EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0669

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 669/2009 tal- 24 ta’ Lulju 2009 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żieda fil-livell tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fuq l-importazzjoni ta’ ċertu għalf u ikel ta’ oriġini mhux mill-annimali u li jemenda d-Deċiżjoni 2006/504/KE (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 194, 25.7.2009, p. 11–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 037 P. 65 - 75

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/12/2019; Imħassar b' 32019R1793

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/669/oj

25.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 194/11


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 669/2009

tal-24 ta’ Lulju 2009

li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żieda fil-livell tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fuq l-importazzjoni ta’ ċertu għalf u ikel ta’ oriġini mhux mill-annimali u li jemenda d-Deċiżjoni 2006/504/KE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (1), u partikolarment l-Artikolu 15(5) u l-Artikolu 63(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (2), u partikolarment l-Artikolu 53(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistabbilixxi qafas armonizzat ta’ regoli ġenerali għall-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali fuq livell Kommunitarju, li jinkludi l-kontrolli uffiċjali fuq id-dħul tal-ikel u l-għalf ġejjin minn pajjiżi terzi. Barra minn hekk jistipula li għandha tiġi kkompilata lista tal-ikel u l-għalf ta’ oriġini mhux mill-annimali, li għandhom ikunu soġġetti għal livell ogħla ta’ kontrolli uffiċjali fuq bażi ta’ riskju magħruf jew riskju li jkun qed jitfaċċa, fil-punt tad-dħul fit-territorji msemmija fl-Anness I tiegħu (“il-lista”). Dan il-livell ogħla ta’ kontroll għandu jippermetti, min-naħa waħda, li r-riskju magħruf jew dak emerġenti jkun ikkontrollat b’iżjed effiċjenza, u min-naħa l-oħra, il-ġbir ta’ dejta preċiża ta’ sorveljanza biex jiġu osservati l-okkorrenza u l-prevalenza tar-riżultati sfavorevoli li joħorġu mill-analiżi tal-laboratorju.

(2)

Biex tiġi kkompilata din il-lista, iridu jkunu kkunsidrati ċerti kriterji, li jippermettu li jiġu identifikati r-riskji magħrufin jew emerġenti relatati ma’ xi ikel jew għalf speċifiku ta’ oriġini mhux mill-annimali.

(3)

Sakemm jiġu adottati metodoloġija u kriterji standardizzati għal-kompilazzjoni tal-lista, għandhom jiġu kkunsidrati, għall-għanijiet tal-kompilazzjoni u l-aġġornament tagħha, d-dejta li toħroġ min-notifikazzjonijiet li jintbagħtu bis-sistema ta’ twissija f’waqtha dwar l-għalf u l-ikel (RASFF), kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 178/2002; ir-rapporti tal-Uffiċċju Veterinarju u tal-Ikel; ir-rapporti mingħand il-pajjiżi terzi; l-iskambji tal-informazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; u l-evalwazzjonijiet xjentifiċi.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistipula li, għall-organizzazzjoni tal-livell ogħla ta’ kontrolli, l-Istati Membri għandhom jinnominaw punti partikolari ta’ dħul fit-territorji tagħhom li jkollhom aċċess għal faċilitajiet ta’ kontroll xierqa għat-tipi differenti tal-għalf u tal-ikel. Għaldaqstant huwa xieraq li jiġu stipulati fir-Regolament preżenti r-rekwiżiti minimi għall-punti tad-dħul magħżulin biex ikun żgurat livell ta’ uniformità fl-effikaċja tal-kontrolli.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistipula li, għall-organizzazzjoni tal-livell ogħla ta’ kontrolli, l-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-operaturi tal-kummerċ tal-għalf u tal-ikel responsabbli għall-kunsenji jagħtu notifikazzjoni minn qabel talwasla u n-natura ta’ dawn il-konsenji. Għaldaqstant, biex jiġi żgurat approċċ uniformi fil-Komunità kollha, għandu jiġi stipulat mudell ta’ dokument komuni tad-dħul (DKD) għall-kull importazzjoni tal-għalf u tal-ikel ta’ oriġini mhux mill-annimali li hi koperta mir-Regolament preżenti. Id-DKD għandu jkun disponibbli għall-awtoritajiet tad-dwana fil-ħin li jiġu ddikjarati l-konsenji għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni libera.

(6)

Barra minn hekk, biex jiġi żgurat ċertu livell ta’ uniformità fuq livell Komunitarju fir-rigward tal-kontrolli uffiċjali ta’ livell ogħla, huwa xieraq li jiġi stipulat f’dan ir-Regolament li fost il-kontrolli uffiċjali għandhom isiru l-kontrolli fuq id-dokumenti, il-kontrolli dwar l-identità u l-kontrolli fiżiċi.

(7)

Iridu jkunu disponibbli riżorsi finanzjarji xierqa biex jiġu organizzati dawn il-livelli ogħla ta’ kontrolli uffiċjali. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jiġbru l-miżati li jeħtieġu biex ikopru l-ispejjes ta’ dawn il-kontrolli. Il-kalkolu ta’ dawn il-miżati għandu jsir skont il-kriterji stipulati fl-Anness VI għar-Regolament (KE) Nru 882/2004.

(8)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/402/KE tat-23 ta’ Mejju 2005 dwar il-miżuri ta’ emerġenza fir-rigward tal-bżar aħmar, il-prodotti tal-bżar aħmar; il-kurkuma u ż-żejt tal-palm (3) tistipula li l-konsenji kollha ta’ dawn il-prodotti għandu jkollhom magħhom rapport analitiku li juri li l-prodott ma fih l-ebda wieħed minn dawn is-sustanzi li ġejjin: Sudan I (Nru CAS 842-07-9), Sudan II (Nru CAS 3118-97-6), Sudan III (Nru CAS 85-86-9) jew Sudan IV (85-83-6). Minn meta ġew adottati dawn il-miżuri, naqqset l-inċidenza ta’ notifikazzjonijiet lill-RASFF li juri titjib sinifikanti fis-sitwazzjoni fir-rigward tal-preżenza taż-żebgħat tas-Sudan fil-prodotti rilevanti. Għalhekk huwa xieraq li jintemm ir-rekwiżit li għandu jkun megħmuż rapport analitiku ma’ kull konsenja ta’ prodotti importati li hu stipulat fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/402/KE u li minfloku jitwaqqaf livell ogħla ta’ kontrolli uniformi fuq dawn il-konsenji fil-punt tad-dħul fil-Komunità. Id-Deċiżjoni 2005/402/KE hija rrevokata.

(9)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/504/KE tat-12 ta’ Lulju 2006 dwar kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw ċerti oġġetti tal-ikel impurtati minn ċerti pajjiżi terzi minħabba r-riskji ta’ kontaminazzjoni ta’ dawn il-prodotti mill-aflatossini (4), tistipula li għandhom isiru kontrolli iżjed spissi (50 % tal-konsenji kollha) biex ifittxu għall-preżenza tal-aflatossini fil-karawett li jkun ġej mill-Brażil. Kemm ilhom li ġew adottati dawn il-miżuri, naqqset l-inċidenza tan-notifikazzjonijiet lill-RASFF dwar l-aflatossini fil-karawett li jkun ġej mill-Brażil. Għalhekk hu xieraq li jintemmu l-miżuri stipulati fid-Deċiżjoni 2006/504 fir-rigward ta’ dawn il-prodotti, li għandhom minflok jiġu suġġetti għal livelli ogħla ta’ kontrolli uniformi fil-punt tad-dħul fil-Komunità. Id-Deċiżjoni 2006/504/KE għandha tiġi emendata skont dan.

(10)

L-applikazzjoni tar-rekwiżiti minimi għall-punti tad-dħul magħżula tista’ toħloq diffikultajiet prattiċi għall-Istati Membri. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jistipula żmien ta’ tranżizzjoni li matulu jistgħu jiġu implimentati dawn ir-rekwiżiti ftit ftit. Skont dan, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandu jkollhom il-fakultà waqt dan il-perjodu ta’ tranżizzjoni li jwettqu l-kontrolli fiżiċi u l-kontrolli tal-identità f’punti tal-kontroll li mhumiex il-punt tad-dħul magħżul. F’dawn il-każi, dawn il-punti ta’ kontroll iridu jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi għall-punti tad-dħul magħżulin li huma stipulati f’dan ir-Regolament.

(11)

Il-miżuri li hemm f’dan ir-Regolament huma fi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-Suġġett

Dan ir-Regolament jistipula r-regoli fir-rigward tal-livell ogħla ta’ kontrolli uffiċjali li jridu jitwettqu skont l-Artikolu 15(5) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 fil-punti tad-dħul fit-territorji msemmijin fl-Anness I tiegħu, dwar l-importazzjoni tal-għalf u tal-ikel ta’ oriġini mhux mill-annimali li huma elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Aġġornament tal-Anness I

Biex il-lista tal-Anness I tiġi kkompilata u emendata regolarment, irid jiġi kkunsidrat mill-inqas wieħed minn dwan is-sorsi ta’ tagħrif:

(a)

id-dejta li tirriżulta min-notifiki li jaslu permezz tal-RASFF;

(b)

rapporti u informazzjoni li joħorġu mill-attivitajiet tal-Uffiċċju Veterinarju u tal-Ikel;

(c)

rapporti u informazzjoni mibgħuta minn pajjiżi terzi;

(d)

informazzjoni li titpartat bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurtà fl-Ikel;

(e)

fejn hu xieraq, valutazzjonijiet xjentifiċi.

Il-lista tal-Anness I għandha tiġi rriveduta regolarment, u mill-inqas kull tliet xhur.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

“dokument komuni tad-dħul (DKD)” ifisser dak id-dokument li għandu jimtela mill-operatur tal-kummerċ tal-għalf u tal-ikel jew mir-rappreżentant tiegħu/tagħha kif stipulat fl-Artikolu 6, li tiegħu hemm mudell fl-Anness II, u mill-awtorità kompetenti li tikkonferma li tlestew il-kontrolli uffiċjali;

(b)

“il-punt tad-dħul magħżul (PDM)” ifisser il-punt tad-dħul stipulat fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, f’wieħed mit-territorji msemmijin fl-Anness I tiegħu; fil-każi ta’ konsenji li jaslu bil-baħar, li jitħattew bl-għan li jitgħabbew fuq vapur ieħor biex immorru f’port ieħor fi Stat Membru ieħor, il-punt tad-dħul magħżul ikun l-aħħar port;

(c)

‘konsenja’ tfisser kwantità ta’ kwalunkwe wieħed mill-prodotti tal-għalf jew tal-ikel ta’ oriġini mhux mill-annimali li huma elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, tal-istess klassi jew deskrizzjoni, inkluża fl-istess dokument(i), mibgħuta bl-istess mezz tat-trasport u li toriġina mill-istess pajjiż terz jew parti mill-pajjiż.

Artikolu 4

Rekwiżiti minimi għall-punti tad-dħul magħżulin

Bla ħsara għall-Artikolu 19, il-punti tad-dħul magħżulin għandu jkollhom għad-dispożizzjoni mill-inqas dawn li ġejjin:

(a)

numru biżżejjed ta’ impjegati li għandhom il-kwalifiki xierqa u l-esperjenza biex iwettqu l-kontrolli preskritti fuq il-konsenji;

(b)

faċilitajiet xierqa biex l-awtorità kompetenti tkun tista’ tagħmel il-kontrolli meħtieġa;

(c)

istruzzjonijiet dettaljati dwar it-teħid tal-kampjuni għall-analiżi u dwar kif il-kampjuni jintbagħtu għall-analiżi fil-laboratorju magħżul skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 (“il-laboratorju magħżul”);

(d)

faċilitajiet fejn il-konsenji (u l-konsejni fil-kontejners) jiġu maħżunin f’kundizzjonijiet xierqa waqt iż-żmien tad-detenzjoni, fejn xieraq, sakemm jistennew ir-riżultati tal-analiżi msemmija fil-punt (c), u numru biżżejjed ta’ kmamar għall-ħażna li jinkludu l-imħażen tal-friża, għall-każi fejn il-konsenja jkollha bżonn tinżamm f’ temperaturi kkontrollati;

(e)

tagħmir għall-ħatt u l-istrumenti meħtieġa biex jittieħdu l-kampjuni għall-analiżi;

(f)

il-faċilitajiet biex, fejn hemm bżonn, il-ħatt u t-teħid tal-kampjuni għall-analiżi jsiru f’post kenni;

(g)

laboratorju magħżul fejn issir l-analiżi msemmija fil-punt (c), f’post fejn il-kampjuni jkunu jistgħu jitwasslu f’qasir żmien.

Artikolu 5

Lista tal-punti tad-dħul magħżulin

L-Istati Membri għandhom iżommu fuq l-Internet, miftuħa għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, lista aġġornata tal-punti tad-dħul magħżulin għal kull wieħed mill-prodotti elenkati fl-Anness I. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-indirizzi tal-Internet ta’ dawn il-listi lill-Kummissjoni.

Fuq is-sit tal-Internet tagħha, il-Kummissjoni għandha turi l-ħoloq elettroniċi nazzjonali li jwasslu għal dawn il-listi, għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Artikolu 6

Twissija bil-quddiem tal-wasla tal-konsenji

L-operaturi tal-kummerċ tal-għalf u tal-ikel jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom javżaw bil-quddiem id-data u l-ħin tal-wasla mistennija tal-konsenja fil-punt tad-dħul magħżul u dwar in-natura tal-konsenja.

Għal dan il-għan iridu jimlew il-Parti I tad-dokument tad-dħul komuni u jibagħtu d-dokument lill-awtorità kompetenti fil-punt tad-dħul magħżul, mill-inqas ġurnata waħda tax-xogħol qabel ma tasal il-konsenja.

Artikolu 7

Il-Lingwa tad-dokumenti komuni tad-dħul

Id-dokumenti komuni tad-dħul għandhom jinkitbu fil-lingwa uffiċjali, jew f’waħda mill-lingwi uffiċjali, tal-Istat Membru fejn jinstab il-punt tad-dħul magħżul.

Madankollu, Stat Membru jista’ jaċċetta li d-dokumenti komuni tad-dħul ikunu miktubin b’lingwa uffiċjali oħra tal-Komunità.

Artikolu 8

Livelli ogħla tal-kontrolli uffiċjali fil-punti tad-dħul magħżulin

1.   L-awtorità kompetenti fil-punt tad-dħul magħżul għandha, mingħajr dawmien żejjed, tagħmel dan li ġej:

(a)

kontrolli tad-dokumentazzjoni ta’ kull konsenja fi żmien żewġt iġranet tax-xogħol minn meta jaslu fil-PDM, sakemm ma jinħolqux xi ċirkostanzi inevitabbli u eċċezzjonali.

(b)

kontrolli fiżiċi u tal-identità, li jinkludu l-analiżi fil-laboratorju, bil-frekwenza stipulata fl-Anness I u b’mod li l-operaturi tal-kummerċ tal-għalf u tal-ikel jew ir-rappreżentanti tagħhom ma jkunux jistgħu ibassru jekk xi konsenja hijiex se tiġi kkontrollata jew le; ir-riżultati tal-kontrolli fiżiċi jeħtieġ li jkunu disponibbli kemm jista’ jkun malajr teknikament.

2.   Wara li jintemmu l-kontrolli stipulati fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha:

(a)

timla l-parti rilevanti tal-Parti II tad-dokument komuni tad-dħul; u l-uffiċjal risponsabbli tal-awtorità kompetenti għandu jittimbra u jiffirma l-oriġinal tad-dokument;

(b)

tagħmel u żżomm kopja tad-dokument komuni tad-dħul iffirmat u ttimbrat.

Il-kopja oriġinali tad-dokument komuni tad-dħul trid tmur mal-konsenja tul il-vjaġġ tagħha sakemm tasal fid-destinazzjoni msemmija fid-DKD.

L-awtorità kompetenti fil-PDM tista’ tawtorizza li l-konsenja tkompli fi triqitha sakemm joħorġu r-riżultati tal-kontrolli fiżiċi. Fejn tingħata l-awtorizzazzjoni, l-awtorità kompetenti fil-PDM għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti fil-punt tad-destinazzjoni u għandhom isiru l-arranġamenti xierqa biex ikun żgurat li l-konsenja tibqa’ taħt il-kontroll kontinwu tal-awtoritajiet kompetenti u li ma tkunx tista’ titbagħbas bl-ebda mod sakemm joħorġu r-riżultati tal-kontrolli fiżiċi.

F’każijiet fejn il-konsenja tkun ittrasportata qabel ma jkunu jistgħu jinħarġu r-riżultati tal-kontrolli fiżiċi, għandha tinħareġ kopja ċċertifikata tad-DKD oriġinali għal dan l-għan.

Artikolu 9

Ċirkostanzi Partikolari

1.   Fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza li l-awtoritajiet kompetenti ta’ ċerti punti tad-dħul magħżula li jridu jaħdmu f’sitwazzjonijiet diffiċli għal raġunijiet ġeografiċi, ikunu jistgħu jagħmlu l-kontrolli fiżiċi fl-istabbiliment ta’ operatur tal-kummerċ tal-għalf u tal-ikel, sakemm jintlaħqu dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-effiċjenza tal-kontrolli li jitwettqu fil-PDM ma tkunx affettwata ħażin;

(b)

l-istabbiliment jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 4 skont ir-rilevanza u li huwa approvat għal dan l-għan mill-Istat Membru;

(c)

ikun hemm arranġamenti xierqa li jiggarantixxu li l-konsenja, mill-mument li tasal, tibqa’ l-ħin kollu taħt il-kontroll kontinwu tal-awtoritajiet kompetenti tal-PDM u li ma tistax tiġi mbagħbsa bl-ebda mod tul iż-żmien tal-kontrolli kollha.

2.   B’deroga mill-Artikolu 8(1), f’ċirkostanzi eċċezzjonali, id-deċiżjoni li prodott ġdid ikun elenkat fl-Anness I tista’ tistipula li l-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni tal-konsenja tkun tista’ tagħmel il-kontrolli fiżiċi, kif indikat fid-DKD fuq il-post tal-istabbiliment tal-operatur tal-kummerċ tal-għalf u tal-ikel jekk ikun xieraq u jekk jintlaħqu l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 (b) u (c), sakemm jintlaħqu dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

jekk, meta jsiru t-testijiet ta’ kampjuni fil-PDM ikun hemm riskju kbir li l-ikel jiġi kkontaminat jew li l-prodott ikun imħassar b’mod inaċċettabbli minħabba li l-prodott jitħassar malajr jew minħabba li l-pakketti jkunu ta’ ċerta kwalità;

(b)

isiru arranġamenti xierqa mill-awtoritajiet kompetenti fil-PDM u l-awtoritajiet kompetenti li jagħmlu l-kontrolli fiżiċi biex jaċċertaw li:

(i)

il-konsenja ma tistax tiġi mbagħbsa bl-ebda mod waqt il-kontrolli kollha;

(ii)

jiġu sodisfatti r-rekwiżiti kollha ta’ rappurtar stipulati fl-Artikolu 15.

Artikolu 10

Ir-Rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera

Ladarba, fejn hu meħtieġ li jsiru l-kontrolli, dawn ikunu saru kollha b’konformità mal-Artikolu 8(1) u r-riżultati tal-kontrolli fiżiċi jkunu magħrufa u jkunu pożittivi, ir-rilaxx tal-konsenja għaċ-ċirkolazzjoni libera jkun suġġett għall-preżentazzjoni ta’ dokument komuni tad-dħul jew l-ekwivalent tiegħu elettroniku, minn għand l-operatur tal-kummerċ tal-għalf u tal-ikel jew mir-rappreżentant tiegħu, lill-awtoritajiet tad-dwana, mimli, kif meħtieġ, mill-awtorità kompetenti.

Artikolu 11

L-Obbligi tal-operaturi tal-kummerċ tal-għalf u tal-ikel

F’każi fejn il-karatteristiċi speċjali tal-konsenja jitolbu din il-ħtieġa, l-operatur tal-kummerċ tal-għalf u tal-ikel jew rappreżentant tiegħu, għandu jpoġġi għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti:

(a)

ir-riżorsi umani u l-loġistika biex il-konsenja tinħatt biex ikunu jistgħu jsiru l-kontrolli uffiċjali;

(b)

it-tagħmir xieraq għat-teħid tal-kampjuni għall-analiżi fejn jirrigwarda t-trasport speċjali u/jew formoli tal-ippakkjar speċifiċi, meta dan it-teħid ta’ kampjuni ma jkunx jista’ jsir b’mod ġenerali bit-tagħmir standardizzat.

Artikolu 12

It-taqsim tal-konsenji

Il-konsenji m’ għandhomx jinqasmu qabel ma jkunu saru l-kontrolli uffiċjali fuq livell ogħla, u jkun imtela d-dokument komuni tad-dħul mill-awtorità kompetenti kif stipulat fl-Artikolu 8.

Fil-każ li wara dan il-konsenja tinqasam, kopja awtentika tad-dokument komuni tad-dħul trid tintbaghat ma’ kull parti tal-konsenja sakemm dawn jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera.

Artikolu 13

Nuqqas ta’ konformità

Jekk il-kontrolli uffiċjali jistabbilixxu li hemm nuqqas ta’ konformità, l-uffiċjal risponsabbli tal-awtorità kompetenti għandu jimla l-Parti III tad-dokument komuni tad-dħul u għandha tittieħed azzjoni skont l-Artikoli 19, 20 u 21 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.

Artikolu 14

Miżati

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-ġbir tal-miżati li jirriżultaw minħabba l-livell ogħla ta’ kontrolli uffiċjali stipulat f’dan ir-Regolament skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, u l-kriterji stipulati fl-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.

2.   Il-miżati msemmijin fil-paragrafu 1 iridu jitħallsu mill-operaturi tal-kummerċ tal-għalf u tal-ikel li huma risponsabbli għall-konsenja, jew mir-rappreżentanti tagħhom.

Artikolu 15

Rapporti lill-Kummissjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport dwar il-konsenji lill-Kummissjoni bi skop li ssir evalwazzjoni kontinwa tal-għalf u tal-ikel ta’ oriġini mhux mill-annimali elenkati fl-Anness I.

Dan ir-rapport għandu jitressaq kull tliet xhur sal-aħħar tax-xaħar ta’ wara t-tliet xhur li jkunu għaddew.

2.   Ir-rapport għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

id-dettalji ta’ kull konsenja, li jinkludu:

(i)

id-daqs fir-rigward tal-piż nett tal-konsenja;

(ii)

isem il-pajjiż tal-oriġini ta’ kull konsenja;

(b)

in-numru ta’ konsenji li minnhom ittieħdu l-kampjuni għall-analiżi;

(c)

ir-riżultati tal-kontrolli kif stipulat fl-Artikolu 8(1);

3.   Il-Kummissjoni għandha tiġbor ir-rapporti li tirċievi skont il-paragrafu 2 u tpoġġihom għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

Artikolu 16

Emenda għad-Deċiżjoni 2006/504/KE

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/504/KE hija emendata skont dan li ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, is-subparagrafi (a) (iii), (iv) u (v) għandhom jitħassru,

(2)

fl-Artikolu 5, l-paragrafu 2 (a) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

kull konsenja ta’ ħwejjeġ tal-ikel mill-Brażil”,

(3)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 3 huwa mħassar.

Artikolu 17

Revoka tad-Deċiżjoni 2005/402/KE

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/402/KE hija rrevokata.

Artikolu 18

Applikabilità

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-25 ta’ Jannar 2010.

Artikolu 19

Miżuri Tranżizzjonali

1.   Għal perjodu ta’ ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jekk punt tad-dħul magħżul ma jkollux il-faċilitajiet meħtieġa biex isiru l-kontrolli fiżiċi qabel ma jkun iddikjarat li l-prodotti jistgħu jinħelsu għaċ-ċirkolazzjoni libera, kif stipulat fl-Artikolu 8(1)(b), dawn il-kontrolli jistgħu jsiru f’punt tad-dħul ieħor fl-istess Stat Membru, li jkun awtorizzat għal dan mill-awtorità kompetenti, sakemm dan il-punt tad-dħul jissodisfa r-rekwiżiti minimi stipulati fl-Artikolu 4.

2.   L-Istati Membri għandhom ipoġġu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, permess ta’ pubblikazzjoni fuq is-sit tal-Internet tagħhom, lista tal-punti tal-kontroll magħżulin awtoriżżati skont l-ewwel paragrafu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 135, 28.5.2005, p. 34.

(4)  ĠU L 199, 21.7.2006, p. 21.


ANNESS I

A.   Għalf u ikel ta’ oriġini mhux mill-annimali li huma soġġetti għal livell ogħla ta’ kontrolli uffiċjali fil-punt tad-dħul magħżul

Għalf u Ikel

(l-użu maħsub)

Kodiċi NM

Pajjiż tal-oriġini

Riskju

Frekwenza ta’ kontrolli fuq l-identità u kontrolli fiżiċi (1)

(%)

Ġwież tal-art (karawett) u prodotti dderivati (għalf u ikel)

1202 10 90 ; 1202 20 00 ; 2008 11 ;

l-Arġentina

Aflatossini

10

Ġwież tal-art (karawett) u prodotti dderivati (għalf u ikel)

1202 10 90 ; 1202 20 00 ; 2008 11 ;

il-Brażil

Aflatossini

50

Traċċi ta’ sustanzi (għalf u ikel (2)  (3)

2817 00 00 ; 2820 ; 2821 ; 2825 50 00 ; 2833 25 00 ; 2833 29 20 ; 2833 29 80 ; 2836 99 ;

iċ-Ċina

Kadmju u ċomb

50

Ġwież tal-art (karawett) u prodotti dderivati (għalf u ikel), partikolarment il-pejst tal-karawett (ikel)

1202 10 ; 1202 20 00 ; 2008 11 ;

il-Gana

Aflatossini

50

Ħwawar (ikel)

Bżar aħmar (il-frott niexef tiegħu, sħiħ jew mitħun, inkluż il-bżar aħmar jaħraq, it-trab tiegħu, il-kajenn u l-paprika)

Myristica fragrans (noċemuskata)

Zingiber officinale (ġinġer)

Curcuma longa (żagħfran tal-Indja)

0904 20 ; 0908 10 00 ; 0908 20 00 ; 0910 10 00 ; 0910 30 00 ;

l-Indja

Aflatossini

50

Ġwież tal-art (karawett) u prodotti dderivati (għalf u ikel)

1202 10 90 ; 1202 20 00 ; 2008 11

l-Indja

Aflatossini

10

Żerriegħa tal-bettieħ (egusi) u prodotti dderivati (4) (ikel)

ex 1207 99

in-Niġerja

Aflatossini

50

Frott tad-dielja mnixxef (ikel)

0806 20

l-Użbekistan

Okratossin A

50

Bżar aħmar jaħraq, il-prodotti tiegħu, żagħfran tal-Indja u żejt tal-palm

0904 20 90 ; 0910 99 60 ; 0910 30 00 ; 1511 10 90

Il-pajjiżi terzi kollha

Żebgħat tas-Sudan

20

Ġwież tal-art (karawett) u prodotti dderivati (għalf u ikel)

1202 10 90 ; 1202 20 00 ; 2008 11

il-Vjetnam

Aflatossini

10

Ross Basmati għall-konsum dirett mill-bniedem (ikel)

ex 1006 30

il-Pakistan

Aflatossini

50

Ross Basmati għall-konsum dirett mill-bniedem (ikel)

ex 1006 30

l-Indja

Aflatossini

10

Mangu, fażola twila jarda (Vigna sesquipedalis), bettieħ morr (Momordica charantia), Lawki (Qargħa)(Lagenaria siceraria), bżar u brinġiel (ikel)

ex 0804 50 00 ; 0708 20 00 ; 0807 11 00 ; 0707 00 ; 0709 60 ; 0709 30 00

ir-Repubblika Dominikana

Reżidwi tal pestiċidi analizzati permess ta’ metodi Multiresidue bbażati fuq CG-MS u LC-MS (*)

50

Banana

0803 00 11

ir-Repubblika Dominikana

Reżidwi tal pestiċidi analizzati permess ta’ metodi Multiresidue bbażati fuq CG-MS u LC-MS (*)

10

Ħxejjex, friski, imkesħin jew iffriżati (bżari, qarabagħli u tadam)

0709 60 ; 0709 90 70 ; 0702 00 00

it-Turkija

Pestiċidi: methomyl u oxamyl

10

Lanġas

0808 20 10

it-Turkija

Pestiċidi: amitraz

10

Ħxejjex, friski, imkesħin jew iffriżati (ikel)

fażola twila jarda (Vigna sesquipedalis)

brinġiel

Ħxejjex brassica

0708 20 00 ; 0709 30 00 ; 0704 ;

it-Tajlandja

Reżidwi ta’ pestiċidi organo fosfru

50

B.   Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ dan l-Anness, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“bżar aħmar” ifisser il-frott tal-ġeneru Capsicum imnixxef u mfarrak jew mitħun li jaqa’ taħt il-Kodiċi NM 0904 20 90, fi kwalunkwe forma jekk hu maħsub għall-konsum mill-bniedem;

(b)

“il-prodotti tal-bżar aħmar” ifisser trab tal-kari li jaqa’ taħt il-Kodiċi NM 0910 99 60, fi kwalunkwe forma jekk hu maħsub għall-konsum mill-bniedem;

(ċ)

“il-kurkuma”, jfisser żagħfran tal-Indja mnixxef u mfarrak jew mitħun li jaqa’ taħt il-Kodiċi NM 0910 30 00, fi kwalunkwe forma jekk hu maħsub għall-konsum mill-bniedem;

(d)

“iż-żejt tal-palm”, ifisser iż-żejt tal-palm li jaqa’ taħt il-Kodiċi NM 1511 10 90 li hu maħsub għall-konsum mill-bniedem;

(e)

“iż-żebgħat tas-Sudan” jirreferi għas-sustanzi kimiċi li ġejjin:

(i)

Sudan I (Numru CAS 842-07-9);

(ii)

Sudan II (Numru CAS 3118-97-6);

(iii)

Sudan III (Numru CAS 85-86-9);

(iv)

Aħmar Skarlat; jew Sudan IV (Numru CAS 85-83-6).


(*)  partikolarment reżidwi ta’: Amitraz, Acephate, Aldicarb, Benomyl, Carbendazim, Chlorfenapyr, Chlorpyrifos, CS2 (Dithiocarbamates), Diafenthiuron, Diazinon, Dichlorvos, Dicofol, Dimethoate, Endosulfan, Fenamidone, Imidacloprid, Malathion, Methamidophos, Methiocarb, Methomyl, Monocrotophos, Omethoate, oxamyl, Profenofos, Propiconazole, thiabendazol, Thiacloprid.

(1)  Fejn hu meħtieġ li jkunu eżaminati ċerti prodotti biss li huma elenkati taħt ċertu kodiċi, u ma jeżistix qsim speċifikat f’kategoriji taħt dan il-kodiċi fin-nomenklatura tal-prodotti, il-kodiċi jkun immarkat “EX” (pereżempju Ex20079997: għandhom ikunu inklużi biss il-prodotti li fihom il-ġellewż).

(2)  It-traċċi tas-sustanzi msemmijin f’dan ir-reġistru huma traċċi ġejjin mill-grupp funzjonali ta’ komposti ta’ traċċi msemmijin fl-Anness I, 3 b) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 268, 18 10 2003, p. 29).

(3)  Il-livelli massimi stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 140, 30 5 2002, p. 10) għaċ-ċomb u għall-kadmju fl-addittivi li huma mill-grupp funzjonali ta’ komposti ta’ traċċi għandhom ikunu l-punti ta’ referenza għall-azzjoni. Jekk ikun hemm miktub fuq it-tikketta tal-pakkett li t-traċċi tas-sustanzi huma supplimenti tal-ikel kif definit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mas-supplimenti tal-ikel (ĠU L 183, 12 7 2002, p. 51), għandhom japplikaw il-livelli massimi stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1881/2006.

(4)  Il-livelli massimi stabbiliti għall-aflatossini fil-karawett u l-prodotti dderivati minnhu fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 (ĠU L 364, 20 12 2006, p. 5) għandhom ikunu l-punti ta’ referenza għall-azzjoni.


ANNESS II

DOKUMENT KOMUNI TAD-DĦUL (DKD)

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Noti biex iservu ta’ gwida għad-DKD

Ġenerali

:

Imla d-dokument b’ittri kbar. In-noti jidhru ħdejn in-numru tal-kaxxa rilevanti.

L-Ewwel Parti

Din is-sezzjoni għandha timtela mill-operatur tal-kummerċ tal-għalf u tal-ikel jew mir-rappreżentant tiegħu, fejn mhux indikat mod ieħor.

Kaxxa I.1.

Konsenjatur: l-isem u l-indirizz sħiħ tal-persuna naturali jew legali (operatur tal-kummerċ tal-għalf u tal-ikel) li qed jibgħat il-konsenja. Huwa rrikmandat li tingħata l-informazzjoni dwar in-numri tat-telefown u l-faks.

Kaxxa I.2.

Din il-Kaxxa għandha timtela mill-awtoritajiet tal-Punt tad-Dħul Magħżul (PDM) kif hu ddefinit fl-Artikolu 2.

Kaxxa I.3.

Destinatarju: l-isem u l-indirizz sħiħ tal-persuna naturali jew legali (operatur tal-kummerċ tal-għalf u tal-ikel) li lilha hi indirizzata l-konsenja. Huwa rrikmandat li tingħata l-informazzjoni dwar in-numri tat-telefown u l-faks.

Kaxxa I.4.

Persuna risponsabbli mill-konsenja (jista’ jkun aġent, dikjarant jew operatur tal-kummerċ tal-għalf u tal-ikel): il-persuna li hi risponsabbli mill-konsenja meta din tiġi ppreżentata lill-PDM u tagħmel id-dikjarazzjonijiet meħtieġa lill-awtoritajiet kompetenti f’isem l-importatur. Imla l-isem u l-indirizz sħiħ. Huwa rrikmandat li tingħata l-informazzjoni dwar in-numri tat-telefown u l-faks.

Kaxxa I.5.

Pajjiż tal-oriġini: dan jirreferi għall-pajjiż minn fejn oriġina l-prodott, fejn kien imkabbar, fejn inħasad jew fejn kien magħmul.

Kaxxa I.6.

Il-pajjiż minn fejn intbagħtet il-konsenja: dan jirreferi għall-pajjiż fejn ġiet mgħobbija l-konsenja fuq il-mezz tat-trasport għall-aħħar parti tal-vjaġġ lejn il-Komunità.

Kaxxa I.7.

Importatur: imla l-isem u l-indirizz sħiħ. Huwa rrikmandat li tingħata l-informazzjoni dwar in-numri tat-telefown u l-faks.

Kaxxa I.8.

Destinazzjoni: indirizz tal-kunsinna fil-Komunità. Huwa rrikmandat li tingħata l-informazzjoni dwar in-numri tat-telefown u l-faks.

Kaxxa I.9.

Wasla fil-PDM: agħti d-data ta’ meta hu mistenni li tasal il-konsenja fil-PDM.

Kaxxa I.10.

Dokumenti: ikteb id-data ta’ meta nħarġu d-dokumenti u n-numru ta’ dokumenti uffiċjali li ntbagħtu mal-konsenja, skont il-każ.

Kaxxa I.11.

Agħti d-dettalji kollha tat-trasport għall-wasla tal-konsenja: għall-mezzi tat-trasport bl-ajru, agħti n-numru tat-titjira; għall-vapuri, l-isem tal-vapur; għall-mezzi tat-trasport tat-triq, agħti n-numru tar-reġistrazzjoni, u, jekk hu l-każ, in-numru tat-trejler; għall-ferrovija, l-identità tal-ferrovija u n-numru tal-vagun.

Referenzi għad-dokumenti: in-numru tal-kont tal-ajru, il-kont tat-tagħbija jew in-numru kummerċjali tal-ferrovija jew it-trakk.

Kaxxa I.12.

Deskrizzjoni tal-prodott: agħti deskrizzjoni ddettaljata tal-prodott (jekk dan huwa għalf, ikteb x’tip hu).

Kaxxa I.13.

Kodiċi tal-Merkanzija jew il-kodiċi SA tas-Sistema Armonizzata tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana.

Kaxxa I.14.

Piż gross: il-piż totali f’kilogrammi. Dan huwa ddefinit bħala l-massa globali tal-prodott u tal-kontenituri u l-pakketti, imma mingħajr il-piż tal-kontejners tat-trasport u tagħmir ieħor tat-trasport.

Piż nett: il-piż tal-prodott waħdu, mingħajr dak tal-pakketti. Dan huwa ddefinit bħala l-massa tal-prodotti biss, mingħajr il-kontenituri jew il-pakketti.

Kaxxa I.15.

In-numru ta’ pakketti.

Kaxxa I.16.

Temperatura: immarka l-mezz tat-trasport li ntuża/it-temperatura li fiha nżamm il-prodott.

Kaxxa I.17.

Tip ta’ ppakkjar: identifika t-tip ta’ ppakkjar tal-prodotti.

Kaxxa I.18.

Prodott maħsub għall-użu ta’: immarka l-kaxxa xierqa skont il-każ, jekk il-prodott huwa maħsub għall-konsum mill-bniedem mingħajr ma jiġi kklassifikat jew ikun ittrattat b’ xi mod ieħor minn qabel (f’dal każ immarka “għall-konsum mill-bniedem”), jew jekk hu maħsub għall-konsum mill-bniedem wara dan it-trattament (f’dan il-każ immarka “għall-aktar ipproċessar”), jew jekk hu maħsub bħala għalf (f’dan il-każ immarka “għalf”).

Kaxxa I.19.

Niżżel in-numri kollha ta’ identifikazzjoni tas-siġilli u tal-kontenituri fejn meħtieġ.

Kaxxa I.20.

Ittrasferixxi għal punt ta’ kontroll: Waqt iż-żmien ta’ tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 17, il-PDM jimmarka din il-Kaxxa biex jippermetti li l-konsenja tkun ittrasportata lejn punt tal-kontroll ieħor.

Kaxxa I.21.

Ma japplikax.

Kaxxa I.22.

Għall-importazzjoni: din il-kaxxa għandha tiġi mmarkata jekk il-konsenja hija maħsuba għall-importazzjoni (Artikolu 8).

Kaxxa I.23.

Ma japplikax.

Kaxxa I.24.

Immarka l-mezz ta’ trasport li jaqbel.

Parti II

Din is-sezzjoni għandha timtela mill-awtorità kompetenti.

Kaxxa II.1.

Uża l-istess numru ta’ referenza li jidher fil-Kaxxa I.2.

Kaxxa II.2.

Għall-użu tas-servizzi tad-dwana jekk inhu meħtieġ.

Kaxxa II.3.

Kontroll tad-dokumenti: għandu jimtela għal kull konsenja.

Kaxxa II 4.

L-awtorità tal-PDM għandha tindika jekk il-konsenja ntgħażlet għall-kontrolli fiżiċi, li jistgħu jitwettqu minn punt ta’ kontroll ieħor waqt iż-żmien tat-tranżizzjoni msemmi fl-Art. 17.

Kaxxa II.5.

Waqt iż-żmien tranżizzjonali msemmi fl-Art. 17, wara kontroll tad-dokumenti/tal-identità li jirriżulta sodisfaċenti, l-awtorità tal-PDM għandha tindika l-punt ta’ kontroll fejn tista’ tittieħed il-konsenja għal kontroll fiżiku.

Kaxxa II.6.

Indika biċ-ċar l-azzjoni li għandha tittieħed f’każ fejn il-konsenja tkun irrifjutata minħabba li ma tkunx għaddiet mill-kontrolli tad-dokumenti jew tal-identità. L-indirizz tal-istabbiliment fejn għandu jasal il-prodott għandu jitniżżel fil-Kaxxa II.7 fil-każ ta’ “Dispaċċ mill-ġdid”, “Qerda”,“Trasformazzjoni” jew “Użu għal skop ieħor”.

Kaxxa II.7.

Ikteb in-numru tal-approvazzjoni meħtieġ u l-indirizz (jew l-isem tal-vapur u tal-port) għad-destinazzjonijiet kollha fejn huma meħtieġa aktar kontrolli tal-konsenja pereżempju għall-Kaxxa II.6, “Dispaċċ mill-ġdid”, “Għall-qerda”,“Għat-trasformazzjoni” jew “Użu għal skop ieħor”.

Kaxxa II 8.

Hawn agħmel it-timbru uffiċjali tal-awtorità kompetenti tal-PDM.

Kaxxa II.9.

Firma tal-uffiċjal risponsabbli tal-awtorità kompetenti tal-PDM.

Kaxxa II.10.

Ma japplikax.

Kaxxa II.11.

L-awtorità tal-PDM jew, waqt żmien it-tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 17, l-awtorità kompetenti tal-punt tal-kontroll, hawnhekk tindika r-riżultati tal-kontrolli tal-identità.

Kaxxa II.12.

L-awtorità tal-PDM jew, waqt żmien it-tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 17, l-awtorità kompetenti tal-punt tal-kontroll hawnhekk tindika r-riżultati tal-kontrolli fiżiċi.

Kaxxa II.13.

L-awtorità tal-PDM jew, waqt żmien it-tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 17, l-awtorità kompetenti tal-punt tal-kontroll hawnhekk tindika r-riżultati tat-testijiet tal-laboratorju. Imla f’din il-kaxxa l-kategorija tas-sustanza jew tal-patoġenu li għalih sar it-test tal-laboratorju.

Kaxxa II.14.

Din il-kaxxa għandha timtela għall-konsenji kollha li se jkunu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera fil-Komunità.

Kaxxa II.15.

Ma japplikax.

Kaxxa II.16.

Indika biċ-ċar l-azzjoni li għandha tittieħed f’każ fejn il-konsenja tkun irrifjutata minħabba li ma tkunx għaddiet mill-kontrolli fiżiċi. L-indirizz tal-istabbiliment fejn għandu jasal il-prodott huwa meħtieġ li jiddaħħal fil-Kaxxa II.18 fil-każi ta’ “Dispaċċ mill-ġdid”, “Għall-qerda”,“Għat-trasformazzjoni” jew “Użu għal skop ieħor”.

Kaxxa II.17.

Ir-raġuni għalfejn il-konsenja ġiet irrifjutata: uża kif meħtieġ biex iżżid l-informazzjoni rilevanti. Immarka l-kaxxa meħtieġa.

Kaxxa II.18.

Ikteb in-numru tal-approvazzjoni meħtieġ u l-indirizz (jew l-isem tal-vapur u tal-port) għad-destinazzjonijiet kollha fejn huma meħtieġa aktar kontrolli tal-konsenja pereżempju, għall-Kaxxa II.16, “Dispaċċ mill-ġdid”, “Għall-qerda”,“Għat-trasformazzjoni” jew “Użu għal skop ieħor”.

Kaxxa II.19.

Imla din il-kaxxa meta jkun inkiser is-siġill sakemm infetaħ il-kontenitur. Trid tinżamm lista sħiħa tas-siġilli kollha li ntużaw għal dan l-iskop.

Kaxxa II.20.

Hawn agħmel it-timbru uffiċjali tal-awtorità tal-PDM jew, waqt żmien it-tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 17, tal-awtorità kompetenti tal-punt tal-kontroll.

Kaxxa II.21.

Firma tal-uffiċjal risponsabbli tal-awtorità tal-PDM jew, waqt żmien it-tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 17, tal-awtorità kompetenti tal-punt tal-kontroll.

Parti III

Din is-sezzjoni għandha timtela mill-awtorità kompetenti.

Kaxxa III.1.

Dettalji dwar l-ispedizzjoni mill-ġdid: l-awtorità tal-PDM jew, waqt żmien it-tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 17, l-awtorità kompetenti tal-punt tal-kontroll, tindika l-mezz tat-trasport li ntuża, l-identifikazzjoni tal-konsenja, il-pajjiż fejn għandha tasal, u, malli tkun magħrufa, id-data ta’ meta din se terġa’ tintbagħat.

Kaxxa III.2.

Is-segwitu: indika l-unità risponsabbli tal-awtorità kompetenti lokali, kif meħtieġ, għas-sorveljanza f’każi fejn l-istruzzjonijiet ikunu:“Għall-qerda”,“Għat-trasformazzjoni” jew “Użu għal skop ieħor”. Hawn jiġi rrappurtat ir-riżultat tal-wasla tal-konsenja u l-korrispondenza mill-awtorità kompetenti.

Kaxxa III.3.

Firma tal-uffiċjal risponsabbli tal-awtorità tal-PDM jew, waqt żmien it-tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 17, tal-awtorità kompetenti tal-punt tal-kontroll, f’każ fejn l-istruzzjoni tkun “Dispaċċ mill-ġdid”. Firma tal-uffiċjal risponsabbli tal-awtorità kompetenti lokali, f’każi fejn l-istruzzjonijiet ikunu:“Għall-qerda”,“Għat-trasformazzjoni” jew “Użu għal skop ieħor”.


Top