EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0031

Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 Test b’rilevanza għaż-ŻEE

OJ L 140, 5.6.2009, p. 114–135 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 15 Volume 026 P. 158 - 179

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/31/oj

5.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/114


DIRETTIVA 2009/31/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ April 2009

dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

L-għan aħħari tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, li ġiet approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/69/KE tal-15 ta’ Diċembru 1993 (3), huwa li tinkiseb stabbilizzazzjoni tal-konċentrazzjonijiet tal-gassijiet serra fl-atmosfera f’livell li jimpedixxi interferenza antropoġenika perikoluża mas-sistema tal-klima.

(2)

Is-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali Komunitarju stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2002 (4) jidentifika t-tibdil fil-klima bħala priorità għal azzjoni. Dak il-Programm jirrikonoxxi li l-Komunità hija impenjata li tikseb tnaqqis ta’ 8 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra bejn l-2008 u l-2012 komparat mal-livelli tal-1990, u li, fil-medda aktar fit-tul, l-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra jkollhom jiġu mnaqqsa b’madwar 70 % komparati mal-livelli tal-1990.

(3)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Jannar 2007 msejħa “Il-limitazzjoni tal-bidla klimatika globali għal żewġ gradi Celsius — It-triq ‘il quddiem għal 2020 u wara” tikkjarifika li fil-kuntest ta’ fit-tnaqqis globali previst tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ 50 % sal-2050, huwa meħtieġ tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ 30 % fid-dinja żviluppata sal-2020, li jiżdied għal 60-80 % sal-2050, li dan it-tnaqqis huwa teknikament vijabbli u l-benefiċċji jaqbżu bil-kbir l-ispejjeż, iżda li, biex jinkiseb, għandhom jiġu użati l-alternattivi ta’ mitigazzjoni.

(4)

Il-proċess ta’ ġbir u ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju (CCS) huwa teknoloġija li sservi ta’ pont li jikkontribwixxi biex jittaffa t-tibdil fil-klima. Tikkonsisti fil-ġbir tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) mill-impjanti industrijali, it-trasport tiegħu għal sit tal-ħżin u l-injezzjoni tiegħu f’formazzjoni ġeoloġika taħt l-art li tkun adegwata għall-finijiet ta’ ħżin permanenti. Din it-teknoloġija m’għandhiex isservi ta’ inċentiv biex jiżdied is-sehem ta’ impjanti ta’ enerġija operati permezz ta’ karburanti fossili. L-iżvilupp tagħha m’għandux iwassal għal tnaqqis fl-isforzi ta’ appoġġ għall-politika tal-iffrankar tal-enerġija, għall-enerġiji rinnovabbli u għal teknoloġiji oħra b’użu baxx ta’ karbonju li jkunu sikuri u sostenibbli, kemm f’termini ta’ riċerka kif ukoll finanzjarji.

(5)

L-istimi preliminari, imwettqa bil-ħsieb li ssir stima tal-impatt tad-Direttiva u msemmijin fl-istima tal-impatt magħmula mill-Kummissjoni, jindikaw li sal-2020 jistgħu jinħażnu seba’ miljun tunnellata ta’ CO2, u sa 160 miljun tunnellata sal-2030, jekk wieħed jassumi tnaqqis ta’ 20 % fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2020 u dment li s-CCS jikseb appoġġ privat, nazzjonali u Komunitarju u jirriżulta li jkun teknoloġija li ma toħloqx periklu ambjentali. L-emissjonijiet ta’ CO2 evitati fl-2030 jistgħu jipprovdu 15 % tat-tnaqqis meħtieġ fl-Unjoni.

(6)

It-Tieni Programm Ewropew dwar it-Tibdil Klimatiku, li ġie stabbilit mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Frar 2005 msejħa “Nirbħu l-Ġlieda Kontra t-Tibdil tal-Klima Dinjija” biex jipprepara u jeżamina l-politika futura dwar il-klima fil-Komunità, stabbilixxa Grupp ta’ Ħidma dwar il-Ġbir tal-Karbonju u l-Ħżin Ġeoloġiku. Il-mandat tal-Grupp ta’ Ħidma kien li jesplora s-CCS bħala mezz biex jitnaqqas it-tibdil fil-klima. Il-Grupp ta’ Ħidma ppubblika rapport dettaljat dwar is-suġġett tar-regolamentazzjoni, li kien adottat f’Ġunju 2006. Enfasizza l-bżonn tal-iżvilupp kemm tal-politika kif ukoll tal-qafas regolatorju għas-CCS u ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel aktar riċerka fuq is-suġġett.

(7)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Jannar 2007 msejħa “Produzzjoni sostenibbli ta’ enerġija elettrika mill-karburanti fossili bil-għan li ma jkun hemm kważi l-ebda emissjoni mill-faħam wara l-2020” tenniet il-bżonn għal qafas regolatorju bbażat fuq stima tar-riskju integrata għat-tnixxija tas-CO2, inklużi rekwiżiti tal-għażla tas-sit imfassla biex jimminimizzaw ir-riskju ta’ tnixxija, reġimi ta’ monitoraġġ u rrappurtar biex jiġu vverifikati l-ħżin u rettifika adegwata ta’ kwalunkwe ħsara li tista’ tiġri. Il-Komunikazzjoni stabbilixxiet pjan ta’ azzjoni għall-Kummissjoni f’dan il-qasam matul l-2007, li kien jeħtieġ l-iżvilupp ta’ qafas affidabbli ta’ ġestjoni għas-CCS, inkluż xogħol fuq il-qafas regolatorju, il-qafas tal-inċentivi, u l-programmi ta’ sostenn, kif ukoll elementi esterni (eż. kooperazzjoni teknoloġika ma’ pajjiżi ewlenin dwar is-CCS).

(8)

Il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2007 ħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jaħdmu lejn it-tisħiħ tar-riċerka u l-iżvilupp u lejn l-iżvilupp ta’ qafas tekniku, ekonomiku u regolatorju meħtieġ sabiex jitneħħew l-ostakli legali eżistenti u biex jibda jintuża s-CCS li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent b’impjanti tal-enerġija ġodda li jużaw il-karburanti fossili, jekk ikun possibbli sal-2020.

(9)

Il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2008 fakkar li l-għan tal-proposta ta’ qafas regolatorju dwar is-CCS kien li jiġi żgurat li din it-teknoloġija ġdida tintuża b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent.

(10)

Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2008 appella lill-Kummissjoni biex malajr kemm jista’ jkun tistabbilixxi mekkaniżmu bħala inċentiv għall-investimenti tal-Istati Membri u tas-settur privat biex sal-2015 jiġu żgurati l-bini u l-operazzjoni ta’ sa 12-il impjant ta’ dimostrazzjoni tas-CCS.

(11)

Kull wieħed mill-komponenti differenti tas-CCS, jiġifieri l-ġbir, it-trasport u l-ħżin tas-CO2, kien is-suġġett ta’ proġetti pilota fuq skala iżgħar minn dik meħtieġa għall-applikazzjoni industrijali tagħhom. Dawn il-komponenti għad iridu jiġu integrati fi proċess sħiħ tas-CCS, jeħtieġ li jonqsu l-ispejjeż teknoloġiċi u tinġabar iżjed konoxxenza xjentifika u li jkun aħjar. Hu għalhekk importanti li l-isforzi tal-Komunità għad-dimostrazzjoni tas-CCS f’qafas ta’ politika integrata jibdew kemm jista’ jkun malajr, u jinkludu b’mod partikolari qafas legali għall-applikazzjoni ambjentali sikura tal-ħżin tas-CO2, inċentivi, b’mod partikolari għal aktar riċerka u żvilupp, sforzi permezz ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni kif ukoll miżuri ta’ sensibilizzazzjoni tal-kuxjenza pubblika.

(12)

Fil-livell internazzjonali, l-ostakli legali għall-ħżin ġeoloġiku tas-CO2 f’formazzjonijiet ġeoloġiċi taħt qiegħ il-baħar tneħħew permezz tal-adozzjoni ta’ qafas ta’ ġestjoni tar-riskju relatat taħt il-Protokoll ta’ Londra tal-1996 għall-Konvenzjoni tal-1972 fuq il-Prevenzjoni mit-Tniġġis tal-Baħar mir-Rimi ta’ Skart u Materja Oħra (Il-Protokoll ta’ Londra tal-1996) u l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent Marin tal-Grigal tal-Atlantiku (il-Konvenzjoni OSPAR).

(13)

Fl-2006, il-Partijiet Kontraenti għall-Protokoll ta’ Londra tal-1996 adottaw emendi għall-Protokoll. Dawn l-emendi jippermettu u jirregolaw il-ħżin ta’ nixxiegħat ta’ CO2 mill-proċessi ta’ ġbir tas-CO2 f’formazzjonijiet ġeoloġiċi taħt qiegħ il-baħar.

(14)

Il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni OSPAR fl-2007 adottaw emendi għall-Annessi tal-Konvenzjoni biex jippermettu l-ħżin tas-CO2 f’formazzjonijiet ġeoloġiċi taħt qiegħ il-baħar, Deċiżjoni biex jiġi żgurat ħżin li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent ta’ nixxiegħat tas-CO2 f’formazzjonijiet ġeoloġiċi, u Linji Gwida taħt l-OSPAR għall-Istima u l-Ġestjoni tar-Riskju ta’ dik l-attività. Adottaw ukoll Deċiżjoni biex jipprojbixxu l-introduzzjoni tas-CO2 fil-kolonna tal-ilma tal-baħar u f’qiegħ il-baħar, minħabba l-effetti negattivi potenzjali.

(15)

Fil-livell tal-Komunità, hemm numru ta’ strumenti leġiżlattivi li huma diġà fis-seħħ għall-immaniġġar ta’ wħud mir-riskji ambjentali tas-CCS, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġbir u t-trasport tas-CO2, u għandhom jiġu użati fejn ikun possibbli.

(16)

Fir-rigward ta’ ċerti attivitajiet industrijali, id-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż (5) tirregola b’mod xieraq ir-riskji tal-ġbir tas-CO2 għall-ambjent u s-saħħa tal-bniedem u, b’riżultat ta’ dan, għandha tiġi applikata għall-ġbir tan-nixxiegħat tas-CO2 għall-finijiet tal-ħżin ġeoloġiku minn istallazzjonijiet koperti minn dik id-Direttiva.

(17)

Id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (6) għandha tiġi applikata għall-ġbir u t-trasport tan-nixxiegħat tas-CO2 għall-finijiet ta’ ħżin ġeoloġiku. Għandha tapplika wkoll għas-siti tal-ħżin taħt din id-Direttiva.

(18)

Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ħżin ġeoloġiku tas-CO2 ġewwa t-territorju tal-Istati Membri, fiż-żoni ekonomiċi esklussivi tagħhom u fuq il-pjattaformi kontinentali tagħhom. Id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-proġetti bi ħżin proġettat totali ta’ inqas minn 100 kilo tunnellata, imwettqa għar-riċerka, l-iżvilupp jew l-ittestjar ta’ prodotti u proċessi ġodda. Dan il-limitu jidher adegwat ukoll għall-finijiet ta’ leġiżlazzjoni oħra rilevanti tal-Komunità. M’għandux ikun permess il-ħżin tas-CO2 f’kumplessi ta’ ħżin li jestendu lil hinn mill-ambitu territorjali ta’ din id-Direttiva u lanqas il-ħżin tas-CO2 fil-kolonna tal-ilma.

(19)

L-Istati Membri għandhom iżommu d-dritt li jiddeterminaw iż-żoni ġewwa t-territorju tagħhom li minnhom jistgħu jiġu magħżula siti tal-ħżin. Dan jinkludi d-dritt tal-Istati Membri li ma jippermettu l-ebda ħżin f’partijiet mit-territorju jew fit-territorju kollu tagħhom, jew li jagħtu prijorità għal kwalunkwe użu ieħor ta’ taħt l-art, bħal ma huma l-esplorazzjoni, il-produzzjoni u l-ħżin tal-idrokarbonji jew l-użu ġeotermali tal-akwiferi. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jqisu wkoll l-għażliet l-oħra marbuta mal-enerġija għall-użu ta’ sit tal-ħżin potenzjali, inklużi għażliet li jkunu strateġiċi għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija ta’ Stat Membru jew għall-iżvilupp ta’ sorsi rinnovabbli tal-enerġija. L-għażla tas-sit adatt tal-ħżin hija kruċjali biex jiġi żgurat li s-CO2 maħżun ikun kompletament u permanentement konfinat. Meta jagħżlu s-siti tal-ħżin, l-Istati Membri għandhom iqisu l-karatteristiċi ġeoloġiċi tagħhom, pereżempju s-sismiċità, bl-aktar mod oġġettiv u effettiv possibbli. Sit għandu għalhekk jiġi magħżul bħala sit tal-ħżin biss, jekk ma jkun hemm l-ebda riskju sinifikanti ta’ tnixxija, u jekk fi kwalunkwe każ l-ebda impatti ambjentali jew għas-saħħa ma jkun probabbli li jiġru. Dan għandu jiġi ddeterminat permezz ta’ karatterizzazzjoni u valutazzjoni ta’ kumpless tal-ħżin potenzjali taħt rekwiżiti speċifiċi.

(20)

L-Irkupru Mtejjeb tal-Idrokarbonju (EHR) jirriferi għall-irkupru tal-idrokarbonji addizzjonali għal dawk estratti bl-injezzjoni tal-ilma jew b’mezzi oħra. L-EHR fih innifsu mhuwiex inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Madankollu, fejn l-EHR jitwettaq flimkien mal-ħżin ġeoloġiku tas-CO2, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għall-ħżin ambjentali sigur tas-CO2. F’dak il-każ, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li jikkonċernaw it-tnixxija mhumiex maħsuba biex japplikaw għall-kwantitajiet tas-CO2 li jiġu rilaxxati minn impjanti tal-wiċċ li ma jisbqux dak li jkun meħtieġ fil-proċess normali tal-estrazzjoni tal-idrokarbonji, u li ma jikkompromettux is-sigurtà tal-ħżin ġeoloġiku jew li jolqtu ħażin l-ambjent tal-madwar. Dawn ir-rilaxxi huma koperti bl-inklużjoni tas-siti tal-ħżin fid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (7), li teħtieġ li jiġu ċeduti kwoti tal-iskambju tal-emissjonijiet għal kwalunkwe emissjonijiet imnixxija.

(21)

L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku t-tagħrif ambjentali relatat mal-ħżin ġeoloġiku tas-CO2 konformement mal-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli.

(22)

L-Istati Membri li jkollhom il-ħsieb li jippermettu l-ħżin ġeoloġiku tas-CO2 fit-territorju tagħhom għandhom jagħmlu evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħżin disponibbli fit-territorju tagħhom. Il-Kummissjoni għandha torganizza skambju ta’ tagħrif u tal-aħjar prattika bejn dawk l-Istati Membri, fil-kuntest tal-iskambju ta’ tagħrif previst f’din id-Direttiva.

(23)

L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw f’liema każijiet tkun meħtieġa esplorazzjoni biex jiġi ġġenerat it-tagħrif meħtieġ għall-għażla tas-sit. L-esplorazzjoni, jiġifieri l-attivitajiet li jidħlu taħt il-wiċċ, għandha ssir suġġetta għal rekwiżit ta’ permess. L-Istati Membri ma jeħtiġux jistabbilixxu kriterji ta’ ammissjoni għall-proċeduri biex jingħataw permessi għall-esplorazzjoni, iżda fejn huma jagħmlu dan, huma għandhom mill-inqas jiżguraw li l-proċeduri għall-għoti tal-permessi għall-esplorazzjoni jkunu miftuħa għall-entijiet kollha li jkollhom il-kapaċitajiet meħtieġa. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-permessi jiġu mogħtija fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, pubblikati u non-diskriminatorji. Sabiex jiġu protetti u mħeġġa l-investimenti fl-esplorazzjoni, il-permessi għall-esplorazzjoni għandhom jingħataw għal żona u volum limitat u għal żmien limitat, li matulu d-detentur tal-permess għandu jkollu l-uniku dritt li jesplora l-kumpless tal-ħżin potenzjali tas-CO2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jiġu permessi l-ebda użijiet konfliġġenti tal-kumpless matul dan iż-żmien. Jekk ma jsiru ebda attivitajiet fi żmien raġonevoli, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-permess ta’ esplorazzjoni jitneħħa u jingħata lil entitajiet oħrajn.

(24)

Is-siti tal-ħżin m’għandhomx jiġu operati mingħajr permess għall-ħżin. Il-permess għall-ħżin għandu jkun l-istrument prinċipali biex jiġi żgurat li r-rekwiżiti sostanzjali ta’ din id-Direttiva jintlaħqu u li l-ħżin ġeoloġiku għalhekk iseħħ b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent. Fl-għoti tal-permess tal-ħżin, għandha tingħata prijorità lid-detentur tal-permess ta’ esplorazzjoni fuq il-kompetituri (billi tal-ewwel ġeneralment ikun għamel investimenti sostanzjali).

(25)

Fil-fażi bikrija tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, biex tiġi żgurata konsistenza fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva mal-Komunità kollha, l-applikazzjonijiet kollha għall-permessi għall-ħżin għandhom isiru disponibbli għall-Kummissjoni wara li jiġu riċevuti. L-abbozzi tal-permessi għall-ħżin għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni, biex tkun tista’ toħroġ opinjoni fuq l-abbozzi tal-permessi fi żmien erba’ xhur minn meta tirċevihom. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom iqisu din l-opinjoni meta jieħdu deċiżjoni dwar il-permess u għandhom jiġġustifikaw kull tbegħid mill-opinjoni tal-Kummissjoni. Ir-reviżjoni fil-livell tal-Komunità għandha tgħin ukoll biex ittejjeb il-fiduċja pubblika fis-CCS.

(26)

L-awtorità kompetenti għandha tirrivedi u fejn meħtieġ taġġorna jew tirtira l-permess għall-ħżin jekk inter alia tkun ġiet notifikata bi tnixxijiet jew irregolaritajiet sinifikanti, jekk ir-rapporti preżentati mill-operaturi jew l-ispezzjonijiet imwettqa juru nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet tal-permess jew issir konxja b’xi nuqqas ieħor mill-operatur milli jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-permess. Wara li jiġi rtirat permess, l-awtorità kompetenti għandha jew toħroġ permess ġdid jew tagħlaq is-sit tal-ħżin. Sadanittant, l-awtorità kompetenti għandha tieħu r-responsabbiltà għas-sit tal-ħżin inklużi l-obbligi legali speċifiċi. L-ispejjeż magħmula għandhom jiġu rkuprati mingħand l-operatur preċedenti.

(27)

Huwa meħtieġ li jiġu imposti limiti fuq il-kompożizzjoni tan-nixxiegħa tas-CO2 li jkunu konsistenti mal-iskop primarju tal-ħżin ġeoloġiku, li huwa li jiġu iżolati l-emissjonijiet tas-CO2 mill-atmosfera, u li jkunu bbażati fuq ir-riskji li tista’ tikkawża l-kontaminazzjoni għas-sigurtà u s-sikurezza tan-network tat-trasport u tal-ħżin u għall-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. Għal dan il-għan, il-kompożizzjoni tan-nixxiegħa tas-CO2 għandha tiġi vverifikata qabel tiġi injettata u maħżuna. Il-kompożizzjoni tan-nixxiegħa ta’ CO2 hi r-riżultat tal-proċessi fl-istallazzjonijiet tal-ġbir. Wara l-inklużjoni tal-istallazzjonijiet tal-ġbir fid-Direttiva 85/337/KEE, għandha ssir stima tal-impatt ambjentali fil-proċess tal-permess tal-ġbir. L-inklużjoni tal-istallazzjonijiet tal-ġbir fid-Direttiva 2008/1/KE tkompli tiżgura li l-aħjar teknika disponibbli biex titjieb il-kompożizzjoni tan-nixxiegħa tas-CO2 ikunu ġew stabbiliti u applikati. Addizzjonalment, konformement ma’ din id-Direttiva, l-operatur tas-sit tal-ħżin għandu jaċċetta u jinjetta nixxigħat ta’ CO2 biss jekk fuqhom tkun twettqet analiżi tal-kompożizzjoni, inklużi sustanzi korrożivi, tan-nixxigħat, kif ukoll stima tar-riskji, u jekk l-istima tar-riskji tkun uriet li l-livelli ta’ kontaminazzjoni tan-nixxiegħa ta’ CO2 jkunu konformi mal-kriterji ta’ kompożizzjoni msemmija f’din id-Direttiva.

(28)

Il-monitoraġġ huwa essenzjali biex jiġi valutat jekk il-komportament tas-CO2 injettat ikunx kif mistenni, jekk ikunx hemm xi migrazzjoni jew tnixxija, u jekk xi tnixxija identifikata tkunx qiegħda tagħmel ħsara lill-ambjent jew lis-saħħa tal-bniedem. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li matul il-fażi operattiva, l-operatur jimmonitorja l-kumpless tal-ħżin u l-faċilitajiet ta’ injezzjoni fuq il-bażi ta’ pjan ta’ monitoraġġ imfassal taħt rekwiżiti speċifiċi ta’ monitoraġġ. Il-pjan għandu jiġi preżentat lill-awtorità kompetenti u jiġi approvat minnha. Fil-każ ta’ ħżin ġeoloġiku taħt qiegħ il-baħar, il-monitoraġġ għandu jkun adattat aktar għall-kundizzjonijiet speċifiċi għall-ġestjoni tas-CCS fl-ambjent tal-baħar.

(29)

L-operatur għandu jirrapporta inter alia r-riżultati tal-monitoraġġ lill-awtorità kompetenti mill-inqas darba fis-sena. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta’ spezzjonijiet biex jiżguraw li s-sit tal-ħżin jkun operat konformement mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

(30)

Huma meħtieġa dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà għall-ħsara lill-ambjent lokali u lill-klima, li jirriżultaw minn kwalunkwe nuqqas ta’ konteniment permanenti tas-CO2. Ir-responsabbiltà għall-ħsara ambjentali (ħsara lill-speċji protetti u lill-ambjenti naturali, l-ilma u l-art) hija regolata mid-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (8), li għandha tiġi applikata għall-operazzjoni ta’ siti tal-ħżin taħt din id-Direttiva. Ir-responsabbiltà għall-ħsara lill-klima li tirriżulta minn tnixxijiet hija koperta bl-inklużjoni ta’ siti tal-ħżin fid-Direttiva 2003/87/KE, li teħtieġ li jiġu ċeduti kwoti tal-iskambju tal-emissjonijiet għal kwalunkwe emissjonijiet imnixxija. Barra minn hekk, din id-Direttiva għandha tistabbilixxi l-obbligazzjoni fuq l-operatur tas-sit tal-ħżin li jieħu miżuri korrettivi f’każ ta’ tnixxijiet jew irregolaritajiet sinifikanti fuq il-bażi ta’ pjan ta’ miżuri korrettivi preżentat lill-awtorità kompetenti u approvat minnha. Fejn l-operatur jonqos milli jieħu l-miżuri korrettivi meħtieġa, dawn il-miżuri għandhom jittieħdu mill-awtorità kompetenti, li għandha tirkupra l-ispejjeż mingħand l-operatur.

(31)

Sit tal-ħżin għandu jingħalaq jekk il-kundizzjonijiet rilevanti ddikjarati fil-permess ikunu ġew sodisfatti, fuq talba mill-operatur wara awtorizzazzjoni tal-awtorità kompetenti, jew jekk l-awtorità kompetenti tiddeċiedi hekk wara l-irtirar ta’ permess tal-ħżin.

(32)

Wara li sit tal-ħżin jingħalaq, l-operatur għandu jibqa’ responsabbli għall-manutenzjoni, għall-monitoraġġ u għall-kontroll, għar-rappurtar, u għall-miżuri korrettivi konformement mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva fuq il-bażi ta’ pjan ta’ wara l-għeluq preżentat lill-awtorità kompetenti u approvat minnha kif ukoll għall-obbligazzjonijiet kollha li jirriżultaw taħt leġiżlazzjoni oħra tal-Komunità rilevanti sa meta r-responsabbiltà għas-sit tal-ħżin tiġi trasferita lill-awtorità kompetenti.

(33)

Ir-responsabbiltà għas-sit tal-ħżin, inklużi l-obbligazzjonijiet legali kollha speċifiċi, għandhom jiġu trasferiti lill-awtorità kompetenti, jekk u meta l-evidenza kollha disponibbli tindika li s-CO2 maħżun se jiġi kompletament u permanentement konfinat. Għal dan il-għan, l-operatur għandu jippreżenta rapport lill-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni tat-trasferiment. Fil-fażi bikrija tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, biex tiġi żgurata konsistenza fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva mal-Komunità kollha, ir-rapporti kollha għandhom ikunu disponibbli għall-Kummissjoni wara li jiġu riċevuti. L-abbozzi tad-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni kollha għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni biex tkun tista’ tagħti opinjoni dwar l-abbozzi tad-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni fi żmien erba’ xhur minn meta jiġu riċevuti. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom iqisu din l-opinjoni meta jieħdu deċiżjoni dwar l-approvazzjoni u għandhom jiġġustifikaw kwalunkwe distakk mill-opinjoni tal-Kummissjoni. Bħar-reviżjoni ta’ abbozzi ta’ permessi tal-ħżin fil-livell tal-Komunità, ir-reviżjoni ta’ abbozzi ta’ deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni għandha tgħin ukoll biex tittejjeb il-fiduċja pubblika fis-CCS.

(34)

Ir-responsabbiltajiet minbarra dawk koperti b’din id-Direttiva, id-Direttiva 2003/87/KE u d-Direttiva 2004/35/KE, partikolarment rigward il-fażi ta’ injezzjoni, l-għeluq tas-sit tal-ħżin u l-perijodu wara t-trasferiment tal-obbligi legali lill-awtoritajiet kompetenti, għandhom jiġu trattati fil-livell nazzjonali.

(35)

Wara t-trasferiment tar-responsabbiltà, il-monitoraġġ għandu jitnaqqas għal livell li jibqa’ jippermetti l-identifikazzjoni ta’ tnixxijiet jew irregolaritajiet sinifikanti, iżda għandu jiġi intensifikat mill-ġdid, jekk jiġu identifikati tnixxigħat jew irregolaritajiet sinifikanti. Ma għandu jkun hemm l-ebda rkupru ta’ ispejjeż imġarrba mill-awtorità kompetenti mill-operatur ta’ qabal wara li r-responsabbiltà tkun ġiet trasferita, ħlief fil-każ ta’ ħsara min-naħa tal-operatur qabel it-trasferiment tar-responsabbiltà tas-sit tal-ħżin.

(36)

Għandha ssir dispożizzjoni finanzjarja sabiex jiġi żgurat li l-obbligazzjonijiet tal-għeluq u ta’ wara l-għeluq, l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-inklużjoni taħt id-Direttiva 2003/87/KE, u l-obbligazzjonijiet taħt din id-Direttiva li jittieħdu miżuri korrettivi f’każ ta’ tnixxijiet jew irregolaritajiet sinifikanti, ikunu jistgħu jiġu sodisfatti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsir provvediment finanzjarju, f’forma ta’ garanzija finanzjarja jew kwalunkwe mezz ekwivalenti ieħor, mill-operatur potenzjali sabiex ikun validu u effettiv qabel il-bidu tal-injezzjoni.

(37)

Jista’ jkun li l-awtoritajiet nazzjonali, wara t-trasferiment tar-responsabbiltà, ikollhom isostnu l-ispejjeż assoċjati mal-ħżin ta’ CO2, bħall-ispejjeż ta’ monitoraġġ. Għandha għalhekk issir disponibbli kontribuzzjoni finanzjarja mill-operatur lill-awtorità kompetenti, qabel iseħħ it-trasferiment tar-responsabbiltà u abbażi tal-arranġamenti li jridu jiġu deċiżi mill-Istati Membri. Din il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha tkopri mill-inqas l-ispiża antiċipata tal-monitoraġġ għal perijodu ta’ 30 sena. Il-livell tal-kontribuzzjoni finanzjarja għandu jiġi ddeterminat abbażi ta’ linji gwida li l-Kummissjoni għandha tadotta biex tgħin ħalli tiġi żgurata konsistenza fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva mal-Komunità kollha.

(38)

L-aċċess għan-networks tat-trasport tas-CO2 u għas-siti tal-ħżin irrispettivament mill-post ġeografiku fejn ikunu jinsabu l-utenti potenzjali fl-Unjoni jista’ jsir kundizzjoni għad-dħul jew għall-operazzjoni kompetittiva ġewwa s-suq intern tal-elettriku u tas-sħana, abbażi tal-prezzijiet relattivi tal-karbonju u s-CCS. Huwa għalhekk xieraq li jsiru arranġamenti għall-utenti potenzjali biex jiksbu dan it-tip ta’ aċċess. Dan għandu jsir b’mod li għandu jiġi ddeterminat minn kull Stat Membru, b’applikazzjoni tal-għanijiet ta’ aċċess ġust, miftuħ u bla diskriminazzjoni billi jitqiesu inter alia l-kapaċità tat-trasport u tal-ħżin li tkun disponibbli jew li tista’ raġonevolment tkun disponibbli kif ukoll il-proporzjon tal-obbligazzjonijiet tagħha ta’ tnaqqis tas-CO2 taħt strumenti legali internazzjonali u leġiżlazzjoni tal-Komunità li jkun maħsub li jitwettaq permezz tas-CCS. Il-pipelines għat-trasport tas-CO2 għandhom, fejn hu possibbli, jkunu mfassla b’tali mod li jiffaċilitaw l-aċċess tan-nixxigħat tas-CO2 li jissodisfaw limiti minimi raġonevoli tal-kompożizzjoni. L-Istati Membri għandhom ukoll jistabbilixxu mekkaniżmi tar-riżoluzzjoni tat-tilwim li jippermettu riżoluzzjoni rapida ta’ tilwim dwar l-aċċess għan-networks tat-trasport u s-siti tal-ħżin.

(39)

Huma meħtieġa dispożizzjonijiet biex jiġi żgurat li f’każijiet ta’ transport transkonfinali tas-CO2, siti tal-ħżin transkonfinali jew kumplessi tal-ħżin transkonfinali, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u tal-leġiżlazzjoni l-oħra kollha tal-Komunità b’mod konġunt.

(40)

L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi u żżomm reġistru tal-permessi mogħtija għall-ħżin u tas-siti tal-ħżin magħluqa kollha u tal-kumplessi tal-ħżin tal-madwar, inklużi mapep li juru safejn dawn iwasslu li għandhom jitqiesu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-proċeduri ta’ ppjanar u ta’ approvazzjoni rilevanti. Ir-reġistru għandu jiġi rrappurtat lill-Kummissjoni wkoll.

(41)

L-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapporti dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva fuq il-bażi ta’ kwestjonarji mfassla mill-Kummissjoni konformement mad-Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE tat-23 ta’ Diċembru 1991 li tistandardizza u tirrazzjonalizza r-rapporti dwar l-implimentazzjoni ta’ ċerti Direttivi relatati mal-ambjent (9).

(42)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penalitajiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati taħt din id-Direttiva. Dawk il-penalitajiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(43)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati konformement mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (10).

(44)

B’mod partikolari l-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa sabiex temenda l-Annessi. Billi dawk il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Direttiva 1999/468/KE.

(45)

Id-Direttiva 85/337/KEE għandha tiġi emendata biex tkopri l-ġbir u t-trasport tan-nixxiegħat tas-CO2 għall-finijiet tal-ħżin ġeoloġiku kif ukoll is-siti tal-ħżin taħt din id-Direttiva. Id-Direttiva 2004/35/KE għandha tiġi emendata biex tkopri l-operazzjoni tas-siti tal-ħżin taħt din id-Direttiva. Id-Direttiva 2008/1/KE għandha tiġi emendata biex tkopri l-ġbir tan-nixxiegħat tas-CO2 għall-finijiet tal-ħżin ġeoloġiku mill-impjanti koperti minn dik id-Direttiva.

(46)

L-adozzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem mir-riskji tal-ħżin ġeoloġiku tas-CO2. Għal din ir-raġuni, id-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar l-iskart (11) u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar il-vjeġġi ta’ skart (12) għandhom jiġu emendati sabiex jeskludu s-CO2 miġbur u trasportat għall-finijiet tal-ħżin ġeoloġiku mill-ambitu ta’ applikazzjoni ta’ dawk l-istrumenti. Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għall-azzjoni tal-Komunità fil-qasam tal-politika tal-ilma (13) għandha wkoll tiġi emendata biex tippermetti l-injezzjoni tas-CO2 ġo blat li jżomm fih ħafna ilma bi mluħa għall-finijiet ta’ ħżin ġeoloġiku. Kwalunkwe injezzjoni ta’ dan it-tip hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità dwar il-ħarsien tal-ilma ta’ taħt l-art, u għandha ssir konformement mal-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2000/60/KE u d-Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art kontra t-tniġġiż u d-deterjorament (14).

(47)

It-tranżizzjoni għal ġenerazzjoni tal-elettriku b’ammont baxx ta’ karbonju teħtieġ li fil-każ ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku mill-karburanti fossili, investimenti ġodda jsiru b’mod li jiffaċilita tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet. Għal dan il-għan, id-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċertu tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni (15) għandha tiġi emendata biex tirrikjedi li l-impjanti kollha tal-kombustjoni ta’ kapaċità speċifika, li għalihom il-liċenzja tal-kostruzzjoni oriġinali jew il-liċenzja oriġinali biex joperaw tkun ingħatat wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, ikollhom spazju xieraq fis-sit tal-istallazzjoni għat-tagħmir neċessarju biex jinġabar u jiġi kkompressat is-CO2 jekk ikun hemm disponibbli siti adegwati għall-ħżin, u jekk it-trasport tas-CO2 u l-modifika tat-tagħmir għall-ġbir tas-CO2 ikun teknikament u ekonomikament vijabbli. Il-fattibbiltà ekonomika tat-trasport u t-tagħmir ġdid għall-ġbir tas-CO2 għandha tkun ivvalutata b’qies tal-ispejjeż antiċipati ta’ CO2 evitat għal kundizzjonijiet lokali partikolari fil-każ ta’ tagħmir ġdid għall-ġbir tas-CO2 u l-ispejjeż antiċipati tal-kwoti fil-Komunità. Il-projezzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq l-aħħar evidenza; għandha ssir ukoll reviżjoni tal-alternattivi tekniċi u analiżi ta’ inċertezzi fil-proċessi ta’ valutazzjoni. L-awtorità kompetenti għandha tiddetermina jekk dawn il-kondizzjonijiet ikunux sodisfatti fuq il-bażi ta’ valutazzjoni magħmula mill-operatur u tagħrif ieħor disponibbli, partikolarment rigward il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem.

(48)

Sat-30 ta’ Ġunju 2015 il-Kummissjoni għandha tagħmel reviżjoni tad-Direttiva fid-dawl tal-esperjenza miksuba fil-fażi bikrija tal-implimentazzjoni tagħha u tagħmel proposti għar-reviżjoni tagħha fejn ikun il-każ.

(49)

Ladarba l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-istabbiliment ta’ qafas legali għall-ħżin sigur għall-ambjent tal-CO2, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri meta jaġixxu individwalment, u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri konformement mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(50)

Konformement mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet (16), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom stess, li, sa fejn ikun possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni u jagħmluhom pubbliċi.

(51)

L-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU 1

SUĠĠETT, AMBITU U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett u skop

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas legali għall-ħżin ġeoloġiku mingħajr ħsara għall-ambjent tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) biex jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

2.   L-iskop tal-ħżin ġeoloġiku mingħajr ħsara għall-ambjent tas-CO2 huwa l-ġbir permanenti tas-CO2 b’mod li jipprevjeni u, fejn dan ma jkunx possibbli, jelimina kemm jista’ jkun l-effetti negattivi u kwalunkwe riskju għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem.

Artikolu 2

Ambitu u projbizzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ħżin ġeoloġiku tas-CO2 fit-territorju tal-Istati Membri, fiż-żoni ekonomiċi esklussivi tagħhom u fil-pjattaformi kontinentali tagħhom fis-sens tal-Konvenzjoni tal-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS).

2.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-ħżin ġeoloġiku tas-CO2, bi ħżin totali maħsub ta’ inqas minn 100 kilo tunnellata, li jsir għar-riċerka, għall-iżvilupp jew għall-ittestjar ta’ prodotti jew proċessi ġodda.

3.   Il-ħżin tas-CO2 f’sit tal-ħżin b’kumpless għall-ħżin li jestendu lil hinn miż-żona msemmija fil-paragrafu 1 m’għandhiex tkun permessa.

4.   Il-ħżin tas-CO2 fil-kolonna tal-ilma m’għandux ikun permess.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“ħżin ġeoloġiku tas-CO2” tfisser l-injezzjoni akkumpanjata mill-ħżin tan-nixxiegħat tas-CO2 f’formazzjonijiet ġeoloġiċi taħt l-art;

(2)

“kolonna tal-ilma” tfisser il-massa tal-ilma kontinwa vertikalment mill-wiċċ sas-sedimenti tal-qiegħ tal-ilmijiet;

(3)

“sit tal-ħżin” tfisser żona ta’ volum definit fi ħdan formazzjoni ġeoloġika użata għall-ħżin ġeoloġiku tas- CO2 u l-faċilitajiet assoċjati tal-wiċċ u tal-injezzjoni;

(4)

“formazzjoni ġeoloġika” tfisser suddiviżjoni litostratigrafika li fiha jistgħu jinstabu u jiġu indikati strati ta’ blat distinti;

(5)

“tnixxija” tfisser kwalunkwe rilaxx ta’ CO2 mill-kumpless tal-ħżin;

(6)

“kumpless tal-ħżin” tfisser is-sit tal-ħżin u l-oqsma ġeoloġiċi tal-madwar li jistgħu jkollhom effett fuq l-integrità u s-sigurtà kumplessiva tal-ħżin (i.e. formazzjonijiet sekondarji tal-ħżin);

(7)

“unità idrawlika” tfisser spazju poruż b’konnessjoni idrawlika fejn il-komunikazzjoni tal-pressa tista’ titkejjel permezz ta’ mezzi tekniċi u li huwa mdawwar minn ostakli għall-flussi, bħal imperfezzjonijiet, depożiti tal-melħ, limiti litoloġiċi, jew minn postijiet fejn il-formazzjoni hija llevata ‘l barra jew maħruġa ‘l barra;

(8)

“esplorazzjoni” tfisser il-valutazzjoni ta’ kumplessi tal-ħżin potenzjali għall-finijiet ta’ ħżin ġeoloġiku tas-CO2 permezz ta’ attivitajiet li jidħlu fis-sottostrat bħal tħaffir biex jinkiseb tagħrif ġeoloġiku dwar l-istrata fil-kumpless tal-ħżin potenzjali u, jekk ikun il-każ, it-twettiq ta’ testijiet tal-injezzjoni biex jiġi kkaratterizzat is-sit għall-ħżin;

(9)

“permess għall-esplorazzjoni” tfisser deċiżjoni bil-miktub u motivata li tawtorizza l-esplorazzjoni, u li tispeċifika l-kondizzjonijiet li taħthom tista’ tiġi attwata, maħruġa mill-awtorità kompetenti konformement mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva;

(10)

“operatur” tfisser kull persuna naturali jew legali, privata jew pubblika li topera jew tikkontrolla s-sit tal-ħżin jew lil min ikun ġie ddelegat il-poter ekonomiku deċiżiv fuq il-funzjonament tekniku tas-sit tal-ħżin konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali;

(11)

“il-permess għall-ħżin” tfisser deċiżjoni (jew deċiżjonijiet) bil-miktub u motivata li tawtorizza l-ħżin ġeoloġiku tas-CO2 f’sit tal-ħżin mill-operatur, u li tispeċifika l-kundizzjonijiet biex ikun jista’ jsir, maħruġ mill-awtorità kompetenti konformement mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva;

(12)

“bidla sostanzjali” tfisser kwalunkwe bidla mhix prevista fil-permess għall-ħżin li jista’ jkollha effetti sinifikanti fuq l-ambjent jew fuq is-saħħa tal-bniedem;

(13)

“nixxiegħa tas-CO2” tfisser fluss ta’ sustanzi li jirriżulta mill-proċessi tal-ġbir tas-CO2;

(14)

“skart” tfisser is-sustanzi definiti bħala skart fil-punt (a) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/12/KE;

(15)

“formazzjoni tas-CO2” tfisser il-volum mifrux tas-CO2 fil-formazzjoni ġeoloġika;

(16)

“migrazzjoni” tfisser il-moviment tas-CO2 ġewwa l-kumpless tal-ħżin;

(17)

“irregolarità sinifikanti” tfisser kwalunkwe irregolarità fl-operazzjonijiet tal-injezzjoni jew tal-ħżin jew fil-kundizzjoni tal-kumpless għall-ħżin innifsu, li timplika r-riskju ta’ tnixxija jew ir-riskju għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem;

(18)

“riskju sinjifikanti” tfisser taħlita ta’ probabilità li ssir ħsara u l-ammont ta’ ħsara li ma jistax ikun injorat mingħajr jitqies l-iskop ta’ din id-Direttiva għas-sit tal-ħżin ikkonċernat;

(19)

“miżuri korrettivi” tfisser kwalunkwe miżuri meħuda biex jiġu korretti irregolaritajiet sinifikanti jew biex jingħalqu tnixxijiet sabiex jiġi evitat jew imwaqqaf ir-rilaxx tas-CO2 mill-kumpless tal-ħżin;

(20)

“għeluq” ta’ sit tal-ħżin tfisser it-tmiem definit tal-injezzjoni tas-CO2 f’dak is-sit tal-ħżin;

(21)

“wara l-għeluq” tfisser il-perjodu wara l-għeluq ta’ sit tal-ħżin, inkluż il-perjodu ta’ wara t-trasferiment tar-responsabbiltà lill-awtorità kompetenti;

(22)

“network tat-trasport” tfisser in-network ta’ pipelines, inklużi l-istazzjonijiet tal-kompressjoni assoċjati, għat-trasport tas-CO2 sas-sit tal-ħżin.

KAPITOLU 2

L-GĦAŻLA TAS-SIT U L-PERMESSI GĦALL-ESPLORAZZJONI

Artikolu 4

L-għażla tas-siti tal-ħżin

1.   L-Istati Membri għandhom iżommu d-dritt li jiddeterminaw iż-żoni li minnhom jistgħu jintgħażlu siti tal-ħżin konformement mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva. Dan jinkludi d-dritt tal-Istati Membri li ma jippermettu l-ebda ħżin fit-territorju kollu tagħhom jew f’partijiet minnu.

2.   L-Istati Membri li jkollhom l-intenzjoni jippermettu l-ħżin ġeoloġiku tas-CO2 fit-territorju tagħhom għandhom jimpenjaw ruħhom li jevalwaw il-kapaċità ta’ ħżin disponibbli f’partijiet tat-territorju tagħhom jew fit-territorju kollha, anke billi jippermettu l-esplorazzjoni taħt l-Artikolu 5. Il-Kummissjoni tista’ torganizza skambju ta’ tagħrif u l-aħjar prattika bejn dawk l-Istati Membri, fil-kuntest tal-iskambju ta’ tagħrif previst fl-Artikolu 27.

3.   L-adegwatezza ta’ formazzjoni ġeoloġika għall-użu bħala sit tal-ħżin għandha tiġi ddeterminata permezz ta’ karatterizzazzjoni u valutazzjoni tal-kumpless tal-ħżin potenzjali u tal-madwar konformement mal-kriterji speċifikati fl-Anness I.

4.   Formazzjoni ġeoloġika għandha tiġi magħżula bħala sit tal-ħżin biss jekk taħt il-kundizzjonijiet tal-użu proposti ma jkun hemm l-ebda riskju sinifikanti ta’ tnixxija, u jekk ma jkun jeżisti l-ebda riskju sinifikanti fuq l-ambjent jew fuq is-saħħa.

Artikolu 5

Il-permessi għall-esplorazzjoni

1.   Fejn l-Istati Membri jiddeterminaw li hija meħtieġa esplorazzjoni biex jiġi ġġenerat it- tagħrif meħtieġ għall-għażla tas-siti ta’ ħżin taħt l-Artikolu 4, huma għandhom jiżguraw li l-ebda esplorazzjoni ta’ din ix-xorta ma sseħħ mingħajr permess għall-esplorazzjoni.

Fejn ikun il-każ, jista’ jiġi inkluż monitoraġġ tat-test tal-injezzjoni fil-permess għall-esplorazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri għall-għoti tal-permessi għall-esplorazzjoni jkunu miftuħa għall-entijiet kollha li jkollhom il-kapaċitajiet meħtieġa u li l-permessi jingħataw jew jinċaħdu fuq il-bażi ta’ kriterji objettivi ppubblikati u mhux diskriminatorji.

3.   It-tul taż-żmien tal-permess m’għandux jisboq il-perjodu meħtieġ biex titwettaq l-esplorazzjoni li jkun ingħata għaliha. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-validità tal-permess fejn it-tul ta’ żmien stipulat ma jkunx biżżejjed biex tintemm l-esplorazzjoni konċernata u fejn l-esplorazzjoni twettqet konformement mal-permess. Il-permessi għall-esplorazzjoni għandhom jingħataw fir-rigward ta’ żona ta’ volum limitat.

4.   Id-detentur ta’ permess għall-esplorazzjoni għandu jkollu l-uniku dritt li jesplora il-kumpless ta’ ħżin potenzjali tas-CO2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ebda użijiet konfliġġenti tal-kumpless ma jiġu permessi matul il-perjodu ta’ validità tal-permess.

KAPITOLU 3

IL-PERMESSI GĦALL-ĦŻIN

Artikolu 6

Il-permessi għall-ħżin

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ebda sit tal-ħżin ma jiġi operat mingħajr permess għall-ħżin li għandu jkun hemm operatur wieħed biss għal kull sit tal-ħżin, u li l-ebda użu konfliġġenti ma jkun permess fuq is-sit.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri għall-għoti tal-permessi għall-ħżin jkunu miftuħa għall-entijiet kollha li jkollhom il-kapaċitajiet meħtieġa u li l-permessi jingħataw fuq il-bażi ta’ kriterji objettivi ppubblikati u trasparenti.

3.   Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva, għandha tingħata prijorità lill-għoti ta’ permessi għall-ħżin għal sit partikolari lid-detentur ta’ permess għall-esplorazzjoni għal dak is-sit, dment li l-esplorazzjoni ta’ dak is-sit tkun tlestiet, li kwalunkwe kundizzjoni stabbilita fil-permess għall-esplorazzjoni tkun ġiet osservata, u li l-applikazzjoni għall-permess għall-ħżin issir matul il-perjodu ta’ validità tal-permess għall-esplorazzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jiġi permess l-ebda użu konfliġġenti tal-kumpless matul il-proċedura tal-permess.

Artikolu 7

L-applikazzjonijiet għall-permessi għall-ħżin

L-applikazzjonijiet lill-awtorità kompetenti għall-permessi għall-ħżin għandhom jinkludu mill-inqas it-tagħrif li ġej:

(1)

l-isem u l-indirizz tal-operatur potenzjali;

(2)

prova tal-kompetenza teknika tal-operatur potenzjali;

(3)

il-karatterizzazzjoni tas-sit u tal-kumpless tal-ħżin u valutazzjoni tas-sikurezza mistennija tal-ħżin taħt l-Artikolu 4(3) u (4);

(4)

il-kwantità totali tas-CO2 li għandha tiġi injettata u maħżuna kif ukoll is-sorsi prospettivi, u l-metodi tat-trasport il-kompożizzjoni tan-nixxiegħat tas-CO2 ir-rati u l-pressjonijiet tal-injezzjoni, u l-post fejn hemm il-faċilitajiet tal-injezzjoni;

(5)

deskrizzjoni tal-miżuri biex jiġu evitati irregolaritajiet sinifikanti;

(6)

pjan ta’ monitoraġġ propost taħt l-Artikolu 13(2);

(7)

pjan ta’ miżuri korrettivi propost taħt l-Artikolu 16(2);

(8)

pjan provviżorju ta’ wara l-għeluq propost taħt l-Artikolu 17(3);

(9)

it-tagħrif ipprovdut taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva 85/337/KEE;

(10)

prova li l-garanzija finanzjarja jew mezz ieħor ekwivalenti kif meħtieġ taħt l-Artikolu 19 ser tkun valida u effettiva qabel tinbeda l-injezzjoni.

Artikolu 8

Il-kundizzjonijiet għall-permessi għall-ħżin

L-awtorità kompetenti għandha toħroġ permess għall-ħżin biss jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin jintlaħqu:

(1)

l-awtorità kompetenti, fuq il-bażi tal-applikazzjoni ppreżentata taħt l-Artikolu 7 u ta’ kwalunkwe tagħrif ieħpr relevanti, tkun sodisfatta li:

(a)

ir-rekwiżiti rilevanti kollha ta’ din id-Direttiva u ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni Komunitarja relevanti oħra jkunu ntlaħqu;

(b)

l-operatur ikun f’qagħda finanzjarja soda u teknikament kompetenti u affidabbli biex jopera u jikkontrolla s-sit; u li jkun provdut l-iżvilupp u t-taħriġ professjonali u tekniku tal-operatur u tal-istaff kollu;

(c)

fil-każ ta’ aktar minn sit wieħed tal-ħżin fl-istess unita idrawlika, l-interazzjonijiet tal-pressjoni potenzjali jkunu tali li ż-żewġ siti jkunu jistgħu simultanjament jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ din id-Direttiva;

(2)

l-awtorità kompetenti tkun ikkunsidrat kwalunkwe opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-abbozz tal-permess li jinħareġ taħt l-Artikolu 10.

Artikolu 9

Il-kontenut tal-permessi għall-ħżin

Il-permess għandu jinkludi mill-inqas dan li ġej:

(1)

l-isem u l-indirizz tal-operatur;

(2)

il-lokalizzazzjoni u d-delimitazzjoni preċiża tas-sit tal-ħżin u tal-kumpless tal-ħżin, u tagħrif dwar l-unita idrawlika;

(3)

ir-rekwiżiti għall-operazzjoni tal-ħżin il-kwantità totali ta’ CO2 awtorizzata li tiġi maħżuna ġeoloġikament, il-limiti tal-pressjoni tal-ġibjun, u r-rati u l-pressjonijiet massimi ta’ injezzjoni;

(4)

ir-rekwiżiti għall-kompożizzjoni tan-nixxiegħa tas-CO2 u l-proċedura ta’ aċċettazzjoni tan-nixxiegħa tas-CO2 taħt l-Artikolu 12, u, jekk ikun meħtieġ, rekwiżiti oħra għall-injezzjoni u l-ħżin partikolarment biex ma jitħallewx isiru irregolaritajiet sinifikanti;

(5)

il-pjan ta’ monitoraġġ approvat, l-obbligazzjoni li jiġi implimentat il-pjan u r-rekwiżiti għall-aġġornament tiegħu taħt l-Artikolu 13 kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ rappurtaġġ taħt l-Artikolu 14;

(6)

ir-rekwiżit li tiġi nnotifikata l-awtorità kompetenti fil-każ ta’ tnixxijiet jew irregolaritajiet sinifikanti, il-pjan ta’ miżuri korrettivi approvat u l-obbligazzjoni li jiġi implimentat il-pjan ta’ miżuri korrettivi fil-każ ta’ tnixxijiet jew irregolaritajiet sinifikanti taħt l-Artikolu 16;

(7)

il-kundizzjonijiet għall-għeluq u l-pjan provviżorju ta’ wara l-għeluq approvat imsemmi fl-Artikolu 17;

(8)

dispożizzjonijiet dwar bidliet, reviżjoni, aġġornament u irtirar tal-permess għall-ħżin taħt l-Artikolu 11;

(9)

ir-rekwiżit li tiġi stabbilita u miżmuma l-garanzija finanzjarja jew kwalunkwe ekwivalenti ieħor taħt l-Artikolu 19.

Artikolu 10

Ir-reviżjoni tal-Kummissjoni tal-abbozzi tal-permessi għall-ħżin

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-applikazzjonijiet għall-permess disponibbli għall-Kummissjoni fi żmien xahar minn meta jkunu rċevewhom. Huma għandhom ukoll jagħmlu disponibbli materjal relatat ieħor li għandu jiġi meqjus mill-awtorità kompetenti meta din tkun ser tieħu deċiżjoni dwar l-għoti ta’ permess għall-ħżin. Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-abbozzi tal-permessi għall-ħżin kollha, u bi kwalunkwe materjal ieħor meqjus meta jiġi adottat l-abbozz tad-deċiżjoni. Fi żmien erba’ xhur wara li tirċievi l-abbozz ta’ permess għall-ħżin, il-Kummissjoni tista’ toħroġ opinjoni mhux vinkolanti dwarha. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li ma toħroġx opinjoni, hija għandha tgħarraf lill-Istat Membru fi żmien xahar mill-preżentazzjoni tal-abbozz tal-permess u tagħti r-raġunijiet tagħha għal dan.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika d-deċiżjoni finali lill-Kummissjoni, filwaqt li tistqarr ir-raġunijiet tagħha fejn tkun differenti mill-opinjoni tal-Kummissjoni.

Artikolu 11

Tibdil, reviżjoni, aġġornament u rtirar tal-permessi għall-ħżin

1.   L-operatur għandu jinforma lill-awtorità kompetenti bi kwalunkwe bidliet ippjanati fl-operazzjoni tas-sit tal-ħżin, inkluż tibdil li jikkonċerna l-operatur. Fejn xieraq, l-awtorità kompetenti għandha taġġorna l-permess għall-ħżin jew il-kundizzjonijiet tal-permess.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ebda bidla sostanzjali ma tiġi implimentata mingħajr il-ħruġ ta’ permess għall-ħżin ġdid jew aġġornat konformement ma’ din id-Direttiva. L-ewwel inċiż tal-punt 13 tal-Anness II tad-Direttiva 85/337/KEE għandu japplika f’każijiet bħal dawn.

3.   L-awtorità kompetenti għandha tirrivedi u fejn meħtieġ taġġorna jew, jekk ma jistax isir mod ieħor, tirtira l-permess għall-ħżin:

(a)

jekk tkun ġiet innotifikata jew tinġibdilha l-attenzjoni bi tnixxijiet jew kwalunkwe irregolarità sinifikanti taħt l-Artikolu 16(1);

(b)

jekk ir-rapporti preżentati taħt l-Artikolu 14 jew l-ispezzjonijiet ambjentali mwettqa taħt l-Artikolu 15 juru nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet tal-permess jew riskji ta’ tnixxijiet jew irregolaritajiet sinifikanti;

(c)

jekk tkun konxja minn kwalunkwe nuqqas ieħor mill-operatur li jilħaq il-kundizzjonijiet tal-permess;

(d)

jekk jidher li dan huwa neċessarju abbażi tal-aktar sejbiet xjentifiċi u progress teknoloġiku reċenti; jew

(e)

mingħajr preġudizzju għall-punti (a) sa (d), ħames snin wara l-ħruġ tal-permess u mbagħad kull għaxar snin.

4.   Wara li jiġi rtirat permess taħt il-paragrafu 3, l-awtorità kompetenti għandha jew toħroġ permess għall-ħżin ġdid jew tagħlaq is-sit tal-ħżin konformement mal-punt (c) tal-Artikolu 17(1). Sakemm ma jinħariġx permess għall-ħżin ġdid, l-awtorità kompetenti għandha temporanjament twettaq l-obbligi legali kollha relatati mal-kriterji ta’ aċċettazzjoni meta l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li l-injezzjonijiet tas-CO2, il-monitoraġġ u l-miżuri korrettivi ma jitwaqqfux konformement mar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva, iċ-ċediment tal-kwoti f’każijiet ta’ tnixxija taħt id-Direttiva 2003/87/KE u azzjoni preventiva u ta’ rimedju taħt l-Artikoli 5(1) u 6(1) tad-Direttiva 2004/35/KE. L-awtorità kompetenti għandha tirkupra kwalunkwe spejjeż magħmula mingħand l-operatur preċedenti anke billi tagħmel użu mill-garanzija finanzjarja msemmija fl-Artikolu 19. Fil-każ tal-għeluq tas-sit tal-ħżin taħt il-punt (c) tal-Artikolu 17(1), għandu japplika l-Artikolu 17(4).

KAPITOLU 4

L-OBBLIGAZZJONIJIET TAL-OPERAZZJONI, TAL-GĦELUQ U TA’ WARA L-GĦELUQ

Artikolu 12

Il-kriterji u l-proċedura tal-aċċettazzjoni tan-nixxiegħa tas-CO2

1.   Nixxiegħa tas-CO2 għandha tikkonsisti kważi kompletament f’dijossidu tal-karbonju. Għal dan il-għan, l-ebda skart jew ħaġa oħra ma jistgħu jiġu miżjuda sabiex dak l-iskart jew ħaġa oħra jiġu mormija. Madankollu, nixxiegħa tas-CO2 jista’ jkun fiha sustanzi assoċjati inċidentali mis-sors, mill-ġbir jew mill-proċess tal-injezzjoni u sustanzi ta’ traċċi miżjuda biex jgħin fil-monitoraġġ u l-verifika tal-migrazzjoni tas-CO2. Il-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi inċidentali u miżjuda kollha għandhom ikunu anqas minn livelli li:

(a)

jaffetwaw b’mod ħażin l-integrità tas-sit għall-ħżin jew l-l-infrastruttura tat-trasport rilevanti;

(b)

ikunu ta’ riskju sinifikanti għall-ambjent jew għas-saħħa umana; jew

(c)

jiksru r-rekwiżiti tal-leġislazzjoni Komunitarja applikabbli.

2.   Il-Kummissjoni għandha, jekk ikun il-każ, tadotta linji gwida bħala għajnuna għall-identifikazzjoni tal-kondizzjonijiet applikabbli fuq bażi ta’ każ b’każ għar-rispett tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operatur:

(a)

jaccetta u jinjetta biss nixxigħat tas-CO2 jekk ikunu twettqu analiżi tal-kompoizzjoni, inklużi s-sustanzi korrużivi, tan-nixxigħat, u stima tar-riskju, u jekk l-istima tar-riskju turi li l-livelli ta’ kontaminazzjoni huma konformi mal-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1,

(b)

iżomm reġistru tal-kwantitajiet u l-karatteristiċi tan-nixxiegħat tas-CO2 konsenjati, u injettati, inkluża l-kompożizzjoni ta’ dawk, in-nixxiegħat.

Artikolu 13

Il-monitoraġġ

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operatur iwettaq monitoraġġ tal-faċilitajiet ta’ injezzjoni, tal-kumpless tal-ħżin (anke fejn possibbli tal-formazzjoni tas-CO2), u fejn xieraq tal-ambjent tal-madwar għall-iskop ta’:

(a)

tqabbil bejn il-komportament attwali u dak immuddellat tas-CO2 u ilma ta’ formazzjoni, fis-sit tal-ħżin;

(b)

rilevament ta’ irregolaritajiet sinifikanti;

(c)

l-identifikar ta’ migrazzjoni ta’ CO2;

(d)

l-identifikar ta’ tnixxija tas-CO2;

(e)

l-identifikar ta’ effetti ta’ ħsara sinifikanti għall-ambjent tal-madwar, anke b’mod partikolari fuq l-ilma tax-xorb, għall-popolazzjonijiet tal-bnedmin, jew għall-utenti tal-biosfera tal-madwar;

(f)

il-valutazzjoni tal-effikaċja ta’ kwalunkwe miżuri korrettivi meħuda taħt l-Artikolu 16;

(g)

aġġornament tal-valutazzjoni tas-sigurtà u l-integrità tal-kumpless tal-ħżin fil-perjodu qasir u dak fit-tul, inkluża l-valutazzjoni jekk is-CO2 maħżun huwiex se jkun kompletament permanentement konfinat.

2.   Il-monitoraġġ għandu jkun ibbażat fuq pjan ta’ monitoraġġ imfassal mill-operatur konformement mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II, inklużi dettalji dwar il-monitoraġ bi qbil mal-linji gwida stabbiliti taħt l-Artikolu 14 u l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2003/87/KE, preżentat lill-awtorità kompetenti u approvat minnha taħt il-punt 6 tal-Artikolu 7 u taħt il-punt 5 tal-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva. Il-pjan għandu jiġi aġġornat konformement mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II u f’kull każ kull ħames snin biex jitqies t-tibdil għar-riskju vvalutat ta’ tnixxija, tibdil fir-riskji stmati għall-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, konoxxenza xjentifika ġdida, u titjib fl-aħjar teknoloġija disponibbli. Għandhom jiġu preżentati mill-ġdid pjanijiet aġġornati għall-approvazzjoni lill-awtorità kompetenti.

Artikolu 14

Ir-rappurtar mill-operatur

Bi frekwenza li għandha tiġi ddeterminata mill-awtorità kompetenti, u fi kwalunkwe każ mill-inqas darba f’sena, l-operatur għandu jippreżenta lill-awtorità kompetenti:

(1)

ir-riżultati kollha tal-monitoraġġ taħt l-Artikolu 13 fil-perjodu tar-rappurtar inkluż it-tagħrif dwar it-teknoloġija tal-monitoraġġ użata;

(2)

il-kwantitajiet u l-karatteristiċi tan-nixxiegħat tas-CO2 ikkonsenjati u injettati, inkluża, l-kompożizzjoni ta’ dawk in-nixxigħat, fil-perjodu tar-rappurtar, reġistrati taħt il-punt (b) tal-Artikolu 12(3);

(3)

prova tat-twaqqif u taż-żamma tal-garanzija finanzjarja taħt l-Artikolu 19 u taħt il-punt 9 tal-Artikolu 9;

(4)

kwalunkwe tagħrif ieħor li l-awtorità kompetenti tqis rilevanti għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità mal-kundizzjonijiet tal-permess għall-ħżin u taż-żieda fil-konoxxenza dwar il-komportament tas-CO2 fis-sit tal-ħżin.

Artikolu 15

Ispezzjonijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jorganizzaw sistema ta’ spezzjonijiet ta’ rutina jew mhux ta’ rutina tal-kumplessi tal-ħżin kollha ġewwa l-ambitu ta’ din id-Direttiva għall-finijiet ta’ ċċekkjar u promozzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva u tal-monitoraġġ tal-effetti fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem.

2.   L-ispezzjonijiet għandhom jinkludu attivitajiet bħal żjarat tal-istallazzjonijiet tal-wiċċ, inklużi l-faċilitajiet ta’ injezzjoni, il-valutazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ injezzjoni u ta’ monitoraġġ imwettqa mill-operatur, u l-iċċekkjar tar-reġistri kollha rilevanti miżmuma mill-operatur.

3.   L-ispezzjonijiet ta’ rutina għandhom jitwettqu mill-inqas darba fis-sena sa tliet snin wara l-għeluq u kull ħames snin sa meta jseħħ it-trasferiment tar-responsabbiltà lill-awtorità kompetenti.. Għandhom jeżaminaw il-faċilitajiet ta’ injezzjoni u ta’ monitoraġġ rilevanti kif ukoll il-firxa sħiħa tal-effetti rilevanti mill-kumpless tal-ħżin fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem.

4.   L-ispezzjonijiet mhux ta’ rutina għandhom jitwettqu:

(a)

jekk l-awtorità kompetenti tkun ġiet innotifikata jew nġibditilha l-attenzjoni bi tnixxijiet jew b’irregolaritajiet sinifikanti taħt l-Artikolu 16(1);

(b)

jekk ir-rapporti taħt l-Artikolu 14 ikunu wrew konformità mhux suffiċjenti mal-kundizzjonijiet tal-permess;

(c)

biex jiġu investigati lmenti relatati mal-ambjent jew mas-saħħa tal-bniedem serji;

(d)

f’sitwazzjonijiet oħra fejn l-awtorità kompetenti tqis dan xieraq.

5.   Wara kull spezzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tipprepara rapport dwar ir-riżultati tal-ispezzjoni. Ir-rapport għandu jevalwa l-konformità mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u jindika jekk hijiex meħtieġa jew le azzjoni oħra. Ir-rapport għandu jiġi kkomunikat lill-operatur ikkonċernat u għandu jkun disponibbli pubblikament konformement mal-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti fi żmien xahrejn mill-ispezzjoni.

Artikolu 16

Il-miżuri f’każ ta’ tnixxijiet jew irregolaritajiet sinifikanti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li f’każ ta’ tnixxijiet jew irregolaritajiet sinifikanti, l-operatur jinnotifika immedjatament lill-awtorità kompetenti u jieħu l-miżuri korrettivi meħtieġa inklużi miżuri li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. Fil-każijiet ta’ tnixxijiet u rregolaritajiet sinifikanti li jimplikaw ir-riskju ta’ tnixxija, l-operatur għandu jinnotifika wkoll lill-awtorità kompetenti konformement mad-Direttiva 2003/87/KE.

2.   Il-miżuri korrettivi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jittieħdu bħala minimu abbażi ta’ pjan ta’ miżuri korrettivi preżentat lill-awtorità kompetenti u approvat minnha taħt il-punt 7 tal-Artikolu 7 u taħt il-punt 6 tal-Artikolu 9;

3.   L-awtorità kompetenti tista’ f’kull ħin teħtieġ lill-operatur biex jieħu miżuri korrettivi meħtieġa kif ukoll il-miżuri relatati mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. Dawn jistgħu jkunu addizzjonali għal jew differenti minn dawk stabbiliti fil-pjan ta’ miżuri korrettivi. Hija tista’ wkoll fi kwalunkwe ħin tieħu miżuri korrettivi hija stess.

4.   Jekk l-operatur jonqos milli jieħu l-miżuri korrettivi meħtieġa, l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri korrettivi meħtieġa hija stess.

5.   L-awtorità kompetenti għandha tirkupra l-ispejjeż imġarrba fir-rigward tal-miżuri msemmija fil-paragrafi 3 u 4 mingħand l-operatur anke bl-użu tal-garanzija finanzjarja taħt l-Artikolu 19.

Artikolu 17

L-obbligazzjonijiet tal-għeluq u ta’ wara l-għeluq

1.   Sit tal-ħżin għandu jingħalaq:

(a)

jekk il-kundizzjonijiet rilevanti ddikjarati fil-permess jintlaħqu;

(b)

fuq talba issostanzjata tal-operatur, wara awtorizzazzjoni tal-awtorità kompetenti; jew

(c)

jekk l-awtorità kompetenti tiddeċiedi hekk wara l-irtirar ta’ permess għall-ħżin taħt l-Artikolu 11(3).

2.   Wara li sit tal-ħżin jingħalaq taħt il-punti (a) jew (b) tal-paragrafu 1, l-operatur jibqa’ responsabbli għall-monitoraġġ, għar-rappurtar, u għall-miżuri korrettivi konformement mar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva, u għall-obbligazzjonijiet kollha relatati maċ-ċediment tal-kwoti f’każ ta’ tnixxijiet taħt id-Direttiva 2003/87/KE u azzjonijiet preventivi u ta’ rimedju taħt l-Artikoli 5 sa 8 tad-Direttiva 2004/35/KE, sakemm ir-responsabbiltà għas-sit tal-ħżin tiġi trasferita lill-awtorità kompetenti taħt l-Artikolu 18(1) sa (5) ta’ din id-Direttiva. L-operatur għandu wkoll ikun responsabbli għall-issiġillar tas-sit tal-ħżin u t-tneħħija tal-faċilitajiet ta’ injezzjoni.

3.   L-obbligazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu sodisfatti fuq il-bażi ta’ pjan ta’ wara l-għeluq imfassal mill-operatur ibbażat fuq l-aħjar prattika u konformement mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II. Il-pjan provviżorju ta’ wara l-għeluq għandu jiġi preżentat lill-awtorità kompetenti u jiġi approvat minnha taħt il-punt 8 tal-Artikolu 7 u taħt il-punt 7 tal-Artikolu 9. Qabel l-għeluq ta’ sit tal-ħżin taħt il-punt (a) jew il-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-pjan provviżorju ta’ wara l-għeluq għandu jkun:

(a)

aġġornat kif meħtieġ, b’kont meħud tal-analiżi tar-riskju, l-aħjar prattika u t-titjib teknoloġiku;

(b)

preżentat lill-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni tagħha; u

(c)

approvat mill-awtorità kompetenti bħala l-pjan ta’ wara l-għeluq definittiv.

4.   Wara li sit tal-ħżin jingħalaq taħt il-punt (c) tal-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha tkun responsabbli, għall-monitoraġġ, u l-miżuri korrettivi konformement mar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva u għall-obbligazzjonijiet kollha relatati maċ-ċediment tal-kwoti fil-każ ta’ tnixxija taħt id-Direttiva 2003/87/KE u għall-azzjoni preventiva u ta’ rimedju taħt l-Artikolu 5(1) u 6(1) tad-Direttiva 2004/35/KE. Ir-rekwiżiti ta’ wara l-għeluq taħt din id-Direttiva għandhom jiġu sodisfatti mill-awtorità kompetenti fuq il-bażi tal-pjan provviżorju ta’ wara l-għeluq imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, li għandu jkun aġġornat kif meħtieġ.

5.   L-awtorità kompetenti għandha tirkupra mingħand l-operatur l-ispejjeż magħmulin fir-rigward tal-miżuri msemmijin fil-paragrafu 4, anke bl-użu tas-sigurtà finanzjarja taħt l-Artikolu 19.

Artikolu 18

It-trasferiment tar-responsabbiltà

1.   Fejn sit tal-ħżin jingħalaq taħt il-punti (a) jew (b) tal-Artikolu 17(1), l-obbligazzjonijiet legali kollha relatati mal-monitoraġġ u l-miżuri korrettivi taħt ir-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva, iċ-ċediment tal-kwoti f’każijiet ta’ tnixxija taħt id-Direttiva 2003/87/KE u l-azzjoni preventiva u ta’ rimedju taħt l-Artikoli 5(1) u 6(1) tad-Direttiva 2004/35/KE, għandhom jiġu trasferiti lill-awtorità kompetenti fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba mill-operatur dment li l-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu rrispettati:

(a)

l-evidenza disponibbli kollha tindika li s-CO2 maħżun ser ikun kontenut kompletament u b’mod permanenti;

(b)

perijodu minimu, li għandu jiġi determinat mill-awtorità kompetenti, ikun għadda. Dan il-perijodu minimu m’għandux ikun inqas minn 20 sena, sakemm il-awtorità kompetenti ma tkunx konvinta li l-kriterju msemmi fil-punt (a) ġie sodisfatt qabel tmiem dan il-perijodu;

(c)

l-obbligi finanzjarji msemmija fl-Artikolu 20 jkunu ġew sodisfatti;

(d)

is-sit ikun ġie ssiġġillat u l-faċilitajiet ta’ injezzjoni tneħħew.

2.   L-operatur għandu jħejji rapport li jiddokumenta li l-kondizzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ġiet sodisfatta u għandu jippreżentah lill-awtorità kompetenti sabiex din tal-aħħar tapprova t-trasferiment tar-responsabbiltà. Dan ir-rapport għandu juri, mill-inqas:

(a)

il-konformità bejn il-komportament reali tas-CO2 injettat u il-komportament mmudellat;

(b)

in-nuqqas ta’ kwalunkwe tnixxija li tista’ tiġi rilevata;

(c)

li s-sit għall-ħżin qed jevolvi lejn sitwazzjoni ta’ stabbiltà fit-tul.

Il-Kummissjoni tista’ tadotta linji gwida dwar il-valutazzjoni tal-kwistjonijiet imsemmija fis-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu, filwaqt li tenfasizza fihom kwalunkwe implikazzjoni għall-kriterji tekniċi rilevanti għad-determinazzjoni tal-perijodi minimi msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1.

3.   Meta l-awtorità kompetenti tkun sodisfatta li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 ikunu ntlaħqu, hija għandha tħejji abbozz ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni tat-trasferiment tar-responsabbiltà. L-abbozz tad-deċiżjoni għandu jispeċifika l-metodu għad-determinazzjoni li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 1 ikunu ġew sodisfatti kif ukoll kwalunkwe rekwiżit aġġornat għall-issiġġillar tas-sit għall-ħżin u għat-tneħħija tal-faċilitajiet ta’ injezzjoni.

Jekk l-awtorità kompetenti tqis li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 mhumiex sodisfatti, hija għandha tinforma lill-operatur bir-raġunijiet tagħha.

4.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu r-rapporti msemmija fil-paragrafu 2 disponibbli għall-Kummissjoni fi żmien xahar minn meta jkunu rċevewhom. Huma għandhom ukoll jagħmlu disponibbli materjal relatat ieħor li għandu jiġi meqjus mill-awtorità kompetenti meta din tħejji abbozz ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni dwar it-trasferiment ta’ responsabbiltà. Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-abbozzi tad-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni kollha mħejjija mill-awtorità kompetenti taħt il-paragrafu 3, inkluż kwalunkwe materjal ieħor meqjus biex tasal għall-konklużjoni tagħha. Fi żmien erba’ xhur wara li tirċievi l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni, il-Kummissjoni tista’ toħroġ opinjoni mhux vinkolanti dwaru. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li ma toħroġx opinjoni, hija għandha tgħarraf lill-Istat Membru fi żmien xahar mill-preżentazzjoni tal-abbozz tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni u tagħti r-raġunijiet tagħha għal dan.

5.   Meta l-awtorità kompetenti tkun sodisfatta li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 1 ġew sodisfatti, hija għandha tadotta d-deċiżjoni finali u tinnotifika dik id-deċiżjoni lill-operatur L-awtorità kompetenti għandha wkoll tinnotifika d-deċiżjoni finali lill-Kummissjoni, filwaqt li tistqarr ir-raġunijiet tagħha fejn tkun differenti mill-opinjoni tal-Kummissjoni.

6.   Wara t-trasferiment tar-responsabbiltà l-ispezzjonijiet ta’ rutina previsti fl-Artikolu 15(3) għandhom jieqfu u, il-monitoraġġ jista’ jitnaqqas għal livell li jippermetti li jinstabui tnixxiji jew irregolaritajiet sinifikanti. Jekk jinstabu kwalunkwe tnixxijiet jew irregolaritajiet sinifikanti, il-monitoraġġ għandu jiġi intensifikat kif meħtieġ biex jevalwa l-kobor tal-problema u l-effikaċja ta’ miżuri korrettivi.

7.   F’każijiet fejn kien hemm nuqqas min-naħa tal-operatur, inklużi każijiet ta’ data mhix tajba biżżejjed, ħabi ta’ tagħrif rilevanti, negliġenza, ingann bi ħsieb jew nuqqas fl-eżerċizzju tad-diliġenza dovuta, l-awtorità kompetenti għandha tirkupra mingħand l-operatur preċedenti l-ispejjeż imġarrba wara li jkun seħħ it-trasferiment tar-responsabbiltà. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20, ma għandu jkun hemm l-ebda rkupru ieħor tal-ispejjeż preċedenti wara t-trasferiment tar-responsabbiltà.

8.   Fejn sit tal-ħżin jingħalaq taħt il-punt (c) tal-Artikolu 17(1), it-trasferiment tar-responsabbiltà għandha titqies li seħħet jekk u meta l-evidenza kollha disponibbli tkun tindika li s-CO2 maħżun se jkun kompletament u permanentement konfinat, u wara li s-sit ikun ġie issiġillat u l-faċilitajiet ta’ injezzjoni jkunu ġew imneħħija.

Artikolu 19

Il-garanzija finanzjarja

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tingħata prova li jistgħu jkunu stabbiliti dispożizzjonijiet adegwati, bħala garanzija finanzjarja jew kwalunkwe mezz ekwivalenti ieħor, fuq il-bażi ta’ arranġamenti li għandhom jiġu deċiżi mill-Istati Membri, hija ppreżentata mill-operatur potenzjali bħala parti mill-applikazzjoni għall-permess għall-ħżin. Dan sabiex jiġi żgurat li l-obbligazzjonijiet kollha li jirriżultaw taħt il-permess maħruġ taħt din id-Direttiva, inklużi rekwiżiti tal-għeluq u ta’ wara l-għeluq, kif ukoll kwalunkwe obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-inklużjoni tas-siti għall-ħżin taħt id-Direttiva 2003/87/KE jistgħu jintlaħqu. Din is-sigurtà finanzjarja għandha tkun valida u effettiva qabel il-bidu tal-injezzjoni.

2.   Il-garanzija finanzjarja għandha tiġi aġġustata perjodikament biex jittieħed kont tat-tibdil għar-riskju valutat ta’ tnixxija u l-ispejjeż stmati tal-obbligazzjonijiet kollha li jirriżultaw taħt il-permess maħruġ taħt din id-Direttiva, inkluża kwalunkwe obbligazzjoni li tirriżulta mill-inklużjoni tas-sit għall-ħżin taħt id-Direttiva 2003/87/KE.

3.   Il-garanzija finanzjarja jew kwalunkwe mezz ekwivalenti ieħor imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom tibqa’ valida u effettiva:

(a)

wara li sit tal-ħżin jingħalaq taħt il-punti (a) jew (b) tal-Artikolu 17(1), sakemm ir-responsabbiltà għas-sit tal-ħżin tiġi trasferita lill-awtorità kompetenti taħt l-Artikolu 18(1) sa (5);

(b)

wara l-irtirar ta’ permess għall-ħżin taħt l-Artikolu 11(3):

(i)

sakemm jinħareġ permess għall-ħżin ġdid;

(ii)

fejn is-sit jingħalaq taħt il-punt (c) tal-Artikolu 17(1), sa meta jsir it-trasferiment tar-responsabbiltà taħt l-Artikolu 18(8), dment li l-obbligi finanzjarji msemmija fl-Artikolu 20 jkunu ntlaħqu.

Artikolu 20

Mekkaniżmu finanzjarju

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operatur, abbażi tal-arranġamenti dettaljati li għandhom ikunu deċiżi mill-Istati Membri, iqiegħed kontribuzzjoni finanzjarja għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti qabel ma jkun sar it-trasferiment tar-responsabbiltà taħt l-Artikolu 18. Il-kontribuzzjoni mill-operatur għandha tqis dawk il-kriterji msemmija fl-Anness I u l-elementi li għandhom x’jaqsmu ir-rekord tal-ħżin tas-CO2 rilevanti biex ikunu determinati l-obbligi ta’ wara t-trasferiment, u għandha tkopri mill-inqas l-ispiża antiċipata ta’ monitoraġġ għal perijodu ta’ 30 sena. Din il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tintuża biex tkopri l-ispejjeż imġarrba mill-awtorità kompetenti wara t-trasferiment tar-responsabbiltà sabiex ikun żgurat li s-CO2 ikun kontenut kompletament b’mod permanenti u f’siti għall-ħżin ġeoloġiku wara t-trasferiment tar-responsabbiltà.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta linji gwida għall-istima tal-ispejjeż imsemmija fl-ewwel paragrafu li għandhom ikunu żviluppati f’konsultazzjoni mal-Istati Membri bil-ħsieb li tkun żgurata t-trasparenza u l-prevedibbiltà għall-operaturi.

KAPITOLU 5

L-AĊĊESS TA’ TERZI

Artikolu 21

L-aċċess għan-network tat-trasport u għas-siti tal-ħżin

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li utenti potenzjali jkunu jistgħu jiksbu aċċess għan-networks tat-trasport u għas-siti tal-ħżin għall-finijiet ta’ ħżin ġeoloġiku tas-CO2 prodott u miġbur, konformement mal-paragrafi 2, 3 u 4.

2.   L-aċċess imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi pprovdut b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju determinat mill-Istat Membru. L-Istat Membru għandu japplika objettivi ta’ aċċess ġust u miftuħ, u jqis:

(a)

il-kapaċità tal-ħżin li hija jew li tista’ raġonevolment tkun disponibbli ġewwa ż-żoni ddeterminati taħt l-Artikolu 4, u l-kapaċità ta’ transport li hija jew li tista’ raġonevolment tkun disponibbli;

(b)

il-proporzjon tiegħu tal-obbligazzjonijiet ta’ tnaqqis tas-CO2 taħt strumenti legali internazzjonali u leġiżlazzjoni tal-Komunità li għandu l-intenzjoni li jilħaq permezz tal-ġbir u l-ħżin ġeoloġiku tas-CO2,

(c)

il-bżonn li jiġi rrifjutat l-aċċess fejn ikun hemm nuqqas ta’ kompatibbiltà tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li ma jistgħux jingħelbu b’mod raġonevoli;

(d)

il-bżonn li jiġu rrispettati l-bżonnijiet raġonevoli sostanzjati kif xieraq tas-sid jew tal-operatur tas-sit tal-ħżin jew tan-network tat-trasport tas-CO2 u l-interessi tal-utenti l-oħra kollha tal-ħżin jew tan-network jew tal-faċilitajiet rilevanti tal-ipproċessar jew tal-ġarr li jistgħu jiġu affetwati; u;

3.   L-operaturi tan-network tat-trasport tas-CO2 u l-operaturi tas-siti tal-ħżin jistgħu jirrifjutaw l-aċċess għal raġuni ta’ nuqqas ta’ kapaċità. Għandhom jingħataw raġunijiet sostanzjati kif xieraq għal kull rifjut.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-operatur li jirrifjuta l-aċċess għal raġuni ta’ nuqqas ta’ kapaċità jew nuqqas ta’ konnessjoni jagħmel kull titjib meħtieġ sa fejn ikun ekonomiku li jagħmel dan jew meta jkun hemm klijent potenzjali li jkun lest li jħallas għalihom, sakemm dan ma jkollux impatt negattiv fuq is-sikurezza ambjentali tat-trasport u l-ħżin ġeoloġiku tas-CO2.

Artikolu 22

Ir-riżoluzzjoni ta’ disputi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkollhom stabbiliti arranġamenti ta’ riżoluzzjoni ta’ disputi, inkluża awtorità indipendenti mill-partijiet b’aċċess għat-tagħrif kollu rilevanti, sabiex id-disputi relatati mal-aċċess għan-networks tat-trasport u għas-siti tal-ħżin jiġu riżolti malajr, filwaqt li jiġu meqjusal-kriterji msemmija fl-Artikolu 21(2) u n-numru ta’ partijiet li jistgħu jkunu involuti fin-negozjar ta’ dan l-aċċess.

2.   F’każ ta’ disputi transkonfinali, għandhom jiġu applikati l-arranġamenti ta’ riżoluzzjoni ta’ disputi tal-Istat Membru li jkollu ġuriżdizzjoni fuq in-network tat-trasport jew fuq is-sit tal-ħżin li għalih l-aċċess ġie rifjutat. Fejn, f’disputi transkonfinali, aktar minn Stat Membru wieħed ikopri n-network tat-trasport jew is-sit tal-ħżin kkonċernat, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkonsultaw bil-għan li jiġi żgurat li din id-Direttiva tiġi applikata b’mod konsistenti.

KAPITOLU 6

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 23

L-awtorità kompetenti

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu jew jinnominaw l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti responsabbli biex jissodisfaw id-dmirijiet stabbiliti taħt din id-Direttiva. Fejn tiġi nnominata aktar minn awtorità kompetenti waħda, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu arranġamenti għall-koordinazzjoni tax-xogħol ta’ dawn l-awtoritajiet magħmul taħt din id-Direttiva.

Artikolu 24

Kooperazzjoni transkonfinali

F’każijiet ta’ transport transkonfinali tas-CO2, siti tal-ħżin transkonfinali jew kumplessi tal-ħżin transkonfinali, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jilħqu r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u ta’ leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Komunità b’mod konġunt.

Artikolu 25

Reġistri

1.   L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi u żżomm:

(a)

reġistru tal-permessi għall-ħżin mogħtija u

(b)

reġistru permanenti tas-siti tal-ħżin magħluqa kollha u tal-kumplessi tal-ħżin tal-madwar, inklużi mapep u taqsimiet li juru safejn dawn iwasslu u tagħrif disponibbli rilevanti biex jiġi vvalutat li s-CO2 maħżun ser ikun kontenut kompletament u permanentement.

2.   Għandu jittieħed kont tar-reġistri msemmija fil-paragrafu 1 mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-proċeduri ta’ ppjanar rilevanti u meta jippermettu xi attività li tista’ taffetwa lil jew tiġi affetwata mill-ħżin ġeoloġiku tas-CO2 fis-siti tal-ħżin reġistrati.

Artikolu 26

Tagħrif għall-pubbliku

L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-pubbliku it-tagħrif ambjentali relatat mal-ħżin ġeoloġiku tas-CO2 konformement mal-leġislazzjoni Komunitarja applikabbli.

Artikolu 27

Ir-rappurtar mill-Istati Membri

1.   Kull tliet snin l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva inkluż ir-reġistru msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 25(1). L-ewwel rapport għandu jintbagħat lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2011. Ir-rapport għandu jsir fuq il-bażi ta’ kwestjonarju jew deskrizzjoni ġenerali mfasslin mill-Kummissjoni konformement mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/692/KEE. Il-kwestjonarju jew id-deskrizzjoni ġenerali għandha tintbagħat lill-Istati Membri mill-inqas sitt xhur qabel l-iskadenza għall-preżentazzjoni tar-rapport.

2.   Il-Kummissjoni għandha torganizza skambju ta’ tagħrif bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 28

Penalitajiet

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penalitajiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati taħt din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penalitajiet ipprovduti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissuażivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa 25 ta’ Ġunju 2011 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien b’kull emenda sussegwenti li taffetwahom.

Artikolu 29

Emendament tal-Annessi

Jistgħu jittieħdu miżuri għall-emendament tal-Annessi. Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bl-iskrutinju msemmija fl-Artikolu 30(2).

Artikolu 30

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat tal-Bdil fil-Klima.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 ta’ din.

KAPITOLU 7

EMENDI

Artikolu 31

Emendament tad-Direttiva 85/337/KEE

Id-Direttiva 85/337/KEE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

L-Anness I għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-punt 16 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“16.

Pipelines b’dijametru ta’ aktar minn 800 mm u tul ta’ aktar minn 40 km

għat-trasport ta’ gass, żejt, sustanzi kimiċi u

għat-trasport ta’ nixxigħat tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) għall-finijiet ta’ ħżin ġeoloġiku, inklużi l-istazzjonijiet tal-kompressjoni assoċjati.”

(b)

Għandhom jiżdiedu il-punti li ġejjin:

“23.

Siti tal-ħżin taħt id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju (*).

24.

Stallazzjonijiet għall-ġbir tan-nixxiegħat tas-CO2 għall-finijiet tal-ħżin ġeoloġiku taħt id-Direttiva 2009/31/KE minn istallazzjonijiet koperti minn dan l-Anness, jew fejn il-ġbir totali annwali tas-CO2 tkun ta’ 1,5 mega tunnellati jew aktar.

(*)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 114”."

(2)

L-Anness II, għandu jkun emendat kif ġej:

(a)

il-punt li ġej huwa miżjud mal-punt 3:

“(j)

Stallazzjonijiet għall-ġbir tan-nixxiegħat tas-CO2 għall-finijiet tal-ħżin ġeoloġiku taħt id-Direttiva 2009/31/KE minn istallazzjonijiet mhux koperti mill-Anness I ta’ din id-Direttiva.”

(b)

Il-punt (i) tal-punt 10 għandu jkun issostitwit b’dan li ġej:

“(i)

Stallazzjonijiet ta’ oleodotti u gassdotti u linji ta’ pajpijiet għat-trasport ta’ nixxigħat ta’ CO2 għall-finijiet ta’ ħżin ġeoloġiku (proġetti mhux inklużi fl-Anness I).”

Artikolu 32

Emendament tad-Direttiva 2000/60/KE

Fil-punt (j) tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2000/60/KE, l-inċiż li ġej għandu jiddaħħal wara t-tielet inċiż:

“—

injezzjoni tan-nixxiegħat tad-dijossidu tal-karbonju għall-finijiet tal-ħżin f’formazzjonijiet ġeoloġiċi li għal raġunijiet naturali mhumiex permanentement adegwati għal finijiet oħra, sakemm din it-tip ta’ injezzjoni ssir konformement mad-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju] (*) jew tkun eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva taħt l-Artikolu 2(2) tagħha;

Artikolu 33

Emendament tad-Direttiva 2001/80/KE

Fid-Direttiva 2001/80/KE, għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 9a

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li operaturi tal-impjanti tal-kombustjoni kollha b’kapaċità stmata ta’ produzzjoni elettrika ta’ 300 megawatt jew aktar li għalihom il-liċenzja oriġinali ta’ kostruzzjoni jew, fin-nuqqas ta’ proċedura ta’ dan it-tip, il-liċenzja oriġinali biex joperaw tingħata wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju] (*), ikunu vvalutaw jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin humiex sodisfatti:

is-siti għall-ħżin adegwati jkunu disponibbli;

il-faċilitajiet tat-trasport ikunu teknikament u ekonomikament fattibbli;

ikun teknikament u ekonomikament fattibbli li jsir tagħmir ġdid wara għall-ġbir tas-CO2.

2.   Jekk il-kondizzjonijiet fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li jitħalla spazju adatt fuq is-sit tal-istallazzjoni għat-tagħmir meħtieġ għall-ġbir u l-kompressjoni tas-CO2. L-awtorità kompetenti għandha tiddetermina jekk il-kondizzjonijiet humiex sodisfatti abbażi tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u tagħrif ieħor disponibbli, partikolarment rigward il-protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem.

Artikolu 34

Emendament tad-Direttiva 2004/35/KE

Fl-Anness III għad-Direttiva 2004/35/KE, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“14.

L-operazzjoni ta’ siti tal-ħżin taħt id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju] (*);

Artikolu 35

Emendament tad-Direttiva 2006/12/KE

Il-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/12/KE għabdu jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

skariki ta’ gassijiet mitfugħa fl-atmosfera u dijossidu tal-karbonju miġbur u trasportat għall-finijiet tal-ħżin ġeoloġiku u maħżun ġeoloġikament konformement mad-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju] (*) jew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva taħt l-Artikolu 2(2) tagħha;

Artikolu 36

Emendament tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006

Fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006, għandu jiżdied il-punt li ġej:

“(h)

vjeġġi ta’ CO2 għall-finijiet tal-ħżin ġeoloġiku konformement mad-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju] (*);

Artikolu 37

Emendament tad-Direttiva 2008/1/KE

Fl-Anness I għad-Direttiva 2008/1/KE, għandu jiżdied il-punt li ġej:

“6.9

Il-ġbir tan-nixxiegħat tas-CO2 minn istallazzjonijiet koperti minn din id-Direttiva għall-finijiet tal-ħżin ġeoloġiku taħt id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju] (*).

KAPITOLU 8

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 38

Reviżjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tittrasmetti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva fi żmien disa’ xhur minn meta tirċievi r-rapporti msemmijin fl-Artikolu 27.

2.   Fir-rapport trasmess sal-31 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni għandha tivvaluta, b’mod partikolari, abbażi tal-esperjenza rigward l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, fid-dawl tal-esperjenza rigward is-CCS u b’kont meħud tal-progress tekniku u tal-konoxxenza xjentifika l-aktar reċenti:

jekk il-konteniment permanenti tas-CO2 b’tali mod li jiġu prevenuti u mnaqqsa kemm jista’ jkun l-effetti negattivi fuq l-ambjent u kwalunkwe riskju li jirriżulta għas-saħħa tal-bniedem u s-sikurezza ambjentali u umana mis-CCS ġiex muri b’mod suffiċjenti;

jekk il-proċeduri rigward ir-reviżjonijiet mill-Kummissjoni tal-abbozzi tal-permessi għall-ħżin, imsemmijin fl-Artikolu 10 u l-abbozzi tad-deċiżjonijiet dwar it-trasferiment tar-responsabbiltà imsemmijiet fl-Artikolu 18 għadhomx meħtieġa;

l-esperjenza bid-dispożizzjonijiet dwar il-kriterji u l-proċedura għall-aċċettazzjoni ta’ nixxigħat tas-CO2 msemmija fl-Artikolu 12;

l-esperjenza bid-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-partijiet terzi msemmi fl-Artikoli 21 u 22 u bid-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni transkonfinali taħt l-Artikolu 24;

id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-impjanti ta’ kombustjoni b’kapaċità ta’ produzzjoni elettrika ta’ 300 megawatts jew aktar imsemmijin fl-Artikolu 9a tad-Direttiva 2001/80/KE;

prospetti għall-ħżin ġeoloġiku tas-CO2 f’pajjiżi terzi;

aktar żvilupp u aġġornament tal-kriterji msemmija fl-Anness I u fl-Anness II;

esperjenza rigward inċentivi għall-applikazzjoni tas-CCS fuq installazzjonijiet tal-kombustjoni tal-bijomassa;

il-ħtieġa għal aktar regolamentazzjoni rigward riskji ambjentali relatati mat-trasport tas-CO2;

u għandha tippreżenta proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva jekk ikun hemm bżonn.

3.   Meta jintwera b’mod suffiċjenti li jkun hemm kontaminazzjoni permanenti tas-CO2 b’mod li jkunu impeduti u, meta dan ma jkunx possibbli, eliminati kemm jista’ jkun l-effetti negattivi u kwalunkwe riskju għall-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, u s-sigurtà ambjentali u għall-bniedem tas-CCS, kif ukoll il-fattibbiltà ekonomika tagħha, ir-reviżjoni għandha teżamina jekk hux meħtieġ u prattikabbli li jkun stabbilit rekwiżit obbligatorju għal standards ta’ prestazzjoni ta’ emmissjonijiet għal installazzjonijiet ta’ kombustjoni kbar u ġodda għall-ġenerazzjoni tal-elettriku taħt l-Artikolu 9a tad-Direttiva 2001/80/KE.

Artikolu 39

Traspożizzjoni u miżuri tranżitorji

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa 25 ta’ Ġunju 2011. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk il-miżuri.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbili mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-siti għall-ħżin li ġejjin li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jintużaw konformement mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva sa 25 ta’ Ġunju 2012:

(a)

siti għall-ħżin użati taħt il-leġislazzjoni eżistenti fi 25 ta’ Ġunju 2009;

(b)

siti għall-ħżin awtorizzati taħt tali leġislazzjoni qabel jew fi 25 ta’ Ġunju 2009, sakemm dawn is-siti ma jintużawx aktar tard minn sena wara dik id-data.

L-Artikoli 4 u 5, il-punt (3) tal-Artikolu 7(3), il-punt (2) tal-Artikolu 8 u l-Artikolu 10 m’għandhomx japplikaw f’dawn il-każijiet.

Artikolu 40

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 41

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strażburgu, 23 ta’ April 2009

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

P. NEČAS


(1)  ĠU C 27, 3.2.2009, p. 75

(2)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2009.

(3)  ĠU L 33, 7.2.1994, p. 11.

(4)  ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 24, 29.1.2008, p. 8.

(6)  ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40.

(7)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(8)  ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56.

(9)  ĠU L 377, 31.12.1991, p. 48.

(10)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(11)  ĠU L 114, 27.4.2006, p. 9. Id-Direttiva 2006/12/KE tħassret bid-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3) b’effett mit-12 ta’ Diċembru 2010.

(12)  ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1.

(13)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

(14)  ĠU L 372, 27.12.2006, p. 19.

(15)  ĠU L 309, 27.11.2001, p. 1.

(16)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.


ANNESS I

KRITERJI GĦALL-KARATTERIZZAZZJONI U L-VALUTAZZJONI TAL-KUMPLESS GĦALL-ĦŻIN POTENZJALI U TAŻ-ŻONA TAL-MADWAR IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 4

Il-karatterizzazzjoni u l-valutazzjoni tal-kumpless tal-ħżin potenzjali u taż-żona tal-madwar imsemmija fl-Artikolu 4(3) għandhom jitwettqu fi tliet partijiet konformement mal-aħjar prattika fil-ħin tal-valutazzjoni u l-kriterji li ġejjin. Jistgħu jkunu permessi derogi minn wieħed jew aktar minn dawn il-kriterji mill-awtorità kompetenti dment li l-operatur juri li l-kapaċità tal-karatterizzazzjoni u l-valutazzjoni li jippermettu d-determinazzjonijiet taħt l-Artikolu 4 ma tiġix affettwata.

Parti 1:   Il-ġbir tad-data

Għandha tiġi akkumulata biżżejjed data biex jinbena mudell tal-art volumetriku u statiku tridimensjonali (3-D) għas-sit tal-ħżin u għall-kumpless tal-ħżin inkluża l-blata tal-wiċċ (caprock) u l-madwar, inklużi l-oqsma konnessi idrawlikament. Din id-data għandha tkopri mill-inqas il-karatteristiċi intrinsiċi tal-kumpless għall-ħżin li ġejjin:

(a)

il-ġeoloġija u l-ġeofiżika;

(b)

l-idroġeoloġija (b’mod partikolari l-eżistenza ta’ ilma ta’ taħt l-art intenzjonat għall-konsum);

(c)

l-inġinerija tal-ġibjuni (inklużi kalkoli volumetriċi tal-volum tal-pori għall-injezzjoni tas-CO2 u l-kapaċità tal-ħżin, finali);

(d)

il-ġeokimika (rati ta’ xoljiment, ir-rati tal-mineralizzazzjoni);

(e)

il-ġeomekkanika (il-permeabbiltà, il-pressjoni tal-qsim);

(f)

is-siżmiċità;

(g)

il-preżenza u kundizzjoni ta’ passaġġi naturali jew magħmula mill-bniedem inklużi bjar u spiri li jistgħu jipprovdu passaġġi għat-tnixxijiet;

Il-karatteristiċi li ġejjin tal-viċinanza komplessiva għandhom jiġu ddokumentati:

(h)

l-oqsma li jiċċirkondaw il-kumpless tal-ħżin li jistgħu jiġu affetwati mill-ħżin tas-CO2 fis-sit tal-ħżin;

(i)

id-distribuzzjoni tal-popolazzjoni fir-reġjun sovrastanti s-sit tal-ħżin;

(j)

il-prossimità għal riżorsi naturali ta’ valur (inklużi b’mod partikolari ż-żoni tan-Natura 2000 taħt id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (1) u d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (2), l-ilma ta’ taħt l-art li jista’ jinxtorob u l-idrokarboni);

(k)

l-attivitajiet madwar il-kumpless għall-ħżin u l-interazzjonijiet possibbli ma’ dawn l-attivitajiet (eż. l-esplorazzjoni, il-produzzjoni u l-ħżin tal-idrokarboni, l-użu ġeotermali ta’ blat li jżomm fih ħafna ilma u l-użu tar-riżervi tal-ilma ta’ taħt l-art);

(l)

il-prossimità għas-sors(i) potenzjali ta’ CO2 (inklużi stimi tal-massa totali potenzjali tas-CO2 ekonomikament disponibbli għall-ħżin) u n-networks adatti tat-trasport.

Parti 2:   Bini tal-mudell tal-art ġeoloġiku statiku tridimensjonali

Permezz tad-data miġbura fil-Parti 1, għandu jinbena mudell tal-art ġeoloġiku statiku tridimensjonali, jew sett ta’ dawn it-tip ta’ mudelli, tal-kumpless tal-ħżin kandidat inkluż il-blat tal-wiċċ (caprock) u ż-żoni u fluwidi konnessi idrawlikament bl-użu ta’ simulaturi kompjuterizzati tal-ġibjuni. Il-mudell(i) tal-art ġeoloġiku(ġeoloġiċi) statiku(statiċi) għandu(għandhom) jikkaratterizza(w) il-kumpless f’termini ta’:

(a)

l-istruttura ġeoloġika tas-sifun fiżiku;

(b)

il-karatteristiċi ġeomekkaniċi, ġeokimiċi u tal-fluss tal-piż sovrastmat tal-ġibjun (il-blata tal-wiċċ, is-siġilli, l-orizzonti porużi u permeabbli) u l-formazzjonijiet tal-madwar;

(c)

il-karatterizzazzjoni tas-sistema tal-ksur u l-preżenza ta’ kwalunkwe passaġġ magħmul mill-bniedem;

(d)

l-estensjoni mill-medda u mill-għoli tal-kumpless tal-ħżin;

(e)

il-volum tal-ispazju tal-pori (inkluża d-distribuzzjoni tal-porożità);

(f)

id-distribuzzjoni bażi tal-fluwidi;

(g)

kwalunkwe karatteristiċi oħra rilevanti.

L-inċertezza assoċjata ma’ kull wieħed mill-parametri użati biex jinbena l-mudell għandha tiġi valutata billi jiġu żviluppati firxa ta’ xenarji għal kull parametru u billi jiġu kkalkulati l-limiti adegwati ta’ fiduċja. Kwalunkwe inċertezza assoċjata mal-mudell innifsu għandha wkoll tiġi valutata.

Parti 3:   Karatterizzazzjoni tal-komportament dinamiku tal-ħżin, karatterizzazzjoni tas-sensittività, l-istima tar-riskju

Il-karatterizzazzjoni u l-istima għandhom ikuni bbażati fuq l-immudellar dinamiku, li jikkonsisti varjetà ta’ simulazzjonijiet tal-mument tal-injezzjoni tas-CO2 fis-sit tal-ħżin bl-użu tal-mudell tal-art ġeoloġiku statiku tridimensjonali fis-simulatur kompjuterizzat tal-kumpless tal-ħżin mibni taħt il-Parti 2.

Parti 3.1: Karatterizzazzjoni tal-komportament dinamiku tal-ħżin

Għandhom jitqiesu mill-anqas il-fatturi li ġejjin:

(a)

ir-rati possibbli ta’ injezzjoni u l-karatteristiċi ta’ nixxigħat tas-CO2;

(b)

l-effikaċja tal-immudellar tal-proċess akkoppjat (eż. l-mod kif effetti uniċi varji fis-simulatur(i) jinteraġixxu);

(c)

il-proċessi reattivi (jiġifieri l-mod kif ir-reazzjonijiet tas-CO2 injettat mal-minerali in situ jirriżultaw fil-mudell);

(d)

is-simulatur tal-ġibjun użat (simulazzjonijiet multipli jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jivvalidaw ċerti sejbiet);

(e)

is-simulazzjonijiet fil-qosor u fit-tul (biex jiġi stabbilit l-eżitu u l-komportament tas-CO2 matul id-deċennji u l-millenja inkluża r-rata ta’ dissoluzzjoni tas-CO2 fl-ilma).

L-immudellar dinamiku għandu jipprovdi tagħrif dwar:

(f)

il-pressjoni u t-temperatura tal-formazzjoni tal-ħżin bħala funzjoni tar-rata ta’ injezzjoni u l-ammont ta’ injezzjoni kumulattiv tul iż-żmien;

(g)

il-wisa’ u l-għoli tas-CO2 vs. iż-żmien;

(h)

in-natura tal-fluss tas-CO2 fil-ġibjun inkluż il-komportament tal-fażi;

(i)

il-mekkaniżmi tal-ġbir u r-rati tas-CO2 (inklużi punti ta’ tnixxija u siġilli laterali u vertikali);

(j)

is-sistemi sekondarji ta’ ġbir fil-kumpless kollu tal-ħżin;

(k)

il-kapaċità tal-ħżin u l-gradjenti tal-pressjoni fis-sit tal-ħżin;

(l)

ir-riskju ta’ qsim tal-formazzjoni(jiet) tal-ħżin u tal-ġebla tal-wiċċ;

(m)

ir-riskju tad-dħul tas-CO2 fil-ġebla tal-wiċċ;

(n)

ir-riskju ta’ tnixxija mis-sit għall-ħżin (eż. minn ġo bjar abbandunati jew mhux issiġillatti b’mod xieraq);

(o)

ir-rata tal-migrazzjoni (f’ġibjuni miftuħa);

(p)

ir-rati tal-issiġillar tal-qsim;

(q)

il-bdil fil-kimika fil-likwidi tal-formazzjoni(ijiet) u r-reazzjonijiet sussegwenti tal-formazzjoni(jiet) (eż. bidla fil-pH, fil-formazzjoni minerali) u inklużjoni ta’ mmudellar reattiv biex jiġu valutati l-effetti;

(r)

l-ispostament tal-likwidi tal-formazzjoni.

(s)

aktar siżmiċità u elevazzjoni fil-livell tal-wiċċ.

Parti 3.2: Il-karatterizzazzjoni tas-sensittività

Is-simulazzjonijiet multipli għandhom isiru biex tiġi identifikata s-sensittività tal-istima għal assunzjonijiet magħmula dwar parametri partikolari. Is-simulazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq parametri li jinbidlu fil-mudell(i) tal-art ġeoloġiku(ġeoloġiċi) statiku(statiċi), u funzjonijiet ta’ rati u ta’ assunzjonijiet li jinbidlu fl-eżerċizzju dinamiku ta’ mmudellar. Kwalunkwe sensittività sinifikanti għandha titqies fl-istima tar-riskju.

Parti 3.3: L-istima tar-riskju

L-istima tar-riskju għandha tinkludi, inter alia, dan li ġej:

3.3 1.   Il-karatterizzazzjoni tal-periklu

Il-karatterizzazzjoni tal-periklu għandha ssir billi jiġi kkaratterizzat il-potenzjal tat-tnixxija mill-kumpless tal-ħżin, kif stabbilit permezz tal-immudellar dinamiku u l-karatterizzazzjoni tas-sikurezza deskritti aktar ‘il fuq. Dan għandu jinkludi l-konsiderazzjoni ta’ inter alia:

(a)

il-passaġġi ta’ tnixxija potenzjali;

(b)

il-kobor potenzjali ta’ avvenimenti ta’ tnixxija għal passaġġi ta’ tnixxija identifikati (ir-rati tal-fluss);

(c)

il-parametri kritiċi li jaffetwaw it-tnixxija potenzjali (eż. l-pressjoni massima tal-ġibjun, ir-rata massima ta’ injezzjoni, it-temperatura, is-sensittività għal assunzjonijiet varji fil- mudell(i) tal-Art ġeoloġiku (ġeoloġiċi) statiku(statiċi) eċċ.);

(d)

l-effetti sekondarji tal-ħżin tas-CO2 inklużi likwidi tal-formazzjoni spostati u sustanzi ġodda maħluqa mill-ħżin tas-CO2;

(e)

kwalunkwe fattur ieħor li jista’ jkun ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent (per eżempju strutturi fiżiċi assoċjati mal-proġett).

Il-karatterizzazzjoni tal-periklu għandha tkopri l-firxa sħiħa ta’ kondizzjonijiet potenzjali tal-operat biex tiġi ttestjata s-sigurtà tal-kumpless tal-ħżin.

3.3.2.   L-istima tal-esponiment — ibbażata fuq il-karatteristiċi tal-ambjent u d-distribuzzjoni u l-attivitajiet tal-popolazzjoni tal-bniedem fuq il-kumpless tal-ħżin, u l-komportament u l-eżitu potenzjali tas-CO2 li jnixxi minn passaġġi potenzjali identifikati taħt Parti 3.3.1;

3.3.3.   L-istima tal-effetti — ibbażata fuq is-sensittività ta’ speċji, komunitajiet jew ambjenti naturali partikolari konnessa ma’ avvenimenti ta’ tnixxija potenzjali identifikati taħt Parti 3.3.1. Fejn ikun rilevanti għandha tinkludi l-effetti tal-esponiment għal konċentrazzjonijiet għolja ta’ CO2 fil-biosfera (fgar; hypercapnia) u pH imnaqqas f’dawk l-ambjenti minħabba tnixxija ta’ CO2). Għandha tinkludi wkoll stima tal-effetti ta’ sustanzi oħra li jistgħu jkunu preżenti fi tnixxijiet minn nixxiegħat ta’ CO2 (jew impurezzi preżenti fin-nixxiegħa tal-injezzjoni jew sustanzi ġodda ffurmati permezz tal-ħżin tas-CO2). Dawn l-effetti għandhom jitqiesu fuq firxa ta’ skali abbażi taż-żmien u l-post, u konnessi ma’ firxa ta’ kobor differenti ta’ avvenimenti ta’ tnixxija.

3.3.4.   Il-karatterizzazzjoni tar-riskju — din għandha tikkonsisti minn valutazzjoni tas-sikurezza u tal-integrità tas-sit fiż-żmien qasir jew fit-tul, inkluża stima tar-riskju ta’ tnixxija taħt il-kundizzjonijiet proposti ta’ użu, u tal-agħar impatti ambjentali u għas-saħħa. Il-karatterizzazzjoni tar-riskju għandha titwettaq fuq bażi tal-istima tal-periklu, tal-esponiment u tal-effetti. Għandha tinkludi stima tas-sorsi ta’ inċertezza identifikati matul il-passi ta’ karatterizzazzjoni u valutazzjoni tas-sit tal-ħżin u fejn ikun vijabbli, deskrizzjoni tal-possibbiltajiet biex titnaqqas l-inċertezza.


(1)  ĠU L 103, 25.4.1979, p. 1.

(2)  ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.


ANNESS II

KRITERJI GĦALL-ISTABBILIMENT U L-AĠĠORNAMENTTAL-PJAN TA’ MONITORAĠĠ IMSEMMI FL-ARTIKOLU 13(2) U GĦALL-MONITORAĠĠ TA’ WARA L-GĦELUQ

1.   L-istabbiliment u l-aġġornament tal-pjan ta’ monitoraġġ

Il-pjan ta’ monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 13(2) għandu jiġi stabbilit abbażi tal-analiżi tal-istima tar-riskju mwettqa fil-Parti 3 tal-Anness I, u aġġornat bl-iskop li jintlaħqu r-rekwiżiti ta’ monitoraġġ stabbiliti fl-Artikolu 13(1) konformement mal-kriterji li ġejjin:

1.1.   L-istabbiliment tal-pjan

Il-pjan ta’ monitoraġġ għandu jipprovdi d-dettalji tal-monitoraġġ li għandu jsir fl-istadji prinċipali tal-proġett, inklużi l-monitoraġġ tal-linja bażi, il-monitoraġġ operattiv, u l-monitoraġġ ta’ wara l-għeluq. Dawn li ġejjin għandhom jiġu speċifikati għal kull fażi:

(a)

il-parametri mmonitorjati;

(b)

it-teknoloġija ta’ monitoraġġ użata u l-ġustifikazzjoni għall-għażla tat-teknoloġija;

(c)

il-lokazzjonijiet tal-monitoraġġ u l-motivazzjoni wara t-teħid ta’ kampjuni minn postijiet differenti;

(d)

il-frekwenza tal-applikazzjoni u l-motivazzjoni wara t-teħid ta’ kampjuni fi żminijiet differenti.

Il-parametri li għandhom jiġu mmonitorjati huma identifikati sabiex jitwettqu l-għanijiet tal-monitoraġġ. Madankollu, il-pjan għandu f’kull każ jinkludi monitoraġġ kontinwu jew intermittenti tal-oġġetti li ġejjin:

(e)

l-emissjonijiet tas-CO2 li jaħarbu mil-faċilità tal-injezzjoni;

(f)

il-fluss volumetriku tas-CO2 fil-bokki tal-injezzjoni (injection wellheads);

(g)

il-pressjoni u t-temperatura tas-CO2 fil-bokki tal-injezzjoni (injection wellheads) (biex jiġi ddeterminat il-fluss tal-massa);

(h)

l-analiżi kimika tal-materjali injettat;

(i)

it-temperatura u l-pressjoni tal-ġibjun (biex jiġu ddeterminati l-komportament u l-istat tas-CO2 waqt il-fażi).

L-għażla tat-teknoloġija tal-monitoraġġ għandha tkun ibbażata fuq l-aħjar prattika disponibbli fiż-żmien tad-disinn. L-alternattivi li ġejjin għandhom jitqiesu u jiġu użati kif xieraq:

(j)

it-teknoloġiji li jistgħu jindividwaw il-preżenza, il-lok u l-passaġġi ta’ migrazzjoni tas-CO2 taħt il-wiċċ u fil-wiċċ;

(k)

it-teknoloġiji li jipprovdu tagħrif dwar il-komportament tal-volum-pressjoni u d-distribuzzjoni tas-saturazzjoni fil-wisa’ u fl-għoli tal-formazzjoni tas-CO2 biex tkun irfinuta s-simulazzjoni numerika 3-D għall-mudelli ġeoloġiċi 3-D tal-formazzjoni tal-ħżin stabbiliti taħt l-Artikolu 4 u l-Anness I;

(l)

it-teknoloġiji li jistgħu jipprovdu firxa wiesgħa fil-wisa’ sabiex jinġabar it-tagħrif dwar kwalunkwe passaġġi ta’ tnixxija li ma jkunux ġew individwati qabel matul id-dimensjonijiet fil-wisa’ tal-kumpless tal-ħżin komplut u lil hinn, f’każ ta’ irregolaritajiet sinifikanti jew migrazzjoni tas-CO2 barra mill-kumpless tal-ħżin.

1.2.   L-aġġornament tal-pjan

Id-data miġbura mill-monitoraġġ għandha tiġi mqabbla u tiġi interpretata. Ir-riżultati osservati għandhom jiġu mqabbla mal-komportament mbassar fis-simulazzjoni dinamika tal-komportament pressjoni/volum u saturazzjoni 3-D magħmula fil-kuntest tal-karatterizzazzjoni tas-sikurezza taħt l-Artikolu 4 u l-Anness I Parti 3.

Fejn ikun hemm devjazzjoni sinifikanti bejn il-komportament osservat u dak imbassar, il-mudell 3-D għandu jiġi kalibrat mill-ġdid biex jirrifletti l-komportament osservat. Il-kalibrazzjoni mill-ġdid għandha tkun ibbażata fuq l-osservazzjonijiet tad-data mill-pjan ta’ monitoraġġ, u fejn ikun meħtieġ biex tippermetti fiduċja fl-assunzjonijiet tal-kalibrazzjoni mill-ġdid, għandha tinkiseb data addizzjonali.

Parti 2 u 3 tal-Anness I għandhom jiġu ripetuti bl-użu tal-mudell(i) 3-D ikkalibrat(i) mill-ġdid sabiex jiġu ġġenerati xenarji tal-periklu u ta’ rati tal-fluss ġodda u biex tiġi riveduta u aġġornata l-istima tar-riskju.

Fejn jiġu identifikati sorsi tas-CO2, passaġġi u rati tal-fluss ġodda jew jiġu identifikati devjazzjonijiet sinifikanti osservati minn stimi preċedenti bħala riżultat tat-tqabbil tal-istorja u l-kalibrazzjoni mill-ġdid tal-mudell, il-pjan ta’ monitoraġġ għandu jiġi aġġornat kif meħtieġ.

2.   Il-monitoraġġ ta’ wara l-għeluq

Il-monitoraġġ ta’ wara l-għeluq għandu jkun ibbażat fuq it- tagħrif miġbur u mmudellat matul l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 13(2) u aktar ‘il fuq fil-punt 1.2 ta’ dan l-Anness. Għandu jservi b’mod partikolari biex jiġi pprovdut tagħrif meħtieġ għad-determinazzjoni tal-Artikolu 18(1).


Top