollettiva għas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri;

(b)

għandhom isiru sforzi biex id-deċiżjonijiet jittieħdu bil-kunsens u bl-involviment tal-partijiet rilevanti kollha li għandhom interess fi kwistjonijiet ta’ sigurtà;

(c)

il-kompiti għandhom jitwettqu b’osservanza tar-regoli tas-sigurtà rilevanti applikabbli għall-Kunsill u l-Kummissjoni (7);

(d)

proċess ta’ monitoraġġ permanenti għandu jiżgura li r-riskji tas-sigurtà jkunu magħrufa, il-miżuri tas-sigurtà jkunu definiti biex jitnaqqsu tali riskji sa livell aċċettabbli f’konformità mal-prinċipji bażiċi u l-istandards minimi jiġu stabbiliti fir-regoli tas-sigurtà applikabbli għall-Kunsill u l-Kummissjoni u li dawn il-miżuri jiġu applikati f’konformità mal-kunċett ta’ difiża fil-fond. L-effettività ta’ tali miżuri għandha tiġi evalwata kontinwament;

(e)

id-deċiżjonijiet dwar l-akkreditazzjoni tas-sigurtà, b’segwitu għall-proċess iddefinit fl-istrateġija għall-akkreditazzjoni tas-sigurtà, għandhom ikunu bbażati fuq deċiżjonijiet lokali dwar l-akkreditazzjoni tas-sigurtà meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali għall-akkreditazzjoni tas-sigurtà rispettivi tal-Istati Membri;

(f)

l-attivitajiet tal-akkreditazzjoni tas-sigurtà teknika għandhom ikunu fdati f’idejn professjonisti, debitament kwalifikati fil-qasam tal-akkreditazzjoni ta’ sistemi kumplessi, li jkollhom livell adegwat ta’ awtorizzazzjoni ta’ sigurtà, li jaġixxu b’mod oġġettiv;

(g)

id-deċiżjonijiet tal-akkreditazzjoni tas-sigurtà għandhom jittieħdu b’mod indipendenti mill-Kummissjoni, mingħajr ħsara għall-Artikolu 3, u għall-entitajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programmi. Bħala riżultat, awtorità tal-akkreditazzjoni tas-sigurtà għas-sistemi tal-GNSS Ewropej għandha tkun korp awtonomu, fi ħdan l-Aġenzija, li jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b’mod indipendenti;

(h)

l-attivitajiet tal-akkreditazzjoni tas-sigurtà għandhom jitwettqu b’rispett għar-rekwiżit għal indipendenza u l-ħtieġa għal koordinazzjoni adegwata, bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-sigurtà.

Artikolu 11

Bord għall-Akkreditazzjoni tas-sigurtà

1.   Fi ħdan l-Aġenzija għandu jiġi stabbilit Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà għas-sistemi tal-GNSS Ewropej (minn hawn 'il quddiem “il-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà”). Fir-rigward tas-sistemi tal-GNSS Ewropej, il-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà għandu jkollu l-kompiti tal-awtorità għall-akkreditazzjoni tas-sigurtà, kif imsemmi fir-regoli rilevanti dwar is-sigurtà applikabbli għall-Kunsill u l-Kummissjoni.

2.   Il-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà għandu jwettaq il-kompiti fdati lill-Aġenzija fir-rigward tal-akkreditazzjoni tas-sigurtà skont l-Artikolu 16(a)(i) tar-Regolament (KE) Nru 683/2008 u jieħu “deċiżjonijiet dwar l-akkreditazzjoni tas-sigurtà” kif previst fl-Artikolu preżenti, b’mod partikolari dwar l-approvazzjoni ta’ lanċjar ta’ satellita, l-awtorizzazzjoni li jitħaddmu s-sistemi fil-konfigurazzjonijiet differenti tagħhom u għad-diversi servizzi, l-awtorizzazzjoni li jopera l-istazzjonijiet tal-art u b’mod partikolari l-istazzjonijiet sensuri li jkunu f’ pajjiżi terzi, kif ukoll l-awtorizzazzjoni li jiġu manifatturati riċevituri li jkollhom teknoloġija PRS u l-komponenti tagħhom.

3.   L-akkreditazzjoni tas-sigurtà tas-sistemi mill-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà għandha tikkonsisti mill-istabbiliment ta’ konformità tas-sistemi mar-rekwiżiti ta’ sigurtà msemmijin fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 683/2008 u f’konformità mar-regoli u regolamenti rilevanti dwar is-sigurtà applikabbli għall-Kunsill u l-Kummissjoni.

4.   Abbażi tar-rapporti dwar ir-riskju msemmija fil-paragrafu 11, il-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tar-riskju tiegħu u jipprovdi parir lill-Kummissjoni dwar għażliet għat-trattament ta’ riskju residwu għal deċiżjoni partikolari tal-akkreditazzjoni tas-sigurtà.

5.   Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà kontinwament infurmat dwar l-impatt ta’ kwalunkwe deċiżjoni li l-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà jkun qed jipprevedi dwar it-twettiq xieraq tal-programmi u l-implimentazzjoni ta’ pjani għat-trattament ta’ riskju residwu. Il-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà għandu jieħu nota ta’ kwalunkwe tali opinjoni tal-Kummissjoni.

6.   Id-deċiżjonijiet tal-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà għandhom ikunu indirizzati lill-Kummissjoni.

7.   Il-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru, rappreżentant wieħed mill-Kummissjoni u ieħor mir-RGħ. Għandu jiġi mistieden rappreżentant tal-ESA biex jattendi l-laqgħat tal-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà bħala osservatur.

8.   Il-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu u għandu jaħtar il-President tiegħu.

9.   Il-President tal-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà għandu jkun responsabbli biex jirrappreżenta l-Aġenzija dment li d-Direttur Eżekuttiv, skont l-Artikolu 8, ma jkunx responsabbli.

10.   Il-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà għandu jkollu aċċess għar-riżorsi umani u materjali kollha meħtieġa biex jipprovdi funzjonijiet ta’ appoġġ amministrattiv xieraq u biex ikun jista’, flimkien mal-korpi msemmija fil-paragrafu 11, iwettaq il-kompiti tiegħu b’mod indipendenti, b’mod partikolari meta jittratta fajls, jagħti bidu għal u jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ proċeduri tas-sigurtà u jwettaq verifiki tas-sigurtà ta’ sistema, iħejji deċiżjonijiet u jorganizza l-laqgħat tiegħu.

11.   Il-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà għandu jwaqqaf korpi subordinati speċjali, li jaġixxu fuq l-istruzzjonijiet tiegħu biex jindirizzaw kwistjonijiet speċjali. B’mod partikulari, filwaqt li jiżgura l-kontinwità neċessarja tal-ħidma, għandu jwaqqaf:

panel biex iwettaq reviżjonijiet ta’ analiżi tas-sigurtà u testijiet biex jiġu prodotti r-rapporti rilevanti dwar ir-riskju sabiex jassistih fil-preparazzjoni tad-deċiżjonijiet tiegħu,

Awtorità tad-Distribuzzjoni Kriptografika (CDA) biex tassisti lill-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kodiċi tat-titjiriet.

12.   Jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq kunsens skont il-prinċipji ġenerali msemmijin fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament, il-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà għandu jieħu d-deċiżjonijiet abbażi ta’ votazzjoni ta’ maġġoranza, kif previst fl-Artikolu 16 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni u r-rappreżentant tar-RGħ m’għandhomx jivvutaw. Il-President tal-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà għandu jiffirma, f’isem il-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà, id-deċiżjonijiet adottati mill-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà.

13.   Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill infurmati, mingħajr dewmien bla bżonn, dwar l-impatt tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ akkreditazzjoni tas-sigurtà fuq it-tmexxija xierqa tal-programmi. Jekk il-Kummissjoni tqis li deċiżjoni meħuda mill-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà jista’ jkollha effett sinifikanti fuq it-twettiq xieraq tal-programmi, pereżempju fir-rigward ta’ spejjeż u skeda, hija għandha immedjatament tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

14.   B’kont meħud tal-fehmiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li għandhom jiġu espressi fi żmien xahar, il-Kummissjoni tista’ tadotta kwalunkwe miżura adegwata f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 683/2008.

15.   Il-Bord Amministrattiv għandu jiġi informat regolarment dwar l-iżvilupp tal-ħidma tal-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà.

16.   L-iskeda ta’ żmien għall-ħidma tal-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà għandha tirrispetta l-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni dwar il-GNSS.

Artikolu 12

Rwol tal-Istati Membri

L-Istati Membri għandhom:

(a)

jgħaddu lill-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà l-informazzjoni kollha li huma jikkunsidraw rilevanti għall-finijiet tal-akkreditazzjoni tas-sigurtà;

(b)

jippermettu li persuni awtorizzati kif dovut maħturin mill-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà ikollhom aċċess għal kwalunkwe informazzjoni klassifikata u żoni/siti relatati mas-sigurtà tas-sistemi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali tagħhom, u mingħajr kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalità, inkluż għall-finijiet tal-verifiki u t-testijiet tas-sigurtà kif deċiż mill-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà;

(c)

ikunu responsabbli, kull wieħed minnhom, għat-tħejjija ta’ mudell għall-kontroll tal-aċċess, jiġifieri, deskrizzjoni jew lista ta’ żoni/siti li għandhom jiġu akkreditati, u li għandha tkun maqbula minn qabel bejn l-Istati Membri u l-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà, biex b’hekk jiġi żgurat li l-istess livell ta’ aċċess qed jiġi pprovdut mill-Istati Membri kollha;

(d)

ikunu responsabbli, fil-livell lokali, għall-akkreditazzjoni tas-sigurtà taż-żoni li jinsabu fit-territorju tagħhom u li jagħmlu parti miż-żona tal-akkreditazzjoni tas-sigurtà tas-sistemi tal-GNSS Ewropej, u jirrapportaw, għal dan il-għan, lill-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET BAĠITARJI U FINANZJARJI

Artikolu 13

Baġit

1.   Mingħajr preġudizzju għal riżorsi u ħlasijiet dovuti oħra li għad iridu jiġu definiti, id-dħul tal-Aġenzija għandu jinkludi sussidju tal-Unjoni miżjud fil-budget ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġi żgurat bilanċ bejn id-dħul u l-infiq.

2.   L-infiq tal-Aġenzija għandu jkopri l-infiq għall-persunal, għall-amministrazzjoni u għall-infrastruttura, l-ispejjeż operazzjonali u l-infiq assoċjat mal-funzjonament tal-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà, inklużi l-korpi msemmija fl-Artikolu 11(11), u l-kuntratti u l-ftehimiet konklużi mill-Aġenzija biex twettaq il-kompiti li ġew fdati lilha.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal abbozz ta’ dikjarazzjoni tal-estimi ta’ dħul u nfiq tal-Aġenzija għas-sena suċċessiva u għandu jibagħtu lill-Bord Amministrattiv, flimkien ma’ abbozz ta’ pjan ta’ stabbiliment.

4.   Id-dħul u l-infiq għandhom ikunu bbilanċjati.

5.   Kull sena l-Bord Amministrattiv, abbażi tal-abbozz tad-dikjarazzjoni ta’ dħul u nfiq, għandu jipproduċi dikjarazzjoni tal-estimi ta’ dħul u nfiq għall-Aġenzija għas-sena finanzjarja suċċessiva.

6.   Din id-dikjarazzjoni tal-estimi, li għandha tinkludi abbozz ta’ pjan ta’ stabbiliment flimkien mal-programm ta’ ħidma proviżorju, għandha tintbagħat sal-31 ta’ Marzu mill-Bord Amministrattiv lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni kkonkludiet ftehimiet f’konformità mal-Artikolu 23.

7.   Id-dikjarazzjoni tal-estimi għandha tintbagħat mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (minn hawn 'il quddiem “l-awtorità baġitarja”) flimkien mal-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

8.   Abbażi tad-dikjarazzjoni tal-estimi, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea l-estimi li hi tikkunsidra meħtieġa għall-pjan ta’ stabbiliment u l-ammont ta’ sussidju li għandu jidħol fil-baġit ġenerali, li hi għandha tressaq quddiem l-awtoritá baġitarja f’konformità mal-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

9.   L-awtorità baġitarja għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għas-sussidju lill-Aġenzija u għandha tadotta l-pjan ta’ stabbiliment għall-Aġenzija.

10.   Il-baġit għandu jiġi adottat mill-Bord Amministrattiv. Huwa għandu jsir finali wara l-adozzjoni definittiva tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Fejn adatt, huwa għandu jiġi aġġustat kif meħtieġ.

11.   Il-Bord Amministrattiv għandu, mill-aktar fis possibbli, jinnotifika lill-awtorità baġitarja dwar l-intenzjoni tiegħu li jimplimenta kwalunkwe proġett li jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikattivi għall-finanzjament tal-baġit, b’mod partikolari kwalunkwe proġett relatat mal-kiri jew ix-xiri ta’ bini. Huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan.

12.   Fejn fergħa tal-awtoritá baġitarja tkun innotifikat l-intenzjoni tagħha li tagħti opinjoni, hi għandha tibgħat l-opinjoni tagħha lill-Bord Amministrattiv fi żmien sitt ġimgħat mid-data tan-notifika tal-proġett.

Artikolu 14

Implimentazzjoni u kontroll tal-baġit

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimplimenta l-baġit tal-Aġenzija.

2.   Sal-1 ta’ Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontabilità tal-Aġenzija għandu jikkomunika l-kontijiet proviżorji lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni, flimkien ma’ rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja. L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għandu jikkonsolida l-kontijiet proviżorji tal-istituzzjonijiet u l-korpi deċentralizzati f’konformità mal-Artikolu 128 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

3.   Sal-31 ta’ Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji tal-Aġenzija lill-Qorti tal-Awdituri, flimkien ma’ rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja. Ir-rapport għandu wkoll jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

4.   Meta jaslu l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji tal-Aġenzija skont l-Artikolu 129 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal il-kontijiet finali tal-Aġenzija taħt ir-responsabbilità tiegħu stess u jippreżentahom lill-Bord Amministrattiv għal opinjoni.

5.   Il-Bord Amministrattiv għandu joħroġ opinjoni dwar il-kontijiet finali tal-Aġenzija.

6.   Id-Direttur Eżekuttiv, sal-1 ta’ Lulju ta’ wara kull sena finanzjarja, għandu jibgħat il-kontijiet finali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, flimkien mal-opinjoni tal-Bord Amministrattiv.

7.   Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati.

8.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-Qorti tal-Awdituri tweġiba għall-osservazzjonijiet tagħha sat-30 ta’ Settembru. Huwa għandu jibgħat din it-tweġiba lill-Bord Amministrattiv ukoll.

9.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew, fuq it-talba ta’ dan tal-aħħar, l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tiġi applikata bla xkiel il-proċedura ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja inkwistjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 146(3) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

10.   Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, għandu, qabel it-30 ta’ April tas-sena N + 2, jagħti kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena N.

Artikolu 15

Dispożizzjonijiet finanzjarji

Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija ghandhom jigu adottati mill-Bord Amministrattiv wara li l-Kummissjoni tkun ġiet ikkonsultata. Huma ma jistgħux jitbiegħdu mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (8) ħlief meta tali tbegħid ikun speċifikament meħtieġ għall-operat tal-Aġenzija u l-Kummissjoni tkun tat il-kunsens tagħha minn qabel.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET MIXXELANJI

Artikolu 16

Miżuri kontra l-frodi

1.   Sabiex jiġu miġġielda l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (9) għandhom japplikaw mingħajr restrizzjoni.

2.   L-Aġenzija għandha taderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (10) u għandha toħroġ, mingħajr dewmien, dispożizzjonijiet adatti applikabbli għall-persunal kollu tal-Aġenzija.

3.   Id-deċiżjonijiet relatati mal-finanzjament u l-ftehimiet u l-istrumenti implimentattivi li jirriżultaw minnhom għandhom jistipulaw b’mod espliċitu li l-Qorti tal-Awdituri u l-OLAF jistgħu, fejn meħtieġ, jagħmlu kontrolli fuq il-post fuq dawk li jirċievu finanzjament tal-Aġenzija u l-aġenti responsabbli li jallokawh.

Artikolu 17

Privileġġi u immunitajiet

Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea għandu japplika għall-Aġenzija.

Artikolu 18

Persunal

1.   Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-Kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Unjoni Ewropea u r-regoli adottati konġuntament mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawk ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonjiet ta’ impjieg, għandhom japplikaw għall-persunal tal-Aġenzija. Il-Bord Amministrattiv, bi ftehim mal-Kummissjoni, għandu jadotta r-regoli dettaljati meħtieġa ta’ applikazzjoni.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, is-setgħat konferiti fuq l-awtorità nominanti mir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ ħaddiema oħra għandhom jiġu eżerċitati mill-Aġenzija fir-rigward tal-persunal tagħha.

3.   Il-persunal tal-Aġenzija għandu jikkonsisti minn ħaddiema reklutati mill-Aġenzija kif meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħha, iżda jista’ jinkludi wkoll uffiċjali, bl-awtorizzazzjoni adatta li jkunu ġew assenjati jew issekondati mill-Kummissjoni jew l-Istati Membri fuq bażi temporanja.

4.   Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 3 għandhom japplikaw ukoll għall-persunal tal-GSMC.

Artikolu 19

Responsabbiltà

1.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Aġenzija għandha tiġi rregolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni li tagħti sentenza skont kwalunkwe klawsola ta’ arbitraġġ li tkun f’kuntratt konkluż mill-Aġenzija.

2.   Fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Aġenzija għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull ħsara kkawżata mid-dipartimenti tagħha jew mill-ħaddiema tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom.

3.   Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni fi kwalunkwe tilwim relatat ma’ kumpens għal dannu kif imsemmi fil-paragrafu 2.

4.   Ir-responsabbiltà personali lejn l-Aġenzija tal-ħaddiema tagħha għandha tkun irregolata bid-disposizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal jew fil-Kondizzjonijiet ta’ impjieg applikabbli għalihom.

Artikolu 20

Lingwi

1.   Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (11) għandhom japplikaw għall-Aġenzija.

2.   Is-servizzi ta’ traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament tal-Aġenzija għandhom jiġu pprovduti miċ-Ċentru ta’ Traduzzjoni għall-korpi tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 21

Aċċess għal dokumenti u protezzjoni ta’ data ta’ natura personali

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (12) għandu japplika għal dokumenti miżmumin mill-Aġenzija.

2.   Il-Bord Amministrattiv għandu jadotta arranġamenti għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 fi żmien sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

3.   Deċiżjonijiet meħudin mill-Aġenzija skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ilment lill-Ombudsman jew ta’ azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikoli 228 u 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea rispettivament.

4.   Meta tkun qed tipproċessa data relatata ma’ individwi, l-Aġenzija għandha tkun soġġetta għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data (13).

Artikolu 22

Regoli ta’ sigurtà

L-Aġenzija għandha tapplika l-prinċipji ta’ sigurtà li jinsabu fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom. Dan għandu jkopri, fost oħrajn, dispożizzjonijiet għall-iskambju, it-trattament u l-ħażna ta’ informazzjoni klassifikata.

Artikolu 23

Parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi

1.   L-Aġenzija għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi, li jkunu daħlu fi ftehimiet mal-Unjoni Ewropea f’dan ir-rigward.

2.   Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn il-ftehimiet, għandhom jiġu żviluppati arranġamenti li jispeċifikaw, b’mod partikolari, ix-xorta, safejn u l-mod kif dawn il-pajjiżi ikunu ser jieħdu sehem fil-ħidma tal-Aġenzija, inklużi dispożizzjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni fl-inizjattivi meħuda mill-Aġenzija, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji u l-persunal.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 24

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 683/2008

Fir-Regolament (KE) Nru 683/2008 kollu, il-kliem “Awtortità Superviżorja Ewropea GNSS” u “Awtorità” għandhom jiġu sostitwiti b’ “Aġenzija Ewropea GNSS” u “Aġenzija” rispettivament.

Artikolu 25

Tħassir u validità tal-miżuri meħuda

Ir-Regolament (KE) Nru 1321/2004 huwa b’dan imħassar. Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament. Kwalunkwe miżura adottata abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1321/2004 għandha tibqa’ valida.

Artikolu 26

Evalwazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni ta’ dan ir-regolament sal-2012, partikolarment fir-rigward tal-kompiti tal-Aġenzija stabbiliti fl-Artikolu 2 u, jekk ikun meħtieġ, tippreżenta proposti.

Artikolu 27

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-22 ta’ Settembru 2010.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

O. CHASTEL


(1)  ĠU C 317, 23.12.2009, p. 103.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Ġunju 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2010.

(3)  ĠU L 246, 20.7.2004, p. 1.

(4)  ĠU L 196, 24.7.2008, p. 1.

(5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(6)  ĠU L 246, 20.7.2004, p. 30.

(7)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tas-sigurtà tal-Kunsill (ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1). Ir-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà stabbiliti fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom tad-29 ta’ Novembru 2001 li jemendaw ir-Regoli ta’ Proċedura Interni taghha (ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1).

(8)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(9)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

(10)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.

(11)  ĠU 17, 6.10.1958, p. 385/58.

(12)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(13)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


Top