EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010Q0109(01)

Il-Kumitat tar-Reġjuni – Regoli ta’ Proċedura

OJ L 6, 9.1.2010, p. 14–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 05/03/2014; Mibdul minn 32014Q0305(01)

ELI: http://data.europa.eu/eli/proc_rules/2010/109/oj

9.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 6/14


IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

REGOLI TA’ PROĊEDURA

WERREJ

INTRODUZZJONI

KUMMENTI PRELIMINARI

TITOLU I

MEMBRI U KORPI KOSTITWENTI TAL-KUMITAT

KAPITOLU 1

KORPI KOSTITWENTI TAL-KUMITAT

Artikolu 1 – Korpi kostitwenti tal-Kumitat

KAPITOLU 2

MEMBRI TAL-KUMITAT

Artikolu 2 – Status tal-membri u tas-sostituti

Artikolu 3 – Perijodu tal-mandat

Artikolu 4 – Privileġġi u immunitajiet

Artikolu 5 – Parteċipazzjoni tal-membri u tas-sostituti

Artikolu 6 – Prokura tal-vot

Artikolu 7 – Delegazzjonijiet nazzjonali u gruppi politiċi

Artikolu 8 – Delegazzjonijiet nazzjonali

Artikolu 9 – Gruppi politiċi u membri mhux affiljati

Artikolu 10 – Gruppi interreġjonali

TITOLU II

ORGANIZZAZZJONI U PROĊEDURA TAL-KUMITAT

KAPITOLU 1

KONVOKAZZJONI U BIDU TAL-KARIGA TAL-KUMITAT

Artikolu 11 – Konvokazzjoni tal-ewwel laqgħa

Artikolu 12 – Bidu tal-kariga tal-Kumitat u verifika tal-kredenzjali

KAPITOLU 2

ASSEMBLEA PLENARJA

Artikolu 13 – Il-funzjonijiet tal-Assemblea Plenarja

Artikolu 14 – Konvokazzjoni tal-Assemblea Plenarja

Artikolu 15 – Aġenda tas-Sessjoni Plenarja

Artikolu 16 – Ftuħ tas-Sessjoni Plenarja

Artikolu 17 – Aċċess għall-pubbliku, mistednin u kelliema mistiedna, slott għal dibattitu topiku

Artikolu 18 – Ħin għad-diskorsi

Artikolu 19 – Lista tal-kelliema

Artikolu 20 – Points of order

Artikolu 21 – Kworum

Artikolu 22 – Votazzjoni

Artikolu 23 – Tressiq tal-emendi

Artikolu 24 – Proċedura biex jiġu trattati l-emendi

Artikolu 25 – Opinjonijiet u rapporti urġenti

Artikolu 26 – Proċeduri semplifikati

Artikolu 27 – Għeluq tas-Sessjoni Plenarja

Artikolu 28 – Simboli

KAPITOLU 3

IL-BUREAU U L-PRESIDENT

Artikolu 29 – Kompożizzjoni tal-Bureau

Artikolu 30 – Rappreżentanti tal-membri fil-laqgħat tal-Bureau

Artikolu 31 – Regoli tal-elezzjoni

Artikolu 32 – Elezzjoni tal-President u tal-ewwel Viċi President

Artikolu 33 – Elezzjoni tal-membri tal-Bureau

Artikolu 34 – Elezzjoni tar-rappreżentanti

Artikolu 35 – By-election għal siġġu battal tal-Bureau

Artikolu 36 – Il-funzjonijiet tal-Bureau

Artikolu 37 – Konvokazzjoni tal-Bureau, kworum u teħid ta’ deċiżjoni

Artikolu 38 – Il-President

Opinjonijiet, rapporti u riżoluzzjonijiet – Proċedura fil-Bureau

Artikolu 39 – Opinjonijiet – Bażi legali

Artikolu 40 – Opinjonijiet u rapporti – Ħatra tal-kummissjoni kompetenti

Artikolu 41 – Ħatra tar-relatur ġenerali

Artikolu 42 – Opinjonijiet u rapporti fuq inizjattiva proprja

Artikolu 43 – Tressiq tar-riżoluzzjonijiet

Artikolu 44 – Promozzjoni tal-opinjonijiet, rapporti u riżoluzzjonijiet

KAPITOLU 4

KUMMISSJONIJIET

Artikolu 45 – Kompożizzjoni u setgħat

Artikolu 46 – Il-President u l-Viċi Presidenti

Artikolu 47 – Il-funzjonijiet tal-kummissjonijiet

Artikolu 48 – Konvokazzjoni tal-kummissjonijiet u l-aġenda

Artikolu 49 – Aċċess għall-pubbliku

Artikolu 50 – Data tal-għeluq għat-tħejjija tal-opinjonijiet u tar-rapporti

Artikolu 51 – Kontenut tal-opinjonijiet u tar-rapporti

Artikolu 52 – Segwitu tal-opinjonijiet tal-Kumitat

Artikolu 53 – Rikors minħabba ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà

Artikolu 54 – Nuqqas li ssir konsultazzjoni obbligatorja mal-Kumitat

Artikolu 55 – Rapport dwar l-impatt tal-opinjonijiet

Artikolu 56 – Relaturi

Artikolu 57 – Gruppi ta’ ħidma

Artikolu 58 – Esperti

Artikolu 59 – Kworum

Artikolu 60 – Votazzjoni

Artikolu 61 – Emendi

Artikolu 62 – Rinunzja għat-tħejjija ta’ opinjoni jew rapport

Artikolu 63 – Proċedura bil-miktub

Artikolu 64 – Pożizzjoni fil-forma ta’ ittra

Artikolu 65 – Dispożizzjonijiet applikabbli għall-kummissjonijiet

KAPITOLU 5

AMMINISTRAZZJONI TAL-KUMITAT

Artikolu 66 – Segretarjat Ġenerali

Artikolu 67 – Segretarju Ġenerali

Artikolu 68 – Impjieg tas-Segretarju Ġenerali

Artikolu 69 – Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall- ħaddiema l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej

Artikolu 70 – Bibien magħluqa

Artikolu 71 – Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi

Artikolu 72 – Baġit

TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET OĦRA

KAPITOLU 1

KOOPERAZZJONI MA’ ISTITUZZJONIJIET OĦRA

Artikolu 73 – Ftehim ta’ kooperazzjoni

Artikolu 74 – Trasmissjoni u pubblikazzjoni tal-opinjonijiet, tar-rapporti u tar-riżoluzzjonijiet

KAPITOLU 2

AĊĊESS GĦALL-PUBBLIKU U TRASPARENZA

Artikolu 75 – Aċċess għad-dokumenti mill-pubbliku

KAPITOLU 3

L-UŻU TAL-ILSNA

Artikolu 76 – Sistema lingwistika tal-interpretazzjoni

KAPITOLU 4

DISPOŻIZZJONIJIET RELATATI MAR-REGOLI TA’ PROĊEDURA

Artikolu 77 – Reviżjoni tar-Regoli ta’ Proċedura

Artikolu 78 – Istruzzjonijiet tal-Bureau

Artikolu 79 – Dħul fis-seħħ tar-Regoli ta’ Proċedura

*

*           *

INTRODUZZJONI

Il-Kumitat tar-Reġjuni adotta r-Regoli ta’ Proċedura li ġejjin fuq il-bażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 306 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fit-3 ta’ Diċembru 2009.

KUMMENTI PRELIMINARI

It-terminoloġija użata għall-funzjonijiet u għall-karigi f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura tirreferi kemm għall-maskil kif ukoll għall-femminil.

TITOLU I

MEMBRI U KORPI KOSTITWENTI TAL-KUMITAT

KAPITOLU 1

KORPI KOSTITWENTI TAL-KUMITAT

Artikolu 1 –   Korpi kostitwenti tal-Kumitat

Il-korpi kostitwenti tal-Kumitat huma l-Assemblea Plenarja, il-President, il-Bureau u l-kummissjonijiet.

KAPITOLU 2

MEMBRI TAL-KUMITAT

Artikolu 2 –   Status tal-membri u tas-sostituti

B’konformità mal-Artikolu 300 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-membri tal-Kumitat u s-sostituti tagħhom jirrappreżentaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Huma titolari ta’ mandat elettorali f’awtorità lokali jew reġjonali, jew politikament responsabbli quddiem assemblea eletta. Ma jistgħu jkunu marbuta bl-ebda mandat awtoritarju u għandhom ikunu kompletament indipendenti fil-qadi ta’ dmirijiethom, fl-interess ġenerali tal-Unjoni.

Artikolu 3 –   Perijodu tal-mandat

1.

Il-mandat ta’ membru jew sostitut jibda fid-data li fiha tidħol fis-seħħ in-nomina tiegħu mill-Kunsill.

2.

Il-mandat ta’ membru jew sostitut jintemm b’riżenja, bi tmiem ta’ mandat elettorali li bih ġie nnominat jew b’mewt.

3.

Membru jew sostitut li jirriżenja għandu jgħarraf bil-miktub lill-President tal-Kumitat bil-ħsieb tiegħu u jispeċifika d-data li fiha tidħol fis-seħħ ir-riżenja tiegħu’. Il-President għandu jgħarraf lill-Kunsill, li għandu jikkonferma li l-post tbattal u jimplimenta l-proċedura ta’ sostituzzjoni.

4.

Membru jew sostitut li l-mandat tiegħu jintemm minħabba li jiskadi l-mandat li bih ġie nominat għandu jgħarraf minnufih lill-President tal-Kumitat dwar dan bil-miktub.

5.

Fil-każijiet imsemmija fit-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu, għandu jiġi nominat suċċessur mill-Kunsill għall-bqija tal-perijodu tal-mandat.

Artikolu 4 –   Privileġġi u immunitajiet

Il-membri u s-sostituti tagħhom b’mandat kif dovut għandhom igawdu privileġġi u immunitajiet skont il-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5 –   Parteċipazzjoni tal-membri u tas-sostituti

1.

Kull membru li ma jistax jipparteċipa f’xi sessjoni plenarja jista’ jkun rappreżentat minn xi sostitut mid-delegazzjoni nazzjonali tiegħu, anke f’każ li dan jiġri biss f’ċerti ġranet matul is-sessjoni plenarja. Jeħtieġ li l-membri kollha u s-sostituti tagħhom b’mandat kif dovut jiġu reġistrati fuq lista tal-attendenza.

2.

Kull membru li ma jistax jipparteċipa f’xi laqgħa tal-kummissjoni, jew f’xi laqgħa oħra li ġiet approvata mill-Bureau jista’ jkun rappreżentat minn xi membru ieħor jew sostitut mid-delegazzjoni nazzjonali tiegħu, mill-grupp politiku tiegħu jew mill-grupp interreġjonali tiegħu. Jeħtieġ li l-membri kollha u s-sostituti tagħhom b’mandat kif dovut jiġu reġistrati fuq lista tal-attendenza.

3.

Membru jew sostitut imniżżel fil-lista ta’ dawk li jieħdu post il-membri ta’ grupp ta’ ħidma, stabbilit skont l-Artikoli 36 jew 57, jista’ jieħu post kwalunkwe membru fil-grupp politiku tiegħu.

4.

Sostitut jew xi membru li jieħu post membru ieħor jista’ jaċċetta prokura minn membru wieħed biss. Għandu jkollu l-istess setgħat bħal membru fil-laqgħa rilevanti. Is-segretarjat ġenerali għandu jkun mgħarraf dwar il-prokura tal-vot, b’konformità mal-proċedura ta’ notifika u din in-notifika għandha tintbagħat mhux aktar tard minn ġurnata qabel il-laqgħa.

5.

Għal kull sessjoni plenarja għandu jingħata rimborż wieħed biss tal-ispejjeż lill-membru jew lis-sostitut. Il-Bureau jispeċifika dan fl-istruzzjonijiet tiegħu dwar l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-indennizzi ta’ kuljum.

6.

Sostitut li jiġi nominat relatur jista’ jattendi s-seduta tas-sessjoni plenarja u jippreżenta l-abbozz ta’ opinjoni jew rapport li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu f’dik is-sessjoni plenarja li għandha fuq l-aġenda tagħha l-abbozz ta’ opinjoni jew rapport anke jekk il-membru li tiegħu huwa sostitut jinsab preżenti wkoll fil-laqgħa. Il-membru jista’ jiddelega d-dritt tal-vot tiegħu lis-sostitut waqt li l-abbozz ta’ opinjoni jew rapport imsemmi jkun qiegħed jiġi diskuss. Is-Segretarju Ġenerali għandu jkun mgħarraf bil-miktub dwar il-prokura tal-vot qabel il-laqgħa rilevanti.

7.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 23(1), kull prokura titlef il-validità tagħha meta l-membru li ma jkunx jista’ jipparteċipa ma jibqax membru tal-Kumitat.

Artikolu 6 –   Prokura tal-vot

Ħlief kif hemm previst fl-Artikoli 5 u 30, id-dritt għall-vot ma jistax jiġi delegat.

Artikolu 7 –   Delegazzjonijiet nazzjonali u gruppi politiċi

Id-delegazzjonijiet nazzjonali u l-gruppi politiċi għandhom jgħinu b’mod ibbilanċjat fl-organizzazzjoni tax-xogħol tal-Kumitat.

Artikolu 8 –   Delegazzjonijiet nazzjonali

1.

Il-membri u s-sostituti minn kull Stat Membru għandhom jikkostitwixxu delegazzjoni nazzjonali. Kull delegazzjoni nazzjonali għandha tistabbilixxi l-organizzazzjoni interna tagħha u tagħżel president. Il-President tal-Kumitat għandu jkun uffiċjalment mgħarraf bl-isem tal-persuna magħżula.

2.

Is-Segretarju Ġenerali għandu jara li, fi ħdan l-amministrazzjoni tal-Kumitat, id-delegazzjonijiet nazzjonali jirċievu għajnuna li tippermetti li kull membru individwali jirċievi tagħrif u għajnuna bl-ilsien uffiċjali tiegħu. Din l-għajnuna għandha tagħmel parti minn servizz speċifiku li jikkonsisti f’uffiċjali jew impjegati oħrajn tal-Kumitat tar-Reġjuni u dan is-servizz għandu jiżgura li d-delegazzjonijiet nazzjonali jistgħu jagħmlu użu adegwat mill-faċilitajiet tal-Kumitat. Is-Segretarju Ġenerali għandu jipprovdi b’mod partikolari lid-delegazzjonijiet nazzjonali b’mezzi adatti sabiex isejħu laqgħat immedjatament qabel jew matul is-sessjonijiet plenarji.

3.

Id-delegazzjonijiet nazzjonali għandhom ukoll għad-dispożizzjoni tagħhom l-għajnuna tal-koordinaturi nazzjonali, li mhumiex parti mill-persunal tas-Segretarjat Ġenerali. Dawn jiffaċilitaw it-twettiq tal-mandat tal-membri fi ħdan il-Kumitat.

4.

Il-koordinaturi nazzjonali jibbenefikaw minn appoġġ adegwat min-naħa tas-Segretarju Ġenerali, bħall-użu tal-faċilitajiet tal-Kumitat.

Artikolu 9 –   Gruppi politiċi u membri mhux affiljati

1.

Il-membri u s-sostituti jistgħu jiffurmaw gruppi li jirriflettu l-affiljazzjoni politika tagħhom. Il-kriterji għas-sħubija għandhom jiġu preskritti fir-regoli interni ta’ kull grupp politiku.

2.

Huwa meħtieġ minimu ta’ tmintax-il membru jew sostitut, li tal-anqas nofshom għandhom ikunu membri, li b’kollox jirrappreżentaw tal-inqas wieħed minn kull ħames Stati Membri sabiex jiġi ffurmat grupp politiku. Membru jew sostitut jista’ jagħmel parti minn grupp politiku wieħed biss. Grupp politiku għandu jxolji jekk in-numru tal-membri neċessarju sabiex jitwaqqaf ikun inqas minn dak meħtieġ.

3.

Il-President tal-Kumitat għandu jkun mgħarraf bi stqarrija meta jitwaqqaf, ixolji jew b’xi mod jinbidel xi grupp politiku. L-istqarrija dwar it-twaqqif ta’ xi grupp politiku għandha tispeċifika l-isem tal-grupp politiku, il-membri tiegħu u l-bureau.

4.

Kull grupp politiku għandu segretarjat magħmul minn persunal minn fost l-impjegati tas-Segretarjat Ġenerali. Il-gruppi politiċi jistgħu jibagħtu proposti lill-awtorità li għandha s-setgħa li tinnomina dwar l-għażla, l-impjieg u l-promozzjoni tal-persunal ta’ dawn is-segretarjati u t-tiġdid tal-kuntratti tagħhom. L-awtorità li tinnomina għandha tasal għad-deċiżjoni tagħha wara li tikkonsulta l-president tal-grupp politikukkonċernat.

5.

Is-Segretarju Ġenerali għandu jipprovdi lill-gruppi politiċi u lill-korpi kostitwenti tagħhom b’riżorsi adatti għal-laqgħat, attivitajiet u pubblikazzjonijiet u għax-xogħol tas-segretarjati tagħhom. Ir-riżorsi għal kull grupp politiku għandhom jiġu speċifikati fil-baġit. Il-gruppi politiċi u s-segretarjati tagħhom jistgħu jagħmlu użu adatt mill-faċilitajiet tal-Kumitat.

6.

Il-gruppi politiċi u l-bureau tagħhom jistgħu jiltaqgħu immedjatament qabel jew matul is-sessjonijiet plenarji. Jistgħu jsejħu laqgħa straordinarja darbtejn fis-sena. Sostitut li jattendi għal dawn il-laqgħat huwa intitolat għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u għall-indennizzi ta’ kuljum jekk ikun qiegħed jirrappreżenta xi membru mill-grupp politiku tiegħu.

7.

Il-membri mhux affiljati għandu jkollhom appoġġ amministrattiv. Id-dispożizzjonijiet relatati ma’ dan għandhom jiġu stabbiliti mill-Bureau fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali.

Artikolu 10 –   Gruppi interreġjonali

Il-membri u s-sostituti jistgħu jiffurmaw gruppi interreġjonali. Għandhom jgħarrfu lill-President tal-Kumitat dwar dan. Grupp interreġjonali jiġi ffurmat formalment fuq deċiżjoni tal-Bureau.

*

*           *

TITOLU II

ORGANIZZAZZJONI U PROĊEDURA TAL-KUMITAT

KAPITOLU 1

KONVOKAZZJONI U BIDU TAL-KARIGA TAL-KUMITAT

Artikolu 11 –   Konvokazzjoni tal-ewwel laqgħa

Il-Kumitat jiġi kkonvokat wara kull tiġdid ta’ ħames snin mill-president li jkun għadu kif intemm il-mandat tiegħu jew, jekk dan ma jkunx possibbli, mill-ewwel viċi president li jkun għadu kif intemm il-mandat tiegħu jew, jekk dan ma jkunx possibbli, mill-viċi president l-aktar anzjan li jkun għadu kif intemm il-mandat tiegħu jew, jekk dan ma jkunx possibbli, mill-aktar membru anzjan u għandu jitlaqqa’ mhux aktar tard minn xahar wara n-nomina tal-membri tiegħu mill-Kunsill.

Il-membru li jkun qed jaqdi rwol ta’ president interim skont l-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, għandu wkoll jirrappreżenta l-Kumitat matul dan il-perijodu u jmexxi l-ewwel laqgħa bħala president interim.

Flimkein mal-iżgħar erba’ membri preżenti u s-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat huwa jikkostitwixxi l-Bureau interim.

Artikolu 12 –   Bidu tal-kariga tal-Kumitat u verifika tal-kredenzjali

1.

Matul l-ewwel laqgħa, il-president interim għandu jgħarraf lill-Kumitat bil-komunikazzjoni mill-Kunsill relatata man-nomina tal-membri u jagħti rendikont tal-miżuri li jkun ħa biex jirrappreżenta lill-Kumitat. Jekk jintalab, il-president interim jista’ jiddeċiedi li jivverifika n-nomina u l-kredenzjali tal-membri qabel ma jiddikjara l-bidu tal-kariga tal-Kumitat għall-mandat il-ġdid.

2.

Il-Bureau interim għandu jibqa’ fil-kariga sal-istqarrija tar-riżultati tal-elezzjonijiet tal-membri tal-Bureau.

KAPITOLU 2

ASSEMBLEA PLENARJA

Artikolu 13 –   Ix-xogħol tal-Assemblea Plenarja

Il-Kumitat għandu jiltaqa’ f’Assemblea Plenarja. Il-kompiti prinċipali tagħha għandhom ikunu:

(a)

li tadotta opinjonijiet, rapporti u riżoluzzjonijiet;

(b)

li tadotta l-abbozzi tal-estimi preliminari tad-dħul u l-infiq tal-Kumitat;

(c)

li tadotta l-programm politiku tal-Kumitat fil-bidu ta’ kull mandat;

(d)

li teleġġi l-President, l-ewwel Viċi President u l-bqija tal-membri tal-Bureau;

(e)

li twaqqaf kummissjonijiet;

(f)

li tadotta u tirrevedi r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat;

(g)

li tieħu deċiżjoni dwar l-introduzzjoni ta’ rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea wara verifika tal-kworum preżenti, kif stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(1), u b’maġġoranza tal-voti mitfugħa għall-proposta tal-President tal-Kumitat jew tal-kummissjoni rilevanti li taġixxi b’konformità mal-Artikoli 53 u 54. Ladarba tiġi adottata din id-deċiżjoni, il-President għandu jressaq ir-rikors f’isem il-Kumitat.

Artikolu 14 –   Konvokazzjoni tal-Assemblea Plenarja

1.

Il-President tal-Kumitat għandu jsejjaħ l-Assemblea Plenarja tal-inqas darba kull tliet xhur. Id-dati tas-sessjonijiet plenarji għandhom jiġu stabbiliti mill-Bureau matul it-tielet kwart tas-sena ta’ qabel. Sessjoni plenarja tista’ tiltaqa’ f’jum wieħed jew aktar ta’ seduta.

2.

Fuq talba bil-miktub ta’ mill-inqas kwart tal-membri, il-President huwa marbut li jsejjaħ sessjoni plenarja straordinarja, li għandha sseħħ mhux qabel gimgħa u mhux aktar tard minn xahar wara d-data tat-talba. It-talba bil-miktub għandha tindika s-suġġett li ser ikun diskuss fis-sessjoni plenarja straordinarja. Ma jista’ jidher l-ebda suġġett ieħor fl-aġenda.

Artikolu 15 –   Aġenda tas-Sessjoni Plenarja

1.

Il-Bureau jħejji l-abbozz preliminari ta’ aġenda li jkun fih lista provviżorja tal-abbozzi ta’ opinjonijiet, ta’ rapporti jew ta’ riżoluzzjonijiet għad-diskussjoni fis-sessjoni plenarja ta’ wara dik li jkun imiss flimkien mad-dokumenti l-oħra kollha li jeħtieġu deċiżjoni (dokumenti għal deċiżjoni).

2.

Tal-anqas għoxrin jum ta’ xogħol qabel il-ftuħ tas-sessjoni plenarja, il-President għandu jibgħat l-abbozz ta’ aġenda flimkien mad-dokumenti kollha mniżżla fih li jeħtieġu deċiżjoni bil-posta elettronika lill-membri u s-sosituti tagħhom; id-dokumenti kollha tal-laqgħa għandhomikunu disponibbli bl-ilsna uffiċjali rispettivi tagħhom. Simultanjament, id-dokumenti għandhom ikunu aċċessibbli elettronikament.

3.

B’mod ġenerali, l-abbozzi ta’ opinjonijiet, ta’ rapporti u ta’ riżoluzzjonijiet jitniżżlu fl-aġenda fl-ordni li ġew adottati mill-kummissjonijiet jew li ġew ippreżentati b’konformità mar-Regoli ta’ Proċedura u b’konsiderazzjoni għar-rabta bejn il-kontenut tad-diversi punti tal-aġenda.

4.

F’ċerti każijiet eċċezzjonali u għal raġunijiet adatti fejn l-iskadenza msemmija f’punt 2 ma tistax tiġi rispettata, il-President jista’ jiddeċiedi li jinkludi dokument li jeħtieġ deċiżjoni fl-abbozz ta’ aġenda sakemm id-dokument imsemmi jkun intbagħat lill-membri u lis-sostituti fl-ilsien uffiċjali tagħhom tal-anqas ġimgħa qabel il-ftuħ tas-sessjoni plenarja. Il-President għandu jagħti r-raġuni tal-użu ta’ din il-proċedura fuq il-paġna ta’ quddiem tad-dokument għal deċiżjoni.

5.

L-emendi bil-miktub fl-abbozz ta’ aġenda għandhom jintbagħtu lis-Segretarju Ġenerali mhux aktar tard minn tlett ijiem ta’ xogħol qabel il-ftuħ tas-sessjoni plenarja.

6.

Il-Bureau għandu jistabbilixxi l-abbozz ta’ aġenda finali fil-laqgħa tiegħu immedjatament qabel il-ftuħ tas-sessjoni plenarja. F’din il-laqgħa l-Bureau jista’ jiddeċiedi, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa, li jinkludi fl-aġenda kwistjonijiet ta’ natura urġenti jew topiċi li l-analiżi tagħhom ma tistax tistenna sas-sessjoni plenarja li jmiss.

7.

Fuq proposta tal-President, ta’ grupp politiku jew ta’ 32 membru, il-Bureau jew l-Assemblea Plenarja jistgħu jiddeċiedu li:

jipposponu għas-sessjoni segwenti d-diskussjoni dwar dokument għal deċiżjoni,

jew

jirrinvjaw id-dokument għal deċiżjoni għand il-kummissjoni kkonċernata sabiex jiġi eżaminat mill-ġdid.

Din id-dispożizzjoni ma tapplikax f’każijiet meta, minħabba l-iskadenza stabbilita mill-Kunsill, mill-Kummissjoni jew mill-Parlament Ewropew, l-adozzjoni ta’ dokument għal deċiżjoni ma tkunx tista’ tiġi posposta.

Id-dokument għal deċiżjoni li jiġi pospost għas-sessjoni segwenti tal-Assemblea Plenarja għandu jinkludi l-emendi kollha mressqa b’mod validu li huma marbuta miegħu.

Meta dokument jintbagħat lura lill-kummissjoni kkonċernata, l-emendi relatati miegħu ma jibqgħux validi u r-relatur jista’ jeżamina b’liema mod il-kontenut tad-dokument

jirrekjedi reviżjoni preliminari tat-test min-naħa tiegħu,

u/jew

jista’ jwassal għat-tressiq ta’ emendi min-naħa tiegħu, skont il-proċedura stabbilita mill-kummissjoni.

Id-dokument jitqiegħed fuq l-aġenda tal-kummissjoni għal deċiżjoni.

Artikolu 16 –   Ftuħ tas-Sessjoni Plenarja

Il-President għandu jiftaħ is-sessjoni plenarja u jippreżenta għall-adozzjoni l-abbozz ta’ aġenda finali.

Artikolu 17 –   Aċċess għall-pubbliku, mistednin u kelliema mistiedna, slott għal dibattitu topiku

1.

Is-sessjonijiet plenarji huma miftuħin għall-pubbliku, sakemm l-Assemblea Plenarja ma tiddeċidix mod ieħor fir-rigward tal-laqgħa jew xi punt speċifiku fuq l-aġenda.

2.

Ir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni jistgħu jattendu għas-sessjonijiet plenarji u jistgħu jintalbu jindirizzaw il-laqgħa.

3.

Il-President, fuq inizjattiva proprja jew fuq talba tal-Bureau, jista’ wkoll jistieden personalitajiet esterni sabiex jipparteċipaw fis-sessjonijiet plenarji u jindirizzaw l-Assemblea Plenarja. Wara dawn l-interventi jista’ jkun hemm dibattitu ġenerali, li matulu għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-ħin għad-diskorsi.

4.

Il-Bureau jista’, b’konformità mal-Artikolu 15(1) u (6), jipproponi lill-Assemblea Plenarja li jkun hemm dibattitu ġenerali dwar kwistjonijiet politiċi topiċi ta’ rilevanza reġjonali jew lokali (slott għal dibattitu topiku). Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-ħin għad-diskorsi.

Artikolu 18 –   Ħin għad-diskorsi

1.

Fil-bidu tas-sessjoni plenarja u fuq proposta tal-Bureau, l-Assemblea Plenarja għandha tistabbilixxi l-ħin għad-diskorsi għal kull punt fuq l-aġenda. Matul is-sessjoni plenarja, il-President jista’, fuq inizjattiva proprja jew fuq talba ta’ xi membru, jiddeċiedi li jillimita l-ħin għad-diskorsi.

2.

Il-President, fuq proposta tal-Bureau, jista’ jipproponi lill-Assemblea Plenarja li meta jsiru d-dibattiti fuq xi kwistjonijiet ġenerali jew fuq xi temi speċifiċi, il-ħin għad-diskorsi jinqasam bejn il-gruppi politiċi u d-delegazzjonijiet nazzjonali.

3.

Bħala regola ġenerali, il-ħin għad-diskorsi għandu jkun limitat għal minuta għall-kummenti fuq il-minuti, għal points of order u l-modifiki għall-abbozz finali ta’ aġenda jew l-aġenda.

4.

Jekk xi kelliem jaqbeż il-ħin merfugħ għalih, il-President jista’, wara li jiġbidlu l-attenzjoni, iwaqqfu milli jkompli jitkellem.

5.

Kull talba minn xi membru sabiex jitwaqqaf id-dibattitu għandha tgħaddi għall-vot mill-President.

Artikolu 19 –   Lista tal-kelliema

1.

L-ismijiet tal-membri li jitolbu jitkellmu jitniżżlu f’lista fl-istess ordni li fih ikunu waslu t-talbiet tagħhom. Il-President għandu jsejjaħ lill-membri sabiex jitkellmu fuq il-bażi ta’ din il-lista billi jiżgura kemm jista’ jkun li kelliema ta’ fehma politika differenti u minn delegazzjonijiet nazzjonali differenti jinstemgħu wara xulxin.

2.

Madankollu, tista’ tingħata prijorità, fuq it-talba tagħhom, lir-relatur tal-kummissjoni kkonċernata u lir-rappreżentanti tal-gruppi politiċi u tad-delegazzjonijiet nazzjonali li jixtiequ jitkellmu f’isem il-kummissjoni, il-grupp jew id-delegazzjoni tagħhom.

3.

Ħadd ma jista’ jindirizza l-laqgħa aktar minn darbtejn fuq l-istess suġġett, ħlief bil-permess tal-President. Madankollu, il-President u r-relaturi tal-kummissjonijiet kkonċernati għandhom jitħallew jitkellmu fuq talba tagħhom għal tul ta’ żmien skont kif jiddeċiedi l-President.

Artikolu 20 –   Points of order

1.

Membru li jixtieq jippreżenta point of order jew li jixtieq jiġbed l-attenzjoni tal-President minħabba xi nuqqas fir-rigward tar-Regoli ta’ Proċedura għandu jitħalla jitkellem. Il-point of order għandha tkun relatata mal-aġenda jew mas-suġġett tad-diskussjoni.

2.

Talba għal point of order għandha tieħu preċedenza fuq kull talba oħra li wieħed jitkellem.

3.

Il-President għandu jieħu deċiżjoni minnufih dwar il-points of order, b’konformità mar-Regoli ta’ Proċedura u għandu jħabbar id-deċiżjoni tiegħu minnufih wara li tkun saret il-point of order. M’għandu jittieħed l-ebda vot dwar id-deċiżjoni tal-President.

Artikolu 21 –   Kworum

1.

Jintlaħaq kworum fl-Assemblea Plenarja jekk aktar minn nofs il-membri huma preżenti. Il-kworum jiġi verifikat fuq talba ta’ membru u b’kondizzjoni li minn tal-anqas ħmistax-il membru jivvutaw favur it-talba għall-verifika tal-kworum. Jekk il-verifika tal-kworum ma tintalabx, il-voti kollha għandhom ikunu validi jkun kemm ikun in-numru ta’ dawk preżenti. Il-President jista’ jwaqqaf is-sessjoni plenarja għal mhux aktar minn għaxar minuti qabel ma jgħaddi għall-verifika tal-kworum. Il-membri li jkunu talbu verifika tal-kworum iżda li jkunu ħallew il-kamra tas-Sessjoni Plenarja għandhom jitqiesu bħala preżenti għall-finijiet tal-għadd. Jekk hemm anqas minn ħmistax-il membru preżenti, il-President jista’ jiddeċiedi li ma ntlaħaqx kworum.

2.

Jekk ikun konkluż li ma ntlaħaqx kworum, il-punti kollha fuq l-aġenda li jeħtieġu votazzjoni għandhom jiġu posposti għall-jum tal-laqgħa li jmiss, f’liema ħin l-Assemblea Plenarja tista’ tgħaddi għall-votazzjoni valida ta’ dawn il-punti li jkunu s-suġġett ta’ rapport, ikun kemm ikun in-numru tal-membri preżenti.

Artikolu 22 –   Votazzjoni

1.

L-Assemblea Plenarja tiddeċiedi b’maġġoranza tal-voti mitfugħa, sakemm ir-Regoli ta’ Proċedura ma jipprevedux mod ieħor.

2.

Il-forom validi ta’ vot għandhom ikunu “favur”, “kontra” jew “astensjoni”. Fil-kalkolu tal-maġġoranza, għandhom jitqiesu biss il-voti mitfugħa favur jew kontra. F’każ ta’ voti ndaqs, it-test jew il-proposta għandha titqies bħala li m’għaddietx.

3.

Jekk ir-riżultat tal-għadd tal-voti jiġi kkontestat, jista’ jintalab li jittieħed vot mill-ġdid mill-President jew fuq talba ta’ membru bil-kondizzjoni li minn tal-inqas ħmistax-il membru jivvotaw favur dit-talba li jittieħed vot mill-ġdid.

4.

Fuq proposta tal-President, ta’ grupp politiku jew ta’ 32 membru li jkunu preżenti qabel l-approvazzjoni tal-aġenda finali, l-Assemblea Plenarja tista’ tiddeċiedi li jittieħed vot reġistrat fuq punt wieħed tal-aġenda jew aktar u dan jitniżżel fil-minuti tas-sessjoni plenarja. Sakemm l-Assemblea Plenarja ma tiddeċidix mod ieħor, m’għandux jintalab vot reġistrat fil-każ tal-emendi.

5.

Fuq proposta tal-President, ta’ grupp politiku jew ta’ 32 membru, jista’ jiġi deċiż li ssir votazzjoni sigrieta jekk il-kwistjoni mressqa għall-votazzjoni tolqot lill-persuni.

6.

Il-President jista’ f’kull ħin jiddeċiedi li l-votazzjoni ssir b’mezzi elettroniċi.

Artikolu 23 –   Tressiq tal-emendi

1.

Il-membri u s-sostituti b’mandat kif dovut biss u kwalunkwe sostitut mingħajr mandat li jkun relatur ta’ rapport imfassal minnu stess jistgħu jressqu emendi għal dokumenti għal deċiżjoni b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ tressiq tal-emendi.

Id-dritt li jitressqu l-emendi għal sessjoni plenarja jista’ jintuża b’mod esklużiv biss minn membru jew mis-sostitut tiegħu b’mandat kif dovut. L-emendi debitament imressqa qabel ma membru jew sostitut fi ħdan il-Kumitat ma jibqax tali jew qabel ma tingħata jew tiġi rrevokata delega jibqgħu validi.

2.

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26(1), l-emendi għal dokumenti li jeħtieġu deċiżjoni għandhom jiġu ppreżentati minn grupp politiku jew tal-inqas sitt membri jew sostituti b’mandat kif dovut u fuqhom għandu jitniżżel isimhom. Id-delegazzjonijiet nazzjonali li huma magħmula minn anqas minn sitt membri jistgħu jressqu emendi bil-kondizzjoni li jitressqu mill-istess numru ta’ membri mid-delegazzjoni jew mis-sostituti b’mandat kif dovut u fuqhom għandu jitniżżel isimhom.

3.

L-emendi għandhom jintbagħtu lis-Segretarju Ġenerali tal-anqas disat ijiem ta’ xogħol qabel il-ftuħ tas-sessjoni plenarja. L-emendi għandhom ikunu disponibbli elettronikament malli ssir it-traduzzjoni tagħhom, iżda tal-anqas erbat ijiem ta’ xogħol qabel il-ftuħ tas-sessjoni plenarja.

L-emendi għandhom jingħataw prijorità fil-proċess tat-traduzzjoni u mbagħad jintbagħtu lir-relatur sabiex ikun jista’ jressaq l-emendi tiegħu quddiem is-Segretarjat Ġenerali tal-anqas jumejn ta’ xogħol qabel il-ftuħ tas-sessjoni plenarja. L-emendi tar-relatur għandhom ikunu marbuta ma’ emenda jew għadd ta’ emendi li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1. L-emendi tar-relatur ikunu jistgħu jiġu kkonsultati biss meta tibda s-sessjoni plenarja.

F’każijiet fejn japplika l-Artikolu 15 (4), il-President jista’ jiddeċiedi li jnaqqas l-iskadenza biex jintbagħtu l-emendi għal tlett ijiem ta’ xogħol qabel il-ftuħ tas-sessjoni plenarja. L-iskadenza m’għandhiex tapplika fil-każ ta’ emendi ta’ affarijiet urġenti skont l-Artikolu 15(6).

4.

L-emendi kollha għandhom jitqassmu fost il-membri qabel il-bidu tas-sessjoni plenarja.

Artikolu 24 –   Proċedura biex jiġu trattati l-emendi

1.

Jekk xi emenda jew aktar jitressqu għal xi parti ta’ xi test ta’ dokument għal deċiżjoni, il-President, ir-relatur jew l-awturi ta’ dawn l-emendi jistgħu, b’mod eċċezzjonali, jipproponu emendi ta’ kompromess matul id-dibattitu. Jekk ikun possibbli, it-test ta’ emenda ta’ kompromess għandu jintbagħat bil-miktub lill-President u s-segretarjat qabel ma jiġi diskuss is-suġġett ikkonċernat.

2.

Il-votazzjoni fuq l-emendi għandha ssegwi l-ordni tal-punti fit-test u skont din il-prijorità:

l-emendi tar-relatur,

l-emendi ta’ kompromess, sakemm ma jqajjimx oġġezzjoni wieħed mill-awturi tal-emendi,

l-emendi l-oħra.

Meta jiġu adottati, l-emendi tar-relatur u l-emendi ta’ kompromess iħassru kwalunkwe emenda preċedenti oħra.

Il-President jista’ jordna joint vote fuq emendi li l-kontenut jew l-għan tagħhom huwa simili.

3.

Mal-emendi ppreżentati għall-abbozz ta’ opinjoni jew rapport, ir-relatur jista’ jippreżenta lista ta’ dawk fosthom li jirrakkomanda li jiġu adottati. Jekk rakkomandazzjoni ta’ vot hija disponibbli, il-President jista’ jiddeċiedi li l-emendi kollha koperti mir-rakkomandazzjoni għandhom jiġu vvotati flimkien. Kull membru jista’ joġġezzjona għar-rakkomandazzjoni ta’ vot; f’dan il-każ irid jispeċifika liema huma l-emendi li għandhom jiġu votati separatament.

4.

L-emendi għandu jkollhom prijorità fuq it-test li miegħu huma marbuta u għandhom jiġu vvotati qabel it-test.

5.

Jekk żewġ emendi jew aktar li jeskludu lil xulxin jitressqu għall-istess parti ta’ xi test, l-emenda li titbiegħed l-aktar mit-test oriġinali għandu jkollha prijorità u tiġi vvotata l-ewwel.

Qabel ma ssir il-votazzjoni l-President għandu jgħid jekk l-adozzjoni ta’ emenda hux ser twaqqa’ emenda waħda jew għadd ta’ emendi oħra, jew għax dawn l-emendi jkunu jeskludu lil xulxin billi jkunu jirreferu għall-istess parti tat-test, jew għax dawn jintroduċu kontradizzjoni. Emenda invalida m’għandhiex titressaq għall-votazzjoni sakemm l-awturi tagħha ma jikkuntestawx l-invalidità tagħha u l-Assemblea Plenarja ma taċċettax li tressaqha għall-votazzjoni.

6.

Il-vot finali għandu jkun fuq it-test sħiħ, sew jekk huwa emendat sew jekk le. Opinjoni li ma ġġibx il-maġġoranza tal-voti kollha mitfugħa għandha tkun rinvjata lill-kummissjoni kompetenti jew taqa’.

Artikolu 25 –   Opinjonijiet u rapporti urġenti

F’każijiet urġenti fejn data tal-għeluq stabbilita mill-Kunsill, mill-Kummissjoni jew mill-Parlament Ewropew ma tistax tintlaħaq skont il-proċedura normali, u l-kummissjoni kompetenti adottat l-abbozz ta’ opinjoni tagħha jew rapport b’mod unanimu, il-President għandu jittrasmetti dan l-abbozz ta’ opinjoni jew rapport lill-Kunsill, lill-Kummissjoni jew lill-Parlament Ewropew għal tagħrif. L-abbozz ta’ opinjoni jew ir-rapport għandu jintbagħat lis-Sessjoni Plenarja li jmiss sabiex ikun adottat mingħajr emenda. Id-dokumenti kollha li jikkonċernaw dan it-test għandhom jindikaw li dan huwa opinjoni jew rapport soġġett għall-proċedura ta’ urġenza.

Artikolu 26 –   Proċeduri semplifikati

1.

Abbozzi ta’ opinjonijiet jew rapporti adottati unanimament minn xi kummissjoni (ewlenija, jekk jagħti l-każ), għandhom jintbagħtu lill-Assemblea Plenarja għall-adozzjoni mingħajr tibdil sakemm tal-inqas 32 membru jew sostitut b’mandat kif dovut jew grupp politiku ma jiddepożitax emenda skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 23(3). F’dan il-każ, l-emenda għandha titqies mill-Assemblea Plenarja. L-abbozz ta’ opinjoni jew rapport għandu jkun ippreżentat mir-relatur fis-sessjoni plenarja u jista’ jkun is-suġġett ta’ dibattitu. Dan għandu jintbagħat lill-membri flimkien mal-abbozz ta’ aġenda.

2.

Jekk il-kummissjoni (ewlenija, jekk jagħti l-każ) hija tal-fehma li l-Kumitat m’għandux għaliex jikkummenta dwar, jew jipproponi tibdil għal, xi dokument mgħoddi lilha, tista’ tipproponi li ebda oġġezzjoni ma ssir dwar id-dokument. Il-proposta għandha tgħaddi għand l-Assemblea Plenarja għall-adozzjoni mingħajr dibattitu.

Artikolu 27 –   Għeluq tas-Sessjoni Plenarja

Qabel l-għeluq tas-sessjoni plenarja, il-President għandu jħabbar il-ħin u l-post tas-sessjoni plenarja li jmiss flimkien ma’ xi punti li diġà qegħdin fuq l-aġenda.

Artikolu 28 –   Simboli

1.

Il-Kumitat jagħraf u jadotta dawn is-simboli tal-Unjoni:

(a)

il-bandiera b’ ċirku ta’ tnax-il stilla tad-deheb fuq sfond blu;

(b)

l-innu meħud minn “Odi lil Hena” mid-Disa’ Sinfonija ta’ Ludwig van Beethoven;

(c)

il-motto “Magħqudin fid-diversità”.

2.

Il-Kumitat jiċċelebra Jum l-Ewropa fid-9 ta’ Mejju.

3.

Il-bandiera għandha tidher fil-bini tal-Kumitat u fl-avvenimenti uffiċjali.

4.

L-innu għandu jindaqq fiċ-ċerimonja tal-ftuħ fil-bidu tal-mandat u f’okkażjonijiet formali oħra, b’mod speċjali għall-akkoljenza tal-Kapijiet ta’ Stat jew Gvern, jew għall-akkoljenza tal-membri l-ġodda wara t-tkabbir.

KAPITOLU 3

IL-BUREAU U L-PRESIDENT

Artikolu 29 –   Kompożizzjoni tal-Bureau

Il-Bureau huwa magħmul minn:

(a)

il-President;

(b)

l-ewwel Viċi-President;

(c)

Viċi President għal kull Stat Membru;

(d)

27 membru ieħor;

(e)

il-presidenti tal-gruppi politiċi.

Is-siġġijiet fil-Bureau (barra mis-siġġijiet tal-President, l-ewwel Viċi President u l-presidenti tal-gruppi politiċi) għandhom jitqassmu fost id-delegazzjonijiet nazzjonali kif ġej:

:

3 siġġijiet

:

Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja, il-Polonja u r-Renju Unit,

:

2 siġġijiet

:

l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, l-Isvezja u l-Ungerija,

:

siġġu wieħed

:

l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta u s-Slovenja.

Artikolu 30 –   Rappreżentanti tal-membri fil-laqgħat tal-Bureau

1.

Għall-membri tagħha tal-Bureau, bl-eċċezzjoni tal-President u tal-ewwel Viċi President, kull delegazzjoni nazzjonali għandha taħtar membru jew sostitut bħala rappreżentant ad personam mid-delegazzjoni stess.

2.

Għal president kull grupp politiku għandu jaħtar minn fostu membru jew sostitut bħala rappreżentant ad personam.

3.

Rappreżentant ad personam għandu dritt jipparteċipa fil-laqgħat u jkollu d-dritt li jitkellem u jivvota biss meta jkun qiegħed jissostitwixxi dan il-membru tal-Bureau. Il-prokura tal-vot għandha tiġi mgħarrfa bil-miktub lis-Segretarju Ġenerali qabel il-laqgħa kkonċernata.

Artikolu 31 –   Regoli tal-elezzjoni

1.

Il-Bureau għandu jiġi elett mill-Assemblea Plenarja għal sentejn u nofs.

2.

L-elezzjoni għandha ssir taħt il-presidenza tal-President interim bl-istess mod kif previst fl-Artikoli 11 u 12. L-applikazzjonijiet kollha għandhom jintbagħtu bil-miktub lis-Segretarju Ġenerali mhux aktar tard minn siegħa qabel il-bidu tas-sessjoni plenarja. L-elezzjoni tista’ ssir biss jekk ikunu preżenti minn tal-inqas żewġ terzi tal-membri.

Artikolu 32 –   Elezzjoni tal-President u tal-ewwel Viċi President

1.

Qabel l-elezzjonijiet għall-postijiet ta’ President u tal-ewwel Viċi President, il-kandidati jistgħu jagħmlu stqarrija qasira quddiem l-Assemblea Plenarja. Ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-istess ammont ta’ ħin għad-diskors, stabbilit mill-President interim.

2.

L-elezzjoni tal-President u dik tal-ewwel Viċi President għandhom isiru separatament. Għandhom jiġu eletti bil-maġġoranza tal-voti mitfugħa.

3.

Il-forom validi ta’ vot għandhom ikunu “favur” jew astensjoni. Huma l-voti “favur” biss li jiġu kkunsidrati sabiex tiġi kkalkulata jekk intlaħqitx il-maġġoranza.

4.

Jekk l-ebda kandidat ma jikseb il-maġġoranza fl-ewwel votazzjoni, issir it-tieni votazzjoni li matulha jiġi elett il-kandidat li jikseb l-ogħla numru ta’ voti. Fil-każ ta’ voti indaqs, tittieħed deċiżjoni bix-xorti.

Artikolu 33 –   Elezzjoni tal-membri tal-Bureau

1.

Tista’ tiġi stabbilita lista komuni tal-kandidati mid-delegazzjonijiet nazzjonali li jippreżentaw kandidat wieħed biss għal kull wieħed mis-siġġijiet merfugħa għalihom fil-Bureau. Din il-lista tista’ tiġi adottata b’votazzjoni waħda jekk tikseb il-maġġoranza tal-voti mitfugħa.

F’każijiet fejn ma tiġix adottata lista komuni jew fejn in-numru ta’ kandidati propost għas-siġġijiet ta’ delegazzjoni nazzjonali fil-Bureau jaqbeż in-numru ta’ siġġijiet disponibbli, kull wieħed minn dawn is-siġġijiet għandu jiġi deċiż b’votazzjoni separata; f’dan il-każ ir-regoli tal-elezzjoni li huma applikati huma dawk tal-President u tal-ewwel Viċi President, kif stabbiliti fl-Artikoli 31 u 32(2) sa (4).

2.

Fid-dawl tal-elezzjoni tal-presidenti tal-gruppi politiċi bħala membri tal-Bureau, għandha tintbagħat lista nominali għal adozzjoni lill-Assemblea Plenarja.

Artikolu 34 –   Elezzjoni tar-rappreżentanti

L-elezzjoni ta’ kandidat għal siġġu tal-Bureau twassal awtomatikament għal dik tar-rappreżentant tiegħu ad personam.

Artikolu 35 –   By-election għal siġġu battal tal-Bureau

Il-membru tal-Bureau jew ir-rappreżentant tiegħu ad personam li ma jibqax jagħmel parti mill-Kumitat jew li jirriżenja mill-Bureau, għandu jiġi sostitwit għall-bqija tal-mandat b’konformità mal-Artikoli 29 sa 34. Il-by-election għal siġġu battal għandha ssir fl-Assemblea Plenarja taħt il-presidenza tal-President jew ta’ wieħed mir-rappreżentanti tiegħu skont l-Artikolu 38 paragrafu 3.

Artikolu 36 –   Il-funzjonijiet tal-Bureau

Il-kompiti tal-Bureau huma dawn:

(a)

it-tħejjija u l-preżentazzjoni lill-Assemblea Plenarja tal-programm politiku tiegħu fil-bidu tal-mandat tiegħu u l-kontroll tat-twettiq ta’ dan. Fi tmiem il-mandat tiegħu jippreżenta lill-Assemblea Plenarja rapport dwar l-implimentazzjoni tal-programm politiku tiegħu;

(b)

l-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni tax-xogħlijiet tal-Assemblea Plenarja u tal-kummissjonijiet;

(c)

l-adozzjoni, fuq proposta tal-kummissjonijiet, tal-programm ta’ ħidma annwali tagħhom;

(d)

ir-responsabbiltà ġenerali għall-kwistjonijiet ta’ natura finanzjarja, organizzattiva u amministrattiva dwar il-membri u s-sostituti, l-organizzazzjoni interna tal-Kumitat u tas-Segretarjat Ġenerali tiegħu, inkluż il-pjan ta’ organizzazzjoni u l-korpi kostitwenti tiegħu;

(e)

Il-Bureau jista’:

jikkostitwixxi gruppi ta’ ħidma magħmula mill-membri tal-Bureau jew minn membri oħra tal-Kumitat, sabiex jagħtuh pariri dwar kwistjonijiet partikolari; dawn il-gruppi ta’ ħidma jistgħu jkollhom sa tmien membri,

jistieden lil membri oħra tal-Kumitat sabiex jassistu fil-laqgħat tiegħu, minħabba l-kompetenza jew il-kompiti tagħhom, kif ukoll lil personalitajiet minn barra;

(f)

l-impjieg tas-Segretarju Ġenerali u tal-uffiċjali u l-impjegati l-oħra msemmija fl-Artikolu 69;

(g)

il-preżentazzjoni lill-Assemblea Plenarja tal-abbozz preliminari tad-dħul u l-infiq tal-Kumitat, b’konformità mal-Artikolu 72;

(h)

l-awtorizzazzjoni tal-laqgħat barra l-postijiet tax-xogħol tas-soltu;

(i)

it-teħid ta’dispożizzjonijiet dwar il-kompożizzjoni u l-metodi ta’ xogħol tal-gruppi ta’ ħidma, tal-kumitati konġunti kostitwiti mal-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni jew ta’ korpi politiċi oħra li jieħdu sehem fihom il-membri tal-Kumitat;

(j)

tittieħed deċiżjoni dwar l-introduzzjoni ta’ rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jekk l-Assemblea Plenarja ma tkunx tista’ tieħu deċiżjoni fiż-żmien li jingħatalha, wara verifika tal-kworum preżenti, kif stabbilit fl-Artikolu 37(2) l-ewwel sentenza, b’maġġoranza tal-voti li jintefgħu għall-proposta kemm tal-President tal-Kumitat, kif ukoll tal-kummissjoni rilevanti li taġixxi b’konformità mal-Artikoli 53 u 54. Ladarba tiġi adottata din id-deċiżjoni, il-President għandu jippreżenta r-rikors f’isem il-Kumitat u waqt is-sessjoni plenarja li jmiss jirreferi lill-Assemblea dwar id-deċiżjoni taż-żamma tar-rikors. Jekk wara l-verifika tal-kworum preżenti kif stabbilit fl-Artikolu 21(1) l-ewwel sentenza, l-Assemblea Plenarja tiddeċiedi b’maġġoranza skont l-Artikolu 13(g) kontra r-rikors, il-President jirtira dan.

Artikolu 37 –   Konvokazzjoni tal-Bureau, kworum u teħid ta’ deċiżjoni

1.

Il-Bureau jitlaqqa’ mill-President, li għandu jistabbilixxi d-data tal-laqgħa u l-aġenda bi ftehim mal-ewwel Viċi President. Il-Bureau għandu jiltaqa’ minn tal-inqas darba kull tliet xhur, jew mhux aktar tard minn 14-il jum wara r-riċevuta ta’ talba bil-miktub li ssir mingħand tal-inqas kwart mill-membri tiegħu.

2.

Il-kworum tal-Bureau jintlaħaq jekk minn tal-inqas nofs il-membri tiegħu huma preżenti. Il-kworum jiġi verifikat fuq it-talba ta’ membru u bil-kondizzjoni li minn tal-inqas sitt membri jivvotaw favur din it-talba. Meta l-verifika tal-kworum ma tintalabx, kull vot huwa validu jkun xi jkun in-numru tal-preżenti. Jekk jiġi stabbilit li l-kworum ma ntlaħaqx, il-Bureau jista’ jkompli bid-diskussjonijiet iżda l-votazzjoni ssir fil-laqgħa segwenti.

3.

Id-deċiżjonijiet jitteħdu b’maġġoranza ta’ voti mitfugħa, ħlief fejn hemm previst mod ieħor f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura. Għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22(2) u (5).

4.

Sabiex jitħejjew id-deċiżjonijiet tal-Bureau, il-President jagħti r-responsabbiltà lis-Segretarju Ġenerali sabiex iħejji d-dokumenti ta’ diskussjoni u r-rakkomandazzjonijiet għal deċiżjoni fuq kull tema li trid tiġi eżaminata u dawn jinhemżu mal-abbozz ta’ aġenda.

5.

Id-dokumenti għandhom jintbagħtu bil-posta elettronika lill-membri minn tal-inqas għaxart ijiem qabel il-ftuħ tal-laqgħa. L-emendi għad-dokumenti tal-Bureau għandhom jaslu għand isSegretarju Ġenerali mhux aktar tard mit-tielet jum ta’ xogħol qabel il-ftuħ tal-laqgħa tal-Bureau, filwaqt li jiġu rispettati l-proċeduri mitluba tat-tressiq, u għandhom ikunu elettronikament disponibbli malli jiġu tradotti.

6.

F’każijiet eċċezzjonali, il-President jista’ jirrikorri għal proċedura bil-miktub għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet oħra li ma jikkonċernawx lill-individwi. Il-President jibgħat il-proposta ta’ deċiżjoni lill-membri u jitlobhom sabiex iressqu, bil-miktub u fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol, kwalunkwe oġġezzjoni. Jekk ma ssir l-ebda oġġezzjoni, id-deċiżjoni tiġi adottata.

Artikolu 38 –   Il-President

1.

Il-President għandu jmexxi x-xogħol tal-Kumitat.

2.

Il-President jirrappreżenta lill-Kumitat. Hu jista’ jiddelega dawn is-setgħat.

3.

Jekk il-President ikun assenti jew ma jistax jattendi, għandu jkun irrappreżentat mill-ewwel Viċi President; jekk l-ewwel Viċi President huwa wkoll assenti jew ma jistax jattendi, il-President għandu jkun irrappreżentat minn wieħed mill-Viċi Presidenti l-oħra.

Opinjonijiet, rapporti u riżoluzzjonijiet – Proċedura fil-Bureau

Artikolu 39 –   Opinjonijiet – Bażi legali

Il-Kumitat jadotta l-opinjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 307 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea:

(a)

meta jiġi kkonsultat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni meta t-Trattati jipprevedu dan fil-każijiet l-oħra kollha, partikolarment dawk li jikkonċernaw il-koperazzjoni transkonfinali, li fihom waħda minn dawn l-istituzzjonijiet tikkunsidra li jkun adatt;

(b)

fuq l-inizjattiva tiegħu stess fil-każ meta dan iqisu utli;

(c)

meta, fil-każ li jiġi kkonsultat il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali skont l-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kumitat jikkunsidra li huma involuti interessi speċifiċi reġjonali.

Artikolu 40 –   Opinjonijiet u rapporti – Ħatra tal-kummissjoni kompetenti

1.

Meta jirċievi talbiet ta’ tħejjija ta’ opinjoni min-naħa tal-Kunsill, tal-Kummissjoni jew tal-Parlament Ewropew fuq xi dokumenti, il-President jgħaddihom lill-kummissjonijiet kompetenti, u l-Bureau jiġi mgħarraf matul il-laqgħa segwenti.

2.

Jekk is-suġġett ta’ xi opinjoni jew rapport jaqa’ fil-kompetenzi ta’ aktar minn kummissjoni waħda, il-President għandu jaħtar kummissjoni prinċipali u, jekk ikun neċessarju, jista’ jipproponi li l-Bureau jwaqqaf grupp ta’ ħidma li jkun fih rappreżentanti mill-kummissjonijiet ikkonċernati.

3.

Jekk xi kummissjoni ma taqbilx ma’ xi deċiżjoni meħuda mill-President skont il-paragrafi 1 u 2, din tista’, permezz tal-president tagħha, titlob lill-Bureau sabiex jieħu deċiżjoni.

Artikolu 41 –   Ħatra ta’ relatur ġenerali

1.

F’każ li l-kummissjoni kkonċernata ma tistax tħejji abbozz ta’ opinjoni jew rapport sad-data tal-għeluq stabbilita mill-Kunsill, mill-Kummissjoni jew mill-Parlament Ewropew, il-Bureau jista’ jipproponi li l-Assemblea Plenarja taħtar relatur ġenerali, li għandu jippreżenta direttament lill-Assemblea Plenarja abbozz ta’ opinjoni jew ta’ rapport.

2.

F’każ li data tal-għeluq stabbilita mill-Kunsill, mill-Kummissjoni jew mill-Parlament Ewropew ma tħallix biżżejjed ħin lill-Assemblea Plenarja tal-Kumitat sabiex taħtar relatur ġenerali, ir-relatur ġenerali jista’ jinħatar mill-President u l-Assemblea Plenarja għandha tkun mgħarrfa matul il-laqgħa tagħha segwenti.

3.

Fiż-żewġ każijiet, il-kummissjoni kkonċernata għandha tiltaqa’, fejn ikun possibbli, sabiex isir dibattitu ġenerali esplorattiv dwar is-suġġett tal-opinjoni jew tar-rapport.

Artikolu 42 –   Opinjonijiet u rapporti fuq inizjattiva proprja

1.

It-talbiet għal tħejjija ta’ opinjonijiet jew rapporti fuq inizjattiva proprja jistgħu jintbagħtu lill-Bureau minn tlieta mill-membri tiegħu, minn kummissjoni permezz tal-president tagħha jew minn 32 membru tal-Kumitat. Dawn it-talbiet għandhom jaslu għand il-Bureau, akkumpanjati mir-raġunijiet, flimkien mad-dokumenti l-oħra kollha ta’ diskussjoni skont l-Artikolu 37(4), u fejn ikun possibbli, qabel ma jiġi adottat il-programm ta’ ħidma annwali.

2.

Il-Bureau għandu jiddeċiedi dwar talbiet għal abbozzar ta’ opinjonijiet jew rapporti fuq inizjattiva proprja b’maġġoranza ta’ tliet kwarti tal-voti mitfugħa. L-opinjonijiet jew ir-rapporti għandhom jgħaddu għand il-kummissjoni kompetenti b’konformità mal-Artikolu 40. Il-President jinforma lill-Assemblea Plenarja dwar id-deċiżjonijiet kollha tal-Bureau relatati mal-approvazzjoni u mal-attribuzzjoni tal-opinjonijiet jew tar-rapporti fuq inizjattiva proprja.

3.

Dan l-Artikolu jiġi applikat mutatis mutandis fil-każ ta’ opinjonijiet imfassla skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 39(c).

Artikolu 43 –   Tressiq tar-riżoluzzjonijiet

1.

Jistgħu jitqiegħdu fuq l-aġenda dawk ir-riżoluzzjonijiet li jirreferu għal temi dwar l-oqsma ta’ attività tal-Unjoni Ewropea, li jikkonċernaw tħassib importanti tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u li għandhom natura ta’ attwalità.

2.

Il-proposti ta’ riżoluzzjonijiet jew it-talbiet ta’ tħejjija ta’ riżoluzzjoni għandhom jintbagħtu lill-Kumitat mingħand tal-inqas tnejn u tletin membru, jew minn xi grupp politiku. Il-proposti jew it-talbiet kollha għandhom jiġu ppreżentati lill-Bureau bil-miktub u jindikaw l-isem tal-membri jew tal-grupp politiku li jappoġġjawhom. Għandhom jaslu għand is-Segretarju Ġenerali mhux aktar tard minn tlett ijiem ta’ xogħol qabel il-ftuħ tal-laqgħa tal-Bureau.

3.

Jekk il-Bureau jiddeċiedi li l-Kumitat għandu jiddiskuti xi abbozz jew talba ta’ riżoluzzjoni jista’:

(a)

jdaħħal l-abbozz ta’ riżoluzzjoni fl-abbozz preliminari tal-aġenda tas-sessjoni plenarja b’konformità mal-Artikolu 15(1);

(b)

jaħtar kummissjoni kompetenti sabiex tħejji abbozz ta’ riżoluzzjoni sad-data tal-għeluq stabbilita. Il-kummissjoni kompetenti tħejji abbozz ta’ riżoluzzjoni skont il-proċedura għat-tħejjija ta’ abbozzi ta’ opinjonijiet jew ta’ rapporti. F’dan il-każ ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51;

(c)

b’konformità mat-tieni sentenza tal-Artikolu 15(6), idaħħal abbozz ta’ riżoluzzjoni fl-aġenda tas-sessjoni plenarja segwenti. L-abbozz jiġi eżaminat matul it-tieni jum tas-sessjoni.

4.

Abbozzi ta’ riżoluzzjonijiet li huma marbutin ma’ xi avveniment imprevedibbli li jseħħ wara d-data tal-għeluq stabbilita fil-paragrafu 2 (riżoluzzjonijiet ta’ urġenza) u li jħarsu d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, jistgħu jitressqu fil-bidu tal-laqgħa tal-Bureau. Jekk il-Bureau jiddeċiedi li l-proposta tmiss il-qofol tax-xogħol tal-Kumitat, il-proposta titqies b’konformità mal-paragrafu 3(c). L-emendi għall-abbozzi ta’ riżoluzzjonijiet ta’ urġenza jistgħu jitressqu minn kull membru matul is-sessjoni plenarja.

Artikolu 44 –   Promozzjoni tal-opinjonijiet, rapporti u riżoluzzjonijiet

Il-Bureau huwa responsabbli mill-promozzjoni tal-opinjonijiet, rapporti u riżoluzzjonijiet tal-Kumitat.

KAPITOLU 4

KUMMISSJONIJIET

Artikolu 45 –   Kompożizzjoni u setgħat

1.

Fil-bidu ta’ kull mandat kwinkwennali, l-Assemblea Plenarja tikkostitwixxi kummissjonijiet sabiex jippreparawlha xogħolha. Għandha tiddeċiedi dwar il-kompożizzjoni u s-setgħat tagħhom fuq proposta mill-Bureau.

2.

Il-kompożizzjoni tal-kummissjonijiet għandha tirrifletti r-rappreżentanza tal-Istati Membri fil-Kumitat.

3.

Il-membri tal-Kumitat għandhom jagħmlu parti ta’ mill-inqas kummissjoni waħda iżda mhux aktar minn żewġ kummissjonijiet. Jistgħu jsiru eċċezzjonijiet mill-Bureau għall-membri li jappartjenu għal delegazzjonijiet nazzjonali li n-numru ta’ membri tagħhom ikun anqas min-numru ta’ kummissjonijiet.

Artikolu 46 –   Il-President u l-Viċi Presidenti

1.

Fl-ewwel laqgħa tagħha kull kummissjoni għandha taħtar minn fost il-membri tagħha President, l-ewwel Viċi President u, jekk ikun neċessarju, massimu ta’ żewġ Viċi Presidenti.

2.

Fejn in-numru ta’ kandidati jaqbel man-numru ta’ siġġijiet li jridu jimtlew, il-kandidati jistgħu jiġu eletti b’akklamazzjoni. F’każ kontrarju jew fuq talba ta’ wieħed minn kull sitt membri tal-kummissjoni, il-kandidati jiġu eletti b’votazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32(2) sa (4) li jirregolaw il-proċeduri tal-elezzjoni tal-President u tal-ewwel Viċi President tal-Kumitat.

3.

Jekk membru ma jibqax jagħmel parti mill-Kumitat jew jirriżenja mill-post tiegħu ta’ President jew ta’ Viċi President, il-post battal għandu jimtela skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 47 –   Il-funzjonijiet tal-kummissjonijiet

1.

B’konformità mal-kompetenzi li jiġu attribwiti lilhom mill-Assemblea Plenarja skont l-Artikolu 45, il-kummissjonijiet jiddiskutu politiki tal-Unjoni. Huma għandhom b’mod partikolari jħejju l-verżjonijiet tal-abbozzi tal-opinjonijiet, tar-rapporti u tar-riżoluzzjonijiet li mbagħad jintbagħtu lill-Assemblea Plenarja għal adozzjoni.

2.

Għandhom iħejju l-programmi annwali tagħhom ta’ ħidma skont il-prijoritajiet politiċi tal-Kumitat u jibagħtuhom lill-Bureau għal adozzjoni.

Artikolu 48 –   Konvokazzjoni tal-kummissjonijiet u l-aġenda

1.

Id-data u l-aġenda tal-laqgħa ta’ kummissjoni jiġu ddeterminati mill-President tagħha, bi qbil mal-ewwel Viċi President.

2.

Kummissjoni għandha titlaqqa’ mill-President tagħha. Il-konvokazzjoni għal laqgħa ordinarja flimkien mal-aġenda għandha tasal għand il-membri mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat qabel id-data tal-laqgħa.

3.

Jekk minn tal-inqas kwart mill-membri jagħmlu talba bil-miktub, il-President huwa obbligat li jsejjaħ laqgħa straordinarja tal-kummissjoni, li għandha ssir mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat wara li tintbagħat it-talba. L-aġenda ta’ laqgħa straordinarja għandha titfassal mill-membri li jibagħtu t-talba għal laqgħa bħal din. Għandha tintbagħat lill-membri flimkien mal-konvokazzjoni.

4.

L-abbozzi kollha ta’ opinjonijiet u d-dokumenti l-oħra tad-diskussjoni li jridu jiġu tradotti u jsiru disponibbli qabel xi laqgħa għandhom jintbagħtu lis-Segretarjat tal-kummissjoni kkonċernata mhux aktar tard minn ħames ġimgħat qabel id-data stabbilita għal-laqgħa. Għandhom jintbagħtu lill-membri mhux aktar tard minn għaxart ijiem ta’ xogħol qabel id-data tal-laqgħa bil-posta elettronika. F’każijiet eċċezzjonali, id-dati tal-għeluq imsemmija jistgħu jiġu emendati mill-President.

Artikolu 49 –   Aċċess għall-pubbliku

1.

Il-laqgħat tal-kummissjonijiet huma miftuħin għall-pubbliku, sakemm xi kummissjoni ma tiddeċidix mod ieħor fir-rigward tal-laqgħa kollha jew ta’ xi punt speċifiku fuq l-aġenda tagħha.

2.

Ir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kif ukoll personalitajiet oħrajn, jistgħu jkunu mistiedna sabiex jipparteċipaw fil-laqgħat tal-kummissjonijiet u sabiex iwieġbu għall-mistoqsijiet tal-membri.

Artikolu 50 –   Data tal-għeluq għat-tħejjija tal-opinjonijiet u tar-rapporti

1.

Il-kummissjonijiet jippreżentaw l-abbozzi ta’ opinjoni jew ta’ rapport qabel id-data tal-għeluq prevista fil-kalendarju interistituzzjonali. In-numru ta’ laqgħat għall-analiżi ta’ abbozz ta’ opinjoni jew ta’ rapport m’għandux ikun aktar minn tnejn, mingħajr ma tiġi inkluża l-ewwel laqgħa li fiha jiġi organizzat ix-xogħol.

2.

F’każijiet eċċezzjonali, il-Bureau jista’ jawtorizza laqgħat supplimentari sabiex jiġi analizzat abbozz ta’ opinjoni jew ta’ rapport, jew jista’ jġedded id-data tal-għeluq għall-preżentazzjoni tal-abbozz.

Artikolu 51 –   Kontenut tal-opinjonijiet u tar-rapporti

1.

Opinjoni jew rapport tal-Kumitat tippreżenta l-fehmiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat dwar is-suġġett inkwistjoni, kif ukoll, f’każ ta’ bżonn, proposti konkreti għal modifikazzjoni fid-dokument diskuss.

2.

L-opinjonijiet tal-Kumitat għandhom jagħmlu referenza espliċita għall-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

3.

Dawn l-opinjonijiet u r-rapporti għandhom ukoll, fejn huwa possibbli, jindirizzaw l-effetti mistennija fil-livell tal-amministrazzjoni u fuq il-finanzi reġjonali u lokali.

4.

F’każ ta’ bżonn, għandha titħejja dikjarazzjoni ta’ spjega mir-relatur u m’għandhiex titressaq għall-votazzjoni. Għandha, iżda, taqbel mat-test tal-opinjoni li tressaq għall-vot.

Artikolu 52 –   Segwitu tal-opinjonijiet tal-Kumitat

1.

Matul il-perijodu ta’ wara l-adozzjoni ta’ opinjoni, il-president u r-relatur tal-kummissjoni li tkun ġiet inkarigata mit-tħejjija tal-abbozz ta’ opinjoni għandhom, bl-għajnuna tas-Segretarju Ġenerali, isegwu l-proċedura li fuqha tkun imsejsal-konsultazzjoni tal-Kumitat.

2.

Jekk tħoss li huwa meħtieġ, il-kummissjoni tista’ titlob lill-Bureau jawtorizzaha tħejji abbozz ta’ opinjoni rivedut dwar l-istess suġġett u, jekk jista’ jkun, dan għandu jitħejja mill-istess relatur bil-għan li jiġu kkunsidrati u indirizzati l-iżviluppi tal-proċedura li fuqha tkun imsejsal-konsultazzjoni tal-Kumitat.

3.

Jekk jista’ jkun, il-kummissjoni għandha tiltaqa’ biex tiddiskuti u tadotta l-abbozz ta’ opinjoni rivedut li għandu jiġi ppreżentat fis-sessjoni plenarja li jmiss.

4.

F’każ li l-proċediment tal-proċedura fil-bidu tal-konsultazzjoni tal-Kumitat ma tħallix biżżejjed ħin lill-kummissjoni biex tippreżenta l-fehma tagħha, il-president ta’ din il-kummissjoni għandu jinforma lill-President tal-Kumitat direttament dwar dan sabiex ikun permess ir-rikors għall-proċedura ta’ ħatra ta’ relatur ġenerali kif imsemmi fl-Artikolu 41.

Artikolu 53 –   Rikors minħabba ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà

1.

Il-President tal-Kumitat jew il-kummissjoni inkarigata mit-tħejjija tal-abbozz ta’ opinjoni jistgħu jipproponu li jitressaq rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għall-ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà minn att leġiżlattiv li, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kumitat għandu jiġi kkonsultat dwaru qabel ma jiġi adottat.

2.

Il-kummissjoni tieħu deċiżjoni b’maġġoranza tal-voti mitfugħa, wara verifika minn qabel li jkun intlaħaq il-kworum ta’ preżenza skont l-Artikolu 59(1). Il-proposta tal-kummissjoni għandha tiġi indirizzata għal deċiżjoni lill-Assemblea Plenarja b’konformità mal-Artikolu 13(g) jew lill-Bureau fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 36(j). Il-kummissjoni għandha tagħti raġuni għall-proposta tagħha f’rapport dettaljat li jkun jinkludi, jekk meħtieġ, il-bżonn li tittieħed deċiżjoni minnufih fuq il-bażi tal-Artikolu 36(j).

Artikolu 54 –   Nuqqas li ssir konsultazzjoni obbligatorja mal-Kumitat

1.

Jekk il-Kumitat tar-Reġjuni ma jiġix ikkonsultat fil-każijiet stabbiliti mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-President tal-Kumitat jew waħda mill-kummissjonijiet jistgħu jipproponu lill-Assemblea Plenarja b’konformità mal-Artikolu 13(ġ) jew lill-Bureau fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 36(j), li jitressaq rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

2.

Il-kummissjoni tieħu deċiżjoni b’maġġoranza tal-voti mitfugħa, wara verifika minn qabel li jkun intlaħaq il-kworum ta’ preżenza skont l-Artikolu 59(1). Il-kummissjoni għandha tagħti raġuni għall-proposta tagħha f’rapport dettaljat li jkun jinkludi, jekk meħtieġ, il-bżonn li tittieħed deċiżjoni minnufih fuq il-bażi tal-Artikolu 36(j).

Artikolu 55 –   Rapport dwar l-impatt tal-opinjonijiet

Mill-inqas darba f’sena, is-Segretarjat Ġenerali għandu jressaq quddiem l-Assemblea Plenarja rapport dwar l-impatt tal-opinjonijiet tal-Kumitat fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-kontribuzzjonijiet li tgħaddilu kull kummissjoni kompetenti għal dan il-għan, u tal-informazzjoni miġbura mill-istituzzjonijiet ikkonċernati.

Artikolu 56 –   Relaturi

1.

Kull kummissjoni, fuq proposta tal-President tagħha, għandha tinnomina relatur jew, f’każijiet b’raġuni adatta, żewġ relaturi sabiex ifasslu abbozz ta’ opinjoni jew ta’ rapport.

2.

Fil-ħatra tar-relaturi, kull kummissjoni għandha tiżgura allokazzjoni ġusta u bbilanċjata tal-opinjonijiet u tar-rapporti.

3.

F’każ urġenti, il-president tal-kummissjoni jista’ jirrikorri għal proċedura bil-miktub sabiex jaħtar relatur. Il-president jitlob lill-membri tal-kummissjoni sabiex iressqu, bil-miktub u fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol, kwalunkwe oġġezzjoni għall-ħatra tar-relatur propost. F’każ ta’ oġġezzjoni, il-President u l-ewwel Viċi-President jiddeċiedu bi qbil komuni.

4.

Jekk il-President jew wieħed mill-Viċi Presidenti ta’ kummissjoni jinħatar bħala relatur, huwa għandu, matul l-analiżi tal-abbozz tal-opinjoni jew tar-rapport, jgħaddi l-presidenza tal-laqgħa lil xi Viċi President ieħor jew lill-aktar membru anzjan preżenti.

5.

Meta relatur ma jibqax membru jew sostitut tal-Kumitat, għandu jinħatar relatur ieħor tal-istess grupp politiku fi ħdan il-kummissjoni, jekk ikun hemm bżonn billi tintuża l-proċedura stabbilita fil-paragrafu 3.

Artikolu 57 –   Gruppi ta’ ħidma

1.

F’ċerti sitwazzjonijiet li jesiġu dan, il-kummissjonijiet jistgħu jwaqqfu, bl-approvazzjoni tal-Bureau, gruppi ta’ ħidma. Il-membri tal-gruppi ta’ ħidma jistgħu wkoll jiġu minn kummissjoni oħra.

2.

Membru ta’ grupp ta’ ħidma li ma jistax jattendi laqgħa jista’ jiġi rrappreżentat minn membru jew minn rappreżentant tal-grupp politiku tiegħu li jidher fil-lista ta’ sostituti għal dan il-grupp ta’ ħidma.

3.

Kull grupp ta’ ħidma jista’ jaħtar president u viċi president minn fost il-membri tiegħu.

Artikolu 58 –   Esperti

1.

Il-membri tal-kummissjonijiet jistgħu jiġu megħjuna minn espert.

2.

Kummissjoni tista’ taħtar esperti li jgħinuha f’ħidmietha jew jassistu lill-gruppi ta’ ħidma mwaqqfa minnha. Fuq stedina tal-president, dawn l-esperti jistgħu jipparteċipaw fil-laqgħat tal-kummissjoni jew ta’ wieħed mill-gruppi tagħha ta’ ħidma.

3.

L-esperti tar-relaturi u l-esperti mistiedna mill-kummissjoni biss għandhom id-dritt għar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-indennizzi ta’ kuljum.

Artikolu 59 –   Kworum

1.

Il-kworum ta’ kummissjoni jintlaħaq meta aktar minn nofs il-membri jkunu preżenti.

2.

Il-kworum jiġi verifikat fuq it-talba ta’ membru u bil-kondizzjoni li minn tal-inqas għaxar membri jivvotaw favur din it-talba. Jekk il-verifika tal-kworum ma tintalabx, il-voti kollha għandhom ikunu validi hu kemm hu n-numru ta’ nies preżenti. Jekk jitqies li l-kworum ma ntlaħaqx, il-kummissjoni tista’ tipproċedi għall-analiżi tal-punti li għadhom fuq l-aġenda li ma jeħtiġux vot waqt li tippostponi għal-laqgħa segwenti d-diskussjonijiet u l-votazzjonijiet fuq il-punti tal-aġenda li għadhom sospiżi.

Artikolu 60 –   Votazzjoni

1.

Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’maġġoranza tal-voti mitfugħa. Għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22(2).

2.

Jekk kummissjoni tinterrompi votazzjoni fuq opinjoni, tista’ tiddeċiedi, b’maġġoranza tal-voti mitfugħa, sabiex terġa’ tippreżenta għall-votazzjoni l-emendi li diġà saret votazzjoni fuqhom meta tieħu deċiżjoni fuq it-test kollu.

Artikolu 61 –   Emendi

1.

L-emendi għandhom jintbagħtu lis-Segretarjat tal-kummissjoni mill-inqas sebat ijiem ta’ xogħol qabel id-data tal-laqgħa. F’każijiet eċċezzjonali, id-data ta’ għeluq tista’ tiġi emendata mill-President.

L-emendi tal-kummissjoni jistgħu jitressqu biss mill-membri ta’ din il-kummissjoni, jew mill-membri jew sostituti b’mandat kif dovut skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(2), kif ukoll f’dak li jirrigwarda r-rapport tiegħu mill-membru sostitu mhux b’mandat iżda maħtur bħala relatur.

Id-dritt li jitressqu l-emendi għal laqgħa tal-kummissjoni jista’ jintuża b’mod esklużiv biss minn membru ta’ din il-kummissjoni jew minn membru ieħor jew minn sostitut b’mandat kif dovut. L-emendi debitament imressqa qabel ma membru jew sostitut fi ħdan il-Kumitat ma jibqax tali jew qabel ma tingħata jew tiġi rrevokata delega jibqgħu validi.

L-emendi għandhom jingħataw prijorità fil-proċess tat-traduzzjoni u mbagħad jintbagħtu lir-relatur sabiex ikun jista’ jressaq l-emendi tiegħu quddiem is-segretarjat ġenerali mill-inqas jumejn ta’ xogħol qabel id-data tal-laqgħa. L-emendi tar-relatur għandhom ikunu marbuta ma’ emenda jew għadd ta’ emendi li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1. L-emendi tar-relatur għandhom ikunu disponibbli b’mod elettroniku hekk kif jiġu tradotti u għandha titqassam kopja stampata mill-inqas waqt il-ftuħ tas-sessjoni plenarja.

Jiġu applikati mutatis mutandis id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24(1) u (5).

2.

Il-votazzjonji fuq l-emendi għandha timxi bl-istess ordni tal-punti tal-abbozz ta’ opinjoni jew ta’ rapport li qiegħed jiġi analizzat. Wara dan, it-test sħiħ għandu jgħaddi għall-votazzjoni.

3.

Meta l-opinjoni jew ir-rapport jiġi adottat fil-Kummissjoni għandu jintbagħat mill-President tal-kummissjoni lill-President tal-Kumitat.

Artikolu 62 –   Rinunzja għat-tħejjija ta’ opinjoni jew rapport

Meta l-kummissjoni inkarigata (b’titolu prinċipali, f’każ ta’ bżonn) tqis li xi dokument mibgħut lilha m’għandu ebda interess reġjonali jew lokali, jew mhux ta’ importanza politika, tista’ tiddeċiedi li ma tħejjix opinjoni jew rapport.

Artikolu 63 –   Proċedura bil-miktub

1.

F’ċirkostanzi eċċezzjonali, il-president ta’ kummissjoni jista’ jirrikorri għal proċedura bil-miktub sabiex tiġi adottata deċiżjoni dwar it-tħaddim tal-kummissjoni tiegħu.

2.

Il-president jibgħat il-proposta għal deċiżjoni lill-membri u jitlobhom sabiex iressqu kwalunkwe oġġezzjoni bil-miktub, fi żmien tlett ijiem ta’ ħidma.

3.

Jekk ma ssir l-ebda oġġezzjoni, id-deċiżjoni tiġi adottata.

Artikolu 64 –   Pożizzjoni fil-forma ta’ ittra

1.

Fil-każ ta’ konsultazzjonijiet li għalihom ikun jidher li hu mixtieq li l-Kumitat jirrispondi, iżda li, għal raġunijiet ta’ prijorità u/jew għaliex diġà ġew adottati opinjonijiet rilevanti fil-passat reċenti, ma tkunx meħtieġa opinjoni ġdida, il-kummissjoni inkarigata tista’ tiddeċiedi li ma toħroġx opinjoni. F’dan il-każ, il-Kumitat jista’ jirrispondi lill-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea b’ittra ffirmata mill-President tal-Kumitat.

2.

L-ittra għandha titħejja mill-president tal-kummissjoni responsabbli b’konsultazzjoni mar-relaturi tal-opinjonijiet preċedenti dwar l-istess suġġett.

3.

Jekk iż-żmien ikun jippermetti, l-ittra għandha tiġi ppreżentata għad-diskussjoni fl-ewwel laqgħa disponibbli tal-kummissjoni relevanti, qabel ma tiġi ppreżentata lill-President tal-Kumitat għall-firma.

Artikolu 65 –   Dispożizzjonijiet applikabbli għall-kummissjonijiet

Jiġu applikati mutatis mutandis l-Artikoli 11, 12 (2), 17 (1) sa (3) u 20.

KAPITOLU 5

AMMINISTRAZZJONI TAL-KUMITAT

Artikolu 66 –   Segretarjat Ġenerali

1.

Il-Kumitat huwa assistit minn Segretarjat Ġenerali.

2.

Is-Segretarjat Ġenerali għandu jkun immexxi minn Segretarju Ġenerali.

3.

Il-Bureau, fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali, għandu jorganizza s-Segretarjat Ġenerali b’tali mod li dan tal-aħħar ikun kapaċi li jiżgura t-tħaddim effiċjenti tal-Kumitat u l-korpi kostitwenti tiegħu u jassisti lill-membri tal-Kumitat fil-qadi ta’ dmirijiethom. B’dan il-mod jistabbilixxi s-servizzi li l-amministrazzjoni trid tipprovdi lill-membri, lid-delegazzjonijiet nazzjonali, lill-gruppi politiċi u lill-membri mhux affiljati.

4.

Is-Segretarjat Ġenerali jistabbilixxi l-minuti tal-laqgħat tal-korpi kostitwenti tal-Kumitat.

Artikolu 67 –   Segretarju Ġenerali

1.

Is-Segretarju Ġenerali għandu jkun responsabbli għat-twettiq tad-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Bureau jew mill-President, b’konformità ma’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura u l-qafas legali applikabbli. Huwa għandu jattendi l-laqgħat tal-Bureau bi rwol konsultattiv u għandu jżomm il-minuti ta’ dawn il-laqgħat.

2.

Is-Segretarju Ġenerali għandu jaqdi dmirijietu taħt id-direzzjoni tal-President, li jirrappreżenta ‘l Bureau.

Artikolu 68 –   Impjieg tas-Segretarju Ġenerali

1.

Il-Bureau għandu jimpjega lis-Segretarju Ġenerali b’deċiżjoni li tittieħed mill-maġġoranza ta’ żewġ terzi, u wara li jiġi verifikat il-kworum tal-preżenzi skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 37(2), waqt li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 u tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-ħaddiema l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej.

2.

Is-Segretarju Ġenerali għandu jiġi impjegat għal ħames snin. Id-dispożizzjonijiet partikolari tal-kuntratt ta’ impjieg tiegħu għandhom jiġu stabbiliti mill-Bureau.

Is-Segretarju Ġenerali jista’ jiġi impjegat mill-ġdid għal perijodu wieħed ieħor biss ta’ mhux aktar minn ħames snin.

3.

Is-setgħat li l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-ħaddiema l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej jikkonferixxu lill-awtorità responsabbli sabiex tikkonkludi l-kuntratti ta’ impjieg jiġu eżerċitati, fil-każ tas-Segretarju Ġenerali, mill-Bureau.

Artikolu 69 –   Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej

1.

Is-setgħat li r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jikkonferixxi lill-awtorità li għandha s-setgħat ta’ ħatra għandhom jiġu eżerċitati kif ġej:

għall-uffiċjali fil-Gradi 5 sa 12 tal-grupp ta’ funzjoni AD u għall-uffiċjali fil-grupp ta’ funzjoni AST, mis-Segretarju Ġenerali,

għall-uffiċjali l-oħra, mill-Bureau, li jaġixxi fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali.

2.

Is-setgħat li l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-ħaddiema l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej jinkkonferixxu awtorità responsabbli sabiex tikkonkludi l-kuntratti ta’ impjieg għandhom jiġu eżerċitati kif ġej:

għall-impjegati temporanji fil-Gradi 5 sa 12 tal-grupp ta’ funzjoni AD u għall-impjegati temporanji tal-grupp ta’ funzjoni AST, mis-Segretarju Ġenerali,

għall-impjegati l-oħra temporanji, mill-Bureau, li jaġixxi fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali,

għall-impjegati temporanji fl-uffiċċju privat tal-President jew tal-ewwel Viċi President:

għall-Gradi 5 sa 10 tal-grupp ta’ funzjoni AD u għall-gradi ta’ grupp ta’ funzjoni AST, mis-Segretarju Ġenerali, li jaġixxi fuq proposta tal-President,

għall-gradi l-oħra tal-grupp ta’ funzjoni AD, mill-Bureau, li jaġixxi fuq proposta mill-President.

Il-ħaddiema temporanji impjegati fl-uffiċċju privat tal-President jew tal-ewwel Viċi President għandhom jibqgħu ingaġġati sat-tmiem tal-mandat tal-President jew tal-Viċi President.

għall-ħaddiema b’kuntratt, il-konsulenti speċjali u l-ħaddiema lokali, mis-Segretarju Ġenerali skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-ħaddiema l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 70 –   Bibien magħluqa

Il-Bureau jiltaqa’ bil-bibien magħluqa meta jieħu deċiżjonijiet b’konformità mal-Artikoli 68 u 69.

Artikolu 71 –   Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi

1.

Il-Bureau jistabbilixxi, skont l-Artikolu 36, Kummissjoni Konsultattiva għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi, li tiġi preseduta minn membru tal-Bureau.

2.

Il-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi għandu jkollha l-kompiti li ġejjin:

(a)

diskussjoni u adozzjoni tal-abbozz preliminarju tad-dħul u l-infiq ppreżentat mis-Segretarju Ġenerali, b’konformità mal-Artikolu 72;

(b)

tħejjija tal-abbozzi tal-istruzzjonijiet u tad-deċiżjonijiet tal-Bureau dwar kwistjonijiet finanzjarji, organizzattivi u amministrattivi, inklużi dawk relatati mal-membri u s-sostituti.

3.

Il-president tal-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi jirrappreżenta lill-Kumitat fir-rigward tal-awtoritajiet baġitarji tal-Unjoni.

Artikolu 72 –   Baġit

1.

Il-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi għandha tibgħat lill-Bureau l-abbozzi preliminari tal-infiq u d-dħul tal-Kumitat għas-sena finanzjarja segwenti. Il-Bureau għandu jibgħat dan l-abbozz preliminari lill-assemblea plenarja għall-adozzjoni.

2.

L-Assemblea Plenarja tadotta l-abbozzi preliminari tal-infiq u d-dħul tal-Kumitat u tibgħathom lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew fil-ħin sabiex tiżgura li d-dati tal-għeluq preskritti fir-regolament baġitarju jiġu rispettati.

3.

Il-President tal-Kumitat, wara li jikkonsulta lill-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi, għandu jipproċedi għall-attwazzjoni tar-rendikont tal-infiq u d-dħul, jew jara li jkun attwat, skont ir-regoli finanzjarji interni adottati mill-Bureau. Huwa għandu jaqdi dawn il-funzjonijiet skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

*

*           *

TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET OĦRA

KAPITOLU 1

KOOPERAZZJONI MA’ ISTITUZZJONIJIET OĦRA

Artikolu 73 –   Ftehim ta’ kooperazzjoni

Fil-qafas tal-kompetenzi tal-Kumitat, il-Bureau jista’ jikkonkludi, fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali, ftehim ma’ organizzazzjonijiet u korpi oħra.

Artikolu 74 –   Trażmissjoni u pubblikazzjoni tal-opinjonijiet, tar-rapporti u tar-riżoluzzjonijiet

1.

L-opinjonijiet u r-rapporti tal-Kumitat, kif ukoll il-komunikazzjonijiet relatati mal-applikazzjoni ta’ proċedura ssemplifikata skont l-Artikolu 26 jew mar-rinunċja tat-tħejjija ta’ opinjoni jew ta’ rapport skont l-Artikolu 62, għandhom ikunu indirizzati lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Parlament Ewropew. Bħalma jiġri fil-każ tar-riżoluzzjonijiet, għandhom jintbagħtu mill-President.

2.

L-opinjonijiet, ir-rapporti u r-riżoluzzjonijiet huma ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

KAPITOLU 2

AĊĊESS GĦALL-PUBBLIKU U TRASPARENZA

Artikolu 75 –   Aċċess għad-dokumenti mill-pubbliku

1.

Kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika residenti jew stabbilita fi Stat Membru, għandha dritt għal aċċess għad-dokumenti tal-Kumitat, b’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iżda b’riserva skont il-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u b’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Bureau tal-Kumitat. L-aċċess għad-dokumenti tal-Kumitat għandu jingħata, fejn possibbli, bl-istess mod lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi l-oħra.

2.

Il-Kumitat għandu jistabbilixxi reġistru tad-dokumenti tiegħu. Għal dan il-għan, il-Bureau jadotta r-regoli interni dwar l-aċċess u jagħmel lista ta’ dokumenti li huma direttament aċċessibbli.

KAPITOLU 3

L-UŻU TAL-ILSNA

Artikolu 76 –   Sistema lingwistika tal-interpretazzjoni

Sakemm ikun possibbli, jiġu implimentati l-mezzi li jiffaċilitaw it-twettiq tal-prinċipji li ġejjin fir-rigward tas-sistema lingwistika tal-interpretazzjoni:

(a)

Id-dibattiti tal-Kumitat għandhom ikunu disponibbli bl-ilsna uffiċjali, sakemm il-Bureau ma jiddeċidix mod ieħor.

(b)

Kull membru għandu d-dritt jesprimi ruħu quddiem is-sessjoni plenarja bl-ilsien uffiċjali li jagħżel hu. Kull intervent li jsir b’ilsien uffiċjali jinqaleb simultanjament għall-ilsna uffiċjali l-oħra u għal kwalunkwe ilsien ieħor jekk il-Bureau jaħseb li hemm bżonn.

(c)

Fil-każ tal-laqgħat tal-Bureau, tal-kummissjonijiet, u tal-gruppi ta’ ħidma, l-interpretazzjoni hija disponibbli bl-ilsna u mill-ilsna li jintużaw mill-membri li jkunu kkonfermaw l-attendenza tagħhom għal-laqgħa kkonċernata.

KAPITOLU 4

DISPOŻIZZJONIJIET RELATATI MAR-REGOLI TA’ PROĊEDURA

Artikolu 77 –   Reviżjoni tar-Regoli ta’ Proċedura

1.

L-Assemblea Plenarja għandha tiddeċiedi b’maġġoranza tal-membri tagħha jekk hemmx ħtieġa li tirrivedi dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, parzjalment jew fl-intier tagħhom.

2.

Għandha tinnomina kummissjoni ad hoc li tkun responsabbli għat-tħejjija ta’ rapport u ta’ abbozz ta’ test li fuq il-bażi tiegħu tipproċedi għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda b’maġġoranza tal-membri tagħha. Id-dispożizzjonijiet il-ġodda għandhom jidħlu fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 78 –   Istruzzjonijiet tal-Bureau

Il-Bureau jista’ jistabbilixxi permezz ta’ struzzjonijiet id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, filwaqt li jitħarsu dawn tal-aħħar.

Artikolu 79 –   Dħul fis-seħħ tar-Regoli ta’ Proċedura

Dawn ir-Regoli ta’ Proċedura għandhom jidħlu fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.


Top